Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali kurrenti (2018/2900(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet dwar in-negozju cum-ex magħmula minn konsorzju ta' ġurnalisti investigattivi mmexxija mill-organizzazzjoni tal-midja Ġermaniża mingħajr skop ta' qligħ CORRECTIV fit-18 ta' Ottubru 2018,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(1) ("ir-Regolament dwar l-ESMA"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(2) ("ir-Regolament dwar l-EBA"),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC2)(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli (DAC6)(4),
– wara li kkunsidra r-Raba' Kumitat ta' Inkjesta tal-Bundestag Ġermaniż li investiga l-iskandlu, u li ppubblika rapport(5) f'Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015(6) u tas-6 ta' Lulju 2016(7) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(8),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(9),
– wara li kkunsidra d-deċiwżjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX3), u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu (10),
– wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar l-iskandlu cum-ex,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kumitati konġunti ECON/TAX3 tiegħu tas-26 ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-terminu "cum-ex" u "cum-cum" – jew skemi ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi – jirreferi għall-prattika tan-negozju ta' ishma b'tali mod li l-identità tas-sid reali tibqa' moħbija u li ż-żewġ partijiet jew aktar involuti jkunu jistgħu jitolbu rifużjonijiet tat-taxxa minn ras il-għajn fuq il-qligħ kapitali li tkun tħallset darba biss;
B. billi l-iskandlu cum-ex inkixef lill-pubbliku permezz ta' investigazzjoni kollaborattiva bejn 19-il kumpanija tal-midja tal-aħbarijiet Ewropej li kienu jinvolvu 12-il pajjiż u 38 ġurnalist;
C. billi huwa rrappurtat li 11-il Stat Membru tilfu sa EUR 55,2 biljun fi dħul mit-taxxa bħala riżultat tal-iskemi cum-ex u cum-cum;
D. billi, għalkemm huwa diffiċli li dak li jkun jikkalkola l-ammont massimu tad-danni mġarrba, ladarba ħafna azzjonijiet bdew lejn l-aħħar tad-disgħinijiet u ilhom żmien twil preskritti;
E. billi l-investigazzjoni mill-konsorzju ta' ġurnalisti Ewropej tidentifika l-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Italja u Franza bħala huma s-swieq ewlenin li allegatament huma fil-mira għal prattiki ta' negozju cum-ex, segwiti min-Norveġja, il-Finlandja, il-Polonja, id-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka, u billi dawn il-prattiki potenzjalment jinvolvu għadd mhux magħruf ta' Stati Membri tal-UE kif ukoll pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżvizzera, pereżempju);
F. billi għadhom għaddejjin investigazzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE l-aktar milquta;
G. billi l-iskemi cum-ex u cum-cum għandhom uħud mill-karatteristiċi tal-frodi tat-taxxa, u billi jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk kienx hemm ksur tal-liġijiet nazzjonali jew ta' dawk tal-UE;
H. billi ġie rrappurtat li dawn il-prattiki kriminali jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji ta' Stati Membri tal-UE, fosthom diversi banek kummerċjali kbar u magħrufin;
I. billi f'xi każijiet l-awtoritajiet rilevanti ma wettqux investigazzjonijiet fil-fond rigward l-informazzjoni kondiviża minn Stati Membri oħra dwar l-iskandlu cum-ex;
J. billi l-fatt li investituri barranin huma intitolati jitolbu rifużjoni tat-taxxi minn ras il-għajn fuq id-dividendi għandu rwol ċentrali fir-rivelazzjonijiet;
K. billi, minn Settembru 2017 'il hawn, it-tieni Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC2) tirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE jiksbu informazzjoni mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom u jaqsmuha mal-Istat Membru ta' residenza tal-kontribwenti fuq bażi annwali;
L. billi s-sitt Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC6) tirrikjedi li kwalunkwe persuna li tfassal, tikkummerċjalizza, torganizza, tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni jew timmaniġġja l-implimentazzjoni ta' arranġament transfruntier rapportabbli u li jissodisfa karatteristiċi definiti minn qabel, tirrapporta dawk l-arranġamenti lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;
M. billi l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3) espliċitament ikopri kwalunkwe żvilupp rilevanti fi ħdan il-kompiti tal-Kumitat li jitfaċċa matul il-mandat tiegħu;
N. billi rriżulta li r-rwol tal-informaturi f'dawn l-aħħar 25 sena kien sinifikanti fl-iżvelar ta' informazzjoni sensittiva fiċ-ċentru tal-interess pubbliku, li kien il-każ anke fir-rivelazzjonijiet cum-ex(11);
1. Jikkundanna bil-qawwa l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa li nkixfu li wasslu għal telf irrappurtat pubblikament ta' dħul tal-Istati Membri mit-taxxa, li jilħaq sa ammont ta' EUR 55,2 biljun skont ċerti stimi tal-midja, liema telf huwa daqqa ta' ħarta kbira għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea;
2. Jenfasizza li, skont id-Direttiva tal-UE Kontra l-Ħasil tal-Flus(12), "reati fiskali" relatati ma' taxxi diretti u indiretti huma inklużi fid-definizzjoni wiesgħa ta' "attività kriminali" u jitqiesu reati predikati għall-ħasil tal-flus; ifakkar li kemm l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll il-konsulenti tat-taxxa, il-kontabilisti u l-avukati, jitqiesu bħala "entitajiet marbutin b'obbligu" skont id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, u għalhekk huma marbuta li jikkonformaw ma' sett ta' dmirijiet biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrappurtaw attivitajiet ta' ħasil tal-flus;
3. Jinnota bi tħassib li l-iskandlu cum-ex heżżeż il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi tat-taxxa, u jenfasizza kemm huwa kruċjali li nerġgħu nirbħu l-fiduċja tal-pubbliku u niżguraw li kwalunkwe dannu kkawżat ma jiġix ripetut;
4. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissarju inkarigat mit-tassazzjoni ma jirrikonoxxix il-bżonn li tiġi estiża s-sistema kurrenti għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;
5. Jitlob li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Bankarja Ewropea jagħmlu inkjesta dwar skemi ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi bħal cum-ex jew cum-cum ħalli jivvalutaw it-theddidiet potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji u għall-baġits nazzjonali; jistabbilixxu n-natura u l-kobor tal-atturi f'dawn l-iskemi; jivvalutaw jekk kienx hemm ksur tal-liġijiet nazzjonali jew ta' dawk tal-Unjoni; jivvalutaw l-azzjonijiet meħuda mis-superviżuri finanzjarji fl-Istati Membri; u jagħmlu rakkomandazzjonijiet adatti għal riforma u għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;
6. Jissottolinja li r-rivelazzjonijiet rapportati ma jaffettwawx l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;
7. Jirrakkomanda li l-inkjesta tistabbilixxi x'falla fil-koordinament u s-sorveljanza mis-superviżuri finanzjarji, mill-boroż u mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri kollha, biex b'hekk dawn l-iskemi ta' serq tat-taxxa setgħu jibqgħu għaddejjin snin sħaħ minkejja li kienu ġew identifikati;
8. Jitlob li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u Ewropej jingħataw mandat biex jeżaminaw prattiki ta' evitar tat-taxxa, peress li dawn jistgħu jikkostitwixxu riskju għall-integrità tas-suq intern;
9. Jissottolinja li jidher li dawn ir-rivelazzjonijiet ġodda jindikaw nuqqasijiet possibbli fil-liġijiet nazzjonali dwar it-taxxa u fis-sistemi kurrenti tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri; jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni;
10. Jitlob li l-iskambju ta' informazzjoni jissaħħaħ fil-livell tal-awtoritajiet tat-taxxa sabiex jiġu evitati l-kwistjonijiet bil-kunfidenzjalità rigward it-taxxa li nqalgħu f'xi Stati Membri;
11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri biex jinnominaw Punti Uniċi ta' Kuntatt (SPoCs) bi qbil mat-Taskforce Internazzjonali Konġunta tal-OECD dwar l-Intelligence u l-Kollaborazzjoni Komuni, u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejniethom, bil-ħsieb li tiżgura li l-Istati Membri jaqsmu bejniethom malajr u b'mod effiċjenti l-informazzjoni dwar każijiet b'rilevanza transfruntiera;
12. Jistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex, fejn xieraq, iwettqu investigazzjonijiet kriminali, jużaw għodod legali biex jiffriżaw assi suspettużi, jiftħu inkjesti dwar il-bordijiet tat-tmexxija potenzjalment involuti f'dan l-iskandlu u jimponu sanzjonijiet xierqa u dissważivi fuq il-partijiet involuti; huwa tal-fehma li kemm l-awturi kif ukoll il-faċilitaturi ta' dawn ir-reati, li jinkludu mhux biss konsulenti tat-taxxa iżda anke avukati, kontabilisti u banek, għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tintemm l-impunità tal-ħaddiema professjonisti u jiġi żgurat infurzar aħjar tar-regolamenti finanzjarji;
13. Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri jinvestigaw ir-rwol tal-fondi tal-assigurazzjoni u tas-superviżuri tal-assigurazzjoni fl-iskandlu;
14. Jistieden lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-DAC6 fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni bi rbit ma' arranġamenti transfruntiera rapportabbli, inkluż l-użu ta' talbiet lil gruppi;jitlob, barra minn hekk, li d-DAC6 tiġi msaħħa sabiex tirrikjedi l-iżvelar obbligatorju ta' skemi ta' arbitraġġ ta' dividendi u tal-informazzjoni kollha dwar il-qligħ kapitali, inkluż l-għoti ta' rifużjonijiet tat-taxxa fuq id-dividendi u fuq il-qligħ kapitali;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li ġew identifikati bħala, allegatament, is-swieq ewlenin fil-mira għal prattiki ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi biex jinvestigaw u janalizzaw bir-reqqa l-prattiki ta' ħlas tad-dividendi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, jidentifikaw il-lakuni fil-liġijiet tat-taxxa tagħhom li jiġġeneraw opportunitajiet għall-isfruttament minn dawk li jagħmlu frodi tat-taxxa u jevitaw it-taxxa, janalizzaw id-dimensjoni transfruntiera potenzjali ta' dawn il-prattiki u jtemmu kull prattika dannuża tat-taxxa;
16. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi ggarantit li l-assi kollha misruqa mit-teżor pubbliku jiġu rkuprati;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu u jaġġornaw il-ftehimiet bilaterali dwar it-tassazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi biex jagħlqu l-lakuni li jinċentivaw prattiki tan-negozju bbażati fuq it-taxxa bil-għan li jevitawha;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tibda taħdem minnufih dwar proposta għal pulizija finanzjarja Ewropea fil-qafas tal-Europol bil-kapaċitajiet investigattivi proprji, kif ukoll dwar qafas Ewropew għal investigazzjonijiet transfruntieri dwar it-taxxa;
19. Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni applikabbli fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti, bil-għan li tindirizza l-prattiki tal-arbitraġġ tad-dividendi;
20. Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta r-rwol ta' Vetturi bi Skopijiet Speċjali (SPVs) u ta' Entitajiet bi Skopijiet Speċjali (SPEs) li kixfu d-dokumenti tal-iskandlu cum-ex u li, fejn dan ikun f'loku, tipproponi li tillimita l-użu ta' dawn l-istrumenti;
21. Jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa ta' qafas Ewropew għal tassazzjoni fuq id-dħul kapitali li jnaqqas l-inċentivi li jiddestabbilizzaw il-flussi finanzjarji transfruntiera, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali fost l-Istati Membri u jimminaw il-bażijiet tat-taxxa li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-istati soċjali Ewropej;
22. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta leġiżlattiva għal Unità tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE, ċentru Ewropew għal xogħol investigattiv konġunt u mekkaniżmu ta' twissija bikrija;
23. Jinnota l-fatt li l-kriżi finanzjarja tal-2008 rriżultat fi tnaqqis ġeneralizzat ta' riżorsi u ta' persunal fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jitlob li l-Istati Membri jinvestu fl-għodod disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa u jimmodernizzawhom, u jallokaw riżorsi umani adegwati biex itejbu s-sorveljanza u jnaqqsu il-lakuni ta' ħin u ta' informazzjoni; jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-awtoritajiet finanzjarji tagħhom biex jiżguraw li huma kompletament funzjonali biex jidentifikaw frodi tat-taxxa;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-informaturi li jiżvelaw informazzjoni pereżempju dwar il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE; jistieden lil kull min għandu informazzjoni ta' valur għall-interess pubbliku biex jirrappurtaha, internament jew esternament, lill-awtoritajiet nazzjonali, jew fejn ikun meħtieġ, lill-pubbliku; jitlob sabiex il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni tiġi adottata malajr filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet adottati mill-kumitati differenti tal-Parlament Ewropew;
25. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 biex temenda, fost regolamenti oħra, ir-regolament li jistabbilixxi l-EBA sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-EBA fis-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju (COM(2018)0646); jenfasizza li, skont il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-BĊE għandu l-kompitu li jwettaq azzjonijiet ta' intervent bikri kif stabbilit fid-dritt rilevanti tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-BĊE għandu jkollu r-rwol li jwissi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għandu jikkoordina kwalunkwe azzjoni rigward suspetti ta' nonkonformità mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus f'banek jew gruppi taħt superviżjoni;
26. Huwa tal-fehma li l-ħidma tal-Kumitati TAXE, TAX2, PANA u TAX3 għandha titkompla, fil-mandat Parlamentari li jmiss, fi struttura permanenti fi ħdan il-Parlament, bħal sottokumitat tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON);
27. Jitlob li l-Kumitat Speċjali TAX3 jwettaq il-valutazzjoni tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet cum-ex u jinkludi r-riżultati u kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti fir-rapport finali tiegħu;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.
Smigħ tal-Kumitati ECON/TAX3 tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2018 dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali kurrenti.
Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.