Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0091M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0367/2018

Testi mressqa :

A8-0367/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 14
CRE 11/12/2018 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0505

Testi adottati
PDF 152kWORD 33k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu
Ftehim ta' Sħubija Ekonomika UE-Ġappun (riżoluzzjoni)
P8_TA(2018)0505A8-0367/2018

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (07964/2018 – C8-0382/2018 – 2018/0091M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07964/2018),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (07965/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), il-punt (a) (v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0382/2018),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 Summit bejn l-UE u l-Ġappun tas-17 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun iffirmat fis-17 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Ġappun, adottati mill-Kunsill fid-29 ta' Novembru 2012 u ppubblikati fl-14 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar in-negozjati kummerċjali tal-UE mal-Ġappun(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(2), u tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Lejn strateġija kummerċjali diġitali"(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà tal-Kummerċ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun ta' April 2016 u l-analiżi dwar l-impatt ekonomiku tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kummerċ f'Ġunju 2018;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-38 Laqgħa Interparlamentari bejn il-UE u l-Ġappun tal-10 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York f'Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 bit-titolu "Feedback and way forward on improving the implementation and enforcement of Trade and Sustainable Development chapters in EU Free Trade Agreements" (Reazzjonijiet u t-triq 'il quddiem dwar it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun u tal-14 ta' Frar 2018 dwar il-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' 15-il punt tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 biex il-kapitoli tal-UE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jsiru aktar effikaċi;

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Mejju 2017, abbażi tal-Artikolu 218(11) tat-TFUE, mitluba mill-Kummissjoni Ewropea fl-10 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll 26 tat-TFUE dwar servizzi ta' interess ġenerali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 168 sa 191 tat-TFUE u, b'mod partikolari, l-Artikolu 191(2) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 91, 100(2), u 207 tat-TFUE, u l-Artikolu 218 tat-TFUE, b'mod partikolari l-paragrafu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018(4) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0367/2018),

A.  billi l-Unjoni u l-Ġappun jikkondividu valuri fundamentali, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll impenn qawwi favur l-iżvilupp sostenibbli u sistema tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bbażata fuq ir-regoli;

B.  billi l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun (FSE) għandu dimensjoni strateġika u huwa l-aktar ftehim kummerċjali bilaterali importanti li qatt ġie konkluż mill-Unjoni peress li huwa jkopri terz tal-PDG dinji, kważi 40 % tal-kummerċ dinji u aktar minn 600 miljun persuna;

C.  billi l-Ġappun huwa t-tielet l-akbar suq tal-konsumatur dinji iżda huwa biss is-sitt suq ta' esportazzjoni tal-Unjoni, dan juri li hemm potenzjal li għadu mhux sfruttat għall-kummerċ bilaterali;

D.  billi bosta studji u analiżi ex ante dwar l-impatt tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun jindikaw li l-ftehim għandu l-potenzjal li jwassal għal effetti pożittivi f'termini ta' tkabbir tal-PDG, redditu, kummerċ, produttività u impjiegi, sew għall-UE u sew għall-Ġappun, filwaqt li jirrispetta l-objettiv li jinħoloq "tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv"; billi l-ftehim għandu wkoll il-potenzjal li jġib benefiċċji għall-konsumaturi billi jbaxxi l-prezzijiet u jżid l-għażla tal-konsumatur fir-rigward ta' prodotti u servizzi; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom itejbu l-għodod eżistenti biex jgħinu lill-ħaddiema u lill-kumpaniji jadattaw għal opportunitajiet ġodda u għall-effetti negattivi potenzjali tal-globalizzazzjoni u tal-ftehimiet kummerċjali; billi s-suċċess tal-ftehim għandu jiġi vvalutat abbażi tal-kontribut tiegħu għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sal-2030;

E.  billi l-Parlament ssorvelja dawn in-negozjati mill-bidu nett u appella, fost oħrajn, biex in-negozjaturi jissodisfaw l-interessi taċ-ċittadini, tas-soċjetà ċivili u tan-negozji u għat-trasparenza, li wasslet għal aċċess aħjar għad-dokumenti, rappurtar regolari dwar in-negozjati u komunikazzjoni imtejba; billi jista' jsir aktar titjib fil-proċedura tal-ftehim kummerċjali fil-futur, b'mod partikolari billi jiġu kondiviżi proposti tal-UE u jiġi żgurat li l-Kunsill jippubblika b'mod sistematiku d-direttivi ta' negozjati qabel in-negozjati;

F.  billi huwa kruċjali li l-preferenzi u l-opportunitajiet kummerċjali li se jinfetħu permezz tal-ftehim ikunu aċċessibbli u jsir użu sħiħ minnhom;

1.  Iqis li dan il-ftehim huwa ta' importanza strateġika maġġuri fuq livell bilaterali u globali u li jirrappreżenta sinjal f'waqtu ta' appoġġ għal kummerċ liberu, ġust u bbażat fuq il-valuri u r-regoli, filwaqt li jippromwovi standards għoljin, b'mod partikolari fil-qasam tal-ambjent, tas-sikurezza alimentari, tal-ħarsien tal-konsumatur u tad-drittijiet tal-ħaddiema, fi żmien fejn l-ordni internazzjonali qiegħed jaffaċċja serje ta' sfidi protezzjonisti; iwissi li tali protezzjoniżmu mhuwiex alternattiva u li l-istatus quo fil-politika kummerċjali m'għadux fattibbli;

2.  Jilqa' n-natura ambizzjuża u komprensiva tal-FSE, li jagħti riżultati fuq il-prijoritajiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar in-negozjati kummerċjali tal-UE mal-Ġappun;

3.  Jinnota b'mod partikolari il-livell għoli ta' liberalizzazzjoni tat-tariffi maqbul fl-FSE, li ladarba jiġi implimentat bis-sħiħ se jiġu liberalizzati 99 % tal-linji tariffarji tal-UE u 97 % tal-linji tariffarji Ġappuniżi, inkluż għal prodotti industrijali f'setturi li fihom l-UE hija kompetittiva ħafna, flimkien ma' miżuri li jissalvagwardjaw l-aktar prodotti sensittivi permezz ta' kwoti bla dazju, dazju mnaqqas jew perjodi ta' waqfien; jissottolinja li l-FSE jinkludi klawżola kontra l-frodi, li tagħmilha possibbli għall-UE li tirtira preferenzi kummerċjali f'każijiet ta' frodi u rifjut ta' kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet doganali, filwaqt li tiżgura li n-negozjanti leġittimi ma jiġux affettwati b'mod ħażin;

4.  Jirrimarka li t-tariffi tal-UE fuq il-karozzi se jitneħħew fuq medda ta' seba' snin; jistieden lill-Kummissjoni żżomm għajnejha fuq ix-xejriet fil-flussi kummerċjali tal-karozzi matul dan il-perjodu sabiex tbassar kwalunkwe destabbilizzazzjoni tas-suq Ewropew u tindirizza s-sitwazzjoni f'dawn il-każijiet; jenfasizza, madankollu, li għadd sinifikanti ta' ditti ta' vetturi Ġappuniżi li jinbiegħu fl-UE huma mmanifatturati fl-UE;

5.  Jirrimarka li l-Ġappun indirizza miżuri nontariffarji bla bżonn f'bosta setturi bħalma huma l-vetturi, l-addittivi tal-ikel, ir-regolamenti sanitarji u fitosanitarji, it-tikkettar tal-ikel u l-kożmetiċi, b'hekk naqqas l-ispejjeż tal-konformità u ħoloq qafas regolatorju aktar prevedibbli; ifakkar fid-dritt ta' pajjiż li jistabbilixxi standards nazzjonali f'livell li huwa ogħla minn dak internazzjonali meta jkun ġustifikat għall-protezzjoni adegwata tas-saħħa, tas-sigurtà jew tal-konsumaturi; jieħu nota, barra minn hekk, tal-impenn tal-Ġappun li jallinja l-istandards tal-karozzi tiegħu mal-istandards internazzjonali tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU, li huma wżati wkoll mill-manifatturi tal-karozzi tal-UE;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Ġappun, b'mod partikolari, se jagħti aċċess mhux diskriminatorju għall-fornituri tal-UE għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'54 belt ewlenija, u jista' anke jżid l-għadd ta' bliet koperti, se jneħħi l-"klawżola dwar is-sikurezza operazzjonali", li fil-prattika żammet lill-fornituri tal-industrija ferrovjarja tal-UE milli jaċċessaw is-suq Ġappuniż, u se jimmassimizza t-trasparenza fis-sejħiet għall-offerti għal kuntratti pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-punt mill-qrib biex tiżgura li l-impenji li saru fl-oqsma tal-ftuħ u tal-ugwaljanza tal-aċċess għall-akkwist pubbliku jiġu ssodisfati; jenfasizza li l-kriterji soċjali u ambjentali għandhom jitqiesu wkoll fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku; jenfasizza li kemm fl-UE kif ukoll fil-Ġappun l-akkwist pubbliku jrid ikompli jaqdi l-aħjar interessi taċ-ċittadini;

7.  Iqis li l-Ġappun huwa suq tal-esportazzjoni ta' valur kbir għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel tal-UE, u jinnota li madwar 85 % tal-prodotti agroalimentari se jitħallew jidħlu fil-Ġappun mingħajr dazju; jirrimarka li l-prodotti agrikoli pproċessati se jgawdu wkoll mid-dħul mingħajr dazju fis-suq Ġappuniż wara perjodu tranżitorju; jilqa' l-fatt li dan il-ftehim jipprovdi opportunitajiet sinifikanti ta' esportazzjoni għall-prodotti agroalimentari tal-UE, bħall-inbid, il-laħam taċ-ċanga, il-laħam tal-majjal u l-ġobon, u li huwa jipproteġi 205 indikazzjoni ġeografika Ewropea (IĠ), bil-possibbiltà li jiżdiedu aktar indikazzjonijiet ġeografiċi, li jikkostitwixxi titjib ulterjuri meta mqabbel ma' ftehimiet kummerċjali preċedenti, u huwa partikolarment importanti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fis-settur tal-ikel; jappella għall-kontinwazzjoni tat-taħditiet wara tliet snin sabiex jiġu evalwati l-għażliet għall-espansjoni tal-lista ta' indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, u jistenna li ż-żewġ partijiet jagħtu l-akbar attenzjoni lill-agrikoltura sostenibbli, inkluż il-produzzjoni tal-ikel fuq skala żgħira u l-iżvilupp rurali;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehim jippromwovi l-aħjar prattiki għal forniment ta' ikel u prodotti għall-konsumaturi sikuri u ta' kwalità għolja; jenfasizza li xejn fil-ftehim ma jipprevjeni l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fl-UE kif stabbilit fit-TFUE; jilqa' l-inklużjoni ta' referenza ċara fil-ftehim għall-approċċ ta' prekawzjoni; jenfasizza li l-ftehim ma għandu taħt l-ebda ċirkostanza jipperikola t-tikkettar tal-ikel preċiż, li jinftiehem u li huwa konformi mal-UE; jistieden liż-żewġ sħab jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur, il-benesseri tal-konsumatur u s-sikurezza alimentari fl-implimentazzjoni tal-ftehim, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi u b'saħħithom dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE;

9.  Jenfasizza li ż-żewġ partijiet huma impenjati li jiżguraw livelli għoljin ta' protezzjoni ambjentali u tax-xogħol, u li dawn l-istandards għoljin ma għandhomx jitqiesu bħala ostakli kummerċjali, filwaqt li jinnota li l-ftehim jagħmilha ċara li l-istandards ambjentali u tax-xogħol ma jistgħux jiġu llaxkati jew imnaqqsa sabiex jiġu attirati l-kummerċ u l-investiment; ifakkar fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 5 tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli; jilqa' l-fatt li kemm il-Ġappun kif ukoll l-UE aderew mad-Dikjarazzjoni ta' Buenos Aires dwar in-Nisa u l-Kummerċ, u jistieden liż-żewġ partijiet jsaħħu bil-qawwa l-impenji dwar il-ġeneru u l-kummerċ fil-kuntest ta' dan il-ftehim, inkluż id-dritt għal paga ugwali; jistenna li l-UE u l-Ġappun jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimplimentaw l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fl-attivitajiet kollha tagħhom, inkluż permezz ta' dan il-ftehim; jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà ex post dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim;

10.  Jilqa' l-impenn għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġi miġġieled t-tibdil fil-klima u ta' ftehimiet ambjentali multilaterali oħrajn, kif ukoll għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (inkluża l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam) u tas-sajd (il-ġlieda kontra sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat); jissottolinja li l-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-UE jibqgħu applikabbli għall-prodotti importanti fis-suq tal-UE u li, b'mod partikolari, ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam (Regolament (UE) Nru 995/2010) jipprojbixxi t-tqegħid ta' injam illegali fis-suq tal-UE u jistabbilixxi sistema ta' diliġenza dovuta obbligatorja; jistieden liż-żewġ partijiet jikkooperaw mill-qrib fl-ambitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jsaħħu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni f'dawn il-kwistjonijiet, inkluż dwar l-aktar miżuri effettivi biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, u biex tingħata attenzjoni partikolari fuq il-prevenzjoni ta' esportazzjonijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE mill-Ġappun;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehim jinkludi impenn ċar biex jiġu ratifikati l-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jissottolinja li l-Ġappun għadu ma rratifikax żewġ konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO (dwar id-diskriminazzjoni u dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat), u jistenna progress konkret f'perjodu ta' żmien raġonevoli min-naħa tal-Ġappun lejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-konvenzjonijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-FSE;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Ġappun stabbilixxa qafas interministerjali biex jittratta l-implimentazzjoni tal-impenji fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż ir-ratifika tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, u li kumitat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli previst fil-ftehim għandu l-kompitu li jinteraġixxi mas-soċjetà ċivili dwar is-suġġett tal-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli;

13.  Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat, fil-paragrafu 161 tal-Opinjoni 2/15 tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore, li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ u li ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli jawtorizza lill-parti l-oħra ttemm jew tissospendi il-liberalizzazzjoni prevista fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles; jilqa' l-inklużjoni ta' klawżola ta' reviżjoni fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u jistieden liż-żewġ partijiet sabiex jirrispettaw l-impenji li għamlu u jtejbu l-infurzabbiltà u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol u l-ambjent, inkluż jieħdu inkunsiderazzjoni, bħala l-aħħar soluzzjoni, fost metodi ta' infurzar varji, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet; jistieden liż-żewġ partijiet ma joqgħodux jistennew sakemm tiġi attivata l-klawżola ta' reviżjoni biex jieħdu passi lejn l-implimentazzjoni effettiva, sabiex jiżguraw li l-FSE jkun ftehim antiċipattiv li jipprovdi l-ogħla protezzjoni possibbli; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-impenji li ttieħdu fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u tikkoopera mal-Ġappun dwar l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li tibni fuq id-dokument informali ta' 15-il punt dwar l-implimentazzjoni tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

14.  Jissottolinja l-fatt li l-FSE jasserxxi mill-ġdid id-dritt tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jiddefinixxu, jipprovdu u jirregolaw bi sħiħ is-servizzi pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, u li l-lista negattiva prevista f'dan il-ftehim ma żżommx lill-gvernijiet milli jġibu lura fis-settur pubbliku kwalunkwe servizz li kien ġie privatizzat jew li jiżviluppaw liberament utilitajiet pubbliċi ġodda; jemmen li bħala prinċipju, l-użu ta' approċċ ta' lista pożittiva skont il-Ftehim Ġenerali tad-WTO dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) huwa preferibbli; jinnota l-impenn taż-żewġ partijiet fl-FSE li jipproteġu l-immaniġġjar tal-ilma pubbliku bħala parti mill-eżenzjoni ġenerali tas-servizzi pubbliċi;

15.  Jemmen li l-impenji fir-rigward tal-aċċess għas-suq fis-servizzi transfruntiera, inkluż il-kummerċ elettroniku, it-trasport marittimu, is-servizzi postali, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni, għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta sinifikanti lill-kummerċ fis-servizzi; iqis li l-ftehim se jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-UE li jipprovdu servizzi fis-suq Ġappuniż billi jiżguraw trattament aktar ġust; ifakkar li l-objettivi tal-politika pubblika jridu jiġu salvagwardjati, inkluż fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u li l-ispazju politiku jrid jiġi ppreservat biex jiġu indirizzati l-isfidi regolatorji futuri;

16.  Jirrimarka li l-FSE jipprevedi l-moviment transfruntier temporanju ta' professjonisti ("modalità 4), li jimpenja liż-żewġ partijiet għal trasferimenti intra-ażjendali f'madwar 40 settur u għal professjonisti indipendenti f'madwar 20 settur, b'hekk jiffaċilita r-rabtiet ta' investiment dirett barrani bejn l-UE u l-Ġappun;

17.  Jenfasizza li l-Ftehim jippreserva d-dritt sovran ta' regolamentazzjoni tas-setturi finanzjarji u bankarji għal raġunijiet prudenzjali u superviżorji; jistieden liż-żewġ sħab jużaw il-forum regolatorju finanzjarju biex itejbu s-sistema finanzjarja globali;

18.  Jilqa' l-elementi innovattivi ewlenin bħal kapitoli jew dispożizzjonijiet dedikati dwar il-Ftehim ta' Pariġi, dwar l-SMEs u dwar il-governanza korporattiva, bl-għan li tiġi promossa r-responsabbiltà soċjali korporattiva abbażi tal-prinċipji tal-G20 u tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jaħdmu b'mod attiv lejn ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

19.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni regolatorja hija volontarja u bl-ebda mod ma tillimita d-dritt ta' regolamentazzjoni; ifakkar li d-dispożizzjonijiet korrispondenti jridu jiġu implimentati b'rispett sħiħ għall-prerogattivi tal-koleġiżlaturi; jilqa' l-fatt li l-kapitolu dwar il-kooperazzjoni regolatorja jiddikjara b'mod ċar li l-prinċipji stabbiliti fit-TFUE, bħall-prinċipju ta' prekawzjoni, iridu jiġu rispettati bis-sħiħ;

20.  Jappella għal trasparenza fil-funzjonament tal-kumitat dwar il-kooperazzjoni regolatorja u għall-involviment adegwat tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari t-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li għandu jitqies bħala prerekwiżit sabiex tkompli tinbena l-fiduċja pubblika fil-ftehim u fl-implikazzjonijiet tiegħu; jenfasizza li l-Parlament għandu jinżamm infurmat fuq bażi regolari dwar id-deċiżjonijiet meħuda fil-kumitat dwar il-kooperazzjoni regolatorja;

21.  Jinnota li għaddejjin negozjati dwar ftehim ta' investiment separat, li l-Parlament se jissorvelja mill-qrib; jinnota li l-Kummissjoni introduċiet sistema ta' qorti tal-investiment fil-ftehimiet ma' sħab oħra, sakemm tiġi stabbilita qorti multilaterali tal-investiment; itenni li l-mekkaniżmu antik għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri privati u l-istat (ISDS) mhuwiex aċċettabbli u li għad ma hemm l-ebda mandat biex jerġa' jintuża;

22.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Ġappun ikkonkludew b'suċċess it-taħditiet tagħhom dwar deċiżjoni ta' adegwatezza reċiproka fis-17 ta' Lulju 2018 u li huma qablu li jirrikonoxxu s-sistemi ta' protezzjoni tad-data ta' xulxin bħala "ekwivalenti", li se tippermetti d-data tgħaddi b'mod aktar sikur bejn l-UE u l-Ġappun; jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data rispettivi fis-salvagwardja ta' livell adegwat ta' protezzjoni tad-data; jinnota li l-ftehim jinkludi klawżola rendez-vous li tipprovdi għal valutazzjoni tal-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment transfruntier tad-data fi żmien tliet snin u jirrikonoxxi l-importanza li qiegħda tikber tal-ekonomija diġitali għat-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali kollha jridu jirrispettaw bis-sħiħ l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-privatezza, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament (UE) 2016/679), u jenfasizza li kwalunkwe eżitu fil-futur irid ikun soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament u jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-Ġappun dwar kwistjonijiet multilaterali, sabiex tiddefendi u tiżviluppa aktar standards internazzjonali oħra u sistema ta' kummerċ miftuħa, ġusta, u b'saħħitha abbażi tar-rispett għar-regoli tad-WTO u normi internazzjonali oħra;

24.  Jenfasizza li 78 % tal-kumpanija tal-UE li jesportaw lejn il-Ġappun huma kumpaniji żgħar u jilqa' l-fatt li l-FSE jinkludi kapitolu separat dwar l-SMEs sabiex jippermettilhom jiksbu benefiċċji massimi mill-ftehim, b'mod partikolari permezz ta' klawżoli li jikkommettu liż-żewġ partijiet għat-trasparenza fir-rigward tal-aċċess għas-suq kif ukoll għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni; jappella biex jitwaqqfu minnufih punti ta' kuntatt u sit web għall-SMEs biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti dwar l-aċċess għas-suq tkun disponibbli għall-SMEs;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni korretta tat-tneħħija tal-miżuri nontariffarji, li kien hemm qbil dwarha, kif ukoll il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji għall-prodotti agrikoli, u tirrapporta lura lill-Parlament;

26.  Iħeġġeġ liż-żewġ sħab jiżguraw l-involviment attiv tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili b'mod partikolari permezz tad-djalogu konġunt mas-soċjetà ċivili u mal-grupp konsultattiv domestiku; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tikkondividi b'mod attiv l-aħjar prattiki mal-Ġappun dwar il-funzjonament tal-gruppi konsultattivi domestiċi u d-djalogu konġunt; jistieden liż-żewġ partijiet jiżguraw li l-istabbiliment rapidu ta' gruppi konsultattivi domestiċi li jiffunzjonaw sew, li huma effettivi u bbilanċjati b'kodiċi ta' kondotta xieraq, u jiżguraw li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati b'mod trasparenti waqt il-konsultazzjonijiet bejn il-gvernijiet previsti fil-ftehim;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-delegazzjoni tal-UE għall-Ġappun tkun involuta fil-proċess għall-implimentazzjoni tal-ftehim mill-bidu sat-tmiem; jirrimarka li d-delegazzjonijiet tal-UE tagħmilha possibbli li tittieħed azzjoni rapida u diretta sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet kummerċjali u li l-kwistjonijiet u l-ostakli jiġu identifikati malajr u jiġu ttrattati b'mod effettiv;

28.  Jistenna trasparenza sħiħa fir-rigward tal-funzjonament tal-kumitati settorjali li għandhom jiġu stabbiliti skont il-ftehim, fir-rigward kemm tal-Parlament kif ukoll tal-pubbliku ġenerali;

29.  Jimpenja ruħu li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehim f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-partijiet ikkonċernati u mas-sħab Ġappuniżi;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ġappun.

(1) ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 16.
(2) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 21.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 22.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0504.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza