Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2146(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0331/2018

Testi mressqa :

A8-0331/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 22
CRE 28/11/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0478

Testi adottati
PDF 177kWORD 62k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell
Rapport tal-2018 dwar is-Serbja
P8_TA(2018)0478A8-0331/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar is-Serbja (2018/2146(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Salonka fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-"Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija" tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE(1) tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Marzu 2012 biex jingħata status ta' pajjiż kandidat lis-Serbja u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-tmien laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tat-13 u l-14 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODHIR) rigward il-missjoni limitata ta' osservazzjoni elettorali tal-elezzjonijiet parlamentari bikrin fis-Serbja fid-29 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni dwar il-valutazzjoni tal-elezzjoni tal-OSKE/ODHIR tul l-elezzjonijiet presidenzjali fis-Serbja tat-2 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar is-Serbja tas-17 ta' April 2018 (SWD(2018)0152),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tat-23 ta' Mejju 2017 (9655/17),

–  wara li kkunsidra r-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja tas-16 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra t-tmien laqgħa tal-Konferenza mas-Serbja dwar l-Adeżjoni fil-livell ministerjali tal-25 ta' Ġunju 2018.

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Lulju 2015 tal-korp kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa – GRECO – dwar is-Serbja u r-Raba' rapport tas-Sessjoni ta' Evalwazzjoni tal-GRECO tal-20 ta' Ottubru 2017 bit-titlu "Corruption prevention in respect of members of parliament, judges and prosecutors" (Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-membri tal-parlament, l-imħallfin u l-prosekuturi),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Kosovo 2018-2020 (SWD(2018)0132) u l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-"Opinion on the draft amendments to the constitutional provisions on the judiciary" (Opinjoni dwar l-abbozz ta' emendi għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-ġudikatura) tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, appoġġat mill-Kummissjoni u li sar mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal bit-titlu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0331/2018),

A.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, trid tiġi ġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha li tissodisfa, timplimenta u tikkonforma mal-istess ġabra ta' kriterji, u billi l-kwalità tar-riformi neċessarji u d-dedikazzjoni lejhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni; billi l-proċess ta' adeżjoni huwa u jibqa' wieħed ibbażat fuq il-mertu li jiddependi b'mod sħiħ mill-progress oġġettiv miksub minn kull pajjiż, inkluża s-Serbja;

B.  billi sa mill-ftuħ tan-negozjati mas-Serbja nfetħu erbatax-il kapitolu u tnejn minnhom ingħalqu b'mod provviżorju;

C.  billi s-Serbja kienet impenjata b'mod kontinwu biex tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Kosovo, li wassal għall-Ewwel Ftehim tal-Prinċipji li Jiggvernaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013 u l-ftehimiet ta' Awwissu 2015; billi s-Serbja kompliet tipparteċipa f'dan id-djalogu;

D.  billi s-Serbja kkontribwiet għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajbin, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà, għar-rikonċiljazzjoni u għal klima li għen biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bilaterali miftuħa mill-passat;

E.  billi s-Serbja żammet l-impenn li toħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompliet tibni riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-FSA;

F.  billi l-istat tad-dritt huwa valur fundamentali li fuqu hija msejsa l-UE u jinsab fil-qalba kemm tal-proċess ta' tkabbir kif ukoll tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi hemm bżonn ta' riformi li jindirizzaw l-isfidi importanti li għad fadal f'dan il-qasam, partikolarment fil-garanzija ta' ġudikatura indipendenti, imparzjali, responsabbli u effiċjenti, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

G.  billi s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inklużi b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni tal-1948 (Nru 87), id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, tal-1949 (Nru 98) u, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930 (Nru 29);

H.  billi s-sitwazzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni tibqa' kwistjoni ta' tħassib partikolarment serju, li teħtieġ li tiġi indirizzata b'determinazzjoni u b'effikaċja bħala kwistjoni ta' prijorità;

I.  billi s-Serbja tibbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni skont l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), b'allokazzjoni indikattiva totali ta' EUR 1,5 biljun għall-2014-2020; billi l-allokazzjoni indikattiva riveduta tal-IPA II għas-Serbja għall-perjodu 2018-2020 hija ta' EUR 722 miljun; billi s-Serbja ngħatat kumpens għall-prestazzjoni ta' nofs it-terminu;

1.  Jilqa' l-impenn kontinwu muri mis-Serbja fit-triq lejn l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea; jappella lis-Serbja, ħalli bl-appoġġ tal-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv din id-deċiżjoni strateġika fost il-pubbliku Serb u tkompli żżid l-informazzjoni li tingħata f'waqtha u b'mod trasparenti, kif ukoll il-viżibbiltà tal-UE u tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati minnha;

2.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni bir-reqqa tar-riformi u tal-politiki hija indikatur ewlieni ta' proċess ta' integrazzjoni ta' suċċess; jappella lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' politiki ġodda; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' tielet reviżjoni tal-programm nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis tal-UE u jwissi kontra l-konsegwenzi ta' traspożizzjoni mhux xierqa fil-liġi nazzjonali ta' liġijiet importanti tal-UE rigward l-allinjament mal-acquis; jilqa' bi pjaċir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu ta' "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" li, flimkien ma' rieda politika qawwija, bit-twassil ta' riformi reali u sostnuti, u b'soluzzjonijiet definittivi mal-ġirien, is-Serbja tista' ssir membru tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li jekk jingħataw il-garanziji ta' progress meħtieġa, b'mod partikolari fil-qasam fundamentali tal-istat tad-dritt, biex jappoġġjaw il-ftuħ ta' kapitoli mħejjija teknikament u jaċċelleraw il-proċess globali ta' negozjati ta' adeżjoni;

3.  Jilqa' bi pjaċir it-tlestija b'suċċess tal-proċess ta' pprogrammar IPA 2018 u l-iffirmar tal-Ftehim ta' Finanzjament għall-IPARD II; jistieden lill-Kummissjoni sabiex fit-tfassil tal-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni l-ġdid (IPA III), tinkludi dispożizzjonijiet adegwati li jipprevedu l-possibbiltà tal-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;

4.  Jilqa' bi pjaċir il-progress tas-Serbja fl-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona, li tiggarantixxi tkabbir ekonomiku u li tippreserva l-istabbiltà makroekonomika u monetarja; jenfasizza li s-Serbja għamlet progress tajjeb biex tindirizza wħud mill-punti ta' dgħufija strateġiċi li kienu problematiċi fil-passat, partikolarment permezz tal-konsolidament tal-baġit; jenfasizza, madankollu, li l-qgħad, l-eżodu tal-imħuħ u l-inattività ekonomika għadhom għoljin; jappella lis-Serbja tiżviluppa pjan sostenibbli għall-futur tal-intrapriżi statali; jenfasizza l-importanza suprema ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għall-ekonomija tas-Serbja u, jappella għal ambjent ta' negozju trasparenti u inqas burokratiku; jappoġġja l-adeżjoni tas-Serbja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

5.  Jesprimi tħassib dwar il-qgħad persistenti u jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u l-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ; jappella lis-Serbja ttejjeb il-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jappella lis-Serbja ssaħħaħ id-djalogu tripartitiku; jitlob għal emenda tal-Liġi dwar il-Kontribuzzjonijiet tal-Assigurazzjoni Soċjali Obbligatorja u tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tas-Saħħa bil-għan li tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra l-produtturi agrikoli żgħar;

6.  Jieħu nota tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-2 ta' April 2017; jilqa' bi pjaċir it-twettiq ġenerali tal-elezzjonijiet u jappella lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet jindirizzaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, b'mod partikolari l-garanzija ta' ambjent ekwu matul il-perjodu tal-kampanja elettorali, u l-parteċipazzjoni fi djalogu mal-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali domestiċi indipendenti; jitlob lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod xieraq l-akkużi ta' irregolaritajiet, ta' vjolenza u ta' intimidazzjoni li tqajmu matul proċessi elettorali fil-passat; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali; jindika li l-finanzjament tal-partiti politiċi jeħtieġ li jkun trasparenti u konformi mal-istandard internazzjonali;

7.  Jappella lis-Serbja tkompli tallinja lilha nnifisha mal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, inkluża l-politika tagħha dwar ir-Russja, anke fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti; jilqa' bi pjaċir il-kontribut importanti tas-Serbja u l-parteċipazzjoni kontinwa f'numru ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) (EUTM Mali, EUTM Somalja, EUNAVFOR Atalanta, EUTM RCA), bis-Serbja tipparteċipa f'erba' minn sitt missjonijiet jew operazzjonijiet militari li attwalment qed jitwettqu mill-Unjoni; jinsab imħasseb madankollu, dwar il-kooperazzjoni militari li għadha għaddejja tas-Serbja mar-Russja u mal-Belarussja;

8.  Ifaħħar l-approċċ kostruttiv tas-Serbja fir-rigward tal-ġestjoni tal-effetti tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati, kif ukoll l-isforzi sostanzjali li wettaq il-pajjiż biex jipprovdi kenn u provvisti umanitarji, primarjament bl-appoġġ tal-UE; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni mis-Serbja tal-Liġi dwar l-Asil il-ġdida, il-Liġi dwar il-Barranin u l-Liġi dwar il-Kontroll tal-Fruntieri; iħeġġeġ lis-Serbja tallinja b'mod gradwali l-politika dwar il-viżi tagħha ma' dik tal-UE; jinnota bi tħassib li l-politika dwar il-viżi mhux allinjata tas-Serbja fetħet il-possibbiltà ta' migrazzjoni illegali u ta' kuntrabandu lejn il-pajjiżi tal-UE, kif ukoll lejn il-pajjiżi ġirien mhux tal-UE; iħeġġeġ lis-Serbja ddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu ta' ritorn għall-immigranti irregolari li jikkonforma mal-acquis tal-UE u ttejjeb aktar il-kapaċità tagħha li tindirizza l-bżonnijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati; jappella lis-Serbja ssib soluzzjoni vijabbli għar-rifuġjati minn pajjiżi ġirien, inkluż fir-rigward tal-bżonnijiet ta' akkomodazzjoni tagħhom u ta' aċċessibbiltà għax-xogħol u l-edukazzjoni;

Stat tad-dritt

9.  Iħeġġeġ lis-Serbja tintensifika l-isforzi ta' riforma tagħha fil-qasam tal-istat tad-dritt, u partikolarment tiggarantixxi l-indipendenza u l-effikaċja ġenerali tas-sistema ġudizzjarja; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' riforma effikaċi f'dan il-qasam; jinnota li minkejja li ġie reġistrat xi progress fit-tnaqqis ta' każijiet pendenti ta' proċedimenti qodma, u fid-dħul fis-seħħ ta' miżuri ta' armonizzazzjoni tal-prattika tal-qorti, l-indipendenza ġudizzjarja fis-Serbja għadha mhijiex garantita bis-sħiħ u l-ambitu tal-influwenza politika fuq il-ġudikatura jibqa' punt ta' tħassib; jappella lis-Serbja ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont, l-imparzjalità, il-professjonalità u l-effiċjenza ġenerali tal-ġudikatura, kif ukoll tistabbilixxi sistema ta' għajnuna legali mingħajr ħlas li tiżgura għażla wiesgħa ta' fornituri ta' għajnuna legali ħielsa; jitlob l-implimentazzjoni tas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.  Itenni l-importanza li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jħeġġeġ lis-Serbja turi impenn ċar biex tittratta din il-kwistjoni; jilqa' bi pjaċir l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Ġurisdizzjoni tal-Awtoritajiet tal-Gvern dwar it-Trażżin tal-Kriminalità Organizzata, it-Terroriżmu u l-Korruzzjoni; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-emendi li saru fit-taqsima dwar il-kriminalità ekonomika tal-kodiċi kriminali tal-pajjiż u jħeġġeġ lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ dawn l-emendi, inkluża l-emenda dwar l-abbuż mill-kariga, sabiex tipprevjeni kwalunkwe użu ħażin; jitlob li titkompla l-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni; itenni t-talba tiegħu lis-Serbja biex tadotta malajr il-liġi l-ġdida tagħha dwar l-Aġenzija għal Kontra l-Korruzzjoni bil-għan li ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' politiki ġodda u dawk eżistenti; jenfasizza l-importanza ewlenija li l-Aġenzija tirċievi u żżomm ir-riżorsi umani u finanzjarji li teħtieġ biex taqdi l-mandat tagħha b'mod indipendenti; jenfasizza li l-membri tal-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni jridu jiġu eletti skont il-prinċipji ta' trasparenza, ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess jew ta' affiljazzjoni politika; jitlob lill-awtoritajiet jimlew il-postijiet vakanti kollha fl-Aġenzija; jappella lis-Serbja tkompli ttejjeb il-każistika tagħha dwar l-investigazzjonijiet, l-akkużi u l-kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli u tippubblika statistika fuq bażi regolari dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet fil-każijiet kollha ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni minn uffiċjali pubbliċi;

11.  Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO); jitlob lill-Parlament Serb jindirizza b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess, u jadotta l-Kodiċi ta' Kondotta;

12.  Jirrikonoxxi li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u jilqa' bi pjaċir ir-rwol attiv tas-Serbja fil-kooperazzjoni internazzjonali u ta' pulizija reġjonali u ġudizzjarja; jappella lis-Serbja turi impenn akbar u twassal riżultati tanġibbli f'din il-ġlieda, partikolarment permezz ta' rekord konvinċenti ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni f'każijiet ta' kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar illegali u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali mis-Serbja lejn l-UE u lejn pajjiżi mhux tal-UE, l-omiċidji b'rabta mal-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità, il-flussi finanzjarji li jappoġġjaw attivitajiet terroristiċi u l-ħasil tal-flus; jappella lis-Serbja tkompli bl-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni li ġie miftiehem mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF); jiġbed l-attenzjoni għall-għadd dejjem akbar ta' attakki kriminali u jitlob li dawn jiġu riżolti permezz ta' kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet ġudizzjarji;

Demokrazija u djalogu soċjali

13.  Jenfasizza li l-parlament Serb għadu ma jeżerċitax sorveljanza effettiva tal-eżekuttiv, u li t-trasparenza, l-inklużività u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv jeħtieġ li jitjiebu aktar; jilqa' bi pjaċir it-tnaqqis fl-użu ta' proċeduri ta' urġenza għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta' proċeduri ta' urġenza baqa' frekwenti u jxekkel l-iskrutinju parlamentari u pubbliku; jenfasizza li jenħtieġ li tiġi evitata kull azzjoni li tillimita l-kapaċità tal-parlament Serb li jwettaq dibattitu effikaċi dwar il-leġiżlazzjoni u l-iskrutinju tagħha; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-oppożizzjoni f'demokrazija u jissottolinja li jenħtieġ li l-politiċi tagħha ma jkunux soġġetti għal malafama u libell; jesprimi tħassib li xi politiċi qegħdin jagħmlu użu ħażin tad-diskors pubbliku biex jalimentaw il-qawmien tar-radikaliżmu; jitlob għal miżuri addizzjonali li jiżguraw id-djalogu bejn il-partiti u involviment effikaċi tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-Parlament Serb jirrevedi l-prattika ta' ostruzzjoniżmu u jekk din toħnoqx id-dibattitu demokratiku; jilqa' bi pjaċir l-isforzi kontinwi tal-parlament Serb biex itejjeb it-trasparenza permezz ta' dibattiti dwar il-pożizzjonijiet ta' negozjar tas-Serbja li jirrigwardaw il-kapitoli ta' adeżjoni mal-UE, kif ukoll permezz ta' skambji mat-tim ta' negozjaturi ewlenin u mal-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi rikonoxxut u appoġġjat bis-sħiħ ir-rwol tal-korpi regolatorji indipendenti, inkluż l-Ombudsman tal-pajjiż, l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, l-Awtorità Nazzjonali tal-Awditjar u l-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali; jitlob l-impenn tal-Parlament Serb fl-implimentazzjoni tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi regolatorji indipendenti, b'mod partikolari dawk tal-Ombudsperson; ifakkar li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-pilastri tal-mudell soċjali Ewropew u, li konsultazzjoni regolari bejn il-gvern u s-sħab soċjali hija strumentali fil-prevenzjoni tat-tensjoni soċjali u tal-kunflitti; jissottolinja li huwa essenzjali li d-djalogu soċjali jmur lil hinn mill-iskambju ta' informazzjoni u li l-partijiet interessati jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar liġijiet importanti qabel ma jkunu soġġetti għal proċedura parlamentari;

14.  Jilqa' bi pjaċir il-preżentazzjoni tal-abbozz ta' riforma kostituzzjonali tal-ġudikatura tal-pajjiż li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni ta' Venezja għal opinjoni; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jniedu dibattitu pubbliku inklużiv u li jagħmel sens li jsir b'mod kostruttiv sabiex jissensibilizzaw aktar dwar il-proċess ta' riforma kostituzzjonali fil-pajjiż; jitlob konsultazzjoni pubblika sħiħa qabel ma l-abbozz finali jitressaq quddiem il-parlament Serb;

15.  Jilqa' bi pjaċir il-progress tas-Serbja fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tagħha, partikolarment permezz tal-adozzjoni ta' bosta liġijiet ġodda dwar is-salarji tas-servizz pubbliku u dwar ir-relazzjonijiet tal-impjieg, dwar il-gvern lokali u s-salarji fil-provinċji awtonomi u, dwar l-akkademja ta' taħriġ nazzjonali; jenfasizza li l-influwenza politika fil-ħatriet maniġerjali ewlenin għadha kwistjoni ta' tħassib; jappella lis-Serbja temenda l-liġi dwar is-servizz ċivili biex tiggarantixxi n-newtralità tal-amministrazzjoni pubblika; jinnota li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha huwa importanti għall-implimentazzjoni b'suċċess tar-riformi ewlenin; jilqa' bi pjaċir il-ħolqien ta' Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, li jinkorpora l-istrutturi ta' dak li kien l-Uffiċċju għall-Integrazzjoni Serb-Ewropew, li kompla jipprovdi gwida politika favur l-integrazzjoni Ewropea;

Drittijiet tal-bniedem

16.  Jissottolinja li ddaħħal fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li hemm bżonn ta' implimentazzjoni konsistenti u effikaċi fil-pajjiż kollu; jappella lis-Serbja tadotta l-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tad-Data u tiżgura li tikkonforma bis-sħiħ mal-istandards u mal-aħjar prattiki tal-UE; jinnota li hemm bżonn sforzi sostnuti ulterjuri biex titjieb is-sitwazzjoni ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, inklużi tfal, persuni b'diżabbiltajiet, persuni bl-HIV/AIDS u persuni LGBTI; jikkundanna l-okkorrenza kontinwa ta' reati ta' mibegħda kontra r-Rom u persuni LGBTI; jappella lis-Serbja ssegwi b'mod attiv l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni ta' reati b'motivazzjoni ta' mibegħda; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jippromwovu klima ta' tolleranza u jikkundannaw kull forma ta' inċitament għall-mibegħda, approvazzjoni pubblika jew tiċħid ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

17.  Iħeġġeġ lis-Serbja ssaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità tal-awtoritajiet tagħha rigward il-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltà u f'dan ir-rigward, tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn il-pulizija, il-prosekuturi pubbliċi u s-servizzi soċjali; jilqa' bi pjaċir ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mis-Serbja u tal-iżviluppi reċenti fir-rigward ta' miżuri għall-protezzjoni ta' tfal mill-vjolenza, inkluża d-dikjarazzjoni tal-gvern dwar l-istabbiliment ta' Ombudsperson għat-tfal, u jitlob lill-awtoritajiet jimmonitorjaw l-effett tal-leġiżlazzjoni u ta' miżuri oħra; jissottolinja li għad hemm nuqqasijiet fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni b'diżabbiltà, u jħeġġeġ lill-gvern jadotta strateġija nazzjonali dwar il-persuni b'diżabbiltà;

18.  Iħeġġeġ bil-qawwi lill-awtoritajiet Serbi jqawwu l-isforzi tagħhom biex itejbu s-sitwazzjoni dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma ġdid iddedikat għall-iżvilupp tal-Abbozz tal-Istrateġija tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni; jenfasizza l-fatt li t-theddid, il-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni, inklużi l-fastidji u l-intimidazzjoni amministrattiva permezz ta' proċeduri bil-qorti, jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib; jitlob lill-uffiċjali jkunu konsistenti fil-kundanna pubblika ta' kull forma ta' intimidazzjoni ta' ġurnalisti u jżommu lura milli jindaħlu fl-attivitajiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-ġurnalisti, inkluż fil-kuntest ta' elezzjonijiet; jinnota f'dan ir-rigward li anki jekk ġew solvuti bosta każijiet u ġew ippreżentati xi akkużi kriminali, il-kundanni għadhom rari; jilqa' bi pjaċir l-isforz tal-grupp ta' ħidma permanenti li ġie stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Miżuri għal Żieda fis-Sikurezza tal-Ġurnalisti u jitlob lill-awtoritajiet juru l-impenn sħiħ tagħhom biex jinvestigaw u jieħdu passi kontra kull każ ta' attakk kontra ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jappella favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-Korp Regolatorju għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi tas-Serbja; jilqa' bi pjaċir l-isforzi mġedda għall-adozzjoni ta' strateġija għall-mezzi ta' komunikazzjoni biex jinħoloq ambjent tal-mezzi tal-komunikazzjoni pluralistiku u jisħaq f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' konsultazzjoni trasparenti u inklużiva mal-partijiet interessati; jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-finanzjament tagħhom; jitlob l-adozzjoni ta' politiki li jipproteġu l-mezzi tal-komunikazzjoni u l-programmi f'lingwi ta' minoranzi nazzjonali li jgħixu fis-Serbja;

19.  Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jsaħħu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom rwol ewlieni f'demokrazija li tiffunzjona tajjeb; jikkundanna l-kampanji negattivi u r-restrizzjonijiet kontra ċerti Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ); jitlob li tiġi adottata strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni relatat biex jiġi rregolat l-ambjent li fih joperaw l-OSĊ; jemmen li hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni sistematika bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili u jitlob li tingħata aktar attenzjoni fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma li jolqtu lis-soċjetà ċivili;

20.  Jinnota xi progress fil-każ tat-twaqqigħ illegali ta' proprjetà privata u ċ-ċaħda tal-libertà ta' moviment fl-inħawi ta' Savamala f'Belgrad f'April 2016; jitlob li l-każ jiġi solvut u li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet ġudizzjarji fl-investigazzjonijiet biex il-persuni responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

Rispett u protezzjoni tal-minoranzi

21.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għar-realizzazzjoni tad-drittijiet ta' minoranzi nazzjonali, u l-adozzjoni ta' digriet li jistabbilixxi fond għall-minoranzi nazzjonali; jappella lill-Gvern Serb jimplimenta bis-sħiħ it-trattati internazzjonali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tal-minoranzi; jenfasizza li l-progress fil-qasam ta' garanzija tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali mhuwiex sodisfaċenti u jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni u għal koordinazzjoni u inklużjoni mtejba tal-partijiet interessati, inklużi l-pajjiżi ġirien skont il-ħtiġijiet tat-trasport u l-komunikazzjoni; jinnota li l-fond għall-minoranzi nazzjonali qed jiffunzjona u kien hemm żieda fil-finanzjament tiegħu; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' liġijiet kruċjali dwar il-qafas tad-drittijiet tal-minoranzi; itenni l-appell tiegħu li s-Serbja tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni u l-kultura, l-użu tal-lingwi tal-minoranzi, ir-rappreżentanza fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura u l-aċċess kontinwu għall-mezzi ta' komunikazzjoni u s-servizzi reliġjużi bil-lingwi tal-minoranzi; jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċikli ta' elezzjoni tal-minoranzi nazzjonali tal-pajjiż u jitlob l-adozzjoni ta' politiki li jiggarantixxu r-rappreżentanza politika ġusta tagħhom fl-assemblea nazzjonali Serba; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tad-dritt ta' reġistrazzjoni tat-twelid f'waqtu; jenfasizza li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali hija kundizzjoni preliminari għall-adeżjoni mal-UE;

22.  Jinnota li d-diversità kulturali tal-Vojvodina tikkontribwixxi għall-identità tas-Serbja; jenfasizza li l-awtonomija tal-Vojvodina għandha tiġi ppreservata u l-liġi dwar ir-riżorsi ta' finanzjament tal-Vojvodina għandha tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, kif previst fil-Kostituzzjoni;

23.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni soċjali tar-Rom għall-perjodu 2016-2025, flimkien ma' pjan ta' azzjoni li jkopri l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi; jilqa' bi pjaċir ir-rikonoxximent tal-istrateġija li n-nisa Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni partikolari; iħeġġeġ lis-Serbja tistabbilixxi għanijiet u indikaturi ċari għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida; jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' bniet Rom li jitilqu mill-iskola; jinnota li l-maġġoranza tar-Rom jbatu minn esklużjoni soċjali u jiffaċċjaw il-ksur sistematiku tad-drittijiet tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni tar-Rom u l-pjan ta' azzjoni tagħha; jenfasizza l-importanza tal-ifformular ta' politiki li se jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra r-Rom u kontra ż-Żingari. jitlob għall-parteċipazzjoni pubblika u politika sinifikattiva tar-Rom fil-livelli kollha;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

24.  Jilqa' bi pjaċir il-fatt li s-Serbja tibqa' impenjata, b'mod kostruttiv, favur relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn tat-tkabbir u ma' Stati Membri ġirien tal-UE; jilqa' bi pjaċir il-fatt li s-Serbja żammet l-impenn tagħha f'għadd ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Istrateġiji makroreġjonali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (EUSDR), l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), il-Proċess Brdo-Brijuni, l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività tagħha u l-proċess ta' Berlin; jilqa' bi pjaċir ir-riżultati miksuba s'issa mill-inizjattiva tas-Sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jitlob l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ekonomika Reġjonali (REA); itenni t-talba tiegħu biex is-Serbja timplimenta l-miżuri ta' riforma ta' konnettività assoċjati mal-aġenda ta' konnettività; jilqa' bi pjaċir l-isforzi tas-Serbja biex tipprijoritizza l-investimenti fl-infrastruttura u jissottolinja l-importanza ta' konnettività akbar fir-reġjun; jinnota li jeħtieġ li jsiru sforzi akbar fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni tal-fruntiera sabiex tiġi evitata d-depopolazzjoni tagħhom; jappoġġja l-proposta għal tnaqqis tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent; jenfasizza li t-tilwim bilaterali pendenti ma għandux ikollu effett negattiv fuq il-proċess ta' adeżjoni; jappoġġja bil-qawwa l-wegħda tas-sħab tal-Balkani tal-Punent li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, l-istabbiltà reġjonali u l-kooperazzjoni reċiproka; ifakkar li l-UE hija determinata li ssaħħaħ u tintensifika l-impenn tagħha biex tappoġġja t-trasformazzjoni tar-reġjun;

25.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra; jieħu nota tal-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra u jħeġġeġ lis-Serbja twettaq l-attivitajiet kollha previsti; jilqa' bi pjaċir il-ħatra, f'Mejju 2017, ta' prosekutur ġdid għad-delitti tal-gwerra; itenni t-talba tiegħu għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, partikolarment permezz tat-tressiq 'il quddiem ta' atti ta' akkuża, u għall-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni operattiva; jappella lis-Serbja tinvestiga b'mod effettiv il-każijiet kollha ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari dawk ta' profil għoli, u tikkoopera mas-sħab reġjonali tagħha f'dawn il-każijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu sforzi akbar biex isolvu dawn il-kwistjonijiet fil-proċess tan-negozjati UE-Serbja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jindirizzaw il-problema ta' persuni li għebu matul il-gwerer tad-disgħinijiet; jappella lis-Serbja biex għal darb'oħra tikkoopera bis-sħiħ mal-Mekkaniżmu Residwu Internazzjonali tat-Tribunali Kriminali Internazzjonali attwali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jaħdmu fuq il-kwistjoni tad-destin tal-persuni li għebu, inkluż il-ftuħ tal-arkivji nazzjonali b'rabta mal-perjodu tal-gwerra; iħeġġeġ lis-Serbja tħejji skema ta' riparazzjoni għall-vittmi u l-familji tagħhom; itenni s-sostenn tiegħu għall-inizjattiva biex toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fl-Ex-Jugoslavja; jenfasizza l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO) u mill-fergħat lokali tiegħu biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni fost iż-żgħażagħ; jitlob għal aktar emendi fil-Liġi dwar Restituzzjoni u jenfasizza l-importanza ta' trattament nondiskriminatorju tar-rikorrenti ta' restituzzjoni meta mqabbel ma' benefiċjarji oħra, b'mod partikolari fil-qasam tar-reġistrazzjoni ta' proprjetà pubblika;

26.  Jiddispjaċih dwar iċ-ċaħda mtennija tal-ġenoċidju ta' Srebrenica minn xi awtoritajiet Serbi; ifakkarhom li l-koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, u s-suċċessur tiegħu l-Mekkaniżmu Internazzjonali li Jeżerċita s-Setgħat Residwi tal-Qrati Kriminali, timplika wkoll li jiġu aċċettati u implimentati għalkollox is-sentenzi u d-deċiżjonijiet tiegħu; jenfasizza li r-rikonoxximent tal-ġenoċidju ta' Srebrenica huwa pass fundamentali fil-mixja tas-Serbja lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea;

27.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn kontinwu tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo, u l-impenn tagħha għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fid-djalogu ffaċilitat mill-UE; jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-President Serb vara djalogu intern dwar il-Kosovo; itenni l-appell tiegħu għal progress fl-implimentazzjoni sħiħa, in bona fide u f'ħin opportun, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, inklużi dawk dwar l-enerġija u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ikomplu b'mod determinat il-proċess ta' normalizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li tinħoloq assoċjazzjoni/komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba; jenfasizza li għandha titħaffef il-ħidma għal fażi ġdida ta' djalogu li għandu l-għan li jikseb normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, li għandha tiġi definita fi ftehim ġuridikament vinkolanti; itenni l-appell tiegħu lis-SEAE biex iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-mod li bih iż-żewġ partijiet qegħdin jissodisfaw l-obbligi tagħhom; jikkundanna, b'mod inekwivoku, il-qtil tal-politiku Serb tal-Kosovo, Oliver Ivanović u jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni ġenwina bejn l-investigaturi tal-Kosovo u dawk Serbi u ta' appoġġ internazzjonali, biex b'hekk l-awturi tar-reati jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

28.  Jinnota d-dibattitu li għaddej u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar aġġustamenti possibbli tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Kosovo, inkluż skambji ta' territorji; jissottolinja n-natura multietnika kemm tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja u li l-objettiv fir-reġjun ma għandux ikun il-ħolqien ta' stati etnikament omoġenji; jappoġġja d-djalogu ffaċilitat mill-UE bħala l-qafas biex jintlaħaq ftehim ta' normalizzazzjoni komprensiv bejn is-Serbja u l-Kosovo; iqis li kwalunkwe ftehim jista' jkun aċċettabbli biss jekk ikun maqbul b'mod reċiproku, filwaqt li titqies l-istabbiltà kumplessiva fir-reġjun u d-dritt internazzjonali;

29.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dikjarazzjonijiet ripetuti żżejjed minn politiċi ta' grad għoli li jqiegħdu fid-dubju l-integrità territorjali tal-Bożnija-Ħerzegovina u jikkundanna kull forma ta' retorika nazzjonalista mmirata biex tinkoraġġixxi d-diżintegrazzjoni tagħha;

Enerġija u trasport

30.  Jappella lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ il-miżuri ta' riforma ta' konnettività fis-settur tal-enerġija; iħeġġeġ lis-Serbja tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tissodisfa l-obbligi korrispondenti rigward is-separazzjoni kif stipulat mit-Tielet Pakkett tal-Enerġija; jappella lis-Serbja tiżviluppa l-politika tal-enerġija tagħha biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja; jilqa' bi pjaċir l-isforzi tal-pajjiż għall-promozzjoni tal-investimenti fl-oqsma tal-effiċjenza tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-leġiżlazzjoni dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija ma tikkonformax bis-sħiħ mad-direttivi korrispondenti tal-UE; jappella lis-Serbja tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli oħrajn;

31.  Jistieden lill-Gvern Serb biex jadotta l-miżuri meħtieġa biex jippreserva ż-żoni protetti fir-rigward, b'mod partikolari, tal-iżvilupp ta' impjanti tal-idroelettriku f'żoni ambjentalment sensittivi, bħall-Park Naturali Stara Planina; jitlob, f’dan il-kuntest, li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali bir-reqqa msejsa fuq l-standards tal-UE kif stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Għasafar, il-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iħeġġeġ lill-Gvern Serb iżid it-trasparenza dwar il-proġetti ppjanati permezz tal-parteċipazzjoni pubblika u l-konsultazzjoni li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha;

32.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn konġunt iffirmat mis-Serbja u l-Bulgarija fis-17 ta' Mejju 2018, fl-okkażjoni tas-summit tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent f'Sofija, dwar il-bini ta' interkonnettur tal-gass bejn iż-żewġ pajjiżi u l-adozzjoni tal-pakkett IPA 2018, li jinkludi l-proġett ta' infrastruttura strateġikament importanti "L-awtostrada tal-paċi Nis-Merdare-Prestina", li se jippermetti konnessjoni aħjar tat-trasport bejn is-Serbja ċentrali u l-Kosovo u għandu sinifikat simboliku għar-relazzjonijiet fir-reġjun;

33.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livell allarmanti ta' tniġġis tal-arja fis-Serbja li minħabba fih, skont id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-2016 madwar 6 500 persuna mietu minħabba mard respiratorju; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jadottaw il-miżuri neċessarji fuq żmien qasir biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni u jirriformaw b'mod effettiv il-politiki tat-trasport u l-mobbiltà fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul fil-bliet il-kbar;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 71.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza