Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2018/003 EL/Attica publishing) (COM(2018)0667 – C8-0430/2018 – 2018/2240(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0667 – C8-0430/2018),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0377/2018),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jagħtu appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex jassistuhom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jenħtieġ li tkun dinamika u disponibbli b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u rapidu;
C. billi l-awtoritajiet Griegi ssottomettew l-applikazzjoni EGF/2018/003 EL/Attica publishing għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 550 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 58 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' pubblikazzjoni) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Attika (EL30) fil-Greċja;
D. billi l-l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li mill-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja tul perjodu referenzjarju ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku ddefinit fil-livell ta' diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, u li jkunu jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi, jew f'iktar minn żewġ reġjuni kontigwi ddefiniti fil-livell NUTS 2, dment li jkun hemm iktar minn 500 ħaddiem milquta fi tnejn mir-reġjuni kollha flimkien fi Stat Membru;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Greċja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 308 500 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 847 500;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-22 ta' Mejju 2018, u li, wara li l-Greċja tat informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-4 ta' Ottubru 2018 u nnotifikat lill-Parlament fl-istess jum u b'hekk irrispettat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa;
3. Jinnota li l-Greċja ssostni li s-sensji huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika, b'mod partikolari l-effetti tagħha fuq l-ekonomija Griega li jinkludu t-tnaqqis fil-PDG reali per capita, iż-żieda fil-qgħad, it-tnaqqis fis-salarji u t-tnaqqis fl-introjtu tal-unitajiet domestiċi flimkien mal-evoluzzjoni diġitali rapida li, flimkien mat-tnaqqis fl-infiq fuq ir-reklamar li jsir minn entitajiet sinifikanti li jirreklamaw, qed jittrasformaw lis-settur tal-pubblikazzjoni; jinnota li s-settur qed jaffaċċja tnaqqis fid-dħul kemm mir-reklamar kif ukoll mill-bejgħ;
4. Ifakkar li s-sensji li ngħataw fi tliet intrapriżi li joperaw fis-settur tal-pubblikazzjoni Grieg huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet tal-fatt li l-ħaddiema jiġu impjegati mill-ġdid minħabba l-iskarsezza tal-impjiegi, min-nuqqas ta' korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali li jikkorrispondu mal-bżonnijiet rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol u mill-għadd kbir ta' ħaddiema li qed ifittxu impjieg;
5. Jenfasizza bi tħassib li r-reġjun ta' Attika jirrappreżenta proporzjon kbir ta' qgħad u ta' qgħad fit-tul fil-Greċja fejn il-qgħad għadu għoli;
6. Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Greċja għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji fis-settur tal-attivitajiet ta' pubblikazzjoni f'Attika, wara l-applikazzjoni EGF/2014/018 fl-2014 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha(4);
7. Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda l-550 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u li għadd kbir minnhom huma nisa (41,82 %); jinnota wkoll li 14,73 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena filwaqt li 1,6 % għandhom anqas minn 30 sena; jirrikonoxxi, fid-dawl ta' dan, l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG favur it-titjib tal-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli;
8. Jilqa' l-fatt li l-offerta ppjanata ta' taħriġ tirrifletti t-tagħlimiet misluta mill-ewwel applikazzjoni EGF-2014-018 GR/Attica li, skont evalwazzjoni li għaddejja bħalissa, kisbet rati ta' integrazzjoni tajbin;
9. Jinnota li ebda miżura ma hija ppjanata għaż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEET) minkejja li r-rati tan-NEETs għadhom f'livelli għoljin fil-Greċja;
10. Jissottolinja li l-allowances finanzjarji jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira u jistgħu jservu ta' inċentiv reali fil-kuntest ekonomiku speċifiku tal-Greċja;
11. Jinnota li l-allowances u l-inċentivi finanzjarji, jiġifieri l-inċentivi għar-reklutaġġ, il-benefiċċju għat-tfittix ta' impjieg u l-benefiċċju għat-taħriġ huma qrib il-massimu ta' 35 % kif stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG;
12. Jinnota li l-Greċja qiegħda tippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) gwida okkupazzjonali u għajnuna għat-tfittix ta' impjieg; (ii) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali f'konformità mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju; (iv) benefiċċju għat-tfittix ta' impjieg u benefiċċju għat-taħriġ; (v) inċentivi għar-reklutaġġ;
13. Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie mfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Unjoni tal-Ġurnalisti tal-Gazzetti li Joħorġu ta' Kuljum f'Ateni (ΕΣΗΕΑ), l-Unjoni tal-Impjegati tal-Gazzetti ta' Kuljum f'Ateni (ΕΠΗΕΑ) u l-Ministeru tax-Xogħol;
14. Jisħaq li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li kwalunkwe finanzjament doppju se jkun evitat;
15. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
16. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi u jilqa' b'sodisfazzjon il-konferma min-naħa tal-Greċja f'dan ir-rigward;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;
18. Ifakkar fit-talba tiegħu li l-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;
19. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Deċiżjoni (UE) 2015/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' April 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/018 GR/Attica broadcasting, imressqa mill-Greċja) (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 29).
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Greċja – EGF/2018/003 EL/Attica publishing
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2019/275.)