Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2144(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0339/2018

Testi mressqa :

A8-0339/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 27
CRE 28/11/2018 - 27

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0482

Testi adottati
PDF 174kWORD 60k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell
Rapport tal-2018 dwar il-Montenegro
P8_TA(2018)0482A8-0339/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-Montenegro (2018/2144(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-disa' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO fil-5 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-ratifika mill-parlamenti tal-Montenegro u tal-Kosovo tal-Ftehim tad-Demarkazzjoni tal-Fruntiera bejn il-Montenegro u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu ''Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE'' (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Montenegro 2018 Report" (Rapport 2018 dwar il-Montenegro) (SWD(2018)0150),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Montenegro (2018-2020) (SWD(2018)0131) u l-Konklużjonijiet Konġunti tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2018 tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Uffiċċju OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE ODIHR) u d-dikjarazzjoni tad-delegazzjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew, dwar l-elezzjoni presidenzjali tal-15 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-15-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro li saret f'Podgorica fis-16 u s-17 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, li sar mill-Kummissjoni, mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0339/2018),

A.  billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

B.  billi attwalment il-Montenegro huwa dak li għamel l-aktar progress fil-proċess tan-negozjati, billi fetaħ 31 mill-35 kapitolu tal-acquis communautaire tal-UE u għalaq provviżorjament in-negozjati dwar tlieta;

C.  billi d-djalogu kostruttiv fost forzi politiċi interni u mal-pajjiżi ġirien ikun essenzjali biex isir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

D.  billi l-Montenegro baqa' impenjat li joħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompla jikseb riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

E.  billi l-Montenegro jibbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II);

F.  billi l-Montenegro għandu jkompli jsaħħaħ, fost affarijiet oħra, il-kapaċità parlamentari, leġiżlattiva u ta' sorveljanza, it-trasparenza istituzzjonali, ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġestjoni interna tal-każijiet tad-delitti tal-gwerra, l-integrità tal-proċess elettorali, il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ekonomija informali;

1.  Jilqa' pożittivament l-impenn kontinwu tal-Montenegro fil-proċess tal-integrazzjoni fl-UE u l-progress tajjeb kontinwu tiegħu, b'mod globali, abbażi ta' appoġġ pubbliku wiesa' għal din id-deċiżjoni strateġika;

2.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-riformi jibqgħu indikatur ewlieni ta' integrazzjoni b'suċċess; jitlob lill-Montenegro jtejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda u jitlob l-implimentazzjoni fil-pront tal-parametri intermedji ta' riferiment għall-kapitoli 23 u 24;

3.  Jilqa' favorevolment il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent, li b'rieda politika soda, bir-realizzazzjoni ta' riformi reali u sostnuti u b'soluzzjonijiet definittivi għat-tilwim mal-ġirien, il-Montenegro jista', potenzjalment, ikun lest biex isir Membru sal-2025;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss biex jieħu kont tal-adeżjoni possibbli tal-Montenegro mal-Unjoni Ewropea, kif delinjat fl-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent;

Demokratizzazzjoni

5.  Ifakkar lill-partiti politiċi kollha li l-impenn politiku kostruttiv jiddependi minn parlament li jiffunzjona totalment li fih il-politiċi kollha jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fil-konfront tal-eletturi billi jpoġġu fis-siġġijiet tagħhom fi ħdan il-parlament; jilqa' pożittivament il-fatt li l-maġġoranza tal-partiti tal-oppożizzjoni rritornaw fil-parlament wara bojkott parlamentari fit-tul; iħeġġeġ lill-partiti politiċi l-oħra kollha jirritornaw fil-parlament u jagħmlu aktar sforzi flimkien biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin bil-għan li jkun żgurat li l-parlament ikollu l-mezzi biex jiżvolġi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta' leġiżlatur u ta' sorveljanza, b'hekk jerġa' jinġieb proċess demokratiku li jiffunzjona;

6.  Jitlob l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-parteċipazzjoni pubblika u politika tan-nisa u tal-minoranzi, b'mod partikolari r-Rom(1), anki billi tippermetti l-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi fil-proċessi deċiżjonali u l-okkupazzjoni ta' karigi fl-amministrazzjoni pubblika u f'istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn;

7.  Jistieden lill-mexxejja politiċi tal-Montenegro jikkonċentraw l-isforzi fuq l-isfidi li għad fadal f'dak li għandu x'jaqsam mal-problemi marbuta mal-istat tad-dritt, mal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, mal-korruzzjoni, mal-ħasil tal-flus, mal-kriminalità organizzata u mal-vjolenza assoċjata magħha u jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod prijoritarju;

8.  Jinnota li l-libertajiet fundamentali ġew rispettati fl-elezzjonijiet presidenzjali ta' April 2018; jistieden lill-gvern jikkollabora mal-partiti tal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw b'mod komprensiv in-nuqqasijiet identifikati mill-OSKE ODIHR u jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjonijiet Prijoritarji tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tagħha billi tiġi adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali pendenti, jissaħħu t-trasparenza u l-professjonalità tal-amministrazzjoni elettorali, ħalli l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess elettorali titjieb; jitlob li l-elezzjonijiet lokali jsiru simultanjament fil-pajjiż kollu u t-titjib tal-kwalità u tat-trasparenza tal-elezzjonijiet; iħeġġeġ it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi;

9.  Jitlob investigazzjonijiet kompluti fl-allegati irregolaritajiet elettorali kollha; jinsisti, għal darb'oħra, li jingħata segwitu xieraq lill-"iskandlu tar-reġistrazzjoni ta' smigħ" tal-2012; jitlob lill-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni (ACA) tintensifika l-monitoraġġ ta' abbuż possibbli tar-riżorsi pubbliċi għal finijiet tal-partiti politiċi;

10.  Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Parlament Montenegrin li jneħħi lil Vanja Ćalović Marković mill-Kunsill tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; iħeġġeġ li dan il-każ jiġi ttrattat bi trasparenza sħiħa;

Stat tad-dritt

11.  Jinnota r-rwol ċentrali li jaqdu l-Awtorità tal-Awditjar, l-ACA, il-Kummissjoni tal-Kontroll tal-Akkwist Pubbliku, l-Aġenzija għall-Kompetizzjoni u l-Awtorità tal-Għajnuna mill-Istat fl-indirizzar tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi kontinwi mmirati lejn it-titjib tal-kapaċità u tal-indipendenza ta' dawn l-istituzzjonijiet, iżda jinnota l-ħtieġa li titjieb l-effiċjenza, tinbena każistika aħjar, titħeġġeġ il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, anki bis-saħħa ta' sanzjonijiet adegwati, u jitneħħew l-ostakoli li fadal biex tinkiseb l-indipendenza sħiħa tagħhom;

12.  Jikkonstata l-progress li sar biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ACA fl-investigazzjoni tal-finanzjament tal-kampanji; jisħaq fuq il-bżonn, madankollu, li titjieb il-fiduċja fil-konfront tal-aġenzija u tissaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha, objettiv li jista' jinkiseb billi ħidmitha titħares ulterjorment minn kull influwenza politika;

13.  Jilqa' pożittivament l-isforzi magħmula biex titjieb it-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni iżda jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' amministrazzjoni pubblika aktar faċli għaċ-ċittadini, professjonali u depolitiċizzata; ifaħħar ix-xogħol aktar effikaċi tal-Ombudsman; jitlob valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji mtejba, rapporti komprensivi dwar l-awditjar u konsultazzjonijiet pubbliċi inklużivi dwar il-proposti leġiżlattivi; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u tal-aċċess miftuħ għall-informazzjoni għal finijiet tal-ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni, u jinkoraġġixxi reviżjoni tal-modifiki leġiżlattivi li saru f'Mejju 2017; jirrakkomanda l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u tal-kapital uman fl-amministrazzjoni pubblika;

14.  Jilqa' pożittivament il-progress notevoli li wera l-Montenegro fil-governanza elettronika u fil-parteċipazzjoni elettronika, fil-fatt il-pajjiż issa huwa fost l-ewwel 25 pajjiż bl-aħjar riżultati f'dawn is-setturi, skont l-Istħarriġ 2016 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-amministrazzjoni pubblika elettronika; jistieden lill-Gvern Montenegrin iżomm dan ir-ritmu tar-riformi ħalli jkompli jtejjeb l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tal-amministrazzjoni pubblika;

15.  Jilqa' favorevolment il-progress moderat li sar fir-rigward taż-żieda fl-indipendenza, fit-trasparenza, fl-obbligu ta' rendikont, fil-professjonalità u fl-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji; jitlob salvagwardji kontra l-indħil politiku u l-applikazzjoni koerenti ta' kodiċijiet etiċi u miżuri dixxiplinari; jilqa' pożittivament il-fatt li l-imħallfin u l-prosekuturi l-ġodda nħatru għall-ewwel darba permezz tas-sistema ta' reklutaġġ il-ġdida;

16.  Jinnota l-ħtieġa li jimxu 'l quddiem il-proċedimenti ġudizzjarji dwar it-tentattiv ta' allegat kolp ta' stat ta' Ottubru 2016 billi tiġi żgurata l-kooperazzjoni ġudizzjarja sħiħa mal-pajjiżi terzi; jilqa' favorevolment id-deċiżjoni li jixxandru pubblikament il-proċedimenti ġudizzjarji f'ġieħ it-trasparenza;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi tal-Liġi dwar il-Kunsill Ġudizzjarju approvata fid-29 ta' Ġunju 2018, li tippermetti t-tkomplija tal-funzjonament normali tal-Kunsill Ġudizzjarju; josserva li dawn l-emendi ġew adottati konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jenfasizza li dawn il-modifiki fir-rigward tal-elezzjoni ta' membri mhux esperti fil-Kunsill jirrappreżentaw biss soluzzjoni temporanja; iħeġġeġ lill-grupp ta' ħidma ad hoc tal-Parlament, ikkostitwit dan l-aħħar, isolvi malajr din il-kwistjoni;

18.  Jinsab imħasseb dwar il-każijiet dejjem jiżdiedu ta' vjolenza u assassinji marbuta mal-kriminalità organizzata, li għandhom effett negattiv fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini ordinarji; jilqa' pożittivament il-fatt li l-awtoritajiet identifikaw din il-kwistjoni iżda jitlob azzjoni preventiva aktar robusta, inkluż billi jsir rikors għal provvedimenti ta' konfiska tal-assi mhux ibbażati fuq kundanna; ifaħħar l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni mogħtija fil-każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; jirrikonoxxi, iżda, li dawn ir-riżultati għandhom ikomplu jissaħħu, partikolarment fil-ħasil tal-flus u fit-traffikar ta' bnedmin;

19.  Jitlob li jsir progress fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u l-arrikkiment illeċitu tal-uffiċjali pubbliċi, inkluż fil-livell muniċipali; jistieden lill-awtoritajiet jintensifikaw il-konfiska tal-assi tal-kriminalità, imexxu inkjesti f'ġid inġustifikat u jieħdu passi oħra li jwasslu għaż-żarmar tax-xbieki kriminali, il-qtugħ tar-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata, in-negozju u l-politika; jiddenunzja, sadattant, il-prattika ta' impożizzjoni ta' sanzjonijiet aktar baxxi mill-minimu stabbilit mil-liġi, billi għandha effett kontroproduċenti fuq il-prevenzjoni tar-reati ta' korruzzjoni;

20.  Ifakkar li l-Montenegro għandu jagħmel aktar sforzi biex jiżgura l-protezzjoni effikaċi tad-dritt għall-proprjetà, konformement mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet statali jipprevedu proċedimenti ġusti fi żmien raġonevoli fl-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku nazzjonali eżistenti, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà u r-restituzzjoni tal-proprjetà. josserva li reġim sod, mhux diskriminatorju u stabbli għad-drittijiet tal-proprjetà huwa rekwiżit preliminari għall-fiduċja taċ-ċittadini, tal-investituri esterni u tal-impriżi;

Ġestjoni tal-fruntieri u migrazzjoni

21.  Jinnota li sal-lum il-Montenegro kien kapaċi jiġġestixxi t-talbiet għal asil, iżda jissottolinja li għad irid isir aktar progress; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jikkollabora aktar mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri, konformement man-normi Ewropej, jindirizza l-migrazzjoni irregolari u jħarbat ix-xbieki tal-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali; jitlob sforzi intensifikati u kooperazzjoni transfruntiera sabiex jiġu evitati u żarmati x-xbieki tal-kriminalità organizzata relatati mat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll il-kuntrabandu tad-drogi u tat-tabakk; jenfasizza t-tħassib persistenti rigward il-kummerċ illegali ta' tabakk fil-Montenegro, partikolarment madwar iż-żoni ta' kummerċ ħieles tal-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni lill-Montenegro fil-kontroll taż-żoni ta' kummerċ ħieles tiegħu u fil-ħidma għall-prevenzjoni tal-kummerċ illegali;

22.  Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' progress fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u jħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni tal-prostituzzjoni organizzata furzata u tat-tfal tallaba; jissottolinja li huma neċessarji aktar sforzi għall-identifikazzjoni tal-vittmi u għall-aċċess tagħhom għall-assistenza, għall-kumpens u għall-miżuri ta' protezzjoni; jistieden lill-Montenegro jagħti protezzjoni effikaċi lill-vittmi tat-traffikar, u jagħti attenzjoni partikolari lir-riabilitazzjoni tal-vittmi tfal tat-traffikar u lin-nisa u lill-bniet Rom, minħabba ċ-ċirkostanzi vulnerabbli li fihom jinsabu bħala konsegwenza tal-faqar u tal-emarġinazzjoni;

Mezzi ta' komunikazzjoni

23.  Jinsab dejjem aktar imħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, li fih tliet rapporti suċċessivi tal-Kummissjoni nnutaw li ma kien sar "l-ebda progress"; ifakkar li l-kapitolu 23 relatat infetaħ f'Diċembru 2013 u li huwa l-progress f'dan il-kapitolu u fil-kapitolu 24 li jiddetermina r-ritmu kumplessiv tan-negozjati; jikkundanna fl-aktar termini qawwija possibbli l-intimidazzjoni, il-kampanji ta' malafama u attakki verbali u fiżiċi fuq il-ġurnalisti; jinnota li kien hemm seba' każijiet irrapportati ta' attakki fuq ġurnalisti fl-2017; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-ġurnalisti jkunu protetti f'termini prattiċi; jitlob li ttieħed aktar azzjoni biex tkun żgurata l-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-ġurnalisti u jinkoraġġixxi l-ġbir sistematiku ta' data relatata mat-theddid fil-konfront tal-ġurnalisti; jinnota li d-Delegazzjoni tal-UE fil-Montenegro qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib;

24.  Huwa partikolarment imħasseb bl-attakk li sar fit-8 ta' Mejju 2018 kontra Olivera Lakić, ġurnalista tal-gazzetta Vijesti, u jitlob investigazzjoni kompluta dwar il-każ; iqis bħala inaċċettabbli l-fatt li ma kien hemm l-ebda żvilupp ġdid fir-rigward tal-investigazzjonijiet f'każijiet antiki ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti; jistieden lill-awtoritajiet jikkundannaw bil-qawwa kull attakk kontra l-ġurnalisti u jippromwovu miżuri maħsuba biex jipproteġu lill-ġurnalisti u jeliminaw l-impunità;

25.  Jiddeplora l-pressjoni finanzjarja u editorjali kontinwa eżerċitata fuq is-servizz tax-xandir pubbliku tal-Montenegro (RTCG) u l-Aġenzija għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi; iħeġġeġ li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji kontra influwenzi politiċi u kummerċjali indebiti, u li tiġi żgurata trasparenza sħiħa tar-reklamar tal-istat fil-mezzi ta' komunikazzjoni; itenni l-bżonn li l-RTCG u l-organi ta' informazzjoni kollha l-oħrajn ikunu protetti minn influwenzi politiċi indebiti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet statali jfornu kemm lir-regolaturi tal-mezzi ta' komunikazzjoni kif ukoll lis-servizz tax-xandir pubbliku b'biżżejjed fondi biex jiggarantixxu l-awtonomija u l-indipendenza finanzjarji tal-RTCG u tal-Aġenzija għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi, li huma kruċjali għal kuntest medjatiku sod matul il-kampanji elettorali; jiddispjaċih bil-bidla fil-kompożizzjoni tal-kunsill RTCG u bit-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali tal-RTCG, is-Sa Andrijana Kadija; jemmen li t-tkeċċijiet prematuri għandhom ikunu permessi biss f'ċirkostanzi limitati;

26.  Iwissi li nuqqas ta' awtonomija finanzjarja għall-mezzi ta' komunikazzjoni jkebbes id-dipendenza politika u l-polarizzazzjoni tagħhom; jemmen li għandha tintalab allokazzjoni trasparenti u mhux diskriminatorja ta' fondi statali għar-reklamar, u jistieden lill-awtoritajiet jikkunsidraw forom alternattivi ta' sussidji indiretti għall-promozzjoni tal-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

27.  Jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi u l-awtoregolamentazzjoni effikaċi fl-iżgurar tal-ogħla standards etiċi fil-mezzi ta' komunikazzjoni tal-Montenegro u fit-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' malafama; jinnota li s-sitwazzjoni prekarja tal-ġurnalisti timmina l-kwalità u l-professjonalità tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

Soċjetà ċivili u drittijiet tal-bniedem

28.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-OSĊ fit-titjib tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet statali u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jikkundanna b'mod qawwi l-intimidazzjoni reċenti ta' kampanja ta' malafama inaċċettabbli fil-konfront tal-OSĊ li kkritikaw il-progress kumplessiv bil-mod, jew in-nuqqas tiegħu, f'setturi ewlenin tal-istat tad-dritt;

29.  Jitlob attenzjoni akbar fl-abbozzar u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni f'oqsma li jolqtu l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili, biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni ma timponix piż sproporzjonat lill-OSĊ, ma jkollhiex effetti diskriminatorji jew tnaqqas l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-bżonn ta' finanzjament pubbliku disponibbli għall-OSĊ li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' viġilanza, ta' difiża kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' bażi ż-żgħar; jemmen li l-OSĊ għandhom ikunu ħielsa li jirċievu finanzjamenti minn donaturi oħrajn, bħad-donaturi privati u l-organizzazzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji internazzjonali;

30.  Jieħu nota tal-modifiki lil-liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) maħsuba biex itejbu l-finanzjament pubbliku tagħhom, u jirrakkomanda l-adozzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa; itenni t-talba tiegħu għal konsultazzjonijiet sistematiċi, inklużivi, f'waqthom u awtentiċi mas-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali dwar riformi leġiżlattivi importanti relatati mal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell lokali, biex tissaħħaħ id-demokrazija u tiżdied it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali; jirrakkomanda t-titjib tal-kuntest tar-regolamentazzjoni finanzjarja għal-OSĊ billi jingħataw riżorsi addizzjonali, u d-definizzjoni ta' regoli ċari fir-rigward tal-mekkaniżmi governattivi għall-konsultazzjoni tal-OSĊ;

31.  Jilqa' pożittivament l-allinjament leġiżlattiv li għaddej rigward id-drittijiet fundamentali; jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali li jippermetti l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet, inkluż fl-eventwalità ta' maltrattamenti min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, intimidazzjonijiet u attakki fiżiċi; jitlob aġġornamenti għal-liġi dwar il-libertà tat-twemmin reliġjuż;

32.  Jilqa' pożittivament l-isforzi li saru s'issa fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda jħeġġeġ titjib fil-mekkaniżmi ta' infurzar u monitoraġġ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, anki billi tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jitlob, f'dan ir-rigward, implimentazzjoni effikaċi tal-politiki dwar id-drittijiet fundamentali, partikolarment fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet ta' inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabbiltajiet, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tar-Rom, billi jkunu garantiti allokazzjonijiet u riżorsi baġitarji adegwati għall-implimentazzjoni tal-politiki u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet responsabbli; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu ż-żwieġ prekoċi furzat;

33.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jissalvagwardja l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u jissorvelja l-effetti tagħha fuq in-nisa minn gruppi soċjali żvantaġġati u emarġinati; jistieden lill-Montenegro jiżgura aċċess bla xkiel għall-ġustizzja għan-nisa kollha, u jforni assistenza legali mingħajr ħlas lin-nisa li sfaw vittmi ta' vjolenza sessista, u jagħti attenzjoni partikolari lin-nisa Rom, lin-nisa b'diżabbiltajiet u lin-nisa li jgħixu fi nħawi rurali u remoti; jistieden lill-Montenegro jsaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità tal-awtoritajiet rilevanti tiegħu, ħalli jkunu mgħammra aħjar biex jieħdu ħsieb il-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tal-vittmi u jaħdmu b'mod proattiv mal-irġiel biex ma jikkommettux vjolenza fuq in-nisa; iħeġġeġ lill-Montenegro jżid l-għadd u l-kapaċità taċ-ċentri ta' akkoljenza statali;

34.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro jkomplu jtejbu l-klima tal-inklużjoni soċjetali u t-tolleranza u biex jieħdu miżuri effikaċi kontra d-diskors ta' mibegħda, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi; josserva li l-Montenegro għadu mhuwiex kompletament konformi mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; għadu inkwetat bid-diffikultajiet marbuta mal-aċċettazzjoni tad-diversità sesswali fis-soċjetà Montenegrina; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni li jsofru n-nisa u l-bniet fil-komunità Rom, u dwar il-fatt li l-popolazzjoni Rom emarġinata fil-Montenegro għandha aċċess limitat għall-opportunitajiet f'kull aspett tal-iżvilupp tal-bniedem, kif evidenzjaw ir-riżultati ta' stħarriġ tal-2017 dwar dan is-suġġett; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs u li jingħata sostenn permezz ta' leġiżlazzjoni aħjar u tal-implimentazzjoni ta' politika industrijali;

35.  Josserva l-progress kostanti fit-titjib tal-qagħda tal-minoranzi; jitlob rispett u aktar sforzi għall-protezzjoni tal-identità multietnika tar-reġjun ta' Boka Kotorska;

36.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jvara kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI, u jissalvagwardja investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ekwi fil-każijiet ta' reati kommessi kontrihom;

37.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jvara kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika biex jinkoraġġixxi r-rapportar tal-vjolenza domestika kontra n-nisa u l-bniet, iżid in-numru ta' mħallfin imħarrġa korrettament u sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, jiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni korretti tar-reati u jissalvagwardja s-servizzi ta' assistenza, konsulenza u reintegrazzjoni għall-vittmi;

Ekonomija, politika soċjali, impjiegi u edukazzjoni

38.  Japprezza l-progress li għamel il-Montenegro biex jiżgura l-istabbiltà makroekonomika u l-konsolidament fiskali u jitlob trasparenza fil-baġit u kuntest pożittiv għall-impjiegi u għan-negozju; jenfasizza li l-korruzzjoni, l-ekonomija informali, il-lakuni fl-istat tad-dritt u t-toqol tal-proċeduri regolatorji għadhom igerrxu l-investimenti u jiskoraġġixxu t-tkabbir; jenfasizza li l-mudell soċjali Ewropew jirrikjedi djalogu mal-partijiet ekonomiċi kkonċernati kollha, fosthom it-trade unions;

39.  Iħeġġeġ li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal li joffru l-għodod diġitali fl-ambitu tar-reġistru katastali, tal-fatturazzjoni u tal-ħruġ tal-permessi tal-bini; jinnota l-ħtieġa li titħaffef l-introduzzjoni tal-aċċess għall-banda wiesgħa għall-impriżi u għall-familji; jisħaq fuq il-bżonn ta' qafas ta' interoperabbiltà fil-livell tal-gvern kollu kemm hu, biex issostni d-diġitalizzazzjoni ulterjuri u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tan-negozju; Jilqa' favorevolment l-iżvilupp kontinwu tar-reġistrazzjoni elettronika online tal-kumpaniji;

40.  Jilqa' pożittivament il-modifiki regolatorji fis-settur tal-edukazzjoni u l-isforzi biex jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni fl-iskejjel preprimarji, anki għat-tfal li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati, u jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ komprensiv għall-iżvilupp fl-ewwel snin taż-żgħorija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw ir-rata tal-qgħad għolja fit-tul fost iż-żgħażagħ u n-nisa, anki permezz ta' valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru, meta jkun il-każ; jinnota t-tħejjija tal-White Paper għall-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ, f'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; jisħaq fuq il-bżonn li jiddaħħlu miżuri attivi għas-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa li ntlaqtu negattivament mill-abolizzjoni tal-benefiċċji soċjali tagħhom;

41.  Josserva li jkun tajjeb li s-sħab soċjali jiġu kkonsultati b'mod effikaċi u sistematiku dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-impjiegi u mal-affarijiet soċjali; jisħaq fuq il-bżonn li jkomplu jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Kunsill Soċjali; jilqa' pożittivament l-adozzjoni ta' ġabriet ta' regoli għas-settur tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, iżda għadu mħasseb dwar il-perċentwal għoli ta' inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol u dwar in-numru baxx ta' spetturi tax-xogħol;

42.  Jilqa' l-parteċipazzjoni msaħħa tal-Montenegro fil-programm Erasmus+ u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rduppjat il-baġit ta' Erasmus+; jinkoraġġixxi koordinament akbar fi kwistjonijiet trasversali li jolqtu lill-impjieg taż-żgħażagħ, lill-inklużjoni, liċ-ċittadinanza attiva, lill-volontarjat u lill-edukazzjoni;

Ambjent, enerġija u trasport

43.  Jesprimi sodisfazzjon li skont l-Artikolu 1 tal-kostituzzjoni tiegħu, il-Montenegro huwa stat ekoloġiku; jilqa' pożittivament il-ftuħ possibbli tal-kapitolu 27 tal-acquis fin-negozjati mal-Montenegro din is-sena; jistieden lill-awtoritajiet jipproteġu aħjar iż-żoni l-aktar prezzjużi, speċjalment il-bijodiversità, u jirrieżaminaw il-proġetti ta' bini tal-lukandi u tal-impjanti idroelettriċi;

44.  Josserva li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet idroelettriċi u turistiċi addizzjonali, b'mod partikolari f'żoni protetti, irid jirrispetta l-istandards ambjentali tal-UE; jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp insostenibbli tal-kapaċitajiet idroelettriċi, peress li 80 proġett ta' impjanti idroelettriċi mhumiex ippjanati skont il-konvenzjonijiet internazzjonali jew il-leġiżlazzjoni tal-UE, minkejja r-rekwiżiti tal-kapitolu 27; iħeġġeġ aktar sfruttament ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija potenzjali u t-titjib tal-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart; jilqa' b'sodisfazzjon l-allinjament ta' suċċess bejn il-liġi tal-Montenegro tal-2016 dwar l-iskambju transfruntier tal-elettriku u tal-gass naturali u t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; ifaħħar l-allinjament leġiżlattiv imtejjeb tal-Montenegro fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jallinjaw totalment il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija;

45.  Iħeġġeġ lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jirrevedu s-sostenn tagħhom favur il-proġetti tal-impjanti idroelettriċi, u jirtiraw il-finanzjamenti għall-proġetti kollha li jsiru f'żoni protetti jew li jkunu nieqsa minn valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ex ante sodi;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa għal informazzjoni f'waqtha u preċiża dwar l-impatt tal-kostruzzjoni tal-awtostrada fuq ix-xmara Tara li għandha ssir disponibbli għal pubbliku wiesa', kif ukoll li jieqfu l-attivitajiet kollha ta' rimi ta' skart u alterazzjoni tal-qiegħ tax-xmara, f'konformità mal-impenji tal-Montenegro għall-preżervazzjoni ta' żoni li għandhom protezzjoni speċjali nazzjonali u internazzjonali;

47.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-pjan urban speċjali għall-Park Nazzjonali tal-Lag ta' Scutari (Skadar); jisħaq fuq il-bżonn li jkunu abbandunati l-proġetti idroelettriċi fuq skala kbira fuq ix-xmara Morača, minħabba r-riperkussjonijiet negattivi konsiderevoli fuq il-Lag ta' Scutari (Skadar) u x-xmara Tara, li t-tnejn huma żoni protetti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali;

48.  Jilqa' pożittivament l-iżviluppi pożittivi fl-allinjament ulterjuri mal-acquis tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Montenegro fil-qasam ambjentali u tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Gvern Montenegrin jipproteġi s-sit ta' Ulcinj Salina fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju ffinanzjat mill-UE dwar il-protezzjoni tas-sit ta' Ulcinj Salina; jissottolinja l-bżonn urġenti li tkun żgurata l-integrazzjoni ta' Ulcinj Salina fin-netwerk Natura 2000; jitlob l-identifikazzjoni u d-deżinjazzjoni taż-żoni marini protetti;

49.  Jenfasizza l-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv fil-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali permezz tal-Proċess ta' Berlin u l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa' pożittivament l-eżitu tas-summit UE-Balkani tal-Punent tal-2018, li sar f'Sofija, u l-adozzjoni tal-pakkett IPA 2018, li jinkludi finanzjamenti għaż-żewġ proġetti infrastrutturali importanti: il-bypass ta' Budva fil-Kuritur Adrijatiku-Joniku u s-sezzjoni ferrovjarja Vrbnica-Bar fil-Kuritur Orjent/Mediterran tal-Lvant; jisħaq fuq l-importanza tar-rotot tat-traffiku li jikkostitwixxu kollegament dirett bejn il-pajjiżi tal-Balkani u s-swieq tal-UE;

50.  Ifaħħar l-intenzjoni tal-Montenegro li jistabbilixxi l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS) fit-tliet snin li ġejjin u l-adozzjoni tal-leġislazzjoni sekondarja dwar l-ekonomija fil-fjuwil u l-emissjonijiet tal-karozzi l-ġodda; josserva l-importanza li jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Montenegro aspetti tal-EU ETS, tar-Regolament dwar il-qsim tal-isforzi u tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Rapportar (MRM);

51.  Japprezza l-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, kif indikat fl-Inizjattiva Adrijatika Trilaterali;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi tal-Montenegro favur kooperazzjoni reġjonali kostruttiva u relazzjonijiet bilaterali ta' bon viċinat; jappoġġja l-proposta għal tnaqqis tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent;

53.  Jilqa' favorevolment ir-ratifika tal-Ftehim tal-Fruntieri tal-Istat bejn il-Montenegro u l-Kosovo; jitlob il-konklużjoni rapida ta' ftehimiet biex jiġi solvut tilwim pendenti dwar il-fruntieri mal-pajjiżi ġirien l-oħra;

54.  Jilqa' favorevolment l-iffirmar min-naħa tal-Montenegro u tal-Albanija ta' dikjarazzjoni konġunta u 12-il ftehim dwar l-assistenza reċiproka f'diversi oqsma, u jqis dan bħala eżempju ta' kooperazzjoni pożittiva fir-reġjun;

55.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu biex jagħti prijorità u jikkastiga b'mod proattiv id-delitti tal-gwerra u jiċċara x'sar minnhom il-persuni nieqsa; jilqa' pożittivament l-isforzi għar-reintegrazzjoni tal-persuni spostati fl-ambitu tal-Programm Reġjonali għall-Alloġġi; jenfasizza l-fatt li, avolja ġew adottati erba' dokumenti dwar l-istrateġija ta' investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra, il-prosekutur tal-Istat ma bediex investigazzjonijiet jew proċedimenti ġodda u lanqas ma ressaq akkużi ġodda; jesprimi tħassib dwar il-fatt li mit-tmien każijiet miftuħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali (SPO) fl-2016, sitta għadhom biss fil-fażi ta' investigazzjoni preliminari; itenni s-sostenn tiegħu fil-konfront tal-inizjattiva li toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward id-delitti tal-gwerra u l-ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (RECOM); jisħaq fuq l-importanza ta' dan il-proċess u tal-involviment attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha; jilqa' pożittivament is-sostenn pubbliku għar-RECOM min-naħa tal-Prim Ministru;

56.  Ifaħħar lill-Montenegro għal sena oħra ta' allinjament sħiħ mal-pożizzjonijiet u mad-dikjarazzjonijiet kollha tal-UE fil-kuntest tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), u jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); japprezza l-mod ta' kif il-Montenegro mexxa l-politika estera tiegħu; jistieden lill-Montenegro jallinja ruħu mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u mal-prinċipji gwida tagħha dwar il-ftehimiet bilaterali ta' immunità;

57.  Jitlob aktar kooperazzjoni bejn il-Montenegro u l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità tal-informatika u l-kwistjonijiet relatati maċ-ċiberdifiża;

58.  Ifakkar l-importanza strateġika tal-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO biex ikunu żgurati l-istabbiltà u l-paċi fil-Balkani tal-Punent;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

(1) Il-kelma "Rom" hija użata bħala terminu ġenerali li jinkludi diversi gruppi relatati, sew jekk huma nomadi sew jekk le, mhux biss ir-Rom, iżda wkoll l-Ashkali, l-Eġizzjani u oħrajn, li jista' jkollhom kulturi u stili ta' ħajja differenti ħafna minn xulxin.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza