Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2929(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0548/2018

Testi mressqa :

B8-0548/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2018)0474

Testi adottati
PDF 161kWORD 56k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell Verżjoni finali
Awtorizzazzjoni għal ċerti użi ta' dikromat tas-sodju
P8_TA(2018)0474B8-0548/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal ċerti użi ta' dikromat tas-sodju skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Ilario Ormezzano Sai S.R.L.) (D058762/01 – 2018/2929(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal ċerti użi ta' dikromat tas-sodju skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Ilario Ormezzano Sai S.R.L.) (D058762/01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(1) ("ir-Regolament REACH"), b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC)(2), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament REACH,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dikromat tas-sodju huwa inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament REACH minħabba tliet proprjetajiet intrinsiċi: karċinoġeniċità, mutaġeniċità u tossiċità riproduttiva (kategorija 1B); billi d-dikromat tas-sodju ġie miżjud fil-lista tal-kandidati tar-Regolament REACH fl-2008(4), minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala karċinoġenu, mutaġenu u tossiku għar-riproduzzjoni (kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5);

B.  billi l-entità molekulari li tixpruna l-karċinoġeniċità tad-dikromat tas-sodju hija l-kromu (VI) li fih il-jonju, li jiġi rilaxxat meta d-dikromat tas-sodju jinħall u jiddissoċja; billi l-kromu (VI) jikkawża tumuri fil-pulmun fil-bnedmin u fl-annimali permezz tar-rotta tan-nifs u tumuri tal-kanal gastrointestinali fl-annimali permezz tar-rotta orali;

C.  billi diġà fl-1997 fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93(6), id-dikromat tas-sodju ġie identifikat bħala sustanza prijoritarja għall-evalwazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 143/97(7); billi fl-2008 il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju minn esponiment għad-dikromat tas-sodju(8);

D.  billi Ilario Ormezzano Sai S.R.L (l-Applikant) ressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta' dikromat tas-sodju fiż-żebgħa tas-suf; billi l-applikazzjoni hija deskritta fl-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC bħala applikazzjoni "upstream"; billi l-Applikant huwa l-fornitur ta' dikromat tas-sodju għal 11-il utent downstream li jew jimmanifatturaw iż-żebgħat jew inkella huma żebbiegħa nfushom;

E.  billi l-iskop tar-Regolament REACH huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta' metodi alternattivi għall-valutazzjoni tal-perikli mis-sustanzi, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni libera ta' sustanzi fis-suq intern, filwaqt li jtejjeb l-kompetittività u l-innovazzjoni; billi l-objettiv primarju tar-Regolament REACH huwa l-ewwel wieħed minn dawk it-tliet objettivi, fid-dawl tal-Premessa (16) tal-preambolu għar-Regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja(9);

F.  billi r-Regolament REACH ma jipprevedix reġim ta' awtorizzazzjoni speċjali għall-hekk imsejħa "applikazzjonijiet upstream"; billi kwalunkwe applikant għal awtorizzazzjoni, irrispettivament mir-rwol jew livell tiegħu fil-katina tal-provvista, għandu jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 62 tar-Regolament REACH;

G.  billi l-RAC ikkonferma li mhuwiex possibbli li jiġi determinat livell derivat ta' bla effett għall-proprjetajiet karċinoġeniċi tad-dikromat tas-sodju u għaldaqstant, id-dikromat tas-sodju huwa meqjus bħala "sustanza mingħajr valur ta' limitu" għall-finijiet tal-Artikolu 60(3)(a) tar-Regolament REACH; billi dan ifisser li "livell ta' esponiment sikur" teoretiku għal din is-sustanza ma jistax jiġi stabbilit u użat bħala punt ta' riferiment biex jiġi vvalutat jekk ir-riskju li jintuża huwiex ikkontrollat adegwatament;

H.  billi l-Premessa (70) tar-Regolament REACH tiddikjara "għal kwalunkwe sustanza oħra li għaliha mhux possibbli li jiġi stabbilit livell sikur ta' espożizzjoni, għandhom dejjem jittieħdu miżuri sabiex jiġu minimizzati, sakemm ikun possibbli mil-lat tekniku u prattiku, l-espożizzjoni u l-emissjonijiet bil-għan li tiġi minimizzata l-possibbiltà ta' effetti ħżiena";

I.  billi l-RAC ikkonkluda li l-kundizzjonijiet operazzjonali u l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju deskritti fl-applikazzjoni ma kienux xierqa u effikaċi f'li jillimitaw ir-riskju(10);

J.  billi l-Artikolu 55 tar-Regolament REACH jipprevedi li s-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna b'sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar sikuri hija għan ċentrali tal-kapitolu tal-awtorizzazzjoni;

K.  billi l-Artikolu 64(4) tar-Regolament REACH jipprevedi li l-mandat ta' SEAC huwa li jivvaluta "d-disponibbiltà, l-idoneità u l-fattibbiltà teknika ta' alternattivi assoċjati mal-użu jew użi tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni […] u ta' kwalunkwe kontribuzzjonijiet ta' partijiet terzi preżentati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu";

L.  billi l-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament REACH jirrikjedi li l-applikant għal awtorizzazzjoni jipprovdi "analiżi tal-alternattivi li tikkonsidra r-riskji tagħhom u l-fattibbiltà teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni";

M.  billi l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jistipula li awtorizzazzjoni għall-użu ta' sustanza li r-riskji tagħha mhumiex ikkontrollati b'mod adegwat tista' tingħata biss jekk ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi xierqa;

N.  billi s-SEAC innota ħafna nuqqasijiet fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-analiżi ta' alternattivi; billi, skont is-SEAC, l-Applikant naqas milli jindirizza kwistjonijiet ewlenin sal-punt li dan "fixkel il-valutazzjoni tal-Kumitat dwar il-fattibbiltà teknika", u xi aspetti importanti daqs il-fattibbiltà ekonomika tal-alternattivi kienu biss "diskussi fil-qosor" mill-Applikant(11);

O.  billi l-argument ewlieni użat mill-Applikant biex jikkonkludi li ma kienx hemm alternattivi xierqa kien li l-klijenti (jiġifieri l-manifatturi/il-bejjiegħa tal-ħwejjeġ) ma jaċċettawx il-kwalità tal-kulur tat-tessuti meta miżbugħin b'alternattiva oħra;

P.  billi, madankollu, ir-rekwiżiti allegati tal-klijenti ma kienu appoġġati minn ebda evidenza, u mhuwiex ċar jekk ir-referenza għal "preferenza tal-klijenti" saritx b'għarfien sħiħ tar-riskju tad-dikromat tas-sodju(12);

Q.  billi barra minn hekk, is-SEAC innota, minkejja aktar inkjesti mal-Applikant, li "jekk prodott alternattiv fl-aħħar mill-aħħar se jiġi aċċettat mill-klijenti tal-utenti downstream tagħhom xorta jibqa' kemxejn suġġettiv u inċert"(13), is-SEAC innota fil-konklużjoni tiegħu: "Wara li ntlaqgħu l-kjarifiki mill-Applikant, il-Kumitat xorta għadu jsib għadd ta' inċertezzi fl-analiżi";

R.  billi minkejja dawn in-nuqqasijiet u l-inċertezzi fl-applikazzjoni, is-SEAC xorta kkonkluda li ma kien hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli, li sempliċement għamel dikjarazzjoni ġenerali li dawn l-inċertezzi "huma inerenti ma' dan it-tip ta' użu (id-diskussjonijiet dwar il-kwalità tal-prodott jistgħu jkunu mxekkla mis-soġġettività tat-tendenzi tal-moda u l-gosti estetiċi tal-konsumatur)"(14);

S.  billi, f'dan il-kuntest, l-opinjoni tas-SEAC turi li l-Applikant ma pprovdiex analiżi komprensiva ta' alternattivi disponibbli fis-suq biex jiġi sostitwit l-użu ta' dikromat tas-sodju għall-użi li saret applikazzjoni għalihom, iżda jonqos milli jasal għal konklużjonijiet adegwati;

T.  billi tali eżitu ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-fatt li hemm alternattivi li ilhom disponibbli għal ħafna snin(15), li d-ditti tal-moda ewlenin huma kontributuri għall-Programm Pjan Direzzjonali ZDHC, li ma jippermettix l-użu tal-kromu (VI) fil-manifattura tat-tessuti(16), u li l-kumpaniji tat-tessuti individwali għandhom politiki espliċiti li ma jippermettux l-użu tal-kromu (VI) (eż. H&M)(17), inklużi kumpaniji fi swieq tal-moda ta' livell għoli (Armani(18) u Lanificio Ermenegildo Zegna(19));

U.  billi l-Gruppo Colle u Ormezzano kienu l-uniċi applikanti għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament REACH għaż-żebgħa tal-kromu;

V.  billi r-Regolament REACH ipoġġi l-oneru tal-prova fuq l-applikant għal awtorizzazzjoni biex juri li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' awtorizzazzjoni huma ssodisfati; billi l-SEAC għandu d-dmir li jipprovdi "parir xjentifiku bbażat fuq il-prinċipji ta' eċċellenza, trasparenza u indipendenza", li "huwa garanzija proċedurali importanti li l-għan tagħha huwa li tiżgura l-oġġettività xjentifika tal-miżuri adottati u tipprekludi kwalunkwe miżura arbitrarja"(20);

W.  billi mhuwiex ċar għala, minkejja d-defiċjenzi jew l-inċertezzi identifikati rigward l-analiżi tal-alternattivi, is-SEAC ikkonkluda li kien hemm biżżejjed informazzjoni biex tintlaħaq konklużjoni dwar l-adegwatezza tal-alternattivi; billi lanqas mhuwa ċar għala t-talbiet tal-preferenzi suġġettivi ma ġewx miċħuda minkejja l-assenza tal-objettiv dettaljat u l-evidenza verifikabbli, u għala dawn it-talbiet ma kienux ivvalutati skont l-aħjar prattika tas-suq;

X.  billi mhuwiex aċċettabbli li jiġu ttollerati każijiet potenzjalment numerużi ta' infertilità, kanċer u effetti mutaġeniċi, minkejja d-disponibbiltà ta' alternattivi għall-kromat tas-sodju, abbażi ta' suppożizzjoni li l-manifatturi tal-ħwejjeġ ma jaċċettawx alternattivi minħabba "l-preferenza" soġġettiva tagħhom;

Y.  billi tali interpretazzjoni tal-kunċett ta' alternattivi u l-livell ta' prova meħtieġ mill-applikant la huwa konformi mal-objettiv li jissostitwixxi s-sustanzi ta' tħassib serju ħafna mal-alternattivi, u lanqas mal-objettiv primarju tar-Regolament REACH li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

Z.  billi l-Kummissjoni hija konxja tad-disponibbiltà ta' alternattivi xierqa, b'mod partikolari bis-saħħa tal-informazzjoni pprovduta matul il-konsultazzjoni pubblika u t-trilogu(21) organizzat mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fil-kuntest tal-każ tal-Gruppo Colle(22);

AA.  billi mhuwiex xieraq għall-Kummissjoni li tinjora informazzjoni kritika li turi d-disponibbiltà ta' alternattivi xierqa minn dak il-każ parallel;

AB.  billi l-Artikolu 61(2)(b) tar-Regolament REACH jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tirrieżamina awtorizzazzjoni fi kwalunkwe ħin jekk "informazzjoni ġdida dwar sostituti possibbli jsiru disponibbli";

AC.  billi l-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-użu ta' sustanza mingħajr limitu għall-applikazzjonijiet li għalihom alternattivi huma magħrufa b'mod ċar li jkunu disponibbli mhix konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH, u tippremja b'mod mhux xieraq lil dawk li jibqgħu lura u toħloq preċedent perikoluż għal deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni futuri taħt ir-Regolament REACH;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, billi ma jirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti b'dak ir-Regolament għall-għoti ta' awtorizzazzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tressaq abbozz ġdid li jirrifjuta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal ċerti użi ta' dikromat tas-sodju (Ilario Ormezzano Sai S.R.L.);

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) Opinjoni dwar Use of sodium dichromate as a mordant in the dyeing of wool as sliver and/or yarn with dark colours in industrial settings (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf bħala bċejjeċ żgħar u/jew ħjut b'kuluri skuri f'ambjenti industrijali) (Numru tal-KE 234-190-3);Opinjoni dwar Repackaging of sodium dichromate to be supplied as a mordant in the dyeing of wool as sliver and/or yarn with dark colours in industrial settings (L-imballaġġ mill-ġdid ta' dikromat tas-sodju biex jiġi fornit bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf bħala bċejjeċ żgħar u/jew ħjut b'kuluri skuri f'ambjenti industrijali) (Numru tal-KE 234-190-3);
(3) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(4) Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, Deċiżjoni mid-Direttur Eżekuttiv tat-28 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna fil-lista tal-kandidati.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 143/97 tal-27 ta' Jannar 1997 dwar it-tielet lista ta' sustanzi ta' prijorità kif previsti permezz tar-regolament tal-kunsill (KEE) Nru 793/93 (ĠU L 25, 28.1.1997, p. 13).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2008 dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi Kromat tas-sodju, Dikromat tas-sodju u 2,2′,6,6′-Tetrabromo-4,4′-isopropilidenedifenol (Tetrabromobisfenol A) (ĠU L 158, 18.6.2008, p. 62).
(9) Il-Kawża C-558/07, The Queen, fuq talba ta' S.P.C.M. SA, C.H. Erbslöh KG, Lake Chemicals and Minerals Ltd u Hercules Inc. vs Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs, ECLI:EU:C:2009:430, § 45.
(10) Opinjoni dwar Use of sodium dichromate as a mordant in the dyeing of wool as sliver and/or yarn with dark colours in industrial settings (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf bħala bċejjeċ żgħar u/jew ħjut b'kuluri skuri f'ambjenti industrijali) (Numru tal-KE 234-190-3), p. 19, Mistoqsija 6;
(11) Opinjoni dwar Use of sodium dichromate as a mordant in the dyeing of wool as sliver and/or yarn with dark colours in industrial settings (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf bħala bċejjeċ żgħar u/jew ħjut b'kuluri skuri f'ambjenti industrijali) (Numru tal-KE 234-190-3), pp. 24-25;
(12) Analiżi tal-applikant tal-alternattiva disponibbli fuq: https://echa.europa.eu/documents/10162/88b2f393-17cf-465e-95eb-ba07282ba400
(13) Opinjoni dwar Use of sodium dichromate as a mordant in the dyeing of wool as sliver and/or yarn with dark colours in industrial settings (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf bħala bċejjeċ żgħar u/jew ħjut b'kuluri skuri f'ambjenti industrijali) (Numru tal-KE 234-190-3), p. 24;
(14) Opinjoni dwar Use of sodium dichromate as a mordant in the dyeing of wool as sliver and/or yarn with dark colours in industrial settings (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf bħala bċejjeċ żgħar u/jew ħjut b'kuluri skuri f'ambjenti industrijali) (Numru tal-KE 234-190-3), p. 26;
(15) Ara: https://marketplace.chemsec.org/Alternative/LANASOL-CE-pioneering-replacement-of-chrome-dyes-since-20-years-44
(16) Ara: https://www.roadmaptozero.com/mrsl_online/
(17) Ara: H&M Group Chemical Restrictions 2018 Manufacturing Restricted Substances List (MRSL).
(18) Ara: Armani's Restricted Substances List Version 9 - Effective as of the Season SS 18.
(19) Ara l-preżentazzjoni ta' Huntsman bit-titolu: "Turning risks into opportunities - How to dye wool sustainably" (p. 18).
(20) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Settembru 2002, Pfizer Animal Health SA vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kawża T-13/99, ECLI:EU:T:2002:209.
(21) Kif spjegat fl-Opinjoni tar-RAC u tas-SEAC fil-Gruppo Colle: Use of sodium dichromate as mordant in wool dyeing (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf) (Numru tal-KE 234-190-3) (p. 21 tirreferi għal żewġ alternattivi: Lanasol u Realan).
(22) Opinjonijiet adottati mill-ECHA u konsultazzjonijiet preċedenti dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni - Gruppo Colle.S.r.l. - Use of Sodium dichromate as mordant in wool dyeing (L-użu ta' dikromat tas-sodju bħala murdent fiż-żebgħa tas-suf) (Numru tal-KE 234-190-3).

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza