Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova (2017/2281(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău(1), tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (2), tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(3) u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(4),
– wara li kkunsidra l-iffirmar f'Novembru 2017, ta' Memorandum ta' Qbil, ta' Ftehim dwar Faċilità ta' Self u ta' Ftehim ta' Għotja dwar l-assistenza mikrofinanzjarja li jammonta għal EUR 100 miljun għall-perjodu 2017-2018,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Moldova dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Moldova u l-Unjoni Ewropea fl-2017-2019 (NAPIAA),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Moldova tat-3 ta' April 2018 (SWD(2018)0094),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar riċenti dik tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Repubblika tal-Moldova tas-26 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-2 ta' Lulju 2015 minn Transparency International intitolat "The State of Corruption: Armenia, Azerbaijan, Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Istat ta' Korruzzjoni: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (ODIHR) u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma elettorali fil-Moldova,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-Moldova,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-missjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Moldova fit-3 u l-4 ta' April 2018,
– wara li kkunsidra l-istudji esperti magħmula għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, inkluż l-istudju dwar "The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova and their impact on political developments in these countries" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova u l-impatt tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi f'dawn il-pajjiżi), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2017(5), il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea bit-titolu "Association agreements between the EU and Moldova, Georgia and Ukraine" (Ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna), ippubblikata fit-28 ta' Ġunju 2018(6) u l-istudju komparattiv bit-titolu "The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), ippubblikat f'Lulju 2018(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0322/2018),
A. billi r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova ġew approfonditi fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u b'mod partikolari bl-iffirmar, fis-27 ta' Ġunju 2014, u d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Lulju 2016, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA);
B. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq valuri komuni li jinkludu, "ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u kif definiti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-1990";
C. billi permezz ta' dan il-ftehim, il-Moldova hija impenjata li twettaq riformi domestiċi maġġuri skont il-liġijiet u l-prattika tal-UE, f'firxa wiesa' ta' oqsma li jwasslu għal governanza tajba, żvilupp ekonomiku u kooperazzjoni msaħħa mal-UE; billi bħala appoġġ għal dawn l-isforzi, l-UE timpenja ruħha li tipprovdi assistenza finanzjarja u baġitarja sostanzjali lill-Moldova, li tammonta għal EUR 1,14-il biljun f'fondi allokati sa mill-2007, flimkien mal-finanzjament ta' programm reġjonali;
D. billi d-DCFTA tippermetti aċċess privileġġjat għal beni u servizzi mill-Moldova lejn is-suq tal-UE; billi, bħala konsegwenza tad-DCFTA, fl-2017, kien hemm żieda ta' 20 % fil-kummerċ UE-Moldova, li jammonta għal EUR 4 biljun; billi l-UE attwalment hija l-akbar sieħba kummerċjali tal-Moldova, u tirrappreżenta aktar minn 55 % tal-kummerċ totali; billi l-UE hija wkoll l-akbar investitur fil-Moldova; billi d-data inizjali għall-2018 tikkonferma din ix-xejra pożittiva; billi r-rata ta' użu preferenzjali ta' 90 % għall-Moldova turi kif id-DCFTA kien ta' benefiċċju għall-impriżi, il-ħaddiema u ċ-ċittadini tal-Moldova; billi sar progress f'oqsma essenzjali bħalma huma l-miżuri sanitarji u fitosanitarji, l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, id-dwana u l-akkwist pubbliku; billi l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) ġew stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u s'issa kellhom tliet laqgħat;
E. billi bi skambju għar-riformi fil-Moldova fl-oqsma tal-ġustizzja u s-sigurtà inkluż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-UE qablet ukoll fl-2014 li ddaħħal ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona ta' Schengen għaċ-ċittadini tal-Moldova li jkollhom passaport bijometriku; billi aktar minn 1,5 miljun ċittadin tal-Moldova bbenefikaw minn dan ir-reġim mingħajr viża matul l-ewwel erba' snin mill-implimentazzjoni tiegħu;
F. billi l-UE, ripetutament esprimiet tħassib fir-rigward tat-tħassir tal-istandards demokratiċi minħabba d-deċiżjonijiet riċenti mill-awtoritajiet Moldovani, inkluż l-invalidar tal-elezzjonijiet lokali f'Lulju 2018 f'Chișinău, abbażi ta' raġunijiet dubjużi u b'mod mhux trasparenti, ir-riforma elettorali ta' Lulju 2017 li ġiet adottata minkejja r-rakkomandazzjonijiet negattivi mill-ODIHR u mill-Kummissjoni ta' Venezja, in-nuqqas ta' progress fil-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-frodi bankarja ta' USD 1 biljun li nkixfet fl-2014, u ż-żieda fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq l-imħallfin indipendenti, il-ġurnalisti u l-avversarji politiċi;
G. billi, fl-2017, bħala riżultat ta' dawn l-iżviluppi, l-UE ma ħallsitx l-aħħar żewġ pagamenti taħt il-programm ta' appoġġ baġitarju għar-riformi fis-settur tal-ġustizzja minħabba li l-awtoritajiet tal-Moldova ma wrewx impenn suffiċjenti dirett lejn ir-riforma ta' dan is-settur u, fl-2018, l-UE ssospendiet l-iżborż tal-ewwel pagament tal-assistenza makrofinanzjarja minħabba n-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet politiċi annessi mad-deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li speċifikat li "kundizzjoni preliminari għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja hija li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti – u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem";
H. billi, peress li sa minn dawn id-deċiżjonijiet, aktar żviluppi riċenti komplew iqajmu tħassib, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ "pakkett ta' riforma fiskali" adottat f'Lulju 2018, l-iskema ta' amnestija tat-taxxa li żżid ir-riskju ta' ħasil tal-flus, kif ukoll il-pressjoni ulterjuri li saret fuq l-oppożizzjoni u d-dimostrazzjonijiet paċifiċi tagħha u fuq il-mezzi ta' xandir indipendenti żgħar li qed jissieltu biex iżommu ħajjin l-attivitajiet tagħhom minkejja l-adozzjoni, f'Lulju 2018, tal-Kodiċi l-ġdid tas-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi;
I. billi Transparency International ikklassifikat lill-Moldova fil-pożizzjoni 122 minn 180 fl-Indiċi ta' Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2017 tagħha, flimkien mal-Azerbajġan u l-Mali; billi Reporters Without Borders ikklassifikaw lill-Moldova fil-pożizzjoni 81 minn 180 fil-World Press Freedom Index tagħha, li tfisser rigress mill-pożizzjoni 56 tal-2014;
Prinċipji ġenerali u valuri komuni
1. Jenfasizza l-importanza tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / DCFTA, u jieħu nota tal-progress miksub mill-Moldova sal-lum; jinsisti, madankollu, li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA, fir-rigward, b'mod partikolari, tar-riformi politiċi, trid tkun prijorità ewlenija, li tippermetti approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Moldovani kollha, kif ukoll li jinfetħu perspettivi addizzjonali f'konformità mal-politika tas-Sħubija tal-Lvant Plus (EaP+) irrakkomandata mill-Parlament;
2. Ifaħħar lill-aġenti kuraġġużi għal bidla pożittiva fil-Moldova, b'mod partikolari dawk li qed imexxu l-isforzi, li jenħtieġ li jiġu segwiti, f'konformità mas-sejħiet mill-UE u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) biex jiġi riformat is-settur bankarju bħala segwitu tal-frodi bankarja fl-2014 b'valur ta' USD 1 biljun (li tirrappreżenta 12 % tal-PDG); jilqa' l-evalwazzjoni b'suċċess tal-FMI ta' Lulju 2018 tal-implimentazzjoni tal-programm b'appoġġ mill-FMI; jistieden lill-politiċi u lill-ġudikatura tal-Moldova sabiex jingħaqdu flimkien f'dawn l-isforzi biex jirriformaw il-pajjiż u jiġġieldu l-korruzzjoni f'konformità mal-impenji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, peress li n-nuqqas ta' rieda politika hija waħda mill-ostakoli ewlenin li jxekklu riforma kredibbli; jappella lill-forzi politiċi kollha jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv fl-interess tal-pajjiż;
3. Jesprimi tħassib serju dwar ir-rigress fir-rigward tal-istandards demokratiċi fil-Moldova, b'valuri ewlenin, li l-Moldova kienet qablet magħhom bħala parti mill-AA, bħad-demokrazija – inklużi elezzjonijiet ġusti u trasparenti li jirrispettaw ir-rieda taċ-ċittadini – u l-istat tad-dritt – inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura – jisfgħu mdgħajfa mill-mexxejja politiċi attwali f'konfoffa ma' interessi kummerċjali u bi ftit li xejn oppożizzjoni mill-klassi politika u mill-ġudikatura, li jwasslu biex ir-Repubblika tal-Moldova tkun stat mifni mill-interessi oligarkiċi bil-konċentrazzjoni ta' setgħa ekonomika u politika fl-idejn ta' grupp żgħir ta' nies li jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fuq il-parlament, il-gvern, il-partiti politiċi, l-amministrazzjoni tal-istat, il-pulizija, il-ġudikatura u l-midja u li jwasslu għal implimentazzjoni ferm mhux sodisfaċenti tal-leġiżlazzjoni b'benefiċċju minimu għaċ-ċittadini; itenni d-determinazzjoni tiegħu li jiffoka fuq it-twettiq ta' impenji biex jiġu rispettati l-valuri komuni aktar milli l-hekk imsejħa argumenti "ġeopolitiċi" xejn konvinċenti;
4. Jiddispjaċih li l-ksur intenzjonali tal-kundizzjonijiet politiċi relatati mal-istandards demokratiċi fil-Moldova, b'mod partikolari l-bidliet riċenti fil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali, li ma ndirizzawx uħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-opinjoni konġunta tal-ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja, kif ukoll is-sospensjoni ta' Dorin Chirtoacă mill-kariga ta' sindku ta' Chișinău u l-invalidazzjoni tal-elezzjoni ta' Andrei Năstase, li wasslu għas-sospensjoni tal-iżborż tal-Assistenza Makrofinanzjarja u tal-pagamenti pendenti tal-appoġġ baġitarju tal-UE;
5. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iżborż futur tal-Assistenza Makrofinanzjarja jenħtieġ li tittieħed biss wara l-elezzjonijiet parlamentari skedati għal Frar 2019 u bil-kondizzjoni li dawn jitwettqu skont standards rikonoxxuti internazzjonalment u vvalutati minn korpi internazzjonali speċjalizzati, u li l-pagament tal-programmi kollha ta' appoġġ baġitarju jenħtieġ li jibqa' ffriżat sakemm isir progress sinifikanti fl-istandards demokratiċi, inkluża r-riforma tal-ġudikatura u tal-azzjoni ġudizzjarja kontra persuni responsabbli minn frodi bankarja bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018; jistieden, fl-istess ħin lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex ikomplu jirrilokaw fondi bħala appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti fil-Moldova, kif ukoll lis-settur privat u lill-awtoritajiet lokali, inkluż permezz ta' proġetti ta' sħubija u żvilupp ġodda, preferibbilment b'mod koordinat mal-assistenza minn pajjiżi oħrajn tal-UE u biex jiġu kkoordinati l-isforzi ma' organizzazzjonijiet oħrajn, bħall-FMI, sabiex tiġi żgurata koerenza akbar f'termini tal-kundizzjonalità tal-assistenza finanzjarja; jistenna b'kawtela r-riżultat tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni elettorali mill-Kumitat Legali tal-Parlament tal-Moldova għall-ħatriet u l-immunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa mekkaniżmu għall-monitoraġġ tar-riformi li jkun jinkludi punti referenzjarji ċari;
6. Ifakkar fil-kontenut tal-Artikoli 2 u 455 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, skont liema r-rispett għall-prinċipji demokratiċi jikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jekk jinkiser, jista' jwassal ukoll għas-sospensjoni tad-drittijiet relatati ma' dan il-ftehim; ifakkar li hemm bżonn ta' sforzi akbar sabiex ikomplu jintlaħqu l-punti referenzjarji kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus; jitlob li kull ftehim futur ikun kondizzjonali wkoll fuq ir-riforma tal-ġudikatura u fuq investigazzjoni dettaljata u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-frodi ta' USD 1 biljun; ifakkar ukoll fil-punti referenzjarji ta' kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus relatati mal-politika tal-liberalizzazzjoni tal-viża;
7. Jilqa' l-adozzjoni ta' bosta liġijiet li jikkonformaw mal-impenji tal-Moldova bħala parti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jissottolinja madankollu l-importanza ta' implimentazzjoni rapida u sħiħa ta' dawn il-liġijiet sabiex jintlaħaq l-objettiv aħħari li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jwassal għal titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kondizzjonijiet ta' għajxien taċ-ċittadini ordinarji fil-Moldova;
8. Jappella għal involviment aktar b'saħħtu tal-Prim Ministru u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u tal-Integrazzjoni Ewropea tal-Moldova fil-provvista ta' sorveljanza politika ta' livell għoli u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, partikolarment permezz tas-simplifikazzjoni kontinwa tal-istrutturi parlamentari u governattivi rilevanti, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhhom u l-koordinament u s-sinkronizzazzjoni tal-pjanijiet tal-ministeri kompetenti u tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom;
9. Jilqa' l-istabbiliment tal-assemblea interparlamentari tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna u l-ewwel laqgħa tagħha li nżammet bejn it-8 u d-9 ta' Ġunju 2018 fi Kiev; iħeġġeġ lil din l-assemblea tiskrutinizza wkoll l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jwettqu sforzi akbar fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jorganizzaw l-azzjonijiet tiegħu – b'mod partikolari permezz tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (NAPIAA) innifsu – skont setturi speċifiċi u r-riżultati speċifiċi li għandhom jiġu ġġenerati, aktar milli skont l-artikoli tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sabiex tiġi żviluppata prijoritizzazzjoni dettaljata u s-sekwenzjar ta' miżuri, xprunati mill-valutazzjoni tal-impatt u mfassla minn unitajiet speċjalizzati ta' esperti;
11. Jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex soġġett għall-progress fuq standards demokratiċi, jistabbilixxu Grupp ta' Appoġġ tal-UE għall-Moldova, sabiex jiżdied it-twassil ta' għarfien espert, partikolarment dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Moldovana ma' dik tal-UE, u biex jikkoordinaw it-twassil ta' assistenza finanzjarja lill-Moldova, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati, bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
12. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħtu spinta lill-kapaċitajiet interni biex itejbu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' żieda sinifikanti fir-riżorsi umani ddedikati, kif ukoll biex jimxu lejn valutazzjoni kwalitattiva tal-progress, partikolarment permezz tal-introduzzjoni ta' proċessi ta' skrinjar, li jivvalutaw il-livell ta' allinjament mal-acquis tal-UE, kif attwalment huwa rikjest mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
13. Jilqa' d-djalogu mtejjeb fil-livell ministerjali mal-Moldova u ma' sħab assoċjati oħra dwar riformi relatati mal-assoċjazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u jappoġġa, soġġett għal progress fl-istandards demokratiċi, it-tnedija ta' djalogi simili f'oqsma oħra koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inklużi kwistjonijiet politiċi, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u l-kooperazzjoni settorjali;
14. Ifakkar u jappoġġa l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma elettorali fil-Moldova, skont liema l-bidla lejn sistema elettorali mħallta għall-elezzjonijiet parlamentari kienet nieqsa minn kunsens (għajr mill-partiti Demokratiċi u Soċjalisti) u tista' twassal biex il-kandidati jkunu influwenzati b'mod mhux xieraq mill-interessi kummerċjali; itenni għalhekk l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Moldovani biex itejbu s-sistema elettorali sabiex jiżguraw li l-elezzjonijiet futuri jirriflettu r-rieda taċ-ċittadini Moldovani aktar minn dik tal-ftit; jappella lill-awtoritajiet Moldovani wkoll jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-ODIHR, partikolarment dwar il-finanzjament tal-partiti u l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu; itenni li l-Parlament jinsab lest li josserva l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss tal-Moldova;
Djalogu politiku u riforma, kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK)
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-bidliet tal-aħħar mument li saru lill-Kodiċi tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva li ġie adottat f'Lulju 2018 li ma kinux soġġetti għal konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi f'konformità mal-istandards Ewropej għall-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kummissjoni ta' Venezja; jenfasizza l-importanza ta' konsultazzjonijiet ġenwini mas-soċjetà ċivili u mal-midja indipendenti f'dan il-proċess u fl-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar ir-reklamar; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati t-tentattivi kollha li jimminaw il-pluraliżmu tal-midja, b'mod partikolari dawk li jinkoraġġixxu aktar il-kartelizzazzjoni tas-suq tal-midja u tas-suq tar-reklamar relatat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani jadottaw il-liġi l-ġdida dwar ir-reklamar wara konsultazzjoni ġenwina mas-soċjetà ċivili; jinnota bi tħassib li, attwalment il-midja hija monopolizzata ħafna u subordinata għall-gruppi politiċi u tan-negozju tal-pajjiż; jappella għal trasparenza dwar is-sjieda tal-midja u l-għoti ta' assistenza apposta għal midja indipendenti, speċjalment il-ħwienet lokali, sabiex jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi fir-rigward tal-kontenut obbligatorju lokali; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-indipendenza ġenwina tal-aġenzija regolatorja tal-enerġija;
16. Jilqa' l-isforzi ta' riforma fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u jinkoraġġixxi li jittieħdu passi ulterjuri li għandhom jittieħdu biex tiżdied it-trasparenza;
17. Jilqa' l-kooperazzjoni tajba dwar kwistjonijiet tal-PESK, partikolarment ir-rata għolja ta' allinjament mad-Dikjarazzjonijiet tal-PESK u l-parteċipazzjoni f'missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), kif ukoll il-kooperazzjoni tal-Moldova man-NATO; jinnota l-progress fl-adozzjoni ta' Strateġija ta' Difiża Nazzjonali u tal-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha għall-2017-2021 wara l-irtirar tal-Istrateġija ta' Sigurtà Nazzjonali mill-President tal-Moldova; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehim UE-Moldova dwar l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata;
18. Ifaħħar lill-awtoritajiet Moldovani għat-titjib inkrementali tar-relazzjonijiet ma' Tiraspol, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja inkluż bil-ftuħ tal-pont Gura Bîcului-Bîcioc u bl-iffirmar ta' sitt protokolli oħra, li tejbu l-ħajja taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru; itenni l-impenn sod kif ukoll l-appoġġ tal-UE favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova u l-isforzi biex tintlaħaq soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni Transnistrijana; jappoġġa bla ebda kundizzjoni l-isforzi tal-OSKE, l-UE u l-partijiet interessati oħra u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jikkooperaw b'mod partikolari ma' SMEs mit-Transnistrija, biex tkompli ssir ħidma fuq dan il-livell ta' involviment, biex jitwettqu sforzi addizzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimxu mad-deċiżjonijiet kollha tal-KEDB; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jwettqu sforzi addizzjonali diretti lejn l-adozzjoni rapida u finali tal-Liġi dwar l-istatut legali speċjali ta' Gagauzia;
L-istat tad-dritt u l-governanza tajba
19. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effikaċja tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi l-Kunsill Superjuri tal-Prosekuturi, iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Prosekutur Kontra l-Korruzzjoni, l-Awtorità Nazzjonali dwar l-Integrità u l-Aġenzija ta' Rkupru ta' Assi Kriminali, b'mod partikolari billi jkomplu jallokaw riżorsi adegwati li jiggarantixxu proċeduri trasparenti ta' reklutaġġ bil-parteċipazzjoni ta' reklutaturi esperti indipendenti u bl-adozzjoni ta' emendi kostituzzjonali, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, immirati b'mod partikolari lejn it-tneħħija tal-mandat inizjali ta' ħames snin għall-ħatra tal-imħallfin, il-bidla fil-kompożizzjoni u t-tisħiħ tar-rwol tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u t-tneħħija tas-setgħat tal-Parlament fil-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Suprema; jibqa' mħasseb ħafna dwar il-prattiki tal-ġustizzja selettiva tal-ġudikatura Moldovana u jindika li, skont l-aħħar rapporti ta' Transparency International, din għadha tbati minn indipendenza limitata mill-eżekuttiv u tintuża bħala strument kontra l-avversarji politiċi u l-interessi kummerċjali; itenni l-importanza tal-istabbiliment ta' rekord sod ta' investigazzjonijiet f'każijiet ta' livell għoli ta' korruzzjoni, inkluż fil-konfront ta' profili ta' livell għoli;
20. Jilqa' l-emendi leġiżlattivi adottati f'Lulju 2018 li kellhom l-għan li jsaħħu l-għażla tal-imħallfin, ibbażata fuq il-meritu u l-promozzjoni, kif ukoll dwar ir-responsabbiltà tagħhom;
21. Itenni t-talbiet tiegħu, imsejsa fuq is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel u t-tieni rapporti Kroll, li għandu jiġi ppubblikat bis-sħiħ, għal prosekuzzjoni rapida u trasparenti ta' dawk kollha responsabbli mill-frodi bankarja ta' USD 1 biljun żvelata fl-2014, kif ukoll l-irkupru tal-assi misruqa; jieħu nota tal-istrateġija dwar l-irkupru tal-assi adottata mill-awtoritajiet Moldovani, iżda jinnota bi tħassib li l-investigazzjoni f'dan il-każ twettqet b'mod ftit li xejn effettiv; jenfasizza l-bżonn li l-qrati jieqfu jonqsu milli jkomplu jipproċedu fuq evidenza solida u biex jeżaminaw minnufih, f'seduti pubbliċi, il-każijiet pendenti jew taħt investigazzjoni, b'mod partikolari dak ta' Ilhan Shor; jenfasizza li l-għażla politika li l-banek jiġu salvati b'finanzi pubbliċi kompliet issaħħaħ is-sens ta' nuqqas qawwi ta' fiduċja fil-politika tal-Moldova; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra sanzjonijiet personali u lill-Istati Membri tal-UE jipprovdi appoġġ għall-investigazzjoni;
22. Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fir-riskju ta' ħasil tal-flus wara l-adozzjoni b'għaġġla tal-hekk imsejjaħ "pakkett ta' riforma fiskali" f'Lulju 2018, li jinkludi skema ta' amnestija mit-taxxa li tista' tillegalizza l-assi miksuba b'mod illeċitu; jappella biex il-pakkett jiġi emendat sabiex jingħalqu dawn il-lakuni, u biex fl-istess ħin tinżamm attenzjoni qawwija fuq l-implimentazzjoni tiegħu b'koordinament mal-Kummissjoni, is-SEAE u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn;
23. Jenfasizza l-bżonn li jiġu indirizzati u skoraġġuti okkorrenzi oħrajn ta' kriminalità organizzata, inkluż il-kuntrabandu tal-armi, it-traffikar tal-bnedmin u l-ħasil tal-flus fuq skala kbira, partikolarment mir-Russja; jissottolinja r-responsabbiltà tal-imħallfin fiż-żamma tal-istat tad-dritt u jenfasizza li dawk l-imħallfin ikkundannati leġittimament għandhom jiskontaw is-sentenzi tagħhom;
24. Jitlob li jsiru konsultazzjonijiet diretti onlajn dwar id-dikjarazzjonijiet elettroniċi tal-assi ta' individwi politiċi u amministrattivi anzjani, skont l-eżempju tal-Ukrajna;
25. Jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jirrispettaw il-prinċipji u jimplimentaw l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali li jiggarantixxu ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili; jissottolinja r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi kif ukoll fil-promozzjoni tat-trasparenza u tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi; jistenna, b'mod partikolari, li l-ebda leġiżlazzjoni futura ma xxekkel il-finanzjament nazzjonali jew barrani għall-NGOs u għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Moldovani jew li jkabbru b'mod mhux ġustifikat il-piż amministrattiv u ta' rappurtar fuqhom; jiddispjaċih li f'numru ta' każijiet, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ġiet ristretta, pereżempju bir-rifjut tal-applikazzjoni għall-organizzazzjoni ta' referendum dwar tibdil fis-sistema elettorali mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f'Marzu 2018;
Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali
26. Jesprimi t-tħassib dwar sinjali ta' tnaqqis ulterjuri fl-ispazju tas-soċjetà ċivili tal-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet biex iwaqqfu minnufih proċeduri kriminali mhux xierqa jew sproporzjonati, li wħud minnhom oriġinaw minn akkużi ivvintati, u minn ġustizzja selettiva kontra avversarji politiċi, l-avukati tagħhom u/jew il-familji tagħhom; jikkritika l-fatt li l-monitoraġġ tal-proċess mill-Istati Membri tal-UE jew mid-delegazzjoni tas-SEAE qed jiġi mxekkel dejjem aktar mill-esklużjoni tal-pubbliku mill-proċessi; jesprimi tħassib speċifiku dwar proċedimenti mmirati lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, imħallfin indipendenti bħal Domnica Manole u Gheorghe Bălan, ġurnalisti u kritiċi tal-gvern jew tal-President tal-Partit Demokratiku tal-Moldova, Vladimir Plahotniuc; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f'bini ta' detenzjoni; jenfasizza l-bżonn għal investigazzjonijiet effettiv fl-allegazzjonijiet ta' tortura fl-istituzzjonijiet ta' detenzjoni u psikjatriċi; jappella lill-awtoritajiet biex jiggarantixxu wkoll il-libertà tal-assemblea u tal-espressjoni u b'mod partikolari, iż-żamma ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi, kif ukoll għar-rispett strett ta' dan id-dritt fundamentali bi qbil mal-istandards internazzjonali;
27. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' Strateġija Nazzjonali ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-2017, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha;
28. Jistieden lill-awtoritajiet biex iżidu b'mod sinifikanti l-isforzi biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, billi jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda, il-vjolenza, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTQI, li kollha għadhom ta' tħassib qawwi, persuni b'diżabbiltà u minoranzi bħall-popolazzjoni tar-Rom, kif ukoll id-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru jew l-affiljazzjoni politika;
29. Jikkundanna bil-qawwa l-estradizzjoni/is-sekwestru reċenti ta' ċittadini Torok li ttieħdu t-Turkija minħabba l-allegazzjonijiet dwar ir-rabtiet tagħhom mal-moviment Gülen, bi ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jiggarantixxu li kull talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz tiġi pproċessata b'mod trasparenti filwaqt li jiġu segwiti l-proċeduri ġudizzjarji b'konformità sħiħa mal-prinċipji u mal-istandards Ewropej;
Kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali
30. Jilqa' ż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-Moldova lejn l-UE bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tad-DCFTA u tal-fatt li l-UE hija l-ikbar investitur fil-Moldova, iżda jiddeplora l-fatt li dan ma wassalx għal titjib fis-sitwazzjoni soċjali u ekonomika taċ-ċittadini; iwissi li n-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-istandard ta' għajxien tal-popolazzjoni jhedded l-approvazzjoni taċ-ċittadini lejn l-orjentazzjoni pro-Ewropea tal-pajjiż;
31. Ifakkar dwar l-importanza ta' ġudikatura indipendenti u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u burokratiċi fit-titjib tal-klima tal-investiment u tan-negozju;
32. Iħeġġeġ progress akbar fl-oqsma tal-istandards sanitarji u fitosanitarji u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;
33. Jitlob konformità effettiva tal-klawsoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u l-impenji internazzjonali, u speċifikament l-implimentazzjoni tajba tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO.
34. Iqis li l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE bħala d-dimensjoni ewlenija tad-DCFTA minħabba li l-aċċess reali għas-suq tal-UE u r-riformi jiddependu ħafna fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti; huwa konxju mill-isfida enormi li dan jirrappreżenta għall-governanza, l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika fil-Moldova u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju adegwat;
L-enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni
35. Jilqa' l-promulgazzjoni tal-Liġi dwar l-Enerġija fl-2017 bħala pass ieħor lejn it-traspożizzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u jħeġġeġ il-passi konkreti mwettqa biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-aġenzija regolatorja tal-enerġija, ANRE; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Moldova lejn il-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija u jikkunsidra kruċjali t-tisħiħ ta' metodi ta' biedja agroekoloġika fil-qafas tal-iżvilupp rurali sostenibbli;
36. Jitlob azzjoni aktar determinata fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma mix-xmara Nistru, il-ġestjoni tal-iskart u t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari f'termini tal-implimentazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni;
Dispożizzjonijiet istituzzjonali
37. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-Moldova biex ikabbru l-isforzi ta' komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-AA u dwar il-benefiċċji previsti għaċ-ċittadini tal-Moldova dwar ir-riformi relatati u l-integrazzjoni aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni Russa permezz ta' informazzjoni bbażata fuq il-fatti, aċċessibbli u ta' kwalità bil-lingwi kollha ewlenin użati fil-Moldova;
38. Itenni r-rieda tiegħu li jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant tal-UE; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jgħaddu lill-Parlament u lill-Kunsill rapporti bil-miktub, aktar spissi u regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet;
39. Iqis utli l-prattika li l-awtoritajiet tal-Moldova jkunu involuti mill-istadju tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti minħabba li dan jagħmel il-proċess aktar inklużiv u jnaqqas l-ispejjeż ta' tranżizzjoni għall-Moldova, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni ex ante;
40. Jinnota li l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-DCFTA hija ffokata ħafna fuq il-flussi tal-kummerċ u l-ostakli għall-kummerċ; jappella lill-Kummissjoni tosserva u tivvaluta b'mod xieraq l-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'attenzjoni partikolari mogħtija lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis, kif ukoll l-impatt fuq is-soċjetà tal-Moldova, u biex tiżgura rapportar annwali pubbliku u komprensiv, inkluż dwar l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE;
41. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippubblikaw ir-rapporti annwali kollha dwar l-implimentazzjoni tal-assoċjazzjoni fl-istess ħin, u jippubblikaw simultanjament evalwazzjoni komparattiva tal-livell ta' progress lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA minn kull sieħeb assoċjat, skont punti ta' riferiment speċifiċi;
42. Jiddeċiedi li jfassal rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;
o o o
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.
Studju bit-titolu "The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova), il-Parlament Ewropew, 26 ta' Ottubru 2017.
Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea bit-titolu "Association agreements between the EU and Moldova, Georgia and Ukraine" (Ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna), il-Parlament Ewropew, 28 ta' Ġunju 2018.
Studju bit-titolu "The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), il-Parlament Ewropew, Lulju 2018.