Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2926(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0528/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2018 - 5.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0460

Testi adottati
PDF 142kWORD 56k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2018 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba
P8_TA(2018)0460RC-B8-0528/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba (2018/2926(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 dwar Kuba(1), tat-2 ta' Frar 2006 dwar il-politika tal-UE lejn il-Gvern Kuban(2), tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba(3), tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba(4), u tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra,(5) u l-approvazzjoni tal-Parlament fir-rigward tiegħu,

—  wara li kkunsidra l-elezzjoni ta' Miguel Díaz-Canel bħala l-President il-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba fid-19 ta' April 2018,

—  wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat f'Kuba li nħarġu fis-17 ta' Marzu 2017,

—  wara li kkunsidra l-Opinjoni 59/2018 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja rigward Ariel Ruiz Urquiola, li huwa meqjus minn Amnesty International bħala priġunier minħabba raġunijiet ta' twemmin, adottata fit-82 sessjoni tan-NU li saret mill-20 sal-24 ta' Awwissu 2018,

—  wara li kkunsidra l-Eżamijiet Perjodiċi Universali dwar Kuba mwettqa mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Mejju 2013 u f'Mejju 2018,

—  wara li kkunsidra r-rapport 2017 ta' Human Rights Watch dwar Kuba u d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2018 magħmula minn Erika Gueva-Rosas, direttur għall-Amerki fi ħdan Amnesty International, dwar il-mitt jum tal-amministrazzjoni Kubana l-ġdida,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar tal-Kummissjoni Kubana għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali,

—  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

—  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Kuba,

—  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

—  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma inklużi fid-djalogi politiċi tal-UE kif ukoll fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni u ta' kummerċ tagħha; billi l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, għandha tkun wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha ma' Kuba;

B.  billi, fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba; billi l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jesprimi b'mod ċar it-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u jinkludi klawsola ta' sospensjoni fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba, immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, beda fl-2015; billi, fid-9 ta' Ottubru 2018, il-partijiet fir-raba' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba indirizzaw, fost affarijiet oħra, it-tema tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-affarijiet pubbliċi, inkluż fil-kuntest tal-proċessi elettorali reċenti, kif ukoll il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni u l-possibbiltà li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u setturi oħra tas-soċjetà ċivili jassoċjaw ruħhom, jesprimu l-fehmiet tagħhom u jipparteċipaw fil-ħajja pubblika liberament; billi mhuwiex ċar għall-Parlament jekk din il-laqgħa kinitx konklużiva dwar xi waħda minn dawn it-temi; billi ma nkiseb l-ebda riżultat tanġibbli f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, minkejja l-fatt li ġie stabbilit id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u minkejja l-elezzjoni mill-ġdid ta' Kuba fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2017-2019; billi d-djalogu politiku jrid jinkludi djalogu dirett u intensiv mas-soċjetà ċivili u mal-oppożizzjoni mingħajr ebda restrizzjoni;

D.  billi l-Gvern Kuban għadu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem bħala attività leġittima u jiċħad l-istatus legali lil gruppi lokali tad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi għandu jsir referendum kostituzzjonali fl-24 ta' Frar 2019; billi l-proċess tat-twaqqif tal-kostituzzjoni l-ġdida huwa nieqes minn konsultazzjoni nazzjonali xierqa, b'tali mod li jiġi żgurat li l-Partit Komunista jmantni r-rwol qawwi tiegħu fis-soċjetà Kubana, li ma għandhiex sistema multipartitika, libertajiet bażiċi u drittijiet politiċi u ċivili, u b'hekk jissaħħu s-sjieda ċentralizzata tal-Istat u l-ekonomija kkontrollata; billi s-sistema politika monopartitika hija ddikjarata bħala "irrevokabbli" fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 224 jiddikjara li huwa pprojbit li l-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jibdlu l-irriversibbiltà tas-Soċjaliżmu, kif ukoll is-sistema politika u soċjali attwali; billi jidher li hemm dispożizzjonijiet oħra li huma ferm preokkupanti fl-abbozz;

F.  billi l-ġurnalisti indipendenti, id-dissidenti paċifiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiddokumentaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma membri tal-oppożizzjoni demokratika, qed jiġu ppersegwitati, detenuti arbitrarjament jew miżmuma l-ħabs f'Kuba; billi, skont il-Kummissjoni Kubana għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, f'Ottubru 2018 twettqu minn tal-anqas 202 arresti arbitrarji fuq żmien qasir, mingħajr dubju għal raġunijiet politiċi, ta' opponenti paċifiċi u attivisti indipendenti tas-soċjetà ċivili li jeżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni politika;

G.  billi waħda minn dawn il-persuni hija Dr Eduardo Cardet, koordinatur nazzjonali tal-Moviment Nisrani ta' Liberazzjoni (MCL), li ġie kkundannat għal tliet snin il-ħabs talli eżerċita paċifikament id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni; billi, f'Novembru 2016, ġie arrestat meta mar lura d-dar wara vjaġġ f'Miami; billi Dr Cardet, li huwa meqjus bħala priġunier minħabba raġunijiet ta' twemmin, bħalissa qed jiġi detenut fil-ħabs Cuba SI f'Holguín, fejn qed jinżamm f'iżolament, mingħajr aċċess għal żjarat familjari jew telefonati;

H.  billi Tomás Núñez Magdariaga, membru tal-Għaqda Patrijottika ta' Kuba (Unión Patriótica de Cuba, UNPACU), grupp mhux uffiċjali tal-oppożizzjoni politika, għamel strajk tal-ġuħ bi protesta għal 62 jum u nħeles fil-15 ta' Ottubru 2018 bis-saħħa tal-pressjoni internazzjonali; billi s-Sur Magdariaga nstab ħati li allegatament hedded lil uffiċjal tal-Istat li fl-aħħar mill-aħħar stqarr li kien huwa li ħoloq l-akkużi miġjuba kontra tiegħu; billi l-każ tiegħu huwa eżempju ċar ieħor tat-tentattivi ta' oppressjoni fil-konfront ta' kwalunkwe idea li tesprimi dissens;

I.  billi, f'Ottubru 2018, in-Nisa Lebsin l-Abjad (Damas de Blanco) għal darba oħra sfaw il-vittmi ewlenin tar-repressjoni politika u għadd ta' membri tal-Forum Antitotalitarju Magħqud (Foro Antitotalitario Unido, FANTU) kienu soġġetti għal repressjoni f'diversi provinċji tal-pajjiż;

J.  billi l-priġunieri kollha f'Kuba jeħtiġilhom ikunu ggarantiti trattament uman; billi l-Gvern Kuban jiċħad lill-gruppi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem aċċess għall-ħabsijiet; billi ċ-ċittadini Kubani ma jibbenefikawx minn garanziji ta' proċess ġust, bħad-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti u imparzjali; billi l-priġunieri li jingħataw libertà kondizzjonali ħafna drabi huma soġġetti għal fastidju kontinwu mill-awtoritajiet;

K.  billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddikjara b'mod ċar li l-vittmi Kubani ta' detenzjoni arbitrarja għandhom id-dritt li jfittxu rimedju mill-gvern li jinkludi r-restituzzjoni, il-kumpens, ir-riabilitazzjoni, is-sodisfazzjon u l-garanziji ta' nonrepetizzjoni;

L.  billi hemm sinjali ta' rispett akbar għal-libertà ta' reliġjon f'Kuba; billi, fl-istess ħin, l-awtoritajiet Kubani għadhom restrittivi ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini jew bini mill-ġdid ta' knejjes Insara; billi l-Knisja progressivament ħarġet bħala l-akbar attur tas-soċjetà ċivili u bħala l-fornitur soċjali mhux statali ewlieni f'Kuba, iżda l-attivitajiet tagħha għadhom taħt kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet;

M.  billi relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi aktar mill-qrib ma' Kuba huma, min-naħa tal-UE, intiżi biex jgħinu r-riformi politiċi fil-pajjiż jimxu 'l quddiem, bi qbil mal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha tagħha; billi l-liberalizzazzjoni ekonomika u kummerċjali għandha tippermetti lill-pajjiż jimxi bil-mod il-mod lejn l-ispazji soċjali ħielsa, il-koeżistenza, it-teknoloġija u l-komunikazzjonijiet li huma apprezzati u mitluba mill-popolazzjoni Kubana;

N.  billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Lebsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi xorta waħda r-rebbieħa tal-Premju Sakharov għadhom jiġu impeduti milli jitilqu minn pajjiżhom u milli jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali;

O.  billi l-Parlament f'ħafna okkażjonijiet staqsa jekk jistax jibgħat delegazzjonijiet uffiċjali f'Kuba; billi kull darba l-awtoritajiet Kubani ċaħdu l-aċċess għall-pajjiż, anke wara li ġie konkluż il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja, il-persekuzzjoni, il-fastidju kif ukoll l-attakki fil-konfront tad-dissidenti paċifiċi, il-ġurnalisti indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni politika f'Kuba; jappella biex dawn l-azzjonijiet jintemmu minnufih u biex jinħelsu minnufih il-priġunieri politiċi kollha, inkluż Eduardo Cardet, u dawk miżmuma b'mod arbitrarju sempliċement talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lis-SEAE u lid-delegazzjoni tiegħu f'Kuba jirrispettaw b'mod strett il-prinċipji u l-politiki bażiċi tagħhom b'relazzjoni ma' Kuba u jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex ifittxu l-ħelsien tal-individwi msemmija hawn fuq, biex jiżguraw li l-fastidju tal-avversarji politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jintemm minnufih u biex jassistu u jipproteġu lil dawn tal-aħħar;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jtejbu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u t-trattament tal-priġunieri u jippermettu lill-gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet Kubani indipendenti jiksbu aċċess għall-ħabsijiet tal-pajjiż; jissottolinja li l-priġunerija tad-dissidenti Kubani minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom tmur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Jiddispjaċih li, minkejja l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma tjibitx; jappella biex jiġu onorati l-obbligi vinkolanti stabbiliti fil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-ftehim jiddependi mill-implimentazzjoni tiegħu u minn kemm jiġi osservat;

5.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-ftehim li għandha tapplika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, għalhekk, li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni u li għandu jsir rapportar lura lill-Parlament b'mod regolari; jistieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini tinforma lill-Parlament fid-dettall waqt il-plenarja dwar il-passi konkreti li qed jittieħdu bil-għan li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit imsemmi hawn fuq;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jiddefinixxi mill-ġdid il-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jallinjaha mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jħeġġu jippermetti lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni politika jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr ma jimponi l-ebda restrizzjoni; jistieden lil Kuba tafferma l-intenzjoni tagħha li "tosserva l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" billi tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll il-protokolli fakultattivi tagħhom;

7.  Ifakkar lill-awtoritajiet Kubani li l-libertà ta' moviment u ta' għaqda hija ggarantita bis-saħħa tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li din il-libertà testendi għall-attivisti u l-membri tal-oppożizzjoni demokratika;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tad-Digriet 349, li jdgħajjef id-dritt għal-libertà artistika f'Kuba; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jieħdu l-miżuri leġiżlattivi xierqa biex jirtiraw id-Digriet 349 qabel ma jidħol fis-seħħ f'Diċembru 2018; jenfasizza li l-libertà ta' espressjoni artistika hija fundamentali għal settur kulturali vijabbli u dinamiku li jkun kapaċi joħloq l-impjiegi, jiżviluppa l-industriji kulturali u jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-wirt kulturali;

9.  Jistieden lill-Gvern Kuban jieqaf jimponi ċ-ċensura online u jieqaf jimblokka s-siti tal-internet bl-iskop uniku li jillimita l-kritika politika u li jirrestrinġi l-aċċess għall-informazzjoni;

10.  Jappoġġja bis-sħiħ is-sejbiet tas-17 ta' Marzu 2017 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat f'Kuba li jħeġġu lil Kuba tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiggarantixxi l-indipendenza sħiħa tas-sistema ġudizzjarja tagħha u twaqqaf Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem indipendenti f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi;

11.  Jesprimi tħassib serju dwar l-abbozz il-ġdid tal-Kostituzzjoni u r-referendum ippjanat għal Frar 2019; jenfasizza li l-proċess kollu huwa nieqes mill-inklużjoni, it-tolleranza u r-rispett għad-drittijiet ċivili u politiċi bażiċi li jistgħu jiggarantixxu proċess kostituzzjonali demokratiku; itenni, f'dan is-sens, id-determinazzjoni tiegħu li jinkoraġġixxi proċess ta' tranżizzjoni għal demokrazija pluralistika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bl-involviment tal-atturi kollha mingħajr esklużjoni, kif tistqarr id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll irkupru ekonomiku dejjiemi mmirat lejn it-titjib tal-istandards tal-għajxien tal-popolazzjoni Kubana, bi qbil mal-aspirazzjonijiet tal-poplu Kuban; jistieden lill-awtoritajiet Kubani rilevanti jistabbilixxu elezzjonijiet ħielsa u pluralistiċi fil-Kostituzzjoni l-ġdida;

12.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jassistu t-tranżizzjoni ekonomika u politika f'Kuba lejn reġim kompletament demokratiku li jirrispetta d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini kollha tiegħu; jappoġġja l-użu tad-diversi strumenti tal-politika barranija tal-UE, u b'mod partikolari l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), sabiex jissaħħaħ id-djalogu tal-UE mas-soċjetà ċivili Kubana u ma' dawk li jappoġġjaw tranżizzjoni paċifika f'Kuba;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jappella biex ikun hemm moratorju fuq il-piena kapitali sakemm din il-bidla ġuridika tiġi adottata formalment; jappella biex issir reviżjoni tas-sentenzi kollha tal-mewt bil-għan li jiġi żgurat li l-proċessi assoċjati kienu konformi mal-istandards internazzjonali u li ma ssir lanqas eżekuzzjoni waħda fil-futur;

14.  Jistieden lill-Gvern Kuban jippermetti lill-knejjes iwettqu liberament l-attivitajiet ta' kura soċjali tagħhom fis-soċjetà Kubana; jappella biex il-libertà ta' reliġjon u ta' kuxjenza tkun iggarantita bis-sħiħ;

15.  Jistieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini tirrikonoxxi l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika fil-konfront tal-Gvern Kuban u tappoġġja l-inklużjoni tagħha fid-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba; ifakkar lill-istituzzjonijiet Ewropej li s-soċjetà ċivili u dawk li ngħataw il-Premju Sakharov huma atturi ewlenin għad-demokratizzazzjoni ta' Kuba u li l-vuċi tagħhom trid tinstema' u tittieħed inkunsiderazzjoni fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali; jistieden, f'dan is-sens, lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri tal-UE biex, matul iż-żjarat li jsiru, iqajmu t-tħassib tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Kubani u biex jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza interna u esterna tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jiddispjaċih ferm dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lill-kumitati, lid-delegazzjonijiet u lil xi gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew iżuru Kuba minkejja li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu minnufih id-dħul fil-pajjiż, inkluża l-possibbiltà ta' żjarat fil-gżira waqt ir-referendum kostituzzjonali previst fl-24 ta' Frar 2019;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.

(1) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 83.
(2) ĠU C 288 E, 24.11.2006, p. 81.
(3) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 377.
(4) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 82.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza