Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2018 dwar diġitalizzazzjoni għall-iżvilupp: tnaqqis tal-faqar permezz tat-teknoloġija (2018/2083(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 208, 209, 210, 211 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta' eżitu adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għal Żvilupp Sostenibbli"), u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp - "Our world, our dignity, our future" "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna"(1), adottat f'Mejju 2017,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2017 bit-titolu "Digital4Development: mainstreaming digital technologies and services into EU Development Policy" ("Digital4Development: l-integrazzjoni tat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali fil-Politika tal-UE għall-Iżvilupp") (SWD(2017)0157),
– wara li kkunsidra l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (DSM) adottata f'Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali għal Kulħadd – It-Twettiq ta' Politika Kummerċjali Progressiva li Tisfrutta b'Mod Għaqli l-Globalizzazzjoni" (COM(2017)0491),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014 bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Digital for Development" ("Diġitali għall-Iżvilupp") ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO, li saret fi Buenos Aires (l-Arġentina) bejn l-10 u t-13 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni tan-NU b'appoġġ għall-Pajjiżi fil-Fażi tal-Iżvilupp (ITU-D),
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ministerjali li saret f'Cancún fl-2016 mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-ekonomija diġitali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li saret mill-ministri tal-ICT tal-G7 fil-laqgħa tagħhom li saret f'Takamatsu (il-Ġappun) fid-29 u t-30 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva "eTrade for All" ("Kummerċ Elettroniku għal Kulħadd") tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u l-Protokoll Mhux Obbligatorju tagħha (A/RES/61/106),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0338/2018),
A. billi l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 2017 jenfasizza l-importanza tas-servizzi u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħala xprunatur ta' tkabbir inklużiv u ta' żvilupp sostenibbli;
B. billi l-istrateġija tal-Kummissjoni "Digitalisation for Development" ("Diġitalizzazzjoni għall-Iżvilupp") (D4D) tkopri t-tkabbir ekonomiku u d-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-agrikoltura u s-sigurtà alimentari, l-infrastruttura bażika, l-ilma u s-sanitazzjoni, il-governanza u l-protezzjoni soċjali kif ukoll l-għanijiet trażversali f'termini ta' ġeneru u ambjent;
C. billi t-teknoloġiji diġitali joffru potenzjal li jiżgura s-sostenibbiltà u l-protezzjoni ambjentali; billi, madankollu, il-produzzjoni ta' tagħmir diġitali tuża ċerti metalli rari b'riċiklabbiltà baxxa u riżervi aċċessibbli limitati, u billi l-iskart elettroniku u elettriku jirrappreżenta sfida ambjentali u tas-saħħa; billi, skont studju konġunt mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Interpol(4), l-Iskart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE) huwa qasam ta' prijorità tal-kriminalità ambjentali;
D. billi skont l-aġġornament tal-2017 tad-database tal-Bank Dinji għall-Izvilupp ta' Dataset Globali (ID4D), huwa stmat li 1,1 biljun persuna madwar id-dinja ma jistgħux jagħtu prova uffiċjali tal-identità tagħhom, inkluża r-reġistrazzjoni tagħhom tat-twelid, u 78 % minnhom jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Asja; billi dan huwa ostaklu kbir biex tintlaħaq il-mira 16.9 tal-SDGs, iżda wkoll biex wieħed jipparteċipa fl-ambjent diġitali u jibbenefika minnu;
E. billi l-SDGs isemmu b'mod espliċitu t-teknoloġiji diġitali f'ħamsa mill-għanijiet (SDG 4 dwar l-edukazzjoni; SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; SDG 8 dwar xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku; SDG 9 dwar l-infrastruttura, l-industrijalizzazzjoni u l-innovazzjoni; u SDG 17 dwar is-sħubijiet);
F. billi l-SDGs jenfasizzaw li l-għoti ta' aċċess universali u affordabbli għall-internet lill-persuni li jgħixu fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) sal-2020 se jkun kruċjali biex jitħeġġeġ l-iżvilupp, peress li l-iżvilupp ta' ekonomija diġitali jista' jkun xprunatur tal-impjiegi deċenti u ta' tkabbir inklużiv, tal-volumi tal-esportazzjoni u tad-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni;
G. billi skont l-UNCTAD, id-diġitizzazzjoni qed tagħti lok dejjem aktar għall-monopolji u tippreżenta sfidi ġodda għall-politiki tal-antitrust u tal-kompetizzjoni kemm tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll dawk żviluppati(5);
H. billi fir-rieżami ġenerali tagħha tal-implimentazzjoni tal-eżiti tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni(6), l-Assemblea Ġenerali tan-NU impenjat ruħha li tisfrutta l-potenzjal tal-ICTs sabiex tilħaq l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għanijiet ta' żvilupp oħra miftiehma internazzjonalment, filwaqt li tinnota li l-ICTs jistgħu jaċċelleraw il-progress fis-17-il SDG kollha;
I. billi l-konnettività tibqa' sfida u tħassib responsabbli għad-diversi distakki diġitali kemm fl-aċċess għall-ICTs kif ukoll fl-użu tagħhom;
J. billi l-veloċità li biha qed tiżvolġi l-ekonomija diġitali, u l-lakuni sinifikanti li jeżistu f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fir-rigward tal-ekonomija diġitali f'termini ta' żvilupp ta' politika nazzjonali sigura, ta' regolamenti u ta' ħarsien tal-konsumatur, jindikaw il-ħtieġa urġenti ta' żieda fil-bini tal-kapaċità u fl-assistenza teknika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u speċjalment l-LDCs;
K. billi l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali huma faċilitaturi ewlenin għal titjib u progress soċjali u personali, kif ukoll għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-bini ta' ekonomiji diġitali b'saħħithom;
L. billi d-diġitalizzazzjoni għandha tgħin ukoll biex ittejjeb il-provvista u r-reżiljenza ta' għajnuna umanitarja, il-prevenzjoni tar-riskju tad-diżastri u l-appoġġ tranżizzjonali, filwaqt li tgħaqqad l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp f'kuntesti fraġli u affettwati mill-kunflitti;
M. billi aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja għad ma għandhiex aċċess għall-internet, u ftit li xejn sar progress biex tintlaħaq il-mira tal-SDG 9 li l-aċċess għall-ICTs jiżdied b'mod sinifikanti u li jsir kull sforz biex jingħata aċċess universali u affordabbli għall-internet fl-LDCs sal-2020;
N. billi s-servizzi tal-mowbajl qed jiżdiedu b'mod sinfikanti madwar il-pjaneta u l-għadd ta' utenti tal-mowbajl issa qed jaqbeż l-għadd ta' nies li għandhom aċċess għall-elettriku, għas-sanitazzjoni jew għall-ilma nadif;
O. billi l-innovazzjoni umanitarja trid tkun konsistenti mal-prinċipji umanitarji (l-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza) u mal-prinċipju tad-dinjità;
P. billi l-innovazzjoni umanitarja trid titwettaq bl-għan li tippromwovi d-drittijiet, id-dinjità u l-kapaċitajiet tal-popolazzjoni benefiċjarja, u għandu jkun possibbli għall-membri kollha ta' komunità milquta minn kriżi li jibbenefikaw minn innovazzjoni mingħajr ostakli diskriminatorji għall-użu;
Q. billi l-analiżi u l-mitigazzjoni tar-riskju jridu jintużaw biex tiġi evitata ħsara mhux intenzjonata, inkluża ħsara li taffettwa l-privatezza u s-sigurtà tad-data u l-impatt li jitħalla fuq l-ekonomiji lokali;
R. billi l-esperimenti, il-pilotaġġ u l-provi jridu jsiru f'konformità ma' standards etiċi rikonoxxuti internazzjonalment;
Il-ħtieġa li tiġi appoġġata d-diġitalizzazzjoni tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp
1. Jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-D4D, minħabba li din tintegra t-teknoloġiji diġitali fil-politika tal-UE għall-iżvilupp li għandu jkollha l-għan li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-SDGs; jinsisti fuq l-importanza li tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni li tiffoka fuq l-SDGs; ifakkar li r-rivoluzzjoni diġitali tippreżenta soċjetajiet b'sensiela sħiħa ta' sfidi ġodda, u b'hekk iġġib kemm riskji kif ukoll opportunitajiet;
2. Itenni l-potenzjal enormi tat-teknoloġija u tas-servizzi diġitali fl-ilħuq tal-SDGs, dment li tittieħed azzjoni sabiex jiġu indirizzati l-effetti ta' tfixkil tat-teknoloġiji, bħall-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi li għandha impatt fuq l-impjegabbiltà, l-esklużjoni diġitali u l-inugwaljanza, iċ-ċibersigurtà, il-privatezza tad-data u kwistjonijiet regolatorji; ifakkar li kwalunkwe strateġija diġitali trid tkun kompletament konformi mat-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tikkontribwixxi għat-twettiq tagħha, l-aktar b'referenza għall-SDG 4 dwar edukazzjoni ta' kwalità, l-SDG 5 dwar il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet kollha, l-SDG 8 dwar xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku, u l-SDG 9 dwar l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura; ifakkar li biex l-SDGs jintlaħqu sal-2030, hija meħtieġa sħubija globali, nazzjonali, reġjonali u lokali msaħħa bejn l-atturi governattivi, xjentifiċi, ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili;
3. Jirrimarka li, minkejja ż-żieda fil-penetrazzjoni tal-internet, ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u ekonomiji emerġenti għadhom lura milli jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni, ħafna nies għad m'għandhomx aċċess għall-ICTs, u jeżistu differenzi kbar kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll bejn iż-żoni urbani u rurali; ifakkar li t-teknoloġija diġitali tibqa' għodda u mhijiex għan fiha nnifsha, u jikkunsidra li minħabba r-restrizzjonijiet finanzjarji l-prijorità għandha tiġi assenjata għall-aktar mezzi effettivi biex jintlaħqu l-SDGs, u li f'xi pajjiżi, anki jekk id-diġitalizzazzjoni tista' tkun utli, għadu meħtieġ li jiġi żgurat it-twettiq tal-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, b'mod partikolari f'termini ta' aċċess għall-ikel, l-enerġija, l-ilma u s-sanitazzjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa, kif enfasizzat mir-rapport tan-NU tal-2017 dwar l-SDGs; iqis, madankollu, li l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp diġitali jridu jiġu pprovduti fl-istadju tat-tfassil tal-infrastruttura, anki jekk l-implimentazzjoni ssir fi stadju aktar tard;
4. Jenfasizza l-imperattiv li kwalunkwe strateġija kummerċjali diġitali trid tkun kompletament konformi mal-prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), u dan hu essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs; jissottolinja li l-aċċess għall-konnettività tal-internet u l-metodi ta' pagament diġitali li huma affidabbli u konformi mal-istandards internazzjonali, bil-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-konsumaturi tal-oġġetti u tas-servizzi online, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-regoli li jipproteġu d-data personali u l-leġiżlazzjoni tat-taxxa u doganali xierqa għall-kummerċ elettroniku huma kruċjali biex ikun possibbli l-kummerċ diġitali, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv; jinnota, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ biex jiġu appoġġati l-inizjattivi diġitali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntier;
5. Jitlob li jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni għall-innovazzjoni teknika għall-assistenza umanitarja, biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji legali u etiċi stabbiliti f'dokumenti bħall-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp – "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-ġejjieni tagħna" u "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli",
6. Jissottolinja l-fatt li l-aspetti kollha tal-innovazzjoni umanitarja għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni u monitoraġġ, inkluża valutazzjoni tal-impatti primarji u sekondarji tal-proċess ta' innovazzjoni; jenfasizza li għandha ssir analiżi etika u analiżi tar-riskju qabel il-varar ta' proġetti ta' innovazzjoni u ta' diġitalizzazzjoni umanitarja, u, fejn xieraq, għandhom jiġu inkorporati esperti esterni jew ta' partijiet terzi;
8. Jitlob finanzjament suffiċjenti taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027 li jippermetti l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fl-aspetti kollha tal-politika għall-iżvilupp;
9. Jinnota li l-introduzzjoni tat-teknoloġija diġitali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ta' spiss issuperat l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet statali, ta' regolamenti legali u ta' mekkaniżmi oħra li jistgħu jgħinu fil-ġestjoni ta' sfidi ġodda li jinqalgħu, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċibersigurtà; jenfasizza l-importanza ta' approfondiment tal-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi u l-innovaturi fil-livell interreġjonali, filwaqt li jinkoraġġixxi attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li jippromwovu l-progress xjentifiku u t-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien; jitlob li d-diġitalizzazzjoni jkollha post prominenti fil-futur tal-ftehim ta' wara Cotonou bħala xprunatur ta' żvilupp inklużiv u sostenibbli, f'konformità mal-linji gwida ta' negozjati;
10. Jitlob aktar azzjonijiet konġunti fil-kooperazzjoni tal-infrastruttura diġitali, peress li din għandha ssir waħda mill-attivitajiet ewlenin fis-sħubijiet tal-UE ma' organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari mal-Unjoni Afrikana; jindika l-importanza ta' assistenza teknika u ta' trasferiment ta' għarfien espert lil istituzzjonijiet li qed jiżviluppaw politiki diġitali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u kontinentali;
11. Jitlob li d-diġitalizzazzjoni tiġi inkorporata fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp tal-Istati Membri;
12. Jitlob sforz transettorjali aktar miftiehem u olistiku mill-komunità internazzjonali, inklużi atturi mhux statali bħal rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, it-tielet settur, kumpaniji privati u l-akkademja, biex jiġi żgurat li l-bidla lejn ekonomija aktar diġitali ma tħalli lil ħadd jaqa' lura u tikkontribwixxi għall-kisba tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, tiggarantixxi aċċess għal teknoloġiji u servizzi diġitali lill-atturi ekonomiċi u liċ-ċittadini kollha u tevita approċċi differenti li joħolqu inkompatibilitajiet, duplikazzjonijiet jew lakuni fil-leġiżlazzjoni; jitlob titjib fl-artikulazzjoni politika bejn l-UE, l-Istati Membri u atturi rilevanti oħra, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-ħolqien ta' sinerġiji;
13. Jindika li t-teknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali u l-awtomatizzazzjoni diġà qed jissostitwixxu xi impjiegi b'ħiliet baxxi u medji; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi diġitalizzazzjoni ċċentrata fuq l-SDGs u jenfasizza li protezzjoni soċjali bażika ffinanzjata mill-istat, huma essenzjali biex jiġu indirizzati xi impatti li jfixklu ta' teknoloġiji l-ġodda, bil-ħsieb li jingħelbu l-bidliet fis-swieq tax-xogħol globali u d-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol, li jaffettwaw speċjalment ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;
14. Jistieden lis-settur privat jikkontribwixxi b'mod responsabbli għad-D4D permezz tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-għarfien espert, l-investiment, il-ġestjoni tar-riskju, il-mudelli ta' negozju sostenibbli u t-tkabbir, li għandhom jinkludu l-prevenzjoni, it-tnaqqis, it-tiswija, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta' materja prima;
15. Jiddispjaċih li inqas minn nofs il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp għandhom leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, u jħeġġeġ lill-UE tipprovdi assistenza teknika lill-awtoritajiet rilevanti fl-abbozzar ta' leġiżlazzjoni bħal din, b'mod partikolari abbażi tal-esperjenza tagħha u tal-leġiżlazzjoni tagħha stess, li hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala mudell tat-tip tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l-ispiża li tista' tkun involuta fl-istandardizzazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, b'mod partikolari għall-SMEs; josserva li minħabba n-natura transfruntiera tat-teknoloġija diġitali l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data m'għandhiex tvarja wisq, peress li dan iwassal għal inkompatibilitajiet;
16. Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jiġbru, jipproċessaw, janalizzaw u jxerrdu d-data u l-istatistika fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u globali sabiex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-data, skont l-istandards u l-istrumenti internazzjonali rilevanti u sabiex isegwu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jinnota li l-ġbir tad-data preċiż u f'waqtu jiżgura l-monitoraġġ adegwat tal-implimentazzjoni, l-aġġustament tal-politiki u l-intervent fejn meħtieġ, kif ukoll l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba u l-impatt tagħhom; ifakkar, madankollu, li filwaqt li r-"rivoluzzjoni tad-data" tagħmilha eħfef, aktar rapida u irħas biex tipproduċi u tanalizza d-data minn firxa wiesgħa ta' sorsi, din tqajjem ukoll sfidi kbar ta' sigurtà u ta' privatezza; jenfasizza, għalhekk, li l-innovazzjonijiet fil-ġbir ta' data f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp m'għandhomx jieħdu post l-istatistiki uffiċjali iżda għandhom jikkomplementawhom;
17. Jiddeplora d-distakki diġitali persistenti li jeżistu f'kull pajjiż relatati mal-ġeneru, mal-ġeografija, mal-età, mal-etniċità, u mal-kundizzjoni tas-saħħa jew mad-diżabilità, fost fatturi oħra ta' diskriminazzjoni; jinsisti, għalhekk, li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali għandha taħdem lejn avvanz u inklużjoni akbar ta' persuni żvantaġġati jew f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, filwaqt li tippromwovi l-użu responsabbli ta' għodod diġitali u għarfien adegwat tar-riskji possibbli; jitlob appoġġ għall-innovazzjoni li tkun adattata għall-ħtiġijiet lokali u t-tranżizzjoni għal ekonomiji bbażati fuq l-għarfien;
18. Jitlob, għalhekk, aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-esklużjoni diġitali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħiliet diġitali essenzjali, kif ukoll inizjattivi biex jiffaċilitaw l-użu xieraq tal-ICTs u l-użu ta' għodod diġitali fl-implimentazzjoni ta' metodoloġiji parteċipattivi, skont l-età, is-sitwazzjoni personali u l-kuntest, bl-inklużjoni tal-anzjani u l-persuni b'diżabilità; jinnota li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali tista' tibni fuq it-teknoloġiji diġitali mmirati lejn l-integrazzjoni aħjar tal-gruppi żvantaġġati bil-kundizzjoni li jkollhom aċċess għat-teknoloġiji diġitali; jilqa' l-inizjattivi bħall-"Africa Code Week", li jikkontribwixxu għall-emanċipazzjoni tal-ġenerazzjoni Afrikana żagħżugħa billi jrawmu l-litteriżmu diġitali; jenfasizza l-importanza tat-tagħlim elettroniku u tat-tagħlim mill-bogħod biex jintlaħqu żoni remoti u persuni ta' kull età;
19. Jitlob li l-litteriżmu diġitali jiġi introdott fil-kurrikuli tal-iskejjel fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, mill-primarja sal-università, fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bil-għan li jinkisbu l-ħiliet meħtieġa sabiex jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni; jemmen, madankollu, li l-għodod tal-ICT u t-teknoloġiji l-ġodda ma għandhomx jissostitwixxu l-għalliema u l-iskejjel veri, iżda għandhom jintużaw bħala mezz biex itejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u jtejbu l-kwalità tagħha; jenfasizza li teknoloġiji ġodda huma għodda ewlenija għat-tixrid tal-għarfien, it-taħriġ tal-għalliema u l-ġestjoni tal-istabbilimenti; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jissaħħu ċ-ċentri lokali ta' taħriġ (inklużi l-iskejjel tal-ipprogrammar), biex jitħarrġu l-iżviluppaturi u li jiġi inkoraġġit il-ħolqien ta' soluzzjonijiet u ta' applikazzjonijiet diġitali li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet u għar-realtajiet lokali;
20. Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis tad-distakk diġitali jimplika l-varar ta' infrastruttura u l-aċċess għaliha, speċjalment fiż-żoni rurali u remoti, li tkun adegwata f'termini ta' kopertura ta' kwalità għolja, tkun affordabbli, affidabbli u sigura; jinnota li l-kawżi prinċipali li qed ixekklu l-konnettività jinkludu l-faqar u n-nuqqas ta' servizzi essenzjali, flimkien ma' netwerks terrestri sottożviluppati, nuqqas ta' politiki pubbliċi u oqfsa regolatorji ta' abilitazzjoni, tassazzjoni għolja fuq prodotti u servizzi diġitali, kompetizzjoni baxxa tas-suq u nuqqas ta' netwerk enerġetiku;
21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dipendenza teknoloġika fuq għadd żgħir ta' operaturi, u speċjalment fuq il-GAFA (Google, Apple, Facebook u Amazon), u jappella biex jiġu żviluppati alternattivi ħalli tkun promossa l-kompetizzjoni; jinnota li dan l-għan jista' jiġi segwit bi sħubija bejn l-UE u l-Afrika;
22. Ifakkar li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma 'l bogħod milli jkunu immuni għal attakki ċibernetiċi u jenfasizza r-riskji ta' tfixkil tal-istabbiltà ekonomika, politika u demokratika jekk is-sigurtà diġitali ma tkunx garantita; jitlob lill-partijiet ikkonċernati kollha fid-dinja konnessa b'mod diġitali sabiex jerfgħu r-responsabbiltà b'mod attiv billi jadottaw miżuri prattiċi bil-ħsieb li jippromwovu għarfien akbar dwar iċ-ċibersigurtà; jirrimarka, għal dan il-għan, l-importanza li jiġi żviluppat il-kapital uman fil-livelli kollha sabiex jitnaqqas it-theddid għaċ-ċibersigurtà permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u ż-żieda fl-għarfien, u biex jiġu stabbiliti liġijiet kriminali u oqfsa transnazzjonali xierqa għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva f'fora internazzjonali bħall-Forum Globali tal-OECD dwar is-Sigurtà Diġitali;
23. Ifakkar il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni għat-tnaqqis tad-differenzi fl-inklużjoni soċjali, għall-aċċess għall-informazzjoni u għat-tnaqqis tal-marġinalizzazzjoni ekonomika fiż-żoni periferiċi;
24. Jilqa' l-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE li jippromwovi l-investiment f'soluzzjonijiet diġitali innovattivi għall-ħtiġijiet lokali, l-inklużjoni finanzjarja u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti; jinnota li d-diġitalizzazzjoni hija opportunità ta' investiment importanti u li, fuq il-bażi ta' ħidma konġunta mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali u s-settur privat, il-finanzjament imħallat jirrappreżenta strument importanti biex jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi inizjattivi ġodda b'attenzjoni speċjali fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali, il-promozzjoni ta' governanza elettronika u l-ħiliet diġitali, it-tisħiħ tal-ekonomija diġitali u t-trawwim tal-ekosistemi ta' negozji ġodda ċċentrati fuq l-SDGs, inklużi l-opportunitajiet ta' finanzjament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) sabiex ikunu jistgħu jinteraġixxu b'mod diġitali mal-intrapriżi multinazzjonali u jaċċessaw il-katini ta' valur globali;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra t-teknoloġiji u s-servizzi diġitali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, kif deskritt inter alia fl-aġenda D4D; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu tat-teknoloġiji diġitali f'oqsma ta' politika speċifiċi, inklużi l-governanza elettronika, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-ilma, is-saħħa u l-enerġija;
27. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-investiment fl-infrastruttura diġitali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex jonqos id-distakk diġitali sinifikanti b'mod effettiv għall-fini tal-iżvilupp u bbażat fuq il-prinċipji;
28. Ifakkar li l-SMEs fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jikkostitwixxu l-maġġoranza tan-negozji u jħaddmu l-maġġoranza tal-ħaddiema fis-setturi tal-manifattura u tas-servizzi; itenni li l-iffaċilitar tal-kummerċ elettroniku transfruntier regolat sew se jkollu impatt dirett fuq it-titjib tal-għajxien, irawwem standards ta' għajxien ogħla u jagħti spinta lill-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku; jafferma mill-ġdid il-kontribut li tali sforzi jistgħu jagħtu lill-ugwaljanza bejn is-sessi, minħabba li għadd kbir ta' dawn il-kumpaniji huma mmexxija u mħaddma min-nisa; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakli legali, amministrattivi u soċjali għall-intraprenditorija, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa; jitlob li tintuża d-diġitalizzazzjoni biex jiġu promossi wkoll l-edukazzjoni u l-bini tal-kapaċità favur l-intraprenditorija fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp filwaqt li jinħoloq ambjent favorevoli għan-negozji l-ġodda u għall-kumpaniji innovattivi;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf il-kummerċ fil-minerali li l-isfruttament tiegħu jiffinanzja l-kunflitti armati jew jinvolvi xogħol furzat; ifakkar li l-koltan huwa l-materja prima bażika għal ħafna apparat elettroniku (eż. smartphones) u li l-gwerra ċivili li ħakmet ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika, b'mod partikolari fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, minħabba l-isfruttament u l-estrazzjoni u l-kummerċ illegali fih, irriżultat f'aktar minn tmien miljun mewt; jitlob li jintemm l-isfruttament tat-tfal fil-minjieri tal-koltan, kif ukoll li jintemm il-kummerċ illegali fil-koltan, sabiex tinħoloq sitwazzjoni li fiha l-koltan jiġi estratt u kkummerċjalizzat b'mod aċċettabbli u li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali;
30. Jinnota li bħala l-akbar settur tal-ekonomija Afrikana, l-agrikoltura tista' potenzjalment tibbenefika ħafna mit-teknoloġiji diġitali; jenfasizza li l-pjattaformi diġitali jistgħu jintużaw fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jinformaw lill-bdiewa dwar il-prezzijiet tas-suq u jgħaqqduhom max-xerrejja potenzjali, kif ukoll biex jipprovdu informazzjoni prattika dwar il-metodi ta' tkabbir u x-xejriet tas-suq, informazzjoni dwar it-temp, u twissijiet u pariri dwar il-mard tal-pjanti u tal-annimali; jissottolinja l-fatt, madankollu, f'kuntest fejn l-agrikoltura qed issir dejjem aktar intensiva fl-għarfien u fit-teknoloġija għolja, li l-agrikoltura diġitali jista' jkollha wkoll effett soċjali enormi u li jfixkel l-ambjent fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, peress li l-aċċess għall-aħħar teknoloġija jista' jibqa' limitat għal farms kbar u industrijalizzati attivi fis-suq tal-esportazzjoni u fl-uċuħ tar-raba' għall-bejgħ, filwaqt li l-għarfien u l-ħiliet limitati jistgħu jimmarġinalizzaw aktar il-biedja fuq skala żgħira f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;
31. Jinsisti li l-fondi tal-UE għall-agrikoltura fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp iridu jkunu konformi man-natura trasformattiva tal-Aġenda 2030 u tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, u konsegwentement mal-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD) u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel; jenfasizza li dan jimplika r-rikonoxximent tal-multifunzjonalità tal-agrikoltura u ċaqliq rapidu mill-koltivazzjoni ta' monokultura abbażi tal-użu intensiv ta' inputs kimiċi lejn agrikoltura diversifikata u sostenibbli, ibbażata fuq biedja bi prattiki agroekoloġiċi u t-tisħiħ tas-sistemi lokali tal-ikel u tal-biedja fuq skala żgħira;
32. Jindika li l-għodod tal-ICT jistgħu jintużaw għat-tixrid tal-informazzjoni li tista' tkun kruċjali kemm għal diżastri u emerġenzi naturali u teknoloġiċi, kif ukoll f'żoni fraġli u milquta minn kunflitti; jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali jistgħu jippermettu lill-komunitajiet b'introjtu baxx u lil komunitajiet vulnerabbli oħra jkollhom aċċess għal servizzi bażiċi ta' kwalità (pereżempju s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma, is-sanitazzjoni u l-elettriku), kif ukoll għal għajnuna umanitarja u servizzi pubbliċi u privati oħra; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online (l-aħbarijiet foloz), u jenfasizza l-ħtieġa għal programmi speċifiċi li jiffukaw fuq il-litteriżmu medjatiku bħala għodda biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi;
33. Jissottolinja l-fatt li l-innovazzjoni teknoloġika fl-assistenza umanitarja hija prijorità, b'mod speċjali fil-kuntest ta' spustamenti furzati, billi tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet sostenibbli li jġibu stabbiltà u dinjità fil-ħajja tan-nies u tista' tiffaċilita r-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp; jilqa' l-inizjattivi globali biex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni umanitarja, bħall-Alleanza Globali għall-Innovazzjoni Umanitarja (GAHI), il-Fond għall-Innovazzjoni Umanitarja (HIF) u l-Global Pulse tan-NU, u jitlob li l-UE tippromwovi data miftuħa u tappoġġa bil-qawwa lill-komunitajiet globali tal-iżviluppaturi u d-diżinjaturi tas-softwer li qed jibnu teknoloġija miftuħa u prattika bil-għan li jsolvu l-problemi internazzjonali tal-iżvilupp u dawk umanitarji;
34. Jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali bħall-SMS u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl jistgħu jipprovdu għodod affordabbli ġodda għaċ-ċirkolazzjoni ta' informazzjoni importanti, li tista' tintuża minn persuni fqar jew iżolati u persuni b'diżabilità; jinnota l-potenzjal tat-teknoloġija tal-mowbajl, li jista' jkollha vantaġġi fosthom prezzijiet baxxi għall-aċċess minħabba kopertura tan-netwerk akbar, użu faċli għall-utent u tnaqqis fil-prezzijiet tat-telefonati u tal-messaġġi testwali; madankollu, ifakkar ukoll li l-mowbajls jiġġeneraw riskji ambjentali u għas-saħħa, b'mod partikolari minħabba l-estrazzjoni tar-riżorsi minerali u ż-żieda fil-livelli ta' skart elettroniku u elettriku; jissottolinja l-fatt li d-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tagħti spinta jew timmina d-demokrazija, u jistieden lill-UE biex tirrifletti b'mod xieraq fuq dawn ir-riskji bil-ħsieb li jiġi kkontrollat l-użu ħażin tat-teknoloġiji diġitali, meta jiġi promoss l-użu tal-innovazzjoni teknoloġika fl-għajnuna għall-iżvilupp, kif ukoll biex tiġi promossa l-governanza tal-internet;
35. Jenfasizza l-importanza li tinbena ekosistema sostenibbli għall-ekonomija diġitali sabiex jitnaqqas l-impatt ekoloġiku marbut mad-diġitalizzazzjoni, billi jiġi żviluppat użu effiċjenti tar-riżorsi kemm fis-settur diġitali kif ukoll fis-settur tal-enerġija, b'mod partikolari billi tingħata prijorità lill-ekonomija ċirkolari; jitlob li l-Pjan ta' Investiment Estern (EIP) jappoġġa r-responsabbiltà tal-produttur, b'mod konkret bl-appoġġ tal-SMEs li jiżviluppaw attivitajiet ta' użu mill-ġdid, ta' tiswija u ta' rinnovament u li jinkorpora skemi ta' teħid lura fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom bil-għan li jitneħħew il-komponenti perikolużi użati fit-Tagħmir Elettriku u Elettroniku (EEE); jappella għat-tisħiħ tal-għarfien tal-konsumaturi dwar l-effetti ambjentali tal-apparati elettroniċi u għall-indirizzar b'mod effettiv tar-responsabbiltà tan-negozju fil-produzzjoni tal-EEE; jenfasizza bl-istess mod il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-istatistika dwar l-iskart elettroniku u elettriku u l-politiki nazzjonali dwar l-iskart elettroniku fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tiġi minimizzata l-produzzjoni tal-iskart elettroniku, jiġi evitat id-dumping illegali u t-trattament mhux xieraq tal-iskart elettroniku, jiġi promoss ir-riċiklaġġ, u jinħolqu l-impjiegi fis-settur tar-rinnovament u r-riċiklaġġ;
36. Jirrikonoxxi li t-teknoloġiji diġitali jipprovdu lis-settur tal-enerġija b'għodod innovattivi biex jottimizzaw l-użu tar-riżorsi; madankollu, ifakkar li t-teknoloġiji diġitali jħallu marka ekoloġika sinifikanti, bħala konsumatur ta' riżorsi tal-enerġija (hu stmat li l-emissjonijiet diġitali ta' CO2 jammontaw għal 2-5 % tal-emissjonijiet totali) u tal-metalli (bħall-fidda, il-kobalt, ir-ram u t-tantalju), filwaqt li jitfgħu dubju fuq is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinbidlu x-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;
38. Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' pjattaformi ta' informazzjoni diġitali mmexxija mill-istat li jżidu l-opportunitajiet għall-persuni b'mod ġenerali biex jinfurmaw ruħhom bis-sħiħ dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi li l-istat jagħmel disponibbli għaċ-ċittadini tiegħu;
39. Jenfasizza li l-applikazzjonijiet tal-gvern elettroniku jikkontribwixxu biex jagħmlu s-servizzi pubbliċi aktar rapidi u orħos biex jiġu aċċessati, itejbu l-konsistenza u s-sodisfazzjon taċ-ċittadini, jiffaċilitaw l-artikolazzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u jżidu t-trasparenza, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza r-rwol vitali tat-teknoloġija u tad-diġitalizzazzjoni għal politika u amministrazzjoni fiskali effettiva, li jippermettu żieda effettiva fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jinsisti li huwa imperattiv li jinħolqu identitajiet diġitali sikuri, peress li dan jista' jgħin biex jiddetermina l-għadd ta' dawk li jeħtieġu ċerti servizzi bażiċi;
40. Jappella għall-isfruttament tal-opportunitajiet mogħtija permezz tat-teknoloġija diġitali bħala mezz ta' titjib fir-reġistrazzjoni tat-tfal fir-reġistri tat-twelid, tal-imwiet u taż-żwiġijiet; jenfasizza li l-UNICEF tistma li, fl-Afrika Sub-Saħarjana biss, 95 miljun tifel u tifla jibqgħu mhux irreġistrati mat-twelid(7) u għalhekk ma jkollhomx ċertifikat tat-twelid, u li dan il-fatt ma jħallix lit-tfal ikkonċernati jiġu rikonoxxuti legalment, sabiex l-eżistenza tagħhom bħala membri tas-soċjetà tibqa' mhux reġistrata mit-twelid u tibqa' hekk fil-ħajja adulta, u dan joħloq distorsjoni fid-data demografika tal-pajjiżi, b'konsegwenzi sinifikanti għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet, b'mod partikolari f'termini ta' aċċess għal edukazzjoni jew għal kura tas-saħħa;
41. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tat-teknoloġija diġitali fil-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa, ir-rispons ta' emerġenza għal epidemiji, it-tixrid tal-kampanji tas-saħħa pubblika, l-aċċess pubbliku għas-servizzi tas-saħħa, kif ukoll fit-taħriġ tal-ħaddiema tas-saħħa, l-appoġġ u l-promozzjoni tar-riċerka bażika, u l-iżvilupp ta' servizzi ta' informazzjoni dwar is-saħħa u s-saħħa elettronika; jistieden, għalhekk, lil dawk li jfasslu l-politika jintroduċu l-politika u l-oqfsa regolatorji xierqa biex iwessgħu l-proġetti tas-saħħa elettronika; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi r-riżorsi finanzjarji meħtieġa f'dan ir-rigward;
42. Jilqa' l-programm online tal-Akkademja DEVCO, li jagħmilha possibbli li jiġu mħarrġa online nies mill-pajjiżi sħab tal-UE; jappella għall-iżvilupp ulterjuri ta' programmi ta' taħriġ għal mexxejja lokali u l-istabbiliment ta' proċeduri għall-applikazzjoni ta' sussidji tal-UE, sabiex dawk is-sħab ikunu jistgħu jiksbu stampa aktar ċara tal-aspettattivi, l-għanijiet u l-kundizzjonijiet u b'hekk itejbu l-prospetti li jiksbu aċċettazzjoni għall-proġetti tagħhom; jenfasizza li tali inizjattivi, sakemm ikunu faċilment aċċessibbli, effiċjenti u rilevanti, ikollhom impatt pożittiv fuq l-assorbiment tal-għajnuna u fuq l-immaġni tal-UE fost is-sħab tagħha;
o o o
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Studju UNEP-Interpol, "The Rise of Environmental Crime: a growing Threat to Natural Resources, Peace, Development and Security" ("Iż-Żieda fir-Reati Ambjentali: theddida li qed tikber għar-Riżorsi Naturali, il-Paċi, l-Iżvilupp u s-Sigurtà"), 2016.
UNCTAD, "South-South Digital Cooperation for Industrialisation: A Regional Integration Agenda ("Kooperazzjoni Diġitali Nofsinhar-Nofsinhar għall-Industrijalizzazzjoni: Aġenda ta' Integrazzjoni Reġjonali") (2017).