Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2968(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0568/2018

Dibattiti :

PV 13/12/2018 - 7.2
CRE 13/12/2018 - 7.2

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0526

Testi adottati
PDF 147kWORD 59k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Eġittu, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
P8_TA(2018)0526RC-B8-0568/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Eġittu, partikolarment is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2018/2968(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tat-8 ta' Frar 2018 dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Eġittu(1), dik tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-każ ta' Giulio Regeni(2), dik tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar Ibrahim Halawa, li qed jiffaċċa l-possibiltà tal-piena tal-mewt(3) u dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(4);

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u msaħħaħ permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2007; wara li kkunsidra wkoll il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu 2017-2020, adottati fil-25 ta' Lulju 2017, id-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-laqgħa tal-2017 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu, u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-5 laqgħa tas-Sottokumitat UE-Eġittu dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija f'Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2017 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, u d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Novembru 2018 mill-kelliem tas-SEAE dwar l-attakk fuq pellegrini Nsara Kopti fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-26 ta' Jannar 2018 minn esperti tan-NU inklużi Nils Melzer, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li tħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu l-eżekuzzjonijiet imminenti, id-dikjarazzjoni tal-4 ta' Diċembru 2018 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar akkomodazzjoni adegwata, Leilani Farha, u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Michel Forst, u d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Settembru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, li tikkundanna s-sentenzi tal-mewt mogħtija en masse lil 75 persuna,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, b'mod partikolari l-Artikolu 52 (dwar il-projbizzjoni tat-tortura fil-forom u t-tipi kollha), l-Artikolu 73 (dwar il-libertà tal-għaqda) u l-Artikolu 93 (dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem),

–  wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida Afrikani dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u Assistenza Legali, li jipprojbixxu proċessi militari ta' persuni ċivili fi kwalunkwe ċirkostanza,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġew ratifikati mill-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Eġittu hu parti tiegħu, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 18 tiegħu u t-tieni protokoll fakultattiv dwar il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-kamra inferjuri tal-Italja, il-Kamra tad-Deputati, li tissospendi r-relazzjonijiet tagħha mal-Parlament Eġizzjan minħabba n-nuqqas ta' progress fl-investigazzjoni tal-mewt tal-istudent Taljan Giulio Regeni,

–  wara li kkunsidra l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, fil-livell domestiku kif ukoll reġjonali, tas-sanzjonijiet imposti mill-Arabja Sawdija, l-Eġittu, il-Bahrain u l-Emirati Għarab Magħquda kontra l-Qatar f'Ġunju, u r-rapport dwar l-impatt tal-kriżi tal-Golf fuq id-drittijiet tal-bniedem ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) f'Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Eġizzjan intensifika t-trażżin tiegħu kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti paċifiċi, l-avukati, il-bloggers, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-ħaddiema u t-trejdjunjonisti, fosthom bl-arrest u l-għajbien ta' bosta minnhom u bl-użu dejjem akbar tal-liġijiet kontra t-terroriżmu u tal-istat ta' emerġenza; billi minn tard f'Ottubru 2018, mill-inqas 40 ħaddiem tad-drittijiet tal-bniedem, avukat u attivist politiku ġew arrestati, u wħud minnhom għebu b'mod sfurzat; billi d-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa li jiddefendu d-drittijiet ta' persuni LGBTQI fl-Eġittu qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma' diversi forom ta' fastidju mmexxi mill-istat, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' malafama u prosekuzzjoni ġudizzjarja;

B.  billi l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Ezzat Ghoneim, kap tal-Koordinazzjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet (ECRF), ilu minn Marzu 2018 miżmum f'detenzjoni ta' qabel il-proċess, fuq akkużi ta' "terroriżmu tad-drittijiet tal-bniedem"; billi għadu mhux magħruf fejn jinsab minn meta qorti ordnat il-ħelsien tiegħu fl-4 ta' Settembru 2018; billi l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Ibrahim Metwally Hegazy, kofundatur tal-Lega tal-Familji ta' dawk li Għebu, ġie soġġett għal għajbien sfurzat u ttorturat u wara ordnat jinżamm f'detenzjoni preventiva arbitrarja, u għadu qed jinżamm f'reklużjoni; billi ċ-Ċentru El Nadeem ġie mġiegħel jagħlaq fl-2017;

C.  billi Amal Fathy, difensur tad-drittijiet tal-bniedem ngħatat sentenza ta' sentejn ħabs f'Settembru 2018, fuq akkużi ta' "tixrid ta' aħbarijiet foloz" bl-intenzjoni li tagħmel ħsara lill-istat Eġizzjan u ta' "indeċenza pubblika" wara li ppubblikat vidjo fuq il-midja soċjali li jikkritika l-fatt li l-gvern naqas milli jiġġieled il-vjolenza sesswali; billi s-Sa Fathy qed tinżamm f'detenzjoni ta' qabel il-proċess sakemm titwettaq investigazzjoni dwar sensiela ta' akkużi relatati mas-sigurtà nazzjonali;

D.  billi Ola al-Qaradawi, ċittadina tal-Qatar, u żewġha Hosam Khalaf, ċittadin Eġizzjan, ilhom mit-30 ta' Ġunju 2017 detenuti f'kundizzjonijiet terribbli fl-Eġittu, mingħajr ma ġew ifformulati akkużi kontrihom; billi f'Ġunju 2018, il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja sab li dawn ġew soġġetti għal trattament krudili, inuman jew degradanti li jista' jammonta għal tortura, u ddikjara d-detenzjoni tagħhom bħala arbitrarja, filwaqt li talab lill-gvern Eġizzjan jeħlishom;

E.  billi fit-2 ta' Frar 2016 instab il-ġisem ta' Giulio Regeni, li għeb fil-Kajr fil-25 ta' Jannar, b'evidenza ta' torturi orribbli u mewt vjolenti; billi l-awtoritajiet Eġizzjani għadhom ma żvelawx il-verità dwar il-mewt tiegħu u ma ressqux it-trasgressuri kollha quddiem il-ġustizzja; billi l-Eġittu għal darba oħra ċaħad it-talba tal-uffiċċju tal-prosekutur Taljan li jidentifika l-aġenti involuti fl-għajbien u l-mewt ta' Regeni;

F.  billi Reporters Mingħajr Fruntieri ddokumentaw mill-inqas 38 ħaddiem tal-midja li bħalissa jinsabu detenuti fl-Eġittu għax-xogħol tagħhom, fuq il-bażi ta' prosekuzzjoni bbażata fuq il-politika u ksur multiplu tal-proċess dovut; billi l-ħaddiema tal-midja barranin huma wkoll fil-mira, u diversi korrispondenti tal-midja internazzjonali ġew deportati jew miżmuma milli jidħlu fl-Eġittu; billi l-fotoġurnalista Mahmoud 'Shawkan' Abu Zeid ngħata sentenza ta' ħames snin ħabs fi proċess tal-massa għall-attivitajiet professjonali leġittimi tiegħu u għadu qed jiskonta sentenza addizzjonali ta' sitt xhur ħabs minħabba li ma ħallasx multa sostanzjali; billi Ismail al-Iskandarani, ġurnalist prominenti u wieħed mill-ftit li jkopru l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sinaj, ġie arrestat f'Novembru 2015 u f'Mejju 2018 ġie kkundannat għal għaxar snin priġunerija minn qorti militari;

G.  billi f'Lulju 2018 ġiet adottata liġi tal-midja ġdida li twessa' d-definizzjoni tal-istampa biex tinkludi kwalunkwe kont tal-midja soċjali b'aktar minn 5 000 segwaċi, biex b'hekk kontijiet bħal dawn ikunu soġġetti għall-prosekuzzjoni fil-każ ta' pubblikazzjoni ta' "aħbarijiet foloz" jew kwalunkwe ħaġa li titqies li tikkostitwixxi inċitament biex tinkiser il-liġi; billi r-rispett għal-libertajiet ċivili - inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja - huwa parti essenzjali mis-sisien ta' soċjetà demokratika, u l-ġurnalisti għandhom ikunu liberi li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom mingħajr biża' ta' prosekuzzjoni jew priġunerija;

H.  billi kumpaniji bbażati f'diversi Stati Membri tal-UE komplew jesportaw teknoloġija ta' sorveljanza lill-Eġittu li tiffaċilita l-hacking u l-malware, kif ukoll forom oħra ta' attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili fuq il-midja soċjali; billi dan wassal għar-ripressjoni tal-libertà tal-espressjoni online;

I.  billi l-Eġittu fetaħ front legali kontra l-NGOs s-sena l-oħra permezz ta' liġi li tirrikjedi li l-aġenziji tas-sigurtà tal-Istat japprovaw il-finanzjament tagħhom, barrani jew domestiku, u b'hekk prattikament qed tipprojbixxu l-funzjonament tagħhom; billi fil-15 ta' Novembru 2018, il-President Al-Sisi talab li jsir rieżami tal-liġi dwar l-NGOs biex din issir aktar "ibbilanċjata" u inkariga lill-parlament biex jagħmel dan ir-rieżami; billi l-proċess mill-ġdid ta' 16-il imputat tal-"kawża ta' finanzjament barrani" 173/2011 huwa skedat għall-20 ta' Diċembru 2018, u l-akkużati qed jiffaċċjaw akkużi ta' twaqqif u ta' operat ta' fergħat ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mingħajr liċenzja tal-gvern;

J.  billi fl-Eġittu għadu għaddej stat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ minn April 2017 u li ġie estiż għal tliet xhur mill-21 ta' Ottubru 2018; billi skont il-midja tal-Istat, l-istat ta' emerġenza ġie introdott biex jgħin biex jiġu indirizzati l-"perikli u l-finanzjament tat-terroriżmu"; billi l-President u dawk li jaġixxu f'ismu għandhom is-setgħa li jirreferu liċ-ċivili quddiem qrati ta' emerġenza tas-sigurtà tal-istat matul il-perjodu tat-tliet xhur; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, ikkritikat l-isforzi biex tingħata immunità mill-prosekuzzjoni għal reati li allegatament twettqu minn membri tal-forzi tas-sigurtà, u dan idgħajjef il-fiduċja tal-poplu Eġizzjan fil-kapaċità tal-Gvern li jagħti ġustizzja lil kulħadd;

K.  billi l-liġi Eġizzjana kontra t-terroriżmu tal-2015 tuża definizzjoni wiesgħa ta' terroriżmu li tinkludi "l-ksur tal-ordni pubbliku, l-ipperikolar tas-sikurezza, l-interessi, jew is-sigurtà tas-soċjetà, l-ostakolar tad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni u tal-liġi, jew il-ħsara lill-għaqda nazzjonali, il-paċi soċjali jew is-sigurtà nazzjonali", u dan ipoġġi lill-dissidenti paċifiċi, lill-attivisti favur id-demokrazija u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-sogru li jiġu ttikkettati bħala terroristi u kkundannati għall-mewt;

L.  billi tul il-mandat tal-President el-Sisi, il-qrati Eġizzjani rrakkomandaw mill-inqas 2443 sentenza ta' mewt preliminari - li fosthom, mill-inqas 12 huma tfal - u kkonfermaw mill-inqas 1451 sentenza ta' mewt; billi mill-inqas 926 sentenza ta' mewt ikkonfermata huma r-riżultat ta' proċessi tal-massa, ta' 15-il persuna jew aktar b'mod simultanju; billi matul l-istess perjodu, l-Eġittu ġġustizzja mill-inqas 144 persuna; billi l-piena tal-mewt, b'mod partikolari fi proċessi tal-massa, sikwit ġiet applikata kontra persuni li eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluża l-libertà ta' għaqda;

M.  billi f'Awwissu, qorti fl-Eġittu kkonfermat is-sentenzi ta' aktar minn 739 persuna b'rabta mal-protesti li saru fi Pjazza Ramaa wara l-kolp ta' stat tal-2013; billi l-qorti rratifikat 75 sentenza ta' mewt u kkonfermat sentenzi ta' għomor ħabs għal 47 persuna oħra; billi ġew denunzjati diversi irregolaritajiet waqt il-proċess, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddeskrivih bħala nuqqas serju ta' ġustizzja;

N.  billi fi tmiem Novembru, l-Eġittu ħabbar l-istabbiliment ta' "Kummissjoni Għolja Permanenti għad-Drittijiet tal-Bniedem", allegatament sabiex "jirrispondi għal talbiet" magħmula kontra r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Eġittu u "jifformula viżjoni Eġizzjana unifikata"; billi l-membri ewlenin ta' din il-kummissjoni huma rappreżentanti tal-ministeri tal-affarijiet barranin u tal-intern, il-militar u s-servizzi tal-intelligence;

O.  billi minkejja r-rikonoxximent kostituzzjonali tal-kultura Kopta bħala "pilastru" tal-pajjiż, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-Eġizzjani ta' dixxendenza Kopta, li jiffurmaw il-maġġoranza tad-disa' miljun Nisrani fl-Eġittu, żdiedu mill-2011; billi l-Insara Kopti, li jammontaw għal madwar 10 % tal-popolazzjoni Eġizzjana prevalentement Musulmana, ġarrbu l-piż tal-vjolenza settarja; billi fit-2 ta' Novembru 2018 attakk imwettaq minn militanti Iżlamiċi fuq xarabank ta' pellegrini Insara Kopti f'Minya qatel sebgħa u ħalla 19 midruba, u dan wera l-isfidi ta' sigurtà li l-Eġittu qed iħabbat wiċċu magħhom;

P.  billi l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu għandu jiltaqa' fl-20 ta' Diċembru 2018; billi missjoni tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew lejn l-Eġittu ġiet skedata qabel il-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni; billi l-Eġittu ma espandiex b'mod uffiċjali stedina għal din id-delegazzjoni;

Q.  billi l-Eġittu għadda minn diversi żviluppi diffiċli mir-rivoluzzjoni tal-2011 u l-komunità internazzjonali qed tappoġġa lill-pajjiż fl-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà tiegħu; billi jeżistu sfidi serji tas-sigurtà fl-Eġittu, b'mod partikolari fis-Sinaj, fejn xi gruppi terroristiċi wettqu attakki fuq il-forzi tas-sigurtà; billi fl-Eġittu seħħew għadd ta' attakki terroristiċi devastanti;

R.  billi l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu ġodda għall-2017-2020, adottati f'Lulju 2017 huma ggwidati minn impenn komuni favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jikkostitwixxu qafas imġedded għal impenn politiku u kooperazzjoni msaħħa, inkluż dwar is-sigurtà, ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq bażi ta' rispett xieraq għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi s-Sottokumitat dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Eġittu u l-Unjoni Ewropea kellu l-ħames sessjoni tiegħu li saret fil-Kajr fl-10 u l-11 ta' Jannar 2018, u dan indirizza l-kooperazzjoni fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi s-6 laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni Eġittu-UE saret fit-8 ta' Novembru 2018;

S.  billi l-UE hija s-sieħba ekonomika ewlenija tal-Eġittu u s-sors ewlieni ta' investiment barrani tiegħu; billi l-assistenza bilaterali tal-UE lill-Eġittu fl-ambitu tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat għall-2017-2020 tammonta għal madwar EUR 500 miljun; billi fil-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli biex teżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; billi l-Kunsill iddeċieda li l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandha tkun aġġustata mill-ġdid skont l-iżviluppi fil-post;

T.  billi t-toroq biex tinkiseb oppożizzjoni politika paċifika ġew eliminati matul il-proċess tal-elezzjoni presidenzjali tal-2018, b'ċaħda massiċċa tad-dritt tal-votanti Eġizzjani għal parteċipazzjoni politika;

U.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjaraw li l-Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jeżaminaw mill-ġdid l-assistenza ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu; billi l-KAB tenna dawn il-konklużjonijiet fi Frar 2014; billi l-VP/RGħ ikkonfermat permezz ta' tweġiba bil-miktub datata s-27 ta' Ottubru 2015 li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkostitwixxu "impenn politiku kontra kwalunkwe appoġġ militari lill-Eġittu";

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-restrizzjonijiet kontinwi fuq id-drittijiet demokratiċi fundamentali, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni kemm online kif ukoll offline, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fl-Eġittu; jitlob li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni, għajbien sfurzat u ċensura diretti kontra difensuri tad-drittijiet tal-biedem, avukati, persuni li jipprotestaw, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, studenti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, persuni LGBTI, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avversarji politiċi u minoranzi, inklużi n-Nubjani, min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; jikkundanna l-użu tal-vjolenza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk li jwettquh jinżammu responsabbli;

2.  Jistieden lill-Gvern Eġizzjan biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħles lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Ahmad Amasha, Hanan Badr el-Din, Amal Fathy, Ezzat Ghoneim, Hoda Abdelmoneim, Ibrahim Metwally Hegazy u Azzouz Mahgoub, u tal-ħaddiema tal-midja Mahmoud "Shawkan" Abu Zeid, Hisham Gaafar, Mohammed "Oxygen" Ibraim, Ismail Iskandarani, Adel Sabri, Adel Sari, Ahmed Tarek Ibrahim Ziada, Alaa Abdelfattah, Shady Abu Zaid, Mostafa al-Aasar, Hassan al-Bannaand u Moataz Wadnan, u tal-oħrajn kollha miżmuma sempliċement għall-eżerċizzju paċifiku tal-libertà ta' espressjoni tagħhom, bi ksur tal-kostituzzjoni Eġizzjana u tal-obbligi internazzjonali; sakemm jinħelsu, jistieden lill-Eġittu jippermettilhom aċċess sħiħ għall-familji tagħhom, l-avukati tal-għażla tagħhom u kura medika adegwata, u jwettqu investigazzjonijiet kredibbli dwar kwalunkwe allegazzjoni ta' trattament ħażin jew tortura; jistieden lill-UE timplimenta b'mod sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali;

3.  Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li l-prosperità fuq żmien twil tal-Eġittu u tal-poplu tiegħu timxi id f'id mal-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u l-istabbiliment u l-ankrar ta' istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Eġizzjani jimplimentaw bis-sħiħ il-prinċipji tal-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Eġittu aderixxa għalihom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqgħu l-investigazzjonijiet kriminali eżistenti kollha li huma bla bażi kontra l-NGOs, inkluż il-"każ ta' finanzjament barrani", u jirrevokaw il-liġi dwar l-NGOs iebsa immens; iħeġġeġ is-sostituzzjoni ta' dik il-liġi b'qafas leġiżlattiv ġdid, li għandu jiġi abbozzat f'konsultazzjoni ġenwina mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'konformità mal-obbligi domestiċi u internazzjonali tal-Eġittu sabiex tiġi protetta l-libertà ta' assoċjazzjoni;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-proċessi tal-massa mill-qrati Eġizzjani u l-għadd kbir ta' sentenzi tal-mewt u ta' sentenzi twal ta' ħabs mogħtija minnhom; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani jieqfu japplikaw il-piena tal-mewt kontra individwi, anke kontra dawk ta' anqas minn 18-il sena fil-mument tar-reat allegat tagħhom, u jżommu u jirrispettaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li fih l-Eġittu huwa parti kontraenti, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu dwar id-dritt għal proċess ġust u f'waqtu bbażat fuq akkużi ċari, u jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-konvenuti;

6.  Itenni l-istedina tiegħu biex l-Eġittu jiffirma u jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, kif ukoll il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan joħroġ stedina miftuħa lir-Rapporteurs Speċjali rilevanti tan-NU biex iżuru l-pajjiż;

7.  Jistieden lill-Parlament Eġizzjan jirrevedi l-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u l-Kodiċi Militari tal-Eġittu; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu mill-proċessi kontra persuni ċivili fi qrati militari;

8.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rappreżalji kontra persuni li jikkooperaw jew ifittxu li jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew ma' entitajiet tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, bħal, l-aktar reċentement, ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar alloġġ xieraq; ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fl-obbligi tal-Eġittu bħala membru tan-NU li jżomm lura minn atti bħal dawn;

9.  Jikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa ta' gruppi ta' minoranza fl-Eġittu; itenni l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon fl-Eġittu, u jappella għall-promozzjoni ta' kollaborazzjoni internazzjonali, inkluża investigazzjoni indipendenti min-NU biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tal-Insara Kopti fl-Eġittu; jistieden lill-Eġittu jirrevedi l-liġijiet tiegħu dwar il-blasfemija u jiżgura l-protezzjoni minnha għal minoranzi reliġjużi;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan itemm il-miżuri diskriminatorji kollha li ġew stabbiliti wara Ġunju 2017 kontra ċittadini tal-Qatar, b'referenza partikolari għall-każ ta' Ola al-Qaradawi u żewġha Hosam Khalaf;

11.  Jappoġġa l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza tal-poplu Eġizzjan li jixtiequ jistabbilixxu pajjiż liberu, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; ifakkar li r-rispett tal-espressjoni paċifika tal-opinjoni u l-kritika huwa importanti;

12.  Jestendi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tat-terroriżmu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan, u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jiġġieled it-tixrid ta' ideoloġiji radikali u gruppi terroristiċi;

13.  Iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jiżgura li l-operazzjonijiet kollha fis-Sinaj jitwettqu f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinvestiga bir-reqqa l-abbużi kollha, jiftaħ immedjatament it-Tramuntana tas-Sinai għal osservaturi u ġurnalisti indipendenti, jipprovdi lir-residenti bi bżonnijiet essenzjali u jippermetti li organizzazzjonijiet indipendenti li jagħtu għajnuna jipprovduha lil persuni fil-bżonn;

14.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħti prijorità lis-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, u tikkundanna s-sitwazzjoni allarmanti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluż l-użu tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lis-SEAE jindirizza l-iżviluppi reċenti fl-Eġittu u juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu biex jagħmel pressjoni fuq l-Eġittu sabiex dan itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem u jwaqqaf l-eżekuzzjonijiet imminenti, u jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li jinsabu f'detenzjoni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrispettaw l-impenji tagħhom lejn normi u liġijiet internazzjonali;

15.  Jissottolinja l-importanza li l-UE tagħti lill-kooperazzjoni tagħha mal-Eġittu bħala ġar u sieħeb importanti; iħeġġeġ bil-qawwa għalhekk lill-Eġittu jirrispetta l-impenn tiegħu meħud fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu adottati fis-27 ta' Lulju 2017 għall-promozzjoni tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-kostituzzjoni u l-istandards internazzjonali; jissottolinja li l-Prijoritajiet tas-Sħubija ġew konklużi mal-Eġittu fl-2017 minkejja deterjorament kontinwu fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jagħmlu l-kooperazzjoni ulterjuri mal-Eġittu kondizzjonali fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jintegraw it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fit-taħditiet kollha mal-awtoritajiet Eġizzjani, speċjalment fir-rigward tat-tliet prijoritajiet stabbiliti; itenni li d-drittijiet tal-bniedem m'għandhomx jiġu mminati mill-ġestjoni tal-migrazzjoni jew minn azzjonijiet kontra t-terroriżmu;

16.  Ifakkar lill-awtoritajeit Eġizzjani li l-livell ta' impenn tal-UE fil-konfront tal-Eġittu għandu jkun abbażi ta' inċentivi, bi qbil mal-prinċipju "aktar għal aktar" tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u għandu jiddependi mill-progress fir-riformi tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

17.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jżommu pożizzjoni b'saħħitha u magħquda dwar il-pożizzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu skedata għall-20 ta' Diċembru 2018, kif għandhom jagħmlu fil-fora kollha tad-drittijiet tal-bniedem u f'laqgħat bilaterali u multilaterali, u jartikolaw b'mod ċar il-konsegwenzi li l-Gvern Eġizzjan se jiffaċċja f'każ li ma jreġġax lura t-tendenza abbużiva tiegħu, bħal sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden ukoll lill-UE toħroġ dikjarazzjoni soda fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, anke fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-2019 (EPU);

18.  Ifakkar fir-rabja kontinwa tiegħu dwar it-tortura u l-qtil tar-riċerkatur Taljan Giulio Regeni; jenfasizza li se jkompli jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-UE biex jimpenjaw ruħhom mal-kontrapartijiet Eġizzjani tagħhom sakemm tkun stabbilita l-verità dwar dan il-każ u dawk ħatja jinżammu responsabbli; ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fir-responsabbiltà tagħhom għas-sikurezza tat-tim legali Taljan u Eġizzjan li qed jinvestiga l-każ ta' Giulio Regeni;

19.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-esportazzjonijiet ta' teknoloġija ta' sorveljanza u ta' tagħmir ta' sigurtà lejn l-Eġittu li jistgħu jiffaċilitaw attakki fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż fuq il-midja soċjali;

20.  Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' rieda murija mill-awtoritajiet Eġizzjani li jorganizzaw missjoni tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew lejn il-Kajr; jistenna li l-UE tiddenunzja r-rifjut kontinwu tal-awtoritajiet Eġizzjani li jawtorizzaw din iż-żjara;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eġittu.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0035.
(2) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 42.
(3) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 130.
(4) ĠU C 300, 18.8.2016, p. 34.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza