Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2925(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0526/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2018 - 5.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0459

Testi adottati
PDF 133kWORD 54k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2018 - Strasburgu
Il-Vjetnam, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi
P8_TA(2018)0459RC-B8-0526/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi (2018/2925(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa(1), u tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam(2), b'mod partikolari dwar il-libertà tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra s-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam tal-1 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-SEAE tad-9 ta' Frar 2018 dwar il-kundanni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam u tal-5 ta' April 2018 dwar il-kundanni tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tal-20 ta' Awwissu 2018 dwar il-kundanna reċenti tas-Sur Le Dinh Luong,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-esperti tan-NU tat-23 ta' Frar 2018 li ħeġġew il-ħelsien tal-attivisti li ntbagħtu l-ħabs talli pprotestaw kontra tixrid ta' sustanzi tossiċi, u tat-12 ta' April 2018 li appellaw għal bidla wara li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem intbagħtu l-ħabs;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Vjetnam aderixxa miegħu fl-1982,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-26 ta' Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont il-Bażi ta' Data tal-Priġunieri Politiċi Vjetnamiżi, li nġabret minn The 88 Project, huwa stmat li hemm 160 attivist li qed jiskontaw sentenzi ta' priġunerija fil-Vjetnam u madwar 16-il attivist qegħdin jinżammu taħt arrest preventiv;

B.  billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi qegħdin ikomplu jibgħatu l-ħabs, iżommuhom taħt detenzjoni u jintimidaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti, lill-bloggers, lill-avukati tad-drittijiet tal-bniedem u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħabbtu wiċċhom ma' sentenzi twal ta' priġunerija għall-ħidmiethom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u talli eżerċitaw id-dritt fundamentali tal-libertajiet, kemm online kif ukoll offline, bi ksur tal-obbligi tal-pajjiż skont id-dritt internazzjonali;

C.  billi l-attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox waqt li jkunu qegħdin jinżammu f'detenzjoni, inkluż ċaħda tal-aċċess għal kura medika, għal konsulenza legali u għal kuntatt mal-familja;

D.  billi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin hija ripressa fil-Vjetnam, u billi l-Knisja Kattolika u reliġjonijiet mhux rikonoxxuti, bħall-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, bosta knejjes Protestanti u oħrajn, inklużi membri tal-minoranza etnika ta' Montagnards, għadhom isofru persekuzzjoni reliġjuża ħarxa;

E.  billi Hoang Duc Binh ġie kkundannat għal 14-il sena priġunerija talli bbloggja dwar protesti dwar id-diżastru ta' Formosa; billi Nguyen Nam Phong ġie kkundannat għal sentejn priġunerija talli allegatament irrifjuta li jobdi ordnijiet minn uffiċjali waqt li kien qiegħed isuq fi triqtu għal protesta; billi l-isforzi tagħhom kienu kruċjali biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u biex tiġi żgurata r-responsabbiltà fir-rigward tat-tixrid mill-impjant tal-azzar ta' Formosa;

F.  billi f'April 2018 membri tal-Fratellanza għad-Demokrazija ingħataw sentenzi ta' priġunerija ta' bejn seba' snin u ħmistax-il sena bħala parti minn infurzar estensiv tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Kodiċi Kriminali; billi f'Settembru 2018 Nguyen Trung Truc, membru ieħor ta' dan il-grupp, ġie kkundannat għal 12-il sena priġunerija fuq akkużi li pprova jwaqqa' l-istat;

G.  billi s-Sur Le Dinh Luong, difensur tad-drittijiet tal-bniedem li ppromwova b'mod paċifiku l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fis-16 ta' Awwissu 2018, ġie kkundannat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Kodiċi Kriminali għal għoxrin sena priġunerija u ħames snin ta' detenzjoni domiċiljari; billi r-rappreżentanti tad-delegazzjoni tal-UE u tal-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE ma tħallewx josservaw il-proċess; billi jeżistu ħafna każijiet oħra ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri oħrajn minħabba t-twemmin tagħhom li qegħdin ibatu destin simili;

H.  billi fit-12 ta' April 2018 grupp ta' esperti tan-NU, ir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-President Rapporteur tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u r-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt tal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, ħeġġew lill-Vjetnam biex ma jippersegwitax lis-soċjetà ċivili jew joħnoq l-oppożizzjoni;

I.  billi l-Kodiċi Kriminali tal-Vjetnam fih dispożizzjonijiet ripressivi li qegħdin jintużaw b'mod abbużiv biex isikktu, jarrestaw, iżommu taħt detenzjoni, jikkundannaw jew jirrestrinġu l-attività tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti, avukati, trade unions, gruppi reliġjużi u organizzazzjonijiet mhux governattivi, b'mod partikolari dawk li jesprimu fehmiet kritiċi dwar il-Gvern tal-Vjetnam;

J.  billi l-Gvern Vjetnamiż kompla jipprojbixxi l-operat ta' ċentri tal-midja indipendenti jew privati u jeżerċita kontroll strett fuq l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u fuq pubblikazzjonijiet stampati; billi f'April 2016, l-Assemblea Nazzjonali għaddiet liġi tal-midja li tirrestrinġi bil-qawwa l-libertà tal-istampa fil-Vjetnam;

K.  billi fit-12 ta' Ġunju 2018 l-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam għaddiet liġi dwar iċ-ċibersigurtà bil-għan li tissikka l-kontrolli online, li tirrikjedi lill-fornituri jħassru posts li huma jqisu li huma ta' "theddida" għas-sigurtà nazzjonali; billi din il-liġi timponi restrizzjonijiet ħorox fuq il-libertà tal-espressjoni online u għandha l-għan li thedded id-dritt għall-privatezza;

L.  billi fl-1 ta' Jannar 2018 daħlet fis-seħħ l-ewwel liġi tal-Vjetnam dwar it-twemmin u r-reliġjon, li tobbliga lill-gruppi reliġjużi kollha fil-pajjiż biex jirreġistraw mal-awtoritajiet u jinfurmawhom dwar l-attivitajiet tagħhom; billi l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw jew ixekklu applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni u jipprojbixxu attivitajiet reliġjużi li huma jqisu, b'mod arbitrarju, li jmorru kontra l-"interess nazzjonali", l-"ordni pubbliku" jew l-"unità nazzjonali"; billi b'din il-liġi, il-gvern istituzzjonalizza l-interferenza tiegħu fl-affarijiet reliġjużi u s-superviżjoni tal-Istat fuq il-gruppi reliġjużi;

M.  billi l-Vjetnam jinsab fil-175 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ppubblikati minn Reporters Mingħajr Fruntieri tal-2018;

N.  billi l-piena tal-mewt għadha tiġi applikata fil-Vjetnam u l-għadd ta' eżekuzzjonijiet mhumiex magħrufa, peress li l-awtoritajiet Vjetnamiżi jikklassifikaw l-istatistika dwar il-piena tal-mewt bħala sigriet tal-istat; billi l-Vjetnam naqqas l-għadd ta' reati li jġorru l-piena tal-mewt minn 22 għal 18 f'Jannar 2018;

O.  billi l-Vjetnam għadu ma rratifikax l-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, jiġifieri l-Konvenzjoni 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, il-Konvenzjoni 105 dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, u l-Konvenzjoni 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni;

P.  billi d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam huwa mezz importanti għal diskussjoni komprensiva u kontinwa dwar kwistjonijiet ta' tħassib għall-UE, inkluż ir-rispett sħiħ għad-drittjiet fundamentali għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika; billi r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam trid tkun ibbażata fundamentalment fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif ukoll dwar ir-rispett tal-istandards internazzjonali f'dan ir-rigward;

Q.  billi teżisti rabta ċara bejn il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, fejn iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, inkluż il-kundanni, l-intimidazzjoni politika, is-sorveljanza, il-fastidju, l-aggressjonijiet u l-proċessi inġusti ta' attivisti politiċi, ġurnalisti, bloggers, dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jeżerċitaw il-libertà tal-espressjoni tagħhom online jew offline, bi ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tal-Vjetnam fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Vjetnamiżi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri li minħabba t-twemmin tagħhom qegħdin jinżammu taħt detenzjoni jew ġew ikkundannati sempliċiment talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, inkluż Hoang Duc Binh, Nguyen Nam Phong, Nguyen Trung Truc u Le Dinh Luong, u biex jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex itemmu r-restrizzjonijiet kollha fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atti ta' fastidju kontrihom, u li jiggarantixxu f'kull ċirkostanza li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni, inkluż mill-fastidju ġudizzjarju; jistieden lill-Gvern tal-Vjetnam ineħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà tar-reliġjon u jtemm il-fastidju fuq il-komunitajiet reliġjużi;

4.  Jinsisti li l-Gvern Vjetnamiż jeħtieġlu jiżgura li t-trattament tad-detenuti kollha huwa konformi mal-istandards internazzjonali; jenfasizza l-fatt li d-dritt ta' aċċess għal avukati, professjonisti mediċi u membri tal-familja huwa salvagwardja importanti kontra t-tortura u t-trattament ħażin, u huwa kruċjali għad-dritt ta' proċess ġust;

5.  Jikkundanna l-abbuż ta' dispożizzjonijiet legali ripressivi li jillimitaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jirrevokaw, jirrevedu u jemendaw kwalunkwe liġi ripressiva, b'mod partikolari l-Kodiċi Kriminali, il-liġi dwar iċ-ċibersigurtà u l-liġi dwar it-twemmin u r-reliġjon, u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kollha hija konformi mal-istandards u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ICCPR, li l-Vjetnam huwa firmatarju tiegħu; jistieden lill-gvern jintroduċi leġiżlazzjoni li tirregola laqgħat u dimostrazzjonijiet pubbliċi f'konformità mad-drittijiet tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni;

6.  Jistieden lill-Vjetnam jiffirma u jirratifika it-trattati rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti kollha, u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tal-ILO Nru 87, Nru 98, Nru 105;

7.  Iħeġġeġ lill-Vjetnam joħroġ stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni u lir-Rapporteur Speċjali dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jirrikonoxxu l-unions tax-xogħol independenti;

9.  Jappella lill-UE biex tissorvelja u taħdem mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati kollha biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam;

10.  Itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jistieden lill-awtoritajiet Vjetnamiżi jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jirrevedu s-sentenzi kollha tal-mewt sabiex jiżguraw li dawn il-proċessi kriminali huma konformi mal-istandards internazzjonali;

11.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw lil gruppi tas-soċjetà ċivili u individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam b'mod attiv, inkluż billi jappellaw biex jinħelsu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri minħabba twemmin fil-kuntatti kollha li għandhom mal-awtoritajiet Vjetnamiżi; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE f'Hanoi tipprovdi l-appoġġ kollu xieraq għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs u għall-priġunieri minħabba twemmin, inkluż billi torganizza żjarat fil-ħabs, tissorvelja l-proċessi u tipprovdi assistenza legali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jagħmlu pressjoni favur titjib konkret tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, inkluż matul ir-Rieżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

13.  Itenni l-appell tiegħu għal projbizzjoni mal-UE kollha fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' apparat tas-sigurtà li jista' jintuża għar-repressjoni interna, inkluża t-teknoloġija ta' sorveljanza tal-internet, lill-istati li għandhom rekord inkwetanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tas-sħubija u d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam, u jfakkar fl-importanza tad-Djalogu bħala strument kruċjali li għandu jintuża b'mod effiċjenti biex jakkumpanja u jinkoraġġixxi lill-Vjetnam fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-progress taħt id-Djalogu permezz tal-introduzzjoni ta' parametri referenzjarji u mekkaniżmi ta' sorveljanza;

15.  Jappella lill-Gvern Vjetnamiż u lill-UE, bħala sħab importanti, jimpenjaw ruħhom li jtejbu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż, peress li dan huwa pedament tar-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Vjetnam u l-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tar-ratifika tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, u fid-dawl tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 73.
(2) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 122.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza