Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (08462/2018 – C8-0417/2018 – 2018/0122M(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (08462/2018),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra(1) (08463/2018),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 212(1), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0417/2018),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Strateġika (SPA) UE-Ġappun iffirmat f'Tokyo fis-17 ta' Lulju 2018,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) UE-Ġappun iffirmat f'Tokyo fis-17 ta' Lulju 2018,
– wara li kkunsidra l-25 summit bilaterali li sar f'Tokyo fis-17 ta' Lulju 2018 u d-dikjarazzjoni konġunta tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ewwel summit bilaterali li sar the Hague fl-1991 u l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn KE-Ġappun,
– wara li kkunsidra l-20 Summit UE-Ġappun, li sar fl-2010,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tad-19 ta' Settembru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar "Nikkollegaw l-Ewropa u l-Asja - Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE",
– wara li kkunsidra l-istrateġija globali dwar il-politika estera u ta' sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata mill-VP/RGħ f'Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE fl-Asja tal-Lvant, approvati mill-Kunsill fil-15 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija li ġie ffirmat fl-2009(2),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ġappun tal-2001,
– wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin f'Tokyo, il-Ġappun, u l-Korea t'Isfel bejn it-3 u s-6 ta' April 2018,
– wara li kkunsidra t-38 Laqgħa Interparlamentari UE-Ġappun, li saret f'Tokyo fid-9 u l-10 ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tas-Sottokumitat dwar id-Difiża u s-Sigurtà f'Tokyo bejn it-22 u l-25 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati dwar ftehim ta' sħubija strateġika UE-Ġappun(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0385/2018),
A. billi l-UE u l-Ġappun ilhom sħab strateġiċi sa mill-2003 u jkomplu jikkooperaw fil-qrib f'għadd kbir ta' fora multilaterali;
B. billi l-UE u l-Ġappun bħala sħab globali li jikkondividu l-istess prinċipji, jaqsmu responsabbiltà speċjali għat-trawwim tal-paċi, l-istabbiltà, il-multilateraliżmu, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prosperità u d-difiża ta' ordni bbażat fuq ir-regoli f'dinja li qed tinbidel b'mod rapidu;
C. billi madwar terz tal-produzzjoni ekonomika globali se tkun koperta mill-SPA/FTA UE-Ġappun;
D. billi l-gvern Ġappuniż vara riformi fil-politika ta' sigurtà li jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża, it-tiġdid tal-alleanza mal-Istati Uniti u l-kooperazzjoni ma' demokraziji oħrajn fir-reġjun u lil hinn minnu;
E. billi il-kontribut tal-Ġappun għas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali żdied; billi l-Istrateġija ta' Sigurtà Nazzjonali tal-Ġappun tal-2013 tagħmel referenza għal politika ta' "Kontribut proattiv favur il-Paċi" li hija bbażata fuq il-prinċipju ta' kooperazzjoni internazzjonali;
F. billi l-Ġappun huwa l-aktar sieħeb antik tan-NATO u ffirma l-ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar l-informazzjoni kklassifikata, iċ-ċibersigurtà, kontra l-piraterija, u dwar l-għajnuna f'każ ta' diżastru u l-assistenza umanitarja;
G. billi l-Ġappun f'dawn l-aħħar deċennji rebaħ akklamazzjoni internazzjonali għall-politika tiegħu ta' restrizzjoni militari li bl-ebda mod ma kienet ta' ostakolu biex jikber u jsir wieħed mill-iżjed parteċipanti ekonomiċi u politiċi importanti fid-dinja;
H. billi f'Lulju, il-Ġappun mexxa l-isforzi ta' reviżjoni tal-Ftehim Kummerċjali Trans-Paċifiku (TPP) wara l-irtirar tal-Istati Uniti, u rratifika l-ftehim rivedut, il-Ftehim Komprensiv u Progressiv għal Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP jew TPP-11), f'Lulju 2018; billi l-Ġappun wera nteress ukoll fis-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP), li jinkludi wkoll liċ-Ċina;
I. billi l-Ġappun huwa membru attiv tal-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), tal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB), tal-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (IADB), tal-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Asja u l-Paċifiku (UNESCAP), u ta' aġenziji speċjalizzati oħra tan-NU, kif ukoll tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u tad-Djalogu għall-Kooperazzjoni Asjatika (ACD); billi l-Ġappun huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), tal-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD), tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Grupp tas-Seba' (G7) u tal-Grupp tal-Għoxrin (G20);
J. billi l-gvern tal-Ġappun approva Karta ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ġdida fi Frar 2015;
Ftehim u r-relazzjonijiet UE-Ġappun
1. Jilqa' bi pjaċir il-konklużjoni tal-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika, li jipprovdi qafas legali vinkolanti, isaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali UE-Ġappun u jqawwi l-kooperazzjoni f'aktar minn 40 qasam, bħal kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà, inkluża l-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, l-operazzjonijiet tal-għajnuna ta' emerġenza, l-iżvilupp globali u l-għajnuna umanitarja, il-kwistjonijiet ekonomiċi, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, is-sikurezza tal-ikel, il-politika agrikola, il-politika dwar l-ICT, it-teknoloġija spazjali, il-kultura u l-isport, kif ukoll dwar l-isfidi globali li jirrikjedu koordinazzjoni globali, bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, it-theddid ċibernetiku, is-saħħa pubblika, il-kriminalità transkonfinali, l-operazzjonijiet ta' konsolidazzjoni tal-paċi, il-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
2. Jenfasizza r-rabtiet bejn l-iSPA u l-FSE, l-akbar ftehim bilaterali ta' kummerċ ħieles fid-dinja; iqis il-konklużjoni taż-żewġ ftehimiet bħala titjib tas-sħubija, li għandhom l-għan li jipprovdu benefiċċji konkreti għall-popli tal-UE u tal-Ġappun, u jappoġġja aktar kooperazzjoni fil-fora multilaterali; jilqa' bi pjaċir ir-rispett u l-fiduċja reċiproka li ssaħħew waqt il-proċess ta' negozjati;
3. Jilqa' bi pjaċir ir-referenza li saret fl-Artikolu 1(3) tal-iSPA għal dimensjoni parlamentari li għandha l-għan li ssaħħaħ is-sħubija permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni fl-oqsma ta' kwistjonijiet politiċi, ta' politika estera u ta' sigurtà u ta' kooperazzjoni settorjali oħra; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li d-Diet u l-Parlament Ewropew ikomplu jiżviluppaw is-sorveljanza u d-djalogu parlamentari bil-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni miftiehma; jistieden lill-Parlament Ewropew jissorvelja l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u d-dokumentazzjoni tagħhom; iħeġġeġ parteċipazzjoni u promozzjoni akbar tas-sjieda mis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-iSPA; itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-twettiq konkret tal-kooperazzjoni ġenerali u settorjali għandha, fil-prinċipju, tkun ibbażata fuq l-objettivi u l-miri ta' sostenibbiltà li għandhom jiġu implimentati sal-2030, li ġew adottati b'mod konġunt min-NU u approvati wkoll mill-partijiet kontraenti;
4. Jenfasizza l-ħtieġa ta' ħidma konġunta fuq livell multilaterali bil-għan li tiġi promossa l-adeżjoni għat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni, il-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-impunità tal-aktar delitti serji kontra d-dritt internazzjonali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Ifakkar li jeħtieġ li jkun hemm approċċ diplomatiku, ekonomiku, kulturali u ta' sigurtà komprensiv u koerenti fid-dinja li qed tiżviluppa, fejn is-sigurtà u l-iżvilupp jimxu id f'id, viżjoni li hija kondiviża kemm mill-UE kif ukoll mill-Ġappun;
Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali
6. Itenni l-impenji kondiviżi ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u l-valuri komuni minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex titkompla l-ħidma konġunta favur il-promozzjoni u l-protezzjoni globali ta' dawn il-valuri u tal-ordni internazzjonali bbażat fuq il-valuri;
7. Jinnota li l-Ġappun ma rratifikax żewġ konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO (dwar id-Diskriminazzjoni u dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat) u jilqa' d-deċiżjoni tal-Ġappun li jistabbilixxi qafas interministerjali bil-għan li jittratta l-implimentazzjoni tal-impenji għall-iżvilupp sostenibbli skont l-FSE, inkluża r-ratifika ta' tali konvenzjonijiet;
8. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa sabiex jiġi garantit li l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun wieħed mill-objettivi ewlenin tas-sħubija; iħeġġeġ lid-Diet Ġappuniż ikompli jaħdem fuq il-leġiżlazzjoni li tindirizza d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneri;
9. Jikkundanna l-fatt li l-piena kapitali għadha penali legali fil-Ġappun, u li eżekuzzjonijiet jitwettqu bla preavviż lid-detenuti; jenfasizza li l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura kkritika din il-prattika minħabba t-tensjoni psikoloġika li tikkawża fi mħuħ il-ħabsin u l-familji tagħhom; jappoġġja l-isforzi tan-NU rigward l-eliminazzjoni gradwali tal-piena kapitali; jistieden lill-UE tidħol fi djalogu mal-Gvern Ġappuniż dwar moratorju rigward il-piena kapitali bil-ħsieb li eventwalment, din tiġi abolita;
Relazzjonijiet reġjonali u internazzjonali
10. Ifakkar li l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016 tidentifika konnessjoni diretta bejn il-prosperità Ewropea u s-sigurtà Asjatika u stiednet lill-UE twettaq kontributi prattiċi akbar, kif ukoll ħidma mal-imsieħba, bħall-Ġappun, biex tiġi promossa l-paċi fil-peniżola Koreana u tinstab soluzzjoni paċifika importanti immens għat-tilwim marittimu u territorjali fl-Ibħra tal-Lvant u taċ-Ċina tan-Nofsinhar, abbażi tad-dritt u tal-konvenzjonijiet internazzjonali; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja u tad-diplomazija preventiva; jenfasizza trid tiġi rispettata l-libertà tan-navigazzjoni internazzjonali; jilqa' bi pjaċir il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Abe u l-President Xi f'Beijing fit-26 ta' Ottubru 2018 u t-tħabbir ta' impenn biex jinfetaħ kapitolu ġdid ta' relazzjonijiet, bħala pass lejn it-titjib tar-rabtiet bilaterali u t-tnaqqis tat-tensjonijiet reġjonali;
11. Jirrikonoxxi li l-influwenza Ċiniża u Russa fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku hija sfida ta' sigurtà kbira għall-Ġappun, kif ukoll għall-interessi tal-UE, u għalhekk jilqa' l-impenji tal-iSPA intiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni tas-sigurtà UE-Ġappun bħala bastjun ta' difiża kontra tali theddid;
12. Jilqa' bi pjaċir l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Ġappun lejn in-NATO fl-1 ta' Lulju 2018;
13. Jilqa' bi pjaċir l-istrateġija l-ġdida tal-UE favur it-titjib fil-konnettività mal-Asja permezz tal-promozzjoni ta' djalogu, ta' stabbiltà, ta' kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, ta' trasport interoperabbli, ta' netwerks enerġetiċi u diġitali, u tal-konnessjonijiet interpersonali; jissottolinja l-opportunitajiet offruti mill-konnettività biex jiżdied l-iskambji fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza, ir-riċerka u l-kultura;
14. Jitlob li tiġi estiża l-kooperazzjoni bilaterali u plurilaterali UE-Ġappun mal-Korea t'Isfel, l-RDPK, l-Istati Uniti u ċ-Ċina bħala appoġġ għall-isforzi ta' garanzija tal-paċi u taż-żamma ta' stabbiltà fir-reġjun, għall-koeżistenza paċifika fil-peniżola Koreana, u d-denuklearizzazzjoni totali, verifikabbli u irriversibbli tal-RDPK; jesprimi l-importanza tat-tkabbir tal-kooperazzjoni Ġappun-Korea t'Isfel u tar-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, li jistgħu joffru kontribut favur l-istabbiltà reġjonali u jindirizzaw ir-riskji ta' sigurtà, bħall-RDPK; iwiegħed li jappoġġja l-pressjoni internazzjonali kontinwa fuq l-RDPK biex jiġi żgurat li jittieħdu passi konkreti lejn id-denuklearizzazzjoni; jappoġġja l-kooperazzjoni internazzjonali dwar is-soluzzjoni tal-kwistjoni ta' ċittadini Ġappuniżi neqsin, li hemm il-biża' li ġew maħtufa mir-reġim tal-Korea ta' Fuq; jenfasizza li l-istabbiltà fil-Grigal tal-Asja tikkorrispondi mal-interessi ewlenija għall-Ewropa;
15. Jissuġġerixxi li l-UE u l-Ġappun jaħdmu flimkien biex iżidu l-kapaċitajiet tal-ASEAN rigward l-integrazzjoni reġjonali u l-aġenda ta' kooperazzjoni u l-kapaċità li jsolvu l-kunflitti fir-reġjun b'mod kollettiv u jsaħħu ċ-ċentralità attwali tal-ASEAN fl-ordni multilaterali tal-Asja tax-Xlokk; jappoġġja d-deċiżjoni meħuda waqt it-33 Forum ASEAN-Ġappun f'Tokyo favur it-tisħiħ akbar tar-rabtiet u ħalli jiġu indirizzati l-kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta' interess komuni u wkoll biex issir ħidma konġunta favur il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà; jemmen li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jikkontribwixxu b'mod effettiv għal dawn iż-żewġ objettivi; jitlob għal sinerġiji bejn l-istrateġija Ġappuniża Indo-Paċifika Ħielsa u Miftuħa u l-inizjattivi tal-UE, inkluż il-Pjan ta' Investiment tal-UE u n-Netwerks Trans-Ewropej ta' Trasport tal-UE estiżi, bil-għan li tiġi promossa l-kooperazzjoni globali fil-konnettività;
16. Jinnota l-ambizzjoni tal-Ġappun li jsir membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-2023-2024, u jilqa' l-kontribut tiegħu lin-NU f'oqsma bħad-diżarm u n-nonproliferazzjoni, iż-żamma tal-paċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi u s-sigurtà;
Kooperazzjoni settorjali
17. Jenfasizza l-opportunitajiet u l-ispinta li l-iSPA jagħti lill-iżvilupp tar-relazzjonijiet kulturali u l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-isport; jinnota l-livelli baxxi attwali ta' skambji interpersonali u tal-ostakli lingwistiċi; jissuġġerixxi li jsir aktar investiment favur it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn iċ-ċittadini, id-djalogu edukattiv u kulturali, il-programmi ta' mobbiltà akkademika taħt l-Erasmus+, u d-diplomazija pubblika, bil-għan li jiġi promoss il-fehim reċiproku u d-diversità kulturali;
18. Jiġbed l-attenzjoni għall-impetu li l-iSPA joffri fit-titjib tal-kooperazzjoni settorjali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-iskambji ta' reġimi regolatorji u superviżorji għas-settur finanzjarju;
19. Iqis li l-UE u l-Ġappun, bħala donaturi globali ewlenin bi storja twila ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp diretta lejn pajjiżi anqas żviluppati fl-Asja tal-Lvant u aktar reċentement, fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Amerika Latina, huma sħab naturali, flimkien mal-gvernijiet benefiċjarji, biex jikkoordinaw l-għajnuna jiżguraw il-koerenza; jenfasizza li l-għan ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp huwa t-tnaqqis tal-faqar permezz tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u jistenna bil-ħerqa l-kooperazzjoni reċiproka biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
20. Jilqa' bi pjaċir ir-ratifika min-naħa tal-Ġappun tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima fl-2016, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, bil-Ġappun jieħu rwol ta' tmexxija biex b'mod proattiv jiġġieled it-tibdil fil-klima u jintensifika l-isforzi ta' mitigazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Ġappun jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija sostenibbli, pereżempju fl-iżvilupp ta' forom ta' trasport b'emissjonijiet baxxi; jissottolinja li l-bord konsultattiv tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin dwar it-tibdil fil-klima ħareġ ir-rapport tiegħu fi Frar 2018, li poġġa l-ħtieġa għal tranżizzjoni tal-enerġija lejn l-enerġija rinnovabbli fil-qalba tal-istrateġija tad-diplomazija dwar l-enerġija tal-Ġappun;
21. Jilqa' bi pjaċir l-inklużjoni fil-ftehim tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jistenna bil-ħerqa li jkun hemm aktar skambju ta' prattiki tajba fir-rigward tal-qtugħ illegali tas-siġar, filwaqt li tiġi kkonsolidata l-esperjenza tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, bil-għan li tiġi introdotta diliġenza dovuta obbligatorja fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża;
22. Jiddispjaċih dwar it-tentattiv tal-Ġappun li jiżgura t-tmiem tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni fil-laqgħat ta' Settembru 2018 tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC), u jappella għas-sospensjoni tal-kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi;
23. Jenfasizza li l-Ġappun huwa t-tieni l-akbar suq tal-kożmetiċi fid-dinja; ifakkar li l-ittestjar tal-kożmetiċi fuq l-annimali u l-bejgħ ta' prodotti kożmetiċi impurtati ttestjati fuq l-annimali huma pprojbiti fl-UE; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Partijiet jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw bil-għan li jintemm l-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi fuq l-annimali fil-Ġappun;
24. Jenfasizza l-importanza tal-preservazzjoni tad-diversità bijoloġika, u jħeġġeġ lill-Ġappun ineħħi r-riżervi tiegħu għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);
25. Jappella lill-parlamenti tal-Istati Membri jirrattifikaw il-ftehim b'mod rapidu u jimplimentaw il-ftehim provviżorju fis-setturi kollha;
o o o
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lid-Diet Nazzjonali tal-Ġappun.