Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0372/2018

Testi mressqa :

A8-0372/2018

Dibattiti :

PV 10/12/2018 - 18
CRE 10/12/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2018 - 5.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0498

Testi adottati
PDF 152kWORD 60k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu
Mobbiltà militari
P8_TA(2018)0498A8-0372/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari (2018/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokument intitolat "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017, tal-14 ta' Diċembru 2017 u tat-28 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 intitolata "Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea" (COM(2017)0315),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP tal-10 ta' Novembru 2017 intitolata "Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea" (JOIN(2017)0041),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP tat-28 ta' Marzu 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari (JOIN(2018)0005),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri parteċipanti(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta' Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016 u tal-10 ta' Lulju 2018, għall-ġabriet komuni ta' proposti għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti approvati mill-Kunsill tal-UE u l-Kunsill tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017, u għar-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-14 ta' Ġunju u tal-5 ta' Diċembru 2017 u tas-6 ta' Ġunju 2018, inklużi l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017 u tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar is-Sigurtà u s-Solidarjetà Transatlantiċi u d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO fi Brussell, it-tnejn li huma fil-11 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0372/2018),

A.  billi l-valuri bażiċi li fuqhom hija msejsa l-UE – id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u l-unità Ewropea qed jiġu dejjem aktar ikkontestati f'era ta' taqlib ġeopolitiku u degradazzjoni tal-ambjent strateġiku;

B.  billi deterrenza kredibbli, kif ukoll ippjanar għal rispons għall-kriżijiet u għad-difiża tal-Ewropa kontinentali, jiddependu fuq il-kapaċità li jintużaw il-forzi b'mod rapidu u effiċjenti, inklużi l-forzi alleati esterni;

C.  billi d-"dividend ta' paċi" ta' wara l-1989 ra l-erożjoni gradwali tal-ħtiġijiet ta' difiża fir-rigward tal-infrastruttura u tal-mobbiltà tal-forzi fl-Ewropa kollha;

D.  billi l-UE, f'kooperazzjoni sħiħa man-NATO, għandha l-għan li taġixxi globalment bħala fornitur tas-sigurtà u b'hekk tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà kemm internament kif ukoll esternament u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini u tat-territorju tagħha permezz ta' firxa unika u wiesgħa ta' politiki, strumenti u għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex twettaq dawn l-ambizzjonijiet;

E.  billi, skont l-objettivi tal-Istrateġija Globali, l-UE qed iżżid ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà u d-difiża tagħha stess u għar-rwol tagħha bħala sieħeb għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, partikolarment fil-viċinat tagħha, iżda wkoll lil hinn minnu, kif ukoll l-awtonomija strateġika tagħha, abbażi tal-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni;

F.  billi l-Unjoni jeħtiġilha tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha stess permezz ta' politika estera u ta' sigurtà effiċjenti, sabiex iżżomm il-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, filwaqt li tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha stess u dik tal-persuni involuti fil-missjonijiet tal-PSDK, bl-għan li tipproteġi l-interessi tagħha u tiddefendi l-valuri li fuqhom hija msejsa, ilkoll waqt li tikkontribwixxi għal multilateraliżmu effettiv;

G.  billi l-UE jeħtiġilha tkun kapaċi li tiddeċiedi u taġixxi mingħajr ma tiddependi fuq il-kapaċitajiet ta' parti terzi, sabiex tibni r-reżiljenza tagħha stess u tikkonsolida l-awtonomija strateġika tagħha fil-qasam tad-difiża, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u ċ-ċibersigurtà;

H.  billi l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà fil-livell tal-infrastruttura u l-akkwist huma prerekwiżiti essenzjali għall-kisba tal-awtonomija strateġika, l-Unjoni tad-Difiża u mobbiltà militari effiċjenti;

I.  billi mobbiltà militari effettiva tista' tinkiseb biss bl-involviment u bl-impenn sħiħ tal-Istati Membri kollha, li jikkooperaw b'mod effettiv man-NATO, b'kunsiderazzjoni tar-riżorsi disponibbli, ħtiġijiet u speċifiċitajiet reġjonali ta' kull Stat Membru u b'mod li jkun konsistenti mal-inizjattivi rilevanti fil-livell tal-UE bil-għan li tinbena infrastruttura Ewropea effiċjenti għall-ħtiġijiet tas-sigurtà permezz ta' proġetti koerenti u komplementari;

J.  billi l-mobbiltà militari hija mezz strateġiku u operattiv li jappoġġja l-azzjoni militari, isaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u jiffaċilita l-istazzjonar, l-istazzjonar mill-ġdid u l-appoġġ tal-forzi tal-Istati Membri bl-għan li jintlaħqu l-ambizzjonijiet militari tal-UE;

K.  billi l-UE qed tiffaċċja sfidi ibridi u multidirezzjonali, b'mod partikolari li ġejjin mit-Tramuntana Estrema, mil-Lvant, mill-Balkani u min-naħa tan-Nofsinhar/tal-Mediterran; billi użu aktar mgħaġġel u b'inqas problemi tal-assi u l-beni f'dawn l-assi (Tramuntana-Nofsinhar, Punent-Lvant) jista' jkun kruċjali sabiex ikun jista' jingħata rispons kredibbli;

L.  billi fis-Summit ta' Varsavja tan-NATO fl-2016, il-mexxejja Alleati qablu li jsaħħu l-Qagħda ta' Deterrenza u ta' Difiża tal-Alleanza, u saħħew l-istat ta' tħejjija tal-forzi ta' rispons filwaqt li niedu l-"Enhanced Forward Presence" u t-"Tailored Forward Presence" biex jilħqu dawn l-għanijiet;

M.  billi l-mobbiltà militari hija azzjoni konkreta li hija maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE u hija parti mill-PSDK; billi s-sigurtà u d-difiża kollettivi tal-Istati Membri tal-UE u l-abilità tagħhom li jintervjenu fi kriżijiet barra mill-pajjiż huma fundamentalment dipendenti fuq l-abilità li jċaqalqu truppi u persunal ta' ġestjoni ta' kriżijiet ċivili, materjal u tagħmir bejn it-territorji tagħhom u lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni b'mod liberu u rapidu; billi 22 Stat Membru tal-UE huma wkoll alleati tan-NATO u impenjaw ruħhom għal difiża kollettiva, filwaqt li għandhom biss sett wieħed ta' forzi armati u infrastruttura tat-trasport; billi l-investimenti ppjanati fl-infrastruttura tat-trasport iridu jiġu armonizzati aħjar mal-ħtiġijiet tas-sigurtà u tad-difiża;

N.  billi numru sostanzjali ta' ostakli fiżiċi, legali u regolatorji, ta' spiss jagħmel dawn il-movimenti diffiċli billi jimponi dewmien sinifikanti u b'hekk jhedded li jimmina l-għan tagħhom, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' kriżi; billi l-eżerċizzji militari Ewropej li twettqu dawn l-aħħar snin taħt l-awspiċji tan-NATO wrew l-importanza kbira ta' infrastruttura tat-trasport xierqa għas-suċċess tal-objettivi militari;

O.  billi l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha politiki u għodod sostanzjali biex tgħin lill-Istati Membri jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-mobbiltà militari u l-impenji internazzjonali tagħhom;

P.  billi l-Kummissjoni u r-RGħ/VP ippubblikaw Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari fit-28 ta' Marzu 2018, li jipprovdi skeda ta' żmien għal passi li għandhom jittieħdu mill-UE u l-Istati Membri tagħha; billi l-implimentazzjoni bdiet bl-identifikazzjoni ta' rekwiżiti militari komuni għall-mobbiltà militari fl-UE u lil hinn minnha u bil-preżentazzjoni ta' proposta għall-finanzjament tal-mobbiltà militari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u b'hekk kien possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti dwar l-użu doppju (ċivili u tad-difiża) tal-infrastrutturi tat-trasport;

Q.  billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 jistiednu lill-Istati Membri jieħdu miżuri f'livell nazzjonali kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard mill-2024 biex itejbu l-effiċjenza tal-mobbiltà militari, jissimplifikaw ir-regoli u l-proċeduri rilevanti f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni u r-rekwiżiti militari applikabbli għall-mobbiltà militari fl-Unjoni u lil hinn minnha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri;

R.  billi tnieda proġett tal-PESCO dwar il-mobbiltà militari bl-għan li jikkomplementa l-attivitajiet tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP; billi proġett ieħor tal-PESCO dwar netwerk ta' ċentri loġistiċi fl-Ewropa u appoġġ għall-operazzjonijiet għandhom jikkomplementaw dan l-isforz; billi l-iskop li jiġi permess l-użu doppju tal-infrastruttura huwa tal-akbar importanza għal dawn il-ħtiġijiet loġistiċi; billi l-Istati Membri barra minn hekk għamlu impenji dwar il-mobbiltà militari bħala parti mill-impenji aktar vinkolanti meħtieġa mill-protokoll tal-PESCO; billi l-proġetti PESCO għandhom jiġu żviluppati f'koordinazzjoni man-NATO; billi hemm bżonn ta' proġett tal-PESCO dwar l-isfida tal-mobbiltà fir-rigward tal-kompiti militari stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tat-TUE, b'mod partikolari t-trasport bl-ajru u bil-baħar;

S.  billi l-FNE hija programm ta' finanzjament komuni u ġestit ċentralment imfassal biex jippromwovi l-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew (TEN) bi prestazzjoni għolja, sostenibbli u interkonness fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali, li jiffoka fuq l-iffaċilitar tal-konnessjonijiet transfruntiera u t-tneħħija ta' konġestjonijiet, u jipprovdi valur miżjud ċar tal-UE fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transnazzjonali; billi l-abbozz tal-QFP għall-perjodu 2021-2027 jinkludi, fl-ambitu tal-linja baġitarja tal-FNE għas-settur tat-trasport, pakkett ġdid iddedikat għall-ħtiġijiet tal-mobbiltà militari; billi jkun tajjeb ħafna li l-effiċjenza tal-FNE tinżamm u tkompli titkabbar;

T.  billi l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża qed topera diversi proġetti fil-qasam tal-mobbiltà militari, dwar awtorizzazzjonijiet diplomatiċi u ċentri tat-trasport multimodali tal-UE, kif ukoll il-programmi ad hoc stabbiliti reċentement dwar il-proċeduri ta' permessi għal movimenti transfruntiera u dwar l-armonizzazzjoni ta' rekwiżiti militari relatati mad-dwana; billi l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u tal-Kummissjoni trid tkun ikkoordinata b'mod ċar u konsistenti sabiex tgħin lill-Istati Membri jiffinalizzaw ċerti aspetti tal-Pjan ta' Azzjoni; billi l-ħtiġijiet, il-prijoritajiet u r-rekwiżiti militari tal-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati matul il-proċess ta' konsultazzjoni;

U.  billi l-mobbiltà militari ġiet identifikata reċentement bħala qasam ta' prijorità għall-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fis-sett komuni ta' proposti għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta, u ġiet affermata mill-ġdid bħala prijorità fid-dikjarazzjoni konġunta l-ġdida u fid-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar is-Sigurtà u s-Solidarjetà Tranżatlantiċi; billi n-NATO ttrasmettiet lill-UE l-istandards tagħha dwar il-mobbiltà militari, fosthom il-parametri ġeneriċi għall-infrastruttura tat-trasport tan-NATO;

V.  billi n-NATO qed tiffoka wkoll fuq it-titjib tal-kapaċitajiet loġistiċi tagħha stess permezz tal-Pjan ta' Abilitazzjoni għall-Qasam ta' Responsabbiltà ta' SACEUR, speċjalment billi taġġusta l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri, issaħħaħ il-kmand u l-kontroll, iżżid il-kapaċitajiet tat-trasport u ttejjeb l-infrastruttura; jinnota f'dan il-kuntest l-istabbiliment ta' żewġ kmandi ġodda, il-Joint Force Command f'Norfolk u l-Joint Support and Enabling Command f'Ulm;

W.  billi mill-2019, tliet nazzjonijiet ta' qafas minn erbgħa, li skjeraw forzi fl-enhanced forward presence tan-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant, se jkunu minn barra l-UE; billi preżenza permanenti fil-kontinent u t-trasport ta' rinforz mill-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit huma deċiżivi għas-sigurtà tal-Ewropa;

X.  billi ppożizzjonar minn qabel imtejjeb tal-ħażniet loġistiċi militari, inklużi l-munizzjon u l-fjuwil, se jgħin biex itaffi xi ftit mill-pressjoni tal-mobbiltà;

Y.  billi, minkejja dawn il-miżuri istituzzjonali kollha, it-titjib ewlieni fil-mobbiltà militari se jkollu jsir mill-Istati Membri tal-UE, li jridu jaġġustaw l-infrastrutturi nazzjonali u l-ambjenti regolatorji tagħhom; billi dan se jirrikjedi approċċ tal-gvern sħiħ minħabba l-firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li jeħtieġu jiġu indirizzati; billi dan l-isforz komuni għandu jiġi implimentat b'rispett sħiħ tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali u r-rekwiżiti kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-UE, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-rekwiżiti tal-mobbiltà militari identifikati mill-kooperazzjoni UE-NATO;

Z.  billi skont il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari u analiżi pilota li tnediet mill-Presidenza Estonjana fl-2017 għall-pajjiżi tal-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-Baltiku tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew urew li l-qtugħ massimu mill-art u t-tolleranza massima tal-piż ta' bosta pontijiet tat-toroq mhumiex biżżejjed għal vetturi militari u li m'hemmx biżżejjed kapaċità ta' tagħbija sabiex it-tagħmir militari b'daqs eċċessiv jiġi ttrasportat bil-ferroviji;

1.  Jissottolinja li l-mobbiltà militari hija għodda strateġika ċentrali li tippermetti lill-UE ssegwi l-interessi tagħha fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża b'mod effettiv u b'mod komplementari ma' organizzazzjonijiet oħra bħan-NATO u m'għandhiex tkun limitata biss għal ostakli fiżiċi, legali u infrastrutturali; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-mobbiltà militari tal-kapaċitajiet ta' tisħiħ rapidu tan-NATO, li ssaħħaħ is-sigurtà kollettiva tagħna u potenzjalment iżżid il-kontribuzzjoni tal-UE għas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; jilqa' l-fatt li l-mobbiltà militari reċentement kisbet livell sostanzjali ta' attenzjoni mill-atturi rilevanti kollha; jinnota li l-mobbiltà militari ssaħħaħ l-istat ta' tħejjija u l-qagħda ta' difiża tal-Ewropa quddiem avversarji potenzjali u sitwazzjonijiet ta' kriżi, filwaqt li tgħin fil-kisba tal-livell tal-UE ta' ambizzjoni fil-politika ta' difiża u ta' sigurtà, inkluża awtonomija strateġika politika, operazzjonali u industrijali;

2.  Jenfasizza li l-introduzzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-mobbiltà fl-Unjoni hija parti mill-għan ewlieni li tittejjeb il-mobbiltà tal-UE, u fl-istess ħin tirreaġixxi għall-isfidi loġistiċi u ta' mobbiltà stabbiliti fil-PSDK; għal dan il-għan, huwa essenzjali li jiġu armonizzati l-istandards u r-regolamenti transfruntiera u doganali, kif ukoll il-proċeduri amministrattivi u leġiżlattivi; jissottlinja li r-rwol tal-impriżi konġunti tal-UE huwa kruċjali għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u leġiżlattivi, kemm għall-FNE kif ukoll għall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-mobbiltà militari; huwa mistenni li l-mobbiltà doppja se jkollha effetti pożittivi fuq l-iżvilupp tal-FNE, tgħin fi kwistjonijiet tal-baġit u tissodisfa l-ħtiġijiet ġodda u futuri;

3.  Jenfasizza li t-tkomplija tal-Unjoni tad-Difiża Ewropea u l-iżvilupp tal-awtonomija strateġika u l-awtoreżiljenza m'għandhomx iwasslu għal żieda fit-tensjonijiet fir-relazzjonijiet tal-UE ma' atturi reġjonali strateġikament rilevanti;

4.  Jenfasizza li l-kisba tal-mobbiltà militari fl-Ewropa hija impenn li ġej l-ewwel u qabel kollox mill-impenn espress u r-rieda politika tal-Istati Membri, filwaqt li l-UE għandha tikkontribwixxi billi tigwida l-proċess billi tistabbilixxi qafas għar-rekwiżiti, tipprovdi finanzjament, tabbozza protokolli biex jiġi ffaċilitat iċ-ċaqliq effiċjenti ta' tagħmir tekniku u riżorsi umani, trawwem il-kooperazzjoni u tipprovdi fora għal skambju tal-aħjar prattiki, informazzjoni u esperjenzi li jinvolvu kemm l-awtoritajiet ċivili kif ukoll l-awtoritajiet militari; jenfasizza li mobbiltà militari effettiva se tkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri kollha billi ssaħħaħ il-konnettività tagħhom kemm fl-isferi militari kif ukoll f'dawk ċivili; jenfasizza li l-proċeduri nazzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet u r-rwoli kostituzzjonali ta' kull Stat Membru għandhom jiġu rrispettati;

5.  Jenfasizza l-importanza li tiġi promossa kooperazzjoni transsettorjali (sinerġiji) bejn l-Istati Membri għall-iżvilupp ta' mobbiltà doppja li tkun effiċjenti, interoperabbli, sikura, multimodali, intelliġenti u sostenibbli li twieġeb għall-isfidi ġodda tad-diġitalizzazzjoni (tal-karozzi u konnettività), kif ukoll biex tindirizza b'mod affidabbli l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-loġistika doppja (ċivili u tad-difiża) tal-UE, fir-rwol tagħha bħala attur globali;

6.  Jappoġġa bil-qawwa s-sejħa tal-Kunsill biex l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali għall-mobbiltà militari sa tmiem l-2019 u biex jagħtu l-ogħla prijorità lill-implimentazzjoni tagħhom; jilqa' l-miżuri l-oħra li ntlaħaq qbil dwarhom fil-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE tal-25 ta' Ġunju 2018, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-iskadenzi; jenfasizza li l-isforzi ta' suċċess għat-trawwim tal-mobbiltà militari jippermettu lill-Istati Membri biex isegwu b'mod effettiv l-ippjanar tad-difiża nazzjonali kif ukoll dak kollettiv Ewropew u l-parteċipazzjoni effiċjenti f'eżerċizzji konġunti, taħriġ u missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' mobbiltà tar-reazzjoni għall-kriżijiet, jiġifieri l-ħtieġa li l-UE tkun rapida u effiċjenti meta tuża l-assi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet, sabiex jiġi żgurat li l-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala fornitur affidabbli ta' sigurtà globali u attur tal-paċi u tkun kapaċi tindirizza b'mod effettiv id-diżastri naturali, il-kriżijiet umanitarji, il-kompiti militari tal-Artikolu 43(1) tat-TUE kif muri mix-xenarji illustrattivi, u l-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' assistenza reċiproka u solidarjetà;

8.  Jemmen li politika ta' mobbiltà militari effiċjenti se ssaħħaħ il-missjonijiet tal-PSDK tal-UE, minħabba d-dimensjoni internazzjonali tagħhom u l-objettiv taż-żamma tal-paċi tagħhom billi jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet tad-difiża u se ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li l-missjonijiet umanitarji u r-reazzjonijiet għal diżastri naturali fl-UE jibbenefikaw ukoll minn żieda fil-mobbiltà militari; jinnota li t-tip ta' missjonijiet li l-aktar jibbenefika minn żieda fil-mobbiltà militari fl-UE u lil hinn minnha huwa dak li jinsab fil-qasam tad-difiża kollettiva kif ukoll il-missjonijiet u l-operazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej ta' ġestjoni tal-kriżijiet; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-progress f'dan il-qasam se jgħin lil dawk l-Istati Membri tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO biex jonoraw l-impenji tagħhom tal-Artikolu 5; jenfasizza r-rwol partikolari li għandhom l-Istati Membri newtrali; jirrikonoxxi madankollu, li, skont l-Artikolu 42(7) tat-TUE, l-Istati Membri tal-UE għandhom obbligu inekwivokabbli li jgħinu u jassistu bil-mezzi kollha għad-dispożizzjonijiet tagħhom jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fit-territorju tiegħu, skont l-impenji taħt in-NATO;

9.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' analiżi bir-reqqa dwar liema partijiet tal-UE jew Stati Membri għandhom bżonn akbar ta' investimenti fil-mobbiltà militari u huma esposti aktar għar-riskju ta' theddid għas-sigurtà esterna;

10.  Jirrikonoxxi n-natura kumplessa tal-isfida, li tinvolvi, fost aspetti oħra, kwistjonijiet ta' kostruzzjoni tal-infrastruttura, standards komuni, regolamenti tat-trasport, dwana, taxxi u permessi tal-moviment kif ukoll il-livelli kollha tal-gvern mill-amministrazzjonijiet muniċipali sal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jappella f'dan ir-rigward biex oqfsa abilitanti jġibu flimkien atturi kemm militari kif ukoll ċivili fil-livelli kollha, inklużi min-NATO u s-sħab tan-NATO, biex jiddiskutu l-kwistjonijiet rilevanti u b'hekk jiżguraw valur miżjud u koordinazzjoni u implimentazzjoni effettivi u jirrimarka li sabiex jinkiseb ir-riżultat ottimali, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinvestu fit-taħriġ konġunt tal-persunal amministrattiv u istituzzjonali; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħadet l-impenn li tesplora għażliet għall-unifikazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet tad-dwana sal-aħħar tal-2018; jenfasizza li l-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji involuti hija essenzjali biex tinkiseb armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; Jenfasizza l-fatt li għandu jkun hemm koordinazzjoni u skambju ta' esperjenzi fil-każ ta' użu doppju tal-infrastruttura għal oġġetti perikolużi, għall-fini tal-prevenzjoni tar-riskju ta' inċidenti, filwaqt li s-sikurezza tiġi ottimizzata madwar in-netwerk kollu kemm hu;

11.  Jinnota t-tnaqqis sinifikanti fil-kwantità ta' materjal fuq ir-roti disponibbli, b'mod partikolari ta' vetturi ċatti li jimxu fuq linji tal-ferroviji, sabiex it-tagħmir u l-vetturi tqal jiġu mċaqalqa fi żmien qasir;

12.  Jirrikonoxxi li t-tħaddim f'ambjent tant kumpless joħloq diversi diffikultajiet rigward id-duplikazzjoni u l-koordinazzjoni, minbarra l-infiq relatat, li fundamentalment jistgħu jheddu l-proġett globali jekk ma jiġux adegwatament immaniġġjati; jirrikonoxxi li diġà jeżistu esperjenzi fl-UE fis-settur tat-trasport abbażi tal-kooperazzjoni doppja, bħal pereżempju l-proġett Ajru Uniku Ewropew; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw qafas effiċjenti għall-kooperazzjoni; jenfasizza li sabiex jiġu implimentati proġetti ta' mobbiltà militari, se tkun meħtieġa kollaborazzjoni akbar bejn l-Istati Membri u se jkun meħtieġ li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-isferi ċivili u militari; jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni mal-proġetti dwar il-mobbiltà militari mħejjija fil-qafas tal-PESCO, kif ukoll dawk li qed jitwettqu fil-kuntest tal-Fond Ewropew għad-Difiża;

13.  Jenfasizza għalhekk li fehim tal-għan strateġiku komuni u l-iżvilupp ta' pjan komuni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huwa assolutament vitali għas-suċċess; jenfasizza li ppjanar militari koerenti huwa imperattiv għal awtonomija strateġika effettiva, ibbażata fuq l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tat-tagħmir u l-armi kif ukoll duttrina strateġika u proċessi ta' kmand u kontroll; jilqa' f'dan il-kuntest il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari, li jiddeskrivi passi konkreti għal atturi istituzzjonali differenti u għall-Istati Membri tal-UE u li jirrikonoxxi r-rwol strateġiku tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport; jilqa' f'dan ir-rigward l-impenji meħuda mill-Istati Membri;

14.  Jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni fundamentalment jiddeskrivi approċċ minn isfel għal fuq, b'viżjoni strateġika limitata biss tal-għanijiet ta' difiża konkreti li l-UE qed timmira li tikseb permezz tad-diversi attivitajiet deskritti fil-Pjan ta' Azzjoni; jiddeplora f'dan ir-rigward in-nuqqas kontinwu ta' ktieb abjad tal-UE dwar id-difiża, li seta' jipprovdi dan is-sens ġenerali tal-għan; jemmen madankollu li l-approċċ kurrenti għandu mertu konsiderevoli u se jservi l-interessi tal-Istati Membri kollha tal-UE, kemm tal-Istati newtrali kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE fir-rwol tagħhom bħala alleati tan-NATO;

15.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom iżommu mal-iskeda ta' żmien ambizzjuża fil-Pjan ta' Azzjoni, sabiex jiżguraw li l-lakuni kurrenti fil-mobbiltà jiġu indirizzati malajr kemm jista' jkun u jinkiseb il-livell ta' ambizzjoni fil-politika ta' difiża u ta' sigurtà; jilqa' t-talbiet tal-Pjan ta' Azzjoni sabiex tittejjeb il-mobbiltà militari billi jitqies it-theddid ibridu, speċjalment għall-infrastruttura tat-trasport u dik kritika u tittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura tat-trasport għat-theddid ibridu;

16.  Jinnota l-progress li sar fl-iżvilupp tar-rekwiżiti militari għall-mobbiltà militari ġewwa l-UE u lil hinn minnha, partikolarment għall-infrastruttura b'użu doppju, u jilqa' l-involviment mill-qrib tal-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċess, it-tmexxija Netherlandiża fir-rigward tal-proġett tal-PESCO, kif ukoll l-input ipprovdut min-NATO;

17.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-FNE u l-fondi sostanzjali previsti għall-proġetti ta' mobbiltà militari b'użu doppju sabiex jiġi żgurat li l-infrastruttura tiġi aġġustata biex jitqiesu l-ħtiġijiet b'użu doppju; jemmen li l-użu doppju tal-infrastruttura huwa prekundizzjoni biex in-netwerk tat-trasport ċivili jibbenefika mill-Pjan ta' Azzjoni u mill-pakkett tal-mobbiltà militari; jara l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni bħala opportunità biex in-netwerk tat-trasport ċivili jitħalla jibbenefika minn żieda fil-kapaċità tan-netwerk u biex jitrawmu konnessjonijiet multimodali; jilqa' s-sejħiet biex in-netwerk tat-trasport trans-Ewropew jiġi vvalutat u adattat biex ikopri r-rekwiżiti militari identifikati li se jiġu applikati wkoll għal proġetti tat-trasport ċivili ġodda, speċjalment l-ajruporti, il-portijiet, l-awtostradi u l-ferroviji bħala ċentri intermodali f'kurituri ewlenin; ifakkar għal dan il-għan il-ħtieġa li - f'kooperazzjoni mal-Istati Membri - tiġi stabbilita lista tal-infrastrutturi u tal-kurituri nazzjonali li jqisu l-karatteristiċi militari tspeċifiċi al-Istati Membri; jinnota li l-iżvilupp ta' proġetti b'użu doppju għandhom ikunu sostenibbli u konformi mal-istandards ambjentali;

18.  Huwa tal-fehma li, sabiex l-użu tal-fondi tal-UE jiġi ottimizzat, kull proġett ta' trasport ta' interess komuni iffinanzjat mill-FNE għandu jintegra, jekk ikun meħtieġ, ir-rekwiżiti tekniċi tal-mobbiltà militari fil-fażi tal-konċezzjoni, biex jiġi evitat li l-infrastruttura jkollha tiġi aġġornata aktar tard għal raġunijiet purament militari u li, għalhekk, il-finanzjament ma jintużax b'mod ekonomiku; iqis li kwalunkwe kontribuzzjoni mill-pakkett tal-mobbiltà militari tal-FNE għandha, kull fejn ikun possibbli, tagħti prijorità lil proġetti multimodali, peress li dawn iġibu l-aktar opportunitajiet għall-użu doppju, kif ukoll lil proġetti transfruntieri, peress li jikkontribwixxu fl-indirizzar tal-konnessjonijiet neqsin u tal-punti ta' konġestjoni tal-lum, li huma l-ostakli fiżiċi ewlenin kurrenti għal mobbiltà rapida u bla xkiel sew għall-persuni ċivili u sew għat-trasferimenti ta' truppi u ta' tagħmir militari tqil; jenfasizza li l-proċess ta' identifikazzjoni tas-sezzjonijiet tan-netwerk Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) li huma adatti għat-trasport militari jrid jimmassimizza, mingħajr kundizzjonijiet, is-sinerġiji ċivili u militari, u jrid iżomm mal-prinċipju tal-użu doppju; jemmen li investiment addizzjonali tul in-netwerk jista' jrendi benefiċċji sinifikanti għall-mobbiltà militari filwaqt li jikkontribwixxi għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050; jissottolinja li għandu jkun possibbli li l-finanzjament mill-pakkett tal-mobbiltà militari jintuża għall-adattament tal-infrastruttura tat-trasport kemm fin-netwerks tat-TEN-T ċentrali kif ukoll f'dawk komprensivi;

19.  Jappoġġja d-deċiżjoni li l-pakkett tal-mobbiltà militari jiġi allokat taħt il-ġestjoni ċentralizzata tal-programm FNE b'objettiv strett ta' użu doppju; jieħu nota tal-azzjonijiet preliminari stabbiliti mill-Pjan ta' Azzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tadotta, sal-31 ta' Diċembru 2019, atti delegati sabiex tispeċifika aktar ir-rekwiżiti militari, telenka l-partijiet tat-TEN-T li huma adatti għat-trasport militari, telenka proġetti prijoritarji ta' infrastruttura ta' użu doppju u l-proċeduri ta' valutazzjoni rigward l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet konnessi mal-mobbiltà militari u l-kriterji tal-għoti;

20.  Ifakkar li diversi teknoloġiji li jintużaw fis-settur militari ġew imsarrfa b'suċċess fis-settur ċivili; jenfasizza li l-użu ta' sistema ta' trasport intelliġenti li sserraħ fuq sistemi ta' applikazzjonijiet telematiċi bħal ERTMS u SESAR u l-adozzjoni ta' teknoloġiji relatati ma' Galileo/EGNOS/GOVSATCOM jirrappreżentaw waħda mill-akbar opportunitajiet ta' sfida quddiem is-settur tat-trasport ċivili; għaldaqstant, iqis li rieżamijiet futuri tal-Pjan ta' Azzjoni għandhom fl-aħħar mill-aħħar jesploraw il-possibilità li t-trasport ċivili jisfrutta r-risposti militari għal dawk l-isfidi, pereżempju fil-qasam taċ-ċibersigurtà u tal-komunikazzjoni sikura; jappella għal aktar miżuri biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-atturi taċ-ċibersigurtà u tad-difiża u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bħala parti mill-PESCO; jissottolinja l-ħtieġa li jkompli jiġi żviluppat netwerk konġunt dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza ta' dawk l-infrastrutturi li huma strateġiċi fid-dawl tal-ħidma biex tittejjeb il-mobbiltà militari fl-UE; jenfasizza l-importanza tal-isforzi li għaddejjin bħalissa tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jaġġornaw ir-regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

21.  Jirrikonoxxi l-valur ta' proposti potenzjali dwar ir-regolamentazzjoni tat-trasport ta' merkanzija perikoluża għall-użu militari, l-aġġornament tal-kodiċi doganali tal-UE, u l-adattament tar-regoli tal-VAT;

22.  Jilqa' l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn atturi militari u ċivili f'dan ir-rigward, u jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma b'mod konġunt biex tiġi stabbilita bażi komuni għar-regolamentazzjoni tat-trasport ta' oġġetti perikolużi għall-użu militari;

23.  Jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni jidentifika numru konsiderevoli ta' kompiti li għandhom jitwettqu fil-livell tal-Istati Membri, li għal dan il-għan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu appoġġ u gwida għal implimentazzjoni rapida u effiċjenti; ifakkar fil-ħtieġa ta' qafas regolatorju doganali u fiskali, b'mod partikolari fir-rigward tal-VAT; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li jinkisbu regoli armonizzati għall-permessi ta' moviment transfruntier, li huma ostaklu kbir għal movimenti rapidi; Iqis li l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jimmassimizzaw l-effikaċja tat-trasport transfruntiera bit-triq u b'użu doppju, u biex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. jappoġġa f'dan ir-rigward ix-xewqa li sal-aħħar tal-2019, jitħaffef iż-żmien tal-qsim tal-fruntieri u, għal dan il-għan, li jinħarġu l-permessi diplomatiċi għall-movimenti fuq l-art, fuq il-baħar u fl-ajru, f'ħamest ijiem, u li dan iż-żmien saħansitra jitqassar iktar għall-unitajiet ta' reazzjoni rapida;

24.  Jappoġġa d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Membri li jieħdu sehem fil-PESCO sabiex il-mobbiltà militari tiġi inkluża fil-lista inizjali ta' sbatax-il proġett ta' prijorità li għandhom jiġu żviluppati fi ħdan il-qafas tal-PESCO; Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-proġett tal-PESCO dwar il-mobbiltà militari jista' jikkostitwixxi għodda utli għall-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri previsti fil-Pjan ta' Azzjoni, kif ukoll attivitajiet oħra lil hinn mill-kompetenzi immedjati tal-UE; jemmen li din id-diviżjoni tax-xogħol, akkumpanjata minn koordinazzjoni xierqa, hija vitali biex il-proġett tal-PESCO jipprovdi valur miżjud; jilqa' wkoll l-impenji aktar vinkolanti dwar is-simplifikazzjoni tat-trasport militari transfruntier li saru fin-notifika tal-PESCO; jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu sehem b'mod attiv fil-proġett tal-PESCO għall-mobbiltà militari;

25.  Jissottolinja l-importanza li l-komunitajiet lokali jiġu infurmati u involuti kif xieraq fir-rigward tal-ippjanar u tal-impatt ta' infrastruttura ewlenija tal-mobbiltà militari;

26.  Jissottolinja li, fl-aħħar mill-aħħar, l-UE tista' biss tissupplimenta l-isforzi tal-Istati Membri; jenfasizza li s-suċċess jiddependi fundamentalment fuq l-aċċettazzjoni mill-Istati Membri tal-approċċ globali minn kull livell tal-gvern u l-abilità tagħhom li jimplimentawh sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet rilevanti. jissottolinja l-importanza tal-impenn politiku tal-Istati Membri biex mobbiltà militari aktar effettiva fl-UE u lil hinn minnha ssir realtà; jissottolinja li sabiex tkun ta' suċċess, il-mobbiltà militari se tirrikjedi kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-alleati kollha tan-NATO;

27.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta ġdida dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar is-Sigurtà u s-Solidarjetà Transatlantiċi u l-enfażi li t-tnejn li huma jpoġġu fuq il-kwistjonijiet tal-mobbiltà militari; jilqa' wkoll l-inizjattivi ġodda tan-NATO, partikolarment il-Pjan ta' Abilitazzjoni għall-Qasam ta' Responsabbiltà ta' SACEUR; jilqa' l-ħidma tan-NATO biex tiżgura l-mobbiltà militari f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jevitaw duplikazzjoni żejda tal-isforzi; jenfasizza l-importanza tal-portijiet bħala punti li jgħaqqdu l-UE mal-alleati tagħha tan-NATO u tal-konnessjonijiet intra-Ewropej tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni dwar l-inizjattivi tad-difiża tal-UE, inkluż il-PESCO, lill-Istati Uniti u alleati oħra tan-NATO sabiex tiġi evitata kwalunkwe idea żbaljata u jilqa' l-inizjattivi tal-UE rigward id-difiża għat-tisħiħ tal-pilastru Ewropew fi ħdan l-Alleanza tan-NATO;

28.  Iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lin-NATO biex jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom inkluż billi jużaw fondi għal proġetti komuni, iżidu l-flessibbiltà politika, jifformalizzaw ir-relazzjoni bejn l-UE u n-NATO u billi jespandu l-oqsma ta' kooperazzjoni u jikkondividu l-informazzjoni b'mod aktar wiesa', jekk ikun fl-interessi ta' sigurtà tal-UE, biex jiżguraw il-kisba tas-sinerġiji; jesprimi t-tama li l-ostakli għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni klassifikata bejn iż-żewġ korpi se jiġu eliminati malajr kemm jista' jkun sabiex tkun tista' sseħħ din il-kooperazzjoni eqreb;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-aġenziji tal-UE fil-qasam tad-difiża, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tan-NATO.

(1) ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.
(2) ĠU C 88, 8.3.2018, p. 1.
(3) ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24.
(4) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 18.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0257.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0492.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza