Il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati t-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati t-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà (COM(2018)0901 – C8-0492/2018 – 2018/2274(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0901 – C8‑0492/2018),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-abbozz ġdid tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 li adottat il-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2018 (COM(2018)0900), skont l-Artikolu 314(8) TFUE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tal-4 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tat-tieni Abbozz ta' Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, adottat mill-Kunsill fil-11 ta' Diċembru 2018 u mgħoddi lill-Parlament fl-istess ġurnata (15205/2018 – C8-0499/2018),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0455/2018),
A. billi l-Istrument ta' Flessibilità hu maħsub biex jippermetti l-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda jew aktar,
B. billi l-Kummissjoni kienet ipproponiet il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità b'ammont ta' EUR 985 629 138 miljun lil hinn mil-limitu massimu tal-intestura 3, biex tissupplimenta l-finanzjament disponibbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2019, bil-għan li tiffinanzja miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni, tar-rifuġjati u tas-sigurtà;
C. billi r-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill qablu, waqt it-trilogu baġitarju tal-4 ta' Diċembru 2018, li jimmobbilizzaw aktar l-Istrument tal-Flessibilità b'EUR 178 715 475 bħala riżultat tat-tisħiħ tal-programmi Orizzont 2020 u Erasmus+ fis-subintestatura 1a;
1. Jaqbel, għalhekk, li l-Istrument ta' Flessibilità jiġi mmobilizzat għal ammont ta' EUR 1 164 344 613 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;
2. Itenni li l-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument, kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-QFP, tindika għal darb'oħra l-bżonn kruċjali ta' aktar flessibilità fil-baġit tal-Unjoni;
3. Itenni l-opinjoni li ilu jħaddan li l-pagamenti li ġejjin minn impenji mobilizzati preċedentement permezz tal-Istrument ta' Flessibilità, jistgħu jingħaddu biss lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP;
4. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità biex jiġu msaħħa programmi ewlenin għall-kompetittivitá tal-UE għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati t-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2019/276.)