Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2969(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0570/2018

Dibattiti :

PV 13/12/2018 - 7.3
CRE 13/12/2018 - 7.3

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0527

Testi adottati
PDF 129kWORD 52k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu
It-Tanzanija
P8_TA(2018)0527RC-B8-0570/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar it-Tanzanija (2018/2969(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tanzanija, fosthom dik tat-12 ta' Marzu 2015(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni f'isem l-UE tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini tal-15 ta' Novembru 2018 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-23 ta' Frar 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza u l-intimidazzjoni marbuta mal-politika fit-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTI,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), tat-2 ta' Novembru 2018 dwar il-prosekuzzjoni u l-arresti ta' persuni LGBT fit-Tanzanija;

–  wara li kkunsidra s-Sett ta' Miżuri tal-Kunsill tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali (sett ta' miżuri LGBT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidrat il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("l-Ftehim ta' Cotonou"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, sa mill-elezzjoni tal-President tat-Tanzanija John Pombe Magufuli fl-2015, id-drittijiet bażiċi fil-pajjiż ġew imminati permezz ta' liġijiet u digrieti repressivi; billi l-ġurnalisti kritiċi, il-politiċi tal-oppożizzjoni u l-attivisti tas-soċjetà ċivili li ma jibżgħux jitkellmu kienu vittmi ta' theddid, detenzjoni arbitrarja u fastidju;

B.  billi matul dawn l-aħħar sentejn, fil-pajjiż kien hemm żieda fl-istigmitizzazzjoni, fil-vjolenza u fl-arresti mmirati kontra persuni LGBTI; billi skont id-dritt Tanzani, relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess huma reat punibbli bi tletin sena priġunerija sa priġunerija għall-għomor; billi l-liġi kontra l-omosesswalità tat-Tanzanija hija fost l-aktar ħarxa fid-dinja;

C.  billi fit-Tanzanija, irġiel suspettati li huma omosesswali huma soġġetti għal eżamijiet anali b'mod sfurzat, metodu skreditat ta' kif tiġi "ppruvata" imġiba omosesswali, li n-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ddefinixxew bħala tortura;

D.  billi Paul Makonda, il-kummissarju reġjonali ta' Dar es Salaam, huwa promotur prominenti tar-repressjoni; billi, f'konferenza stampa fil-31 ta' Ottubru 2018, huwa ħabbar il-ħolqien ta' task force sabiex tintraċċa persuni omosesswali, prostituti u persuni li jiġbru fondi frodulenti fuq il-midja soċjali; billi huwa stieden lill-pubbliku jirrapporta lill-awtoritajiet persuni suspettati li huma omosesswali;

E.  billi l-Ministeru għas-Saħħa issospenda temporanjament il-provvediment ta' servizzi ta' HIV u AIDS fil-livell tal-komunità u għalaq ċentri ta' akkoljenza għal gruppi ewlenin tal-popolazzjoni, fosthom irġiel omosesswali; billi fis-17 ta' Frar 2017, il-Ministeru għalaq 40 ċentru tas-saħħa abbażi li allegatament dawn ħeġġew l-omosesswalità; billi diversi organizzazzjonijiet irrapportaw li b'riżultat tar-repressjoni fuq il-komunità LGBTI, irġiel li huma pożittivi għall-HIV ma jistgħux isibu aċċess għat-trattament antiretrovirali tagħhom, filwaqt li oħrajn waqfu jaċċessaw servizzi ta' ttestjar u ta' prevenzjoni;

F.  billi f'Novembru 2019, għaxar irġiel ġew arrestati f'Żanżibar talli allegatament wettqu ċerimonja ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess; billi fis-17 ta' Ottubru 2018, 13-il attivist tas-saħħa u tad-drittijiet tal-bniedem ġew arrestati talli pparteċipaw f'laqgħa biex jiddiskutu liġi li tillimita l-aċċess ta' persuni LGBTI għal xi servizz tas-saħħa;

G.  billi bosta tfal u żgħażagħ, b'mod partikolari bniet, huma esposti għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u prattiki dannużi, inklużi vjolenza sesswali mifruxa, pieni korporali, żwieġ tat-tfal u tqala fost it-tfajliet adolexxenti, li jagħmluha diffiċli jew impossibbli għalihom li jattendu l-iskola; billi l-Gvern Tanzinjan qiegħed jostakola l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u jintimida organizzazzjonijiet li jipprovdu informazzjoni dwar dawn is-servizzi;

H.  billi fit-22 ta' Ġunju 2018, il-President Magufuli ħareġ dikjarazzjoni li tipprojbixxi lill-bniet tqal milli jattendu l-iskola; billi l-awtoritajiet qegħdin jintimidaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniet tqal biex imorru lura l-iskola;

I.  billi l-Kummissjoni tat-Tanzanija għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Governanza Tajba ilha ma topera għal xi żmien; billi l-President Magufuli ma ħatarx kummissarji jew persuni oħra fil-kariga tal-Kummissjoni;

J.  billi l-gvern għalaq jew hedded l-istazzjonijiet tar-radju u l-gazzetti li huma proprjetà privata, u temm it-trażmissjonijiet diretti ta' dibattiti parlamentari; billi ngħalqu stazzjonijiet lokali u dekodifikaturi li kienu juru stazzjonijiet lokali;

K.  billi l-Assemblea Nazzjonali tat-Tanzanija għaddiet l-Att dwar iċ-Ċiberkriminalità fl-2015 u r-Regolamenti dwar il-Kontenut Online f'Settembru 2018 bl-għan li tikkontrolla l-kontenut użat fuq il-midja soċjali; billi l-Att dwar l-Istatistika adottat fl-2015 jiddikjara li mhuwiex permess li jiġu diskussi jew mistoqsija ċerti statistiċi kkomunikati mill-gvern;

L.  billi membri ewlenin tal-oppożizzjoni huma arrestati regolarment fuq akkużi li jvarjaw minn li allegatament insultaw lill-President għal informazzjoni falza u tixwix; billi 20 membru tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni tat-Tanzanija ġew arrestati f'Lulju 2018 fuq allegazzjonijiet li kienu qegħdin joħolqu problemi; billi mill-bidu tal-2018, diversi membri u parlamentari tal-oppożizzjoni politika kienu attakkati b'mod vjolenti u saħansitra nqatlu; billi fit-22 ta' Frar 2018, Godfrey Luena, membru tal-parlament tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni tat-Tanzanija, Chama Cha Demokrasia na Maendeleo (CHADEMA) u difensur lokali tad-drittijiet fuq l-art, inqatel b'machetes barra daru; billi f'Novembru 2018, il-koordinatur tal-programm tal-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti (CPJ), Africa Angela Quintal, u l-kollega tagħha, Muthoki Mumo, ġew arrestati u rilaxxati wara pressjoni internazzjonali;

M.  billi l-iżvilupp tat-turiżmu f'dawn l-aħħar snin, wassal għal żieda fl-attività, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Serengeti fejn jgħixu l-Maasai; billi l-kontroll tal-art li tinħadem jew li hija skarsa għall-finijiet ta' spekulazzjoni wasslet għal tensjonijiet qawwija f'din iż-żona;

N.  billi l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, Roeland van de Geer, ġie sfurzat jitlaq mill-pajjiż wara li l-awtoritajiet Tanzanin żiedu l-pressjoni fuqu; billi, wara l-elezzjoni tal-President Magufuli, il-Kap tal-UN Women, il-Kap tal-UNDP u l-Kap tal-Unesco, ilkoll tkeċċew mit-Tanzanija;

O.  billi r-Rappreżentant Għoli tal-UE Federica Mogherini ħabbret rieżami komprensiv tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mat-Tanzanija;

1.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni politika li qiegħda tiddeterjora fit-Tanzanija, ikkaratterizzata minn tnaqqis tal-ispazju pubbliku permezz tal-issikkar tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-midja u ta' bosta partiti politiċi; jinsab imħasseb ferm dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni għall-persuni LGBTI;

2.  Jikkundanna kull inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza għal raġunijiet ta' orjentament sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tanzanin jiżguraw li Paul Makonda jtemm il-provokazzjoni tiegħu kontra l-komunità LGBTI u jitressaq quddiem il-ġustizzja għal inċitament għall-vjolenza;

3.  Jappella biex isiru investigazzjonijiet indipendenti dwar il-każijiet ta' attakki u assalti fuq ġurnalisti, persuni LGBTI, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-partit tal-oppożizzjoni, bil-għan li dawk suspettati li wettqu reat jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Ifakkar lill-Gvern Tanzani dwar l-obbligi tiegħu, fosthom l-impenji li għamel fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jipproteġi d-drittijiet, id-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadini kollha fi kwalunkwe ċirkostanza;

5.  Jistieden lit-Tanzanija tirrevoka l-liġijiet li jikkriminalizzaw l-omosesswalità;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mis-Sett ta' Miżuri LGBT u jħeġġu lil pajjiżi terzi jiddekriminalizzaw l-omosesswalità, filwaqt li jgħinu biex tonqos il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, u jipproteġu d-drittijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem LGBTI;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Tanzanin jemendaw d-dispożizzjonijiet restrittivi kollha fl-Att dwar iċ-Ċiberkriminalità, fir-Regolamenti dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u Postali (Kontenut Online) u l-Att dwar is-Servizzi tal-Midja, u jissostitwixxuhom b'dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni u tal-midja f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Tanzanin jirrevokaw kwalunkwe liġi, politika jew ostaklu ieħor għas-servizzi u l-informazzjoni li n-nisa, il-bniet, u l-ommijiet żgħażagħ jeħtieġu għal ħajja b'saħħitha, l-aktar b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-President Magufuli li l-bniet li jsiru omm ma għandhomx jitħallew jirritornaw l-iskola, inkluż it-tħassir ta' regolamenti li jagħmluha legali li tfajliet tqal jitkeċċew mill-iskola;

9.  Iħeġġeġ lill-President tat-Tanzanija jagħmel il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-pajjiż operattiva malajr kemm jista' jkun, jaħtar kummissarji sabiex jagħtu segwitu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jieħu azzjoni biex jappoġġa ħaddiema domestiċi barra minn pajjiżhom;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet tat-Tanzanija jirrilaxxaw lill-priġunieri politiċi kollha;

11.  Jesprimi tħassib serju dwar il-pressjoni eżerċitata mill-Gvern tat-Tanzanija fuq il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, Roeland van de Ger; jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jwettqu rieżami komprensiv tal-politiki tal-UE fil-konfront tat-Tanzanija; jinsisti fuq l-importanza ta' djalogu politiku biex jinstabu impenji tanġibbli min-naħa tal-awtoritajiet Tanzanin lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-operat tas-soċjetà ċivili, tal-partiti politiċi u tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li referenza espliċita għal nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tkun inkluża fil-ftehim ta' sħubija AKP-UE futur ta' wara l-2020;

12.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-persuni Maasai; jikkundanna l-użu tal-forza mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Tanzanin jaġixxu b'mod deċiżiv biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-attivisti politiċi skont il-kostituzzjoni tat-Tanzanija, il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-obbligi u l-impenji internazzjonali u reġjonali tal-pajjiż;

14.  Jappella lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tanzanija, b'mod partikolari permezz ta' rapportar regolari mid-delegazzjoni tagħha; jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu protezzjoni ta' emerġenza u appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tanzanija.

(1) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 122.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza