Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2275(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0454/2018

Testi mressqa :

A8-0454/2018

Dibattiti :

CRE 11/12/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.4
PV 12/12/2018 - 12.5
CRE 12/12/2018 - 12.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0503

Testi adottati
PDF 197kWORD 60k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019
P8_TA(2018)0503A8-0454/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (15205/2018 – C8-0499/2018 – 2018/2275(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) ("ir-Regolament dwar il-QFP"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2019(7),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2018 (COM(2018)0600),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2018 u li ntbagħtet lill-Parlament fit-13 ta' Settembru 2018 (11737/2018 – C8-0410/2018),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2019(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019(9),

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma laħaqx ftehim dwar test konġunt fi żmien il-wieħed u għoxrin ġurnata msemmija fl-Artikolu 314(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ġdid tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 li adottat il-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2018 (COM(2018)0900), skont l-Artikolu 314(8) TFUE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tal-4 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tat-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, li l-Kunsill adotta fil-11 ta' Diċembru 2018 (15205/2018)– C8-0499/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0454/2018]),

1.  Ifakkar li "l-abbozz ta' pakkett" maqbul, wara negozjati diffiċli u intensi, mill-Parlament u l-Kunsill matul it-trilogu tal-4 ta' Diċembru 2018 jikkonsisti f'żewġ elementi: il-baġit tal-Unjoni għas-sena 2019 stabbilit f'livell ta' EUR 165 795,6 miljun u EUR 148 198,9 miljun, rispettivament f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, u erba' dikjarazzjonijiet konġunti kif ukoll dikjarazzjoni unilaterali waħda;

2.  Jissottolinja li, għalkemm l-Abbozz tal-Baġit (AB) kif modifikat mill-Kunsill ma jissodisfax għalkollox il-ħtieġa reali għal baġit tal-Unjoni sostenibbli, koerenti u effiċjenti, l-objettiv tal-Parlament huwa li l-Unjoni jkollha baġit li jista' jipprovdi benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u l-kumpaniji;

3.  Jilqa' l-livell kumplessiv miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, li jirrappreżenta żieda ta' EUR 1,728 miljun meta mqabbel mal-qari oriġinali tal-Kunsill; jinsab kuntent li ż-żidiet miksuba fin-negozjati b'valur ta' EUR 943 miljun jikkorrispondu għall-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Parlament, jiġifieri b'appoġġ għar-riċerkaturi, iż-żgħażagħ, l-SMEs, li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, iż-żieda fis-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni, u d-difiża;

4.  Jilqa' l-fatt li l-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet ta' pagament miftiehma għall-2019 jiżdied bi 2,4 % meta mqabbel mal-Baġit 2018; jinnota madankollu li l-livell ta' pagamenti jirrappreżenta biss 0,9 % tal-ING tal-Unjoni; jissottolinja l-importanza tad-dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament li fiha l-Parlament u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex ikopru kwalunkwe ħtieġa iġġustifikata kif dovut;

5.  Jiddispjaċih li l-Kunsill, bil-pretest li ma kellux il-ħin neċessarju biex jagħmel analiżi, irrifjuta fil-prinċipju, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2019, li jiddiskuti l-użu tal-Artikolu 15(3) il-ġdid tar-Regolament Finanzjarju, li jippermetti li ammonti diżimpenjati minn riċerka jerġgħu jsiru disponibbli fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tirrapporta tal-inqas darbtejn fis-sena speċifikament dwar l-ammonti diżimpenjati għal programmi ta' riċerka u tipprovdi l-informazzjoni u l-elementi rilevanti kollha dwar l-Artikolu 15(3) u tipproponi l-użu tal-Artikolu 15(3) fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2020;

6.  Jiddispjaċih għal darb'oħra li fid-diskussjonijiet dwar l-estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma involvewx kif xieraq lill-Parlament, bħala wieħed miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; jiddispjaċih dwar il-pożizzjoni mhux flessibbli tal-Kunsill dwar il-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, li għalih l-baġit tal-Unjoni se jikkontribwixxi EUR 2 biljun, filwaqt li l-Istati Membri se jikkontribwixxu EUR 1 biljun; itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li inizjattivi ġodda ma jridux jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' proġetti esterni eżistenti tal-Unjoni; ifakkar li minħabba n-nuqqas ta' rieda tal-Kunsill, il-limiti massimi tal-QFP attwali ma żdidux fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-QFP għad ma għandux biżżejjed flessibbiltà biex jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti; jissottolinja li jridu jittieħdu lezzjonijiet għall-QFP ta' wara l-2021 sabiex jiġi evitat, fost l-oħrajn, li jinħolqu satelliti baġitarji bħall-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija;

7.  F'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, jinsisti li t-tisħiħ miftiehem tal-programmi Orizzont 2020 u Erasmus+ ta' EUR 100 miljun f'baġit emendatorju fl-2019 mhux se jiġi ffinanzjat permezz ta' riallokazzjonijiet minn programmi oħra iżda permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;

8.  Fid-dawl taż-żieda fl-appoġġ li l-Europol tagħti lill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità, jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' 10 postijiet tax-xogħol addizzjonali u ż-żieda relatata fl-approprjazzjonijiet għall-Europol;

9.  Jilqa' l-ħolqien ta' ħames postijiet tax-xogħol u ż-żieda relatata fl-approprjazzjonijiet mill-Kummissjoni fl-AB 2019 biex jiġi evitat kwalunkwe effett lembut li jista' jkun ta' detriment għall-produttività tal-qrati fil-kuntest ta' attivitajiet ġodda mwettqa mill-Qorti u ta' żieda kontinwa fl-ammont ta' xogħol minħabba l-Brexit; jirrimarka, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet verament teħtieġ 16-il post tax-xogħol permanenti ġodda għas-servizzi ta' appoġġ;

10.  Jilqa' t-tisħiħ tal-linja baġitarja tas-SEAE dwar il-Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika, biex jingħata rispons koordinat aktar b'saħħtu tal-Unjoni għall-isfida tad-diżinformazzjoni;

11.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 kif ukoll id-Dikjarazzjonijiet Konġunti annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(6) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2018)0089.
(7) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2018)0182.
(8) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2018)0311.
(9) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2018)0404.


ANNESS

ABBOZZ TA' PAKKETT

Baġit 2019 – Konklużjonijiet konġunti

Dawn il-konklużjonijiet konġunti jkopru t-taqsimiet li ġejjin:

1.  Baġit 2019

2.  Dikjarazzjonijiet

Ħarsa ġenerali

Skont l-elementi għall-konklużjonijiet konġunti:

—  Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet ta' impenn fil-baġit tal-2019 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 165 795,6 miljun. B'mod globali, dan iħalli marġni taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-2019 ta' EUR 1 291,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn.

—  Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-2019 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 148 198,9 miljun.

—  L-Istrument ta' Flessibbiltà għall-2019 huwa mobilizzat f'approprjazzjonijiet ta' impenn għal ammont ta' EUR 1 164,3 miljun għall-intestatura 1a Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi u għall-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza.

—  Il-marġni globali għall-impenji jintuża fil-livell ta' EUR 1 476,0 miljun għall-intestatura 1a Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi, għall-intestatura 1b Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali u għall-intestatura 4 Ewropa Globali.

—  Il-marġni ta' kontinġenza mobilizzat fl-2017 huwa kkumpensat b'EUR 253,9 miljun mill-marġni mhux allokati taħt l-intestatura 5 Amministrazzjoni.

—  L-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2019 relatati mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà fl-2016, fl-2017, fl-2018 u fl-2019 huma stmati mill-Kummissjoni li jammontaw għal EUR 961,9 miljun.

1.  Baġit 2019

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar il-konklużjonijiet inklużi fit-taqsimiet 1.1 sa 1.6 hawn taħt.

1.1.  Kwistjonijiet orizzontali

Aġenziji deċentralizzati

Il-kontribuzzjoni tal-UE (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament) u l-għadd ta' karigi għall-aġenziji deċentralizzati huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni Abbozz tal-Baġit (it-tieni AB).

Aġenziji eżekuttivi

Il-kontribuzzjoni tal-UE (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament) u l-għadd ta' postijiet għall-aġenziji eżekuttivi huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

Proġetti Pilota/Azzjonijiet Preparatorji

Pakkett komprensiv ta' 75 proġett pilota/azzjoni preparatorja (PP/AP) huwa maqbul, kif propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB. Meta proġett pilota jew azzjoni preparatorja tidher li hi koperta b'bażi legali eżistenti, il-Kummissjoni tista' tipproponi t-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għall-bażi legali korrispondenti biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-azzjoni.

Dan il-pakkett, propost mill-Parlament Ewropew fil-qari tiegħu tal-Abbozz tal-Baġit oriġinali, jirrispetta bis-sħiħ il-limiti massimi għall-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji previsti fir-Regolament Finanzjarju.

1.2.  Intestaturi ta' nefqa tal-qafas finanzjarju - approprjazzjonijiet ta' impenn

Intestatura 1a

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB, iżda bl-aġġustamenti dettaljati fit-tabella li ġejja.

 

 

 

 

F'EUR

Linja baġitarja/Programm

Isem

Varjazzjoni f'approprjazzjonijiet ta' impenn

It-Tieni Abbozz tal-Baġit tal-2019

Baġit 2019

Differenza

1.1.31

Orizzont 2020

 

 

150 000 000

08 02 03 04

Kisba ta' sistema tat-trasport Ewropea effiċjenti fir-riżorsi, tiffavorixxi l-ambjent, sikura u assjematika

252 946 905

260 946 905

8 000 000

08 02 08

Strument għall-SMEs

541 589 527

641 589 527

100 000 000

09 04 01 01

Tisħiħ tar-riċerka fit-teknoloġiji futuri u emerġenti

429 937 089

442 937 089

13 000 000

15 03 01 01

Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie — ħolqien, żvilupp u trasferiment ta' ħiliet u għarfien ġodda u innovazzjoni

916 586 364

945 586 364

29 000 000

1.1.5

Edukazzjoni, Taħriġ u Sport (Erasmus+)

 

 

40 000 000

15 02 01 01

Promozzjoni tal-eċċellenza u l-kooperazzjoni fil-qasam Ewropew tal-edukazzjoni u t-taħriġ u r-relevanza tiegħu għas-suq tax-xogħol

2 411 836 200

2 441 036 200

29 200 000

15 02 01 02

Promozzjoni tal-eċċellenza u l-kooperazzjoni fil-qasam Ewropew taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja tad-demokrazija Ewropea

175 070 000

185 870 000

10 800 000

 

Total

 

 

190 000 000

Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 23 335,4 miljun, mingħajr marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 1a, l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 74,7 miljun u l-mobilizzazzjoni ta' EUR 178,7 miljun permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà.

Intestatura 1b

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 57 192,0 miljun, mingħajr marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 1b u l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 350,0 miljun.

Intestatura 2

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 59 642,1 miljun, li jħalli marġni ta' EUR 701,9 miljun.

Intestatura 3

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

Konsegwenza ta' dan, il-livell maqbul ta' approprjazzjonijiet ta' impenn huwa stabbilit għal EUR 3 786,6 miljun, u ma jifdal l-ebda marġni taħt il-limitu massimu ta' nefqa tal-intestatura 3, u l-mobilizzazzjoni ta' EUR 985,6 miljun permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà.

Intestatura 4

L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 11 319,3 miljun, mingħajr marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 4 u l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 1 051,3 miljun.

Intestatura 5

L-għadd ta' postijiet fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-Istituzzjonijiet u l-approprjazzjonijiet huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

Konsegwenza ta' dan, u wara li tqiesu l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji (EUR 4,1 miljun) proposti fl-ambitu tat-taqsima 1.1 ta' hawn fuq, il-livell maqbul ta' approprjazzjonijiet ta' impenn huwa stabbilit għal EUR 9 943,0 miljun, u jifdal marġni ta' EUR 589,1 miljun taħt il-limitu massimu ta' nefqa tal-intestatura 5, wara l-użu ta' EUR 253,9 miljun tal-marġni biex tiġi kkumpensata l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2017.

Strumenti speċjali: FEG, Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u FSUE

L-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (EAR) u għall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

1.3.  Approprjazzjonijiet ta' pagament

Il-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-Baġit għall-2019 huwa stabbilit fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.

1.4.  Kummenti Baġitarji

Il-kummenti baġitarji kif proposti mill-Kummissjoni fit-tieni AB huma approvati, ħlief għal-linji baġitarji li ġejjin:

—  Artikolu 08 02 08 — Strument għall-SMEs tat-taqsima tal-Kummissjoni Ewropea, li għalih it-test kif propost fl-Abbozz tal-Baġit oriġinali huwa approvat;

—  Il-partita 2 2 1 4 — Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika tat-taqsima tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li għaliha t-test inkluż fil-qari mill-Parlament Ewropew tal-Abbozz tal-Baġit oriġinali huwa approvat.

1.5.  Nomenklatura

In-nomenklatura kif proposta mill-Kummissjoni fit-tieni AB hija approvata.

1.6.  Riżervi

Ir-riżervi kif proposti mill-Kummissjoni fit-tieni AB huma approvati. Barra minn hekk, ammont ta' EUR 19 321 000 jitqiegħed fir-riżerva kemm fl-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'dawk ta' pagament sakemm tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2018)0632) tat-12 ta' Settembru 2018 għall-Artikolu 18 02 03 Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).

2.  Dikjarazzjonijiet

2.1.  Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fil-ħtieġa li tiġi żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, il-progressjoni ordnata tal-pagamenti b'rabta mal-approprjazzjonijiet ta' impenn sabiex jiġi evitat kull livell anormali ta' fatturi mhux imħallsa fi tmiem is-sena.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappellaw lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja mill-qrib u b'mod attiv l-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020. Għal dak l-għan, jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta f'waqthom, ċifri aġġornati rigward l-istat ta' implimentazzjoni u stimi rigward rekwiżiti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2019.

Jekk iċ-ċifri juru li l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit għall-2019 ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli soluzzjoni xierqa, fost l-oħrajn baġit emendatorju, bil-ħsieb li l-Awtorità Baġitarja tkun tista' tieħu fi żmien xieraq kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa għall-ħtiġijiet ġustifikati kif dovut. Fejn applikabbli, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jieħdu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.

2.2.  Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li t-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' prijorità politika għolja u kondiviża u jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi baġitarji biex jintlaħaq dan l-għan, u b'mod partikolari permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI).

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-esperjenza tal-passat fil-kuntest taż-żieda tar-riżorsi tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI, li tat bidu għal emendi estensivi għal programmi biex jipprovdu ammonti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jintlaħaq l-appoġġ mill-allokazzjoni speċifika tal-YEI.

Għalhekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal implimentazzjoni bla xkiel tar-riżorsi baġitarji miżjuda għall-YEI. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li jeżaminaw malajr din il-proposta, filwaqt li jqisu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss, biex l-eżerċizzju ta' programmar mill-ġdid fl-2019 isir kemm jista' jkun bla xkiel.

2.3.  Dikjarazzjoni unilaterali mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni tikkonferma li ż-żieda fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ maqbula għall-2019 mhux se tiġi kkunsidrata bħala antiċipazzjoni tal-ammont previst bħalissa għall-2020 meta tippreżenta l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat u l-proposta leġiżlattiva biex jiġi rivedut ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni.

2.4.  Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru fl-importanza li tinbena ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-PE qablu li jinvestu mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE f'nefqa relatata mal-klima matul il-perjodu 2014-2020. Bħala medja - u għalkemm il-baġit għall-2019 waħdu jilħaq il-mira ta' 20 % - it-tbassir attwali għall-perjodu sħiħ 2014-2020 jindika li 19,3 % tal-baġit tal-UE se jiġi allokat għall-azzjoni klimatika, prinċipalment minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-bidu tal-perjodu.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jieħdu nota ta' din l-evoluzzjoni u jistiednu lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % għall-perjodu 2014-2020 kollu.

2.5.  Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-intestatura 1a permezz ta' baġit emendatorju

Minħabba d-disponibbiltajiet limitati tal-Istrument ta' Flessibbiltà u l-marġni globali għal impenji, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jibbaġitjaw EUR 100 miljun f'baġit emendatorju fl-2019 sabiex jissaħħaħ il-programm Orizzont 2020 u Erasmus+. Il-Kummissjoni se tippreżenta dan il-baġit emendatorju, li mhu se jinkludi ebda element ieħor, hekk kif l-aġġustament tekniku tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2020 inkluż il-kalkolu tal-marġni globali għall-impenji jitlesta fir-rebbiegħa tal-2019. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe korrezzjoni teknika normali li l-Kummissjoni se tintalab tagħmel biex tiżgura l-eżekuzzjoni b'mod ordnat tal-baġit għall-2019.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw malajr l-abbozz tal-baġit emendatorju għall-2019 imressaq mill-Kummissjoni.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza