Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (2017/2282(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Georgia, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 li jinkludu l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra(1), u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(2), ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant(3) u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia(4), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati tal-Georgia għaxar snin wara l-invażjoni Russa(5),
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali annwali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-9 ta' Novembru 2017 dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Georgia [traduzzjoni mhux uffiċjali] (SWD(2017)0371),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar reċenti dik tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-qafas ta' kooperazzjoni "20 riżultat konkret għall-2020" stabbiliti matul is-summit ta' Riga fl-2015 u l-promozzjoni ta' ekonomija, governanza, konnettività u soċjetà aktar b'saħħithom,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Appoġġ Uniku għall-appoġġ tal-UE lill-Georgia (2017-2020),
– wara li kkunsidra l-eżitu tar-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia tal-5 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra l-eżiti tal-laqgħat tal-assemblea ta' Euronest, l-aktar reċenti dawk ta' bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2018, li rriżultaw f'seba' riżoluzzjonijiet u jappellaw lill-UE biex iżżid l-isforzi tagħha ta' medjazzjoni fil-kunflitti ffriżati,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet tas-sitt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia li saret fis-26 ta' April 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tielet laqgħa tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Georgia tat-22 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kummissjoni taħt il-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-eżenzjoni ta' viża, ippubblikat fl-20 ta' Diċembru 2017 (COM(2017)0815),
– wara li kkunsidra l-opinjoni finali tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma kostituzzjonali tal-Georgia (CDL-AD(2018)005),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-21 ta' Settembru 2015 intitolat "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),
– wara li kkunsidra r-rapport tat-2 ta' Lulju 2015 minn Transparency International intitolat "The State of Corruption: Armenia, Azerbaijan, Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Istat ta' Korruzzjoni: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna),
– wara li kkunsidra l-istudji esperti magħmula għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, inkluż l-istudju dwar "The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova and their impact on political developments in these countries" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova u l-impatt tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi f'dawn il-pajjiżi), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2017(6), l-istudju intitolat "Association agreements between the EU and Moldova, Georgia and Ukraine" (Ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna), ippubblikat fit-28 ta' Ġunju 2018(7) u l-istudju komparattiv intitolat "The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine: a comparative perspective" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna: perspettiva komparattiva), ippubblikat f'Settembru 2018(8),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0320/2018),
A. billi r-relazzjonijiet UE-Georgia qed jiġu approfonditi kontinwament permezz ta' kisbiet ġodda maġġuri f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia, maż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u mal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-dħul fis-seħħ tas-sistema mingħajr viża u l-adeżjoni tal-Georgia mal-Komunità tal-Enerġija;
B. billi r-rispett sħiħ għall-valuri ewlenin, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u anke d-drittijiet tal-minoranzi, jirrappreżenta pedament għal aktar integrazzjoni Ewropea;
C. billi s-sitwazzjoni umanitarja u l-iżolament tar-reġjuni okkupati tal-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja għadhom jirrappreżentaw waħda mill-isfidi ewlenin għall-Georgia;
D. billi l-indiċi dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni għall-2017 ta' Transparency International juri li għad hemm riżultati tajbin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
E. billi l-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida dwar il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata tal-2017-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha, adottata fl-2017, jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-hekk imsejħin "thieves in law", fuq it-tranżitu tad-drogi narkotiċi u ċ-ċiberkriminalità, u fuq l-introduzzjoni tal-pulizija fil-komunità u bbażata fuq l-analiżi;
F. billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul, li ngħatat il-mandat biex tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017 u billi ġiet stabbilita Kummissjoni Bejn l-Aġenziji dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika;
G. billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ta' Reporters Without Borders juri titjib żgħir, bil-Georgia timxi 'l fuq mill-64 post fl-2017 għall-61 post fl-2018;
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-direzzjoni meħuda tar-riforma u l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA, li stabbilixxiet lill-Georgia bħala sieħeb ewlieni tal-UE fir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jkomplu jiżguraw l-istabbiltà, aktar riformi demokratiċi u t-titjib ekonomiku u soċjali għall-tal-Georgia, li huma milquta mill-faqar, mill-qgħad u mil-livell għoli ta' emigrazzjoni ekonomika, bħala fattur ewlieni biex jikkonvinċi lin-nies fit-triq lejn is-sovranità tal-Georgia u l-integrità territorjali fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Georgia;
2. Jinnota b'sodisfazzjon li l-aġenda Ewropea tal-Georgia għadha tgawdi l-approvazzjoni bejn il-partiti u l-appoġġ tal-maġġoranza taċ-ċittadini tal-Georgia; jirrimarka li skont l-Artikolu 49 tat-TUE u f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, kwalunkwe Stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jkun jirrispetta l-kriterji ta' Copenhagen; ifakkar, sadanittant, fil-proposta ta' politika "Sħubija tal-Lvant Plus" (EaP+) irrakkomandata mill-Parlament sabiex jinfetħu perspettivi addizzjonali; jilqa' l-inizjattiva tal-Gvern tal-Georgia li jabbozza Pjan Direzzjonali għall-Integrazzjoni tal-UE li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet attwali bejn l-UE u l-Georgia; jilqa' l-impenn attiv tal-Georgia fl-attivitajiet tal-pjattaformi multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant;
3. Ifaħħar lill-awtoritajiet tal-Georgia għall-kampanji ta' informazzjoni rikorrenti tagħhom dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet ekonomiċi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u mid-DCFTA u għall-assistenza li pprovdew fil-ġestjoni tal-adattamenti meħtieġa;
Il-qafas istituzzjonali fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni
4. Jinnota li l-appoġġ tal-UE lill-Georgia se jilħaq bejn EUR 371 miljun u EUR 453 miljun għall-2017-2020, b'fondi addizzjonali disponibbli skont il-prinċipju "aktar għal aktar" f'konformità mal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi din l-assistenza b'mod proporzjonat lill-kapaċità ta' assorbiment u lill-isforzi għar-riforma tal-Georgia; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Georgia li tnaqqas l-għadd totali ta' ministeri minn 14 għal 11 bl-għan ta' ottimizzazzjoni funzjonali u ta' tnaqqis fl-ispejjeż, u jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Georgia li jerġa' jalloka t-tfaddil li jirriżulta għas-settur tal-edukazzjoni;
5. Jappella għal involviment aktar b'saħħtu tal-Prim Ministru u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin biex jipprovdi sorveljanza politika ta' livell għoli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, notevolment permezz tas-semplifikazzjoni tal-istrutturi rilevanti tal-gvern, il-koordinazzjoni u s-sinkronizzazzjoni tal-pjanijiet tal-ministeri kompetenti u l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom; jilqa' l-inkorporazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ministru tal-Istat għall-Integrazzjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin; jissuġġerixxi, madankollu, li dik is-sjieda tal-integrazzjoni Ewropea għandha tiġi kondiviża fost l-apparat ministerjali kollu;
6. Jilqa' l-adozzjoni ta' verżjoni fuq tliet snin tal-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA, u jistieden lill-awtoritajiet ifasslu strateġija ta' riforma li tikkomplementa dawn il-Pjanijiet, li tiffoka fuq ir-riżultati lil hinn mil-leġiżlazzjoni u mit-taħriġ tal-persunal, u li tibbaża fuq valutazzjoni tal-impatt mill-esperti, li għandha tindirizza wkoll il-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Gvern u l-amministrazzjoni presidenzjali; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Parlament tal-Georgia biex iżid il-kontrolli ta' konformità tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ta' abbozzi ta' proposti għal riformi domestiċi;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Georgia tassenja persunal ikkwalifikat ħafna biex timplimenta l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Georgia jiggarantixxu li l-unitajiet strutturali li jittrattaw kwistjonijiet ta' integrazzjoni Ewropea fil-ministeri kollha jkunu mgħammra b'għadd suffiċjenti ta' uffiċjali kwalifikati speċifikament; jistieden lis-SEAE u/jew lill-Kummissjoni jipprovdu assistenza fil-bini ta' kapaċità u fit-taħriġ tal-uffiċjali tal-Georgia li jittrattaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA;
8. Jilqa' l-istabbiliment tal-Assemblea Interparlamentari tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna u jħeġġeġ lil din l-assemblea biex twettaq skrutinju fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;
9. Iħeġġeġ lis-SEAE u/jew lill-Kummissjoni jagħtu spinta lill-kapaċitajiet interni biex itejbu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' żieda fir-riżorsi umani ddedikati b'għarfien espert profond tas-sistema amministrattiva u legali tal-Georgia, kif ukoll biex jimxu lejn valutazzjoni kwalitattiva tal-progress, partikolarment permezz tal-introduzzjoni ta' proċessi ta' skrinjar, li jippermettu li jiġi vvalutat il-livell ta' allinjament mal-acquis tal-UE, kif jirrikjedi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
10. Jissottolinja r-rwol kruċjali li s-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali, jiżvolġu fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bħala atturi li jissorveljaw ir-riformi u jilqa' l-isforzi tagħhom fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jiżguraw li r-riformi skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA jitwettqu bl-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kif ukoll tas-sħab soċjali dwar il-kwistjoni tal-kisba ta' mudell soċjali "Ewropew", u jistieden lill-awtoritajiet u lill-UE jiżguraw l-aċċess tagħhom, u dik tal-popolazzjoni f'żoni periferali, għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
11. Jenfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni proattiva għaċ-ċittadini tal-Georgia dwar il-benefiċċji u l-għanijiet tanġibbli tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll il-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni permezz ta' informazzjoni bbażata fuq il-fatti, aċċessibbli u ta' kwalità għolja bil-lingwi kollha tal-pajjiż sieħeb; jistieden lill-Georgia, bl-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, biex issaħħaħ l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha;
12. Jilqa' l-ftuħ, fl-4 ta' Settembru 2018, tal-Iskola Ewropea tas-Sħubija tal-Lvant bi Programm Internazzjonali tal-Baċellerat għall-istudenti mill-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant f'Tbilisi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jtejbu r-rwol tal-istudji Ewropej fil-kurrikuli regolari tal-iskejjel u l-universitajiet;
13. Jappoġġja s-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-ewwel ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018 fil-Georgia kif ippreżentati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali, inkluża d-delegazzjoni tagħha tal-Parlament Ewropew; jilqa' n-natura kompetittiva tal-elezzjonijiet u n-nuqqas ta' każijiet ta' vjolenza; jiddeplora l-okkupazzjoni tar-Russja tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja, kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtoritajiet li qed jirregolaw de facto fin-Nofsinhar tal-Ossezja biex jagħlqu l-fruntiera amministrattiva mal-Georgia, u b'hekk jipprevjenu lil ħafna ċittadini Georgjani milli jitfgħu l-vot tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet u lill-partiti politiċi jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' tħassib qabel it-tieni ċiklu, b'mod partikolari l-użu ħażin tar-riżorsi tal-Istat, il-limiti eċċessivament għoljin fuq il-finanzjament tal-kampanji u l-fatt li l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili huma fil-mira ta' attakki verbali intensi minn persuni f'karigi għoljin;
Djalogu politiku
14. Itenni l-fatt li l-pożizzjoni tal-UE dwar ir-riforma kostituzzjonali tal-Georgia tikkoinċidi mal-valutazzjoni ġenerali pożittiva tal-Kummissjoni ta' Venezja; jiddispjaċih għall-posponiment tal-implimentazzjoni ta' sistema elettorali kompletament proporzjonali sal-2024; itenni r-rieda tiegħu li josserva elezzjonijiet futuri fil-Georgia u li jgħin lill-awtoritajiet tal-Georgia fis-segwitu u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li se jiġu ppreżentati; itenni li l-għamla tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali għandha tkun ħielsa minn influwenza politika u li l-perjodu ta' qabel l-elezzjoni għandu jkun ħieles minn kwalunkwe użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jwettqu investigazzjoni sinifikanti dwar l-inċidenti vjolenti politikament motivati matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;
15. Jappoġġja t-tisħiħ demokratiku tal-istituzzjonijiet politiċi tal-Georgia u huwa ddedikat biex jgħin f'dan il-qasam; jinnota li l-Georgia hija fost il-ftit pajjiżi fejn il-fergħat kollha ta' setgħa huma involuti fis-Sħubija ta' Governanza Miftuħa; jissottolinja l-importanza li titkompla aġenda ambizzjuża ta' riforma mmirata lejn in-newtralità politika tal-istituzzjonijiet tal-Istat u tal-persunal tagħhom; jisħaq fuq ir-rwol tal-oppożizzjoni f'sistema parlamentari u jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi aktar rigorużi għall-iskrutinju tal-eżekuttiv, inkluż permezz tal-kapaċità tal-Membri tal-Parlament li jagħmlu mistoqsijiet lill-ministri u lill-Prim Ministru fuq bażi regolari sabiex iżommuhom responsabbli;
16. Jilqa' l-implimentazzjoni effettiva tar-reġim ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-Georgia mis-27 ta' Marzu 2017; jieħu nota tal-konformità tal-Georgia mal-punti referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża u jħeġġeġ il-monitoraġġ regolari tagħhom sabiex tiġi żgurata konformità kontinwa; jinnota li l-introduzzjoni ta' reġimi mingħajr viża ġġib riżultati pożittivi f'termini tal-iżvilupp ta' kuntatti bejn il-popli; ifaħħar lill-Georgia dwar il-miżuri li ħadet biex tindirizza fil-pront il-ksur ta' reġim mingħajr viża, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu lill-Georgia bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu; jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji ta' infurzar tal-Georgia u tal-Istati Membri tal-UE;
17. Jilqa' l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Georgia dwar il-Migrazzjoni u t-tisħiħ tar-riabilitazzjoni tas-setturi fi fruntiera mat-Turkija u l-Ażerbajġan;
18. Jappoġġja lill-Georgia fit-tfittxija tagħha għal politika ta' riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti, rikonċiljazzjoni u impenn u fil-parteċipazzjoni kostruttiva tagħha fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra; jilqa' l-isforzi tal-Georgia biex jinżamm djalogu mar-Russja; ifaħħar l-inizjattiva bit-titlu "A Step to a Better Future" (Pass għal Futur Aħjar), ippreżentata fl-4 ta' April 2018, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet umanitarji u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet li jgħixu f'reġjuni okkupati u li jitrawmu il-kuntatt bejn il-popli u l-bini ta' kunfidenza bejn komunitajiet diviżi;
19. Ifakkar b'dispjaċir fil-fatt li, wara 10 snin, il-Federazzjoni Russa għadha għaddejja bl-okkupazzjoni illegali tagħha ta' territorji tal-Georgia, u jtenni l-appoġġ inekwivokabbli tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jieħu nota tal-kawża tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) kontra r-Russja dwar l-użu ta' miżuri ta' koerċizzjoni kontra persuni li jgħixu fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-adozzjoni mill-Parlament tal-Georgia ta' riżoluzzjoni li tistabbilixxi lista sewda Otkhozoria-Tatunashvili ta' persuni ħatja ta' qtil, ħtif, tortura jew trattament inuman jew li jinsabu taħt investigazzjoni għal dawn ir-reati; jisħaq li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu pożizzjoni konsistenti, koordinata, magħquda u soda kontra l-okkupazzjoni u l-politika ta' annessjoni tar-Russja;
20. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu aktar sforzi biex jegħlbu l-ostakli eżistenti u jippruvaw jestendu l-benefiċċji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tad-DCFTA għall-popolazzjonijiet tal-Abkażja u tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar billi jtejbu l-komunikazzjoni dwar l-opportunitajiet il-ġodda li ġejjin mill-ftehim u jiżviluppaw proġetti ad hoc ta' kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika fil-livell lokali;
21. Ifaħħar il-parteċipazzjoni kontinwa tal-Georgia f'operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat ulterjorment djalogu ta' livell għoli dwar kwistjonijiet ta' sigurtà bejn l-UE u l-Georgia, b'mod partikolari dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu vjolenti, il-propaganda u t-theddid ibridu;
L-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-libertà tal-midja
22. Jirrikonoxxi r-riżultati tal-Georgia fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'livell baxx u medju li jwasslu għal klassifikazzjoni reġjonali tajba fl-indiċijiet tal-perċezzjoni; jenfasizza madankollu li l-korruzzjoni minn persuni ta' livell għoli għadha kwistjoni serja; ifaħħar l-implimentazzjoni mill-Georgia tal-Istrateġija kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha; jistieden lill-Georgia tiżgura li l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni tkun indipendenti, ħielsa minn kull interferenza politika u separata mis-Servizz tas-Sigurtà tal-Istat; itenni l-importanza ta' separazzjoni effettiva tas-setgħat u dissoċjazzjoni ċara bejn il-politika u l-interessi ekonomiċi, u jisħaq li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tirrikjedi ġudikatura indipendenti u rekord stabbli ta' investigazzjonijiet f'każijiet ta' livell għoli ta' korruzzjoni, li għad iridu jiġu stabbiliti; jikkunsidra lill-Georgia bħala sieħeb importanti tal-UE f'oqsma differenti ta' kooperazzjoni bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
23. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmu indipendenti u effettiv fih innifsu, separat mill-awtorità tal-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali, għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' abbuż minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi sabiex jindirizzaw in-nuqqas persistenti ta' responsabbiltà; jilqa', għalhekk, il-ħolqien tas-Servizz tal-Ispettur tal-Istat għall-investigazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi;
24. Jinsab ferm imħasseb dwar il-pressjoni li t-Turkija qed teżerċita fuq ir-residenti Torok fil-Georgia, kif ukoll fuq istituzzjonijiet edukattivi, minħabba l-affiljazzjoni allegata tagħhom mal-moviment Gülen; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jsegwu dan il-każ mill-qrib, filwaqt li jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u kwalunkwe azzjoni li tittieħed ikunu kompletament konformi mal-prinċipji u l-istandards Ewropej; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja u tgħin lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jirreżistu l-pressjoni li saret matul dawn l-aħħar xhur, b'mod partikolari, mit-Turkija;
25. Jieħu nota tar-riforma ġudizzjarja li għaddejja u tas-sinjali ta' imparzjalità u trasparenza akbar tal-ġudikatura, iżda jfakkar fit-tħassib tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-emendi leġiżlattivi proposti li ma jiżgurawx in-newtralità politika tal-Kunsill tal-Avukati tal-Prosekuzzjoni tal-Georgia; jitlob li l-miżuri kollha meħtieġa biex tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja – inkluż permezz ta' tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva – jiġu stabbiliti u biex tiġi garantita l-indipendenza sħiħa tal-Ġudikatura u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, u jitlob li jkun hemm skrutinju demokratiku tal-Ministeru għall-Intern, inklużi s-servizzi tal-pulizija u tas-sigurtà, li jeħtieġu tiġdid u riforma, ukoll bil-ħsieb li tiġi garantita t-trasparenza, partikolarment f'termini tal-għażla, il-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin kif ukoll fi proċedimenti dixxiplinari li jappartjenu għalihom;
26. Jissottolinja l-importanza tar-riformi li għaddejjin bħalissa fl-amministrazzjoni pubblika; jilqa' l-Liġi dwar is-Servizz Ċivili li għadha kif ġiet adottata u jistenna l-implimentazzjoni rapida tagħha bil-għan li tiġi żgurata żieda sostenibbli fil-fiduċja tal-pubbliku;
27. Jinnota bi tħassib li l-Gvern tal-Georgia naqas milli jadotta leġiżlazzjoni ġdida biex itejjeb l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni; jiddeplora l-fatt li r-riforma proposta tillimita aktar l-aċċess f'dan il-qasam; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jiżgura aċċess effettiv għall-informazzjoni pubblika; ifakkar li dan huwa impenn essenzjali li sar fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
29. Jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata;
30. Jistieden lill-Parlament tal-Georgia biex jikkunsidra pakkett ta' emendi mmirati lejn ir-riforma fil-leġiżlazzjoni dwar il-politika dwar id-droga f'konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-30 ta' Novembru 2017;
31. Jilqa' l-approvazzjoni tal-Parlament tal-Georgia għal pakkett ta' liġijiet biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-priġunieri;
Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali
32. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jkomplu jħaddmu l-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'fora multilaterali; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' progress fl-investigazzjoni tal-ħtif tal-ġurnalist Ażerbajġani Afgan Mukhtarli minn Tbilisi, fatt li wera ħafna nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament tas-servizzi tas-sigurtà, inkluża l-interferenza politika partiġjana; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jasal għal konklużjoni rapida u kredibbli għall-investigazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Georgia tiżgura ambjent bla periklu u sigur għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem residenti fit-territorju tagħha biex tiżgura li dawn l-azzjonijiet ma jerġgħux iseħħu;
33. Jinnota s-sentenza tal-QEDB tat-28 ta' Novembru 2017 fir-rigward tal-ex Prim Ministru Vano Merabishvili, li stabbiliet ksur tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem billi segwiet "aġenda moħbija" u "motivi ulterjuri" meta ġie arrestat l-ex Prim Ministru;
34. Jisħaq fuq l-importanza ta' politika u mekkaniżmi ċari, trasparenti u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kumpens għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem impenjati matul amministrazzjonijiet preċedenti, bl-assigurazzjoni li dan il-proċess jirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-proċess dovut;
35. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jieħdu passi ulterjuri sabiex jitħarsu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, billi jiġu miġġielda d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, inkluż fis-suq tax-xogħol permezz ta' Kodiċi dwar ix-Xogħol emendat, kontra persuni LGBTQI, persuni Rom, persuni li jgħixu bl-HIV/AIDS, persuni b'diżabilità u minoranzi oħra; jitlob, b'mod partikolari, lill-Georgia tarmonizza l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li rratifikat fl-2014; jilqa' r-ratifika tal-Georgia tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), kif ukoll l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Lingwa Uffiċjali u l-Istrateġija tal-Istat għall-Ugwaljanza Ċivika u l-Integrazzjoni, u jitlob li ssir l-implimentazzjoni rapida tagħhom u li jinħoloq mekkaniżmu effiċjenti ta' monitoraġġ;
36. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jieħdu passi ulterjuri biex jipproteġu lin-nisa kontra kull forma ta' vjolenza, abbuż sesswali u fastidju fuq ix-xogħol u f'postijiet pubbliċi, u biex iżidu n-numru ta' nisa fis-suq tax-xogħol u fil-politika fejn għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed;
37. Jappella għal tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li tinkludi l-prevenzjoni tal-vjolenza fuq it-tfal, l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, inklużi dawk b'diżabilità; itenni r-responsabbiltà tal-Gvern tal-Georgia biex jissorvelja bir-reqqa s-sitwazzjoni tat-tfal fl-orfanatrofji u l-istituzzjonijiet residenzjali reliġjużi;
38. Ifakkar fl-importanza tal-mezzi tal-massa ħielsa u indipendenti, tal-indipendenza editorjali kif ukoll tal-pluraliżmu u t-trasparenza tas-sjieda fl-ambjent medjatiku bħala prinċipji demokratiċi ewlenin; jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fil-Georgia kif rifless fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 stabbilit mir-Reporters mingħajr fruntieri; jissottolinja l-politiċizzazzjoni tal-kontenut tal-midja; ifakkar fil-każ tal-istazzjon tat-TV Rustavi 2;
Kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali
39. Jilqa' l-enfasi li saret fuq il-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar is-sikurezza okkupazzjonali biex jiġi indirizzat b'mod effettiv l-ammont drammatiku ta' nies li jkollhom inċidenti fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Parlament tal-Georgia jwessa' l-ambitu tal-liġi biex jiġu evitati l-eżenzjonijiet; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Georgia dwar l-obbligu li jirrispettaw l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tax-xogħol, u jenfasizza l-ħtieġa li d-Dipartiment ta' Spezzjoni dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol jiġi ttrasformat f'sistema sħiħa u indipendenti ta' spezzjonijiet tax-xogħol allinjata mal-konvenzjoni 81 tal-ILO sabiex tittejjeb is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jitnaqqas ix-xogħol mhux iddikjarat; jitlob li l-impjegaturi jieqfu jiddiskriminaw kontra dawk li jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom tat-trade unions; huwa mħasseb dwar it-tħaddim tat-tfal u dwar in-nuqqas ta' libertà ta' assoċjazzjoni għat-trejdjunjins; ifakkar li skont ir-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni s-sikurezza okkupazzjonali hija ta' importanza kritika;
40. Jinnota li l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tal-Georgia, billi tirrapreżenta kważi terz tal-kummerċ totali, kif ukoll bħala l-aktar donatur sinifikanti u l-akbar sors ta' investiment barrani dirett; jilqa' l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali ewlenin immirati lejn it-titjib tal-ambjent ekonomiku u tan-negozju u l-massimizzazzjoni tal-benefiċċji pprovduti mid-DCFTA; jinnota b'mod pożittiv il-progress li għamlet il-Georgia fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha fl-oqsma relatati mal-kummerċ, inklużi l-miżuri sanitarji u fitosanitarji, iżda jappella għal aktar progress fis-sikurezza tal-ikel; jissottolinja l-importanza ta' riformi strutturali kontinwi marbuta mat-titjib tal-klima ta' investiment fil-Georgia; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Georgia jiggarantixxu tqassim ġust tar-riżultati tat-tkabbir ekonomiku tal-Georgia fost il-popolazzjoni, u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għall-benefiċċju tal-SMEs;
41. Jinnota b'sodisfazzjon li għadd ta' prodotti ġodda bdew jiġu esportati lejn l-UE, għalkemm l-esportazzjonijiet tal-Georgia għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom komoditajiet agrikoli u materja prima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Georgia sabiex tidentifika dawk l-oqsma li jistgħu jrawmu aktar id-diversifikazzjoni ekonomika u tagħtihom prijorità fil-proċess tal-implimentazzjoni tad-DCFTA; jirrakkomanda li l-Georgia tikkunsidra strateġija ta' diversifikazzjoni għall-prodotti esportati lejn is-swieq tal-UE;
42. Jinnota b'mod pożittiv il-progress li sar fil-qasam tal-akkwist pubbliku bl-allinjament ippjanat tal-leġiżlazzjoni sal-2022; jisħaq fuq l-importanza ta' korp ta' rieżami imparzjali u indipendenti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia itejjeb it-trasparenza tas-sistema tal-akkwist pubbliku, b'mod partikolari billi jnaqqas l-eżenzjonijiet minn offerti miftuħa fil-liġi tal-akkwist sabiex jitnaqqas il-volum globali ta' kuntrattar mhux kompetittiv;
43. Jilqa' l-adeżjoni tal-Georgia mal-Konvenzjoni dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, li tippermetti akkumulazzjoni ta' oriġini fil-qafas tad-DCFTA; iħeġġeġ lill-Georgia biex, bl-istess mod, taderixxi mal-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta' Transitu;
Enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni
44. Jilqa' s-sħubija tal-Georgia mal-Komunità tal-Enerġija u l-progress lejn l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-Georgia ma' dak tal-UE permezz ta' konverġenza regolatorja, f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; jemmen bis-sħiħ li dan imur lil hinn mill-fatt li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal taħlita tal-enerġija pan-Ewropea f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi dwar miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-Għan 10 tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU fir-rigward ta' miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Georgia jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex iżidu l-adozzjoni tal-Acquis tal-UE dwar l-Enerġija bl-appoġġ tal-UE, kif ukoll il-kooperazzjoni xjentifika u l-iżvilupp tal-innovazzjoni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli; jinnota li l-pjanijiet bħall-inkorporazzjoni tal-Ministeru għall-Enerġija fil-Ministeru għall-Ekonomija u l-Iżvilupp Sostenibbli għandhom isiru f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Parlament tal-Georgia;
45. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Georgia jiżviluppaw strateġija robusta u nazzjonali tal-enerġija, inaqqsu l-livell tas-sussidji tal-enerġija u jsaħħu s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija u l-indipendenza tal-enerġija; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-enerġija u l-adozzjoni tal-liġijiet meħtieġa, kif ukoll adattament tal-qafas istituzzjonali; jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-funzjonijiet tat-tranżitu tal-enerġija;
46. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru aktar sforzi ta' implimentazzjoni fil-qasam tat-trasport u l-ambjent; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia biex jadotta strateġija għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Georgia jżidu l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet ambjentali u sa liema punt l-informazzjoni ambjentali hija kondiviża sabiex jiġi stimulat l-interess pubbliku;
47. Ifakkar li l-governanza ambjentali hija karatteristika ewlenija tar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jilqa' d-dħul fis-seħħ ta' Kodiċi tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ġdid f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll l-adozzjoni tal-pjan direzzjonali għall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Klima; jitlob aktar allinjament tal-politiki ambjentali nazzjonali mal-miri tal-UE sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 u, b'mod partikolari, mal-finalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-Istrateġija ta' Żvilupp b'Emissjonijiet Baxxi ta' Karbonju;
48. Jinnota li l-Georgia impenjat ruħha li timplimenta b'mod effettiv il-ftehimiet ambjentali multilaterali taħt il-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li jeħtieġ aktar titjib;
49. Jieħu nota tal-pjan tal-Gvern tal-Georgia biex jiżviluppa aktar l-idroenerġija; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jadottaw u jikkonformaw mal-istandards tal-UE fil-proġetti kollha u, b'mod partikolari, biex japplikaw proċedura ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali miftuħa u trasparenti li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;
Dispożizzjonijiet istituzzjonali
50. Iqis li l-involviment tal-awtoritajiet tal-Georgia mill-mument tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti huwa utli sabiex il-proċess ikun aktar inklużiv u jitnaqqsu l-ispejjeż ta' tranżizzjoni għall-Georgia, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni ex ante;
51. Itenni r-rieda tiegħu li jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant tal-UE; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jgħaddu lill-Parlament u lill-Kunsill rapporti bil-miktub, aktar spissi u dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet;
52. Jinnota li l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-DCFTA hija ffokata ħafna fuq il-flussi kummerċjali u l-ostakli għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta l-implimentazzjoni tad-DCFTA b'mod xieraq, billi tagħti attenzjoni partikolari lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis, u lill-impatt fuq is-soċjetà tal-Georgia, u tipprovdi rapportar annwali pubbliku u eżawrjenti, inkluż dwar l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE;
53. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jużaw kull ingranaġġ possibbli biex iħeġġu u jassistu lill-Georgia fl-isforzi tagħha biex timplimenta d-DCFTA b'mod effettiv, u jfakkar li l-implimentazzjoni sostenibbli tad-DCFTA ma tistax tiddependi biss mill-assistenza min-naħa tal-UE, iżda tirrikjedi amministrazzjoni indipendenti min-naħa tal-Georgia, bil-ħsieb li tiġi promossa żieda fil-flussi kummerċjali, tnaqqis fil-piż burokratiku u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; jistieden liż-żewġ naħat joffru appoġġ akbar lill-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta' daqs Medju (MSMEs) u jipprovdu assistenza teknika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi grupp ta' appoġġ għall-Georgia, b'mod simili għal dak maħluq għall-Ukrajna;
54. Jistieden lis-SEAE u/jew lill-Kummissjoni jippubblikaw ir-rapporti annwali kollha dwar l-implimentazzjoni tal-assoċjazzjoni fl-istess ħin, u jippubblikaw simultanjament evalwazzjoni komparattiva tal-livell ta' progress lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA minn kull sieħeb assoċjat, imkejla skont punti ta' riferiment speċifiċi;
55. Jiddeċiedi li jfassal rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;
o o o
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.
"The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova), il-Parlament Ewropew, is-26 ta' Ottubru 2017.
"Association agreements between the EU and Moldova, Georgia and Ukraine" (Ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna), il-Parlament Ewropew, it-28 ta' Ġunju 2018.
"The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), il-Parlament Ewropew, Settembru 2018.