Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2085(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0407/2018

Testi mressqa :

A8-0407/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.11

Testi adottati :

P8_TA(2018)0528

Testi adottati
PDF 176kWORD 60k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu
Blockchain: politika kummerċjali mfassla għall-ġejjieni
P8_TA(2018)0528A8-0407/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-blockchain: politika kummerċjali mfassla għall-ġejjieni (2018/2085(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma dwar il-Kummerċ Elettroniku tad-WTO,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Riveduta ta' Kjoto mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni ta' prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ u l-Għoti tas-Setgħa Ekonomika lin-Nisa fl-Okkażjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Buenos Aires f'Diċembru 2017(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jew GDPR)(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar dispożizzjonijiet orizzontali għal flussi ta' data transkonfinali għall-protezzjoni tad-data personali (fi ftehimiet ta' kummerċ u investiment tal-UE),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika "Kummerċjali għal Kulħadd: It-Twettiq ta' Politika Kummerċjali Progressiva li Tisfrutta b'Mod Għaqli l-Globalizzazzjoni'" (COM(2017)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2016 tal-Kap Konsulent Xjentifiku tal-Uffiċċju għax-Xjenza tal-Gvern tar-Renju Unit dwar "Distributed Ledger Technology: beyond blockchain" (It-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit: lil hinn mill-blockchain)(8),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-2018 taċ-Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ u għan-Negozju Elettroniku (UN/CEFACT) dwar l-applikazzjonijiet tekniċi tal-blockchain,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' April 2018 minn 21 Stat Membru tal-UE u n-Norveġja dwar l-istabbiliment ta' Sħubija ta' Blockchain Ewropea(9), li warajha ħames Stati Membri oħra ngħaqdu mas-Sħubija, li wassal għan-numru attwali ta' 27 pajjiż firmatarju,

–  wara li kkunsidra t-tnedija tal-Kummissjoni tal-Osservatorju u l-Forum tal-Blockchain tal-UE fl-1 ta' Frar 2018(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2017(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0407/2018),

A.  billi f'dan ir-rapport il-blockchain se jitqies, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, bħala teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) privata u permessa, li tinkludi bażi tad-data magħmula minn blokki ta' data sekwenzjali li huma miżjuda bil-kunsens tal-operaturi tan-netwerk;

B.  billi diversi studji ta' każijiet u industriji se jiksbu utilità differenti minn taħlita ta' blockchains privati/pubbliċi, bil-permess/mingħajr permess;

C.  Billi kull blokka fuq blockchain għandha hash li tivverifika d-data fuq blokok preċedenti, li b'hekk tippermetti lil partijiet separati jidħlu fi tranżazzjonijiet b'fiduċja u obbligu ta' rendikont mtejba peress li d-data maħżuna fuq ir-reġistru ma tistax tiġi ffalsifikata faċilment;

D.  billi t-teknoloġija blockchain open-source hija s-sisien taż-żieda ta' blockchains permessi mad-dinja kollha, u tgħin biex jiżdied il-livell ta' fiduċja tal-parteċipanti f'netwerk partikolari relatat man-negozju;

E.  billi l-blockchain jista' jippermetti lil ċerti amministraturi jiddefinixxu b'mod ċar ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet, il-livelli ta' aċċess u d-drittijiet ta' validazzjoni tal-parteċipanti;

F.  billi l-kummerċ globali huwa bbażat fuq settur stmat ta' EUR 16-il triljun ta' katina ta' forniment li fih l-ispejjeż tranżazzjonali għolja u l-burokrazija ta' piż iwasslu għal kumplessità ta' proċessi u sistemi suxxettibbli għal żball;

G.  billi ġew imnedija inizjattivi pilota b'potenzjal promettenti biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport, jagħmlu l-industrija aktar favur l-ambjent u jagħtu spinta lill-prestazzjoni ekonomika;

H.  billi hemm mill-inqas 202 inizjattivi ta' blockchain tal-gvern f'45 pajjiż madwar id-dinja u l-ekonomiji f'reġjuni tal-Asja-Paċifiku, il-Kontinent Amerikan u l-Lvant Nofsani, b'mod partikolari, qed jinvestu f'teknoloġiji blockchain għall-kummerċ;

I.  billi l-blockchain jista' jsaħħaħ u jtejjeb il-politiki kummerċjali tal-UE, bħal Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs), Ftehimiet ta' Rikonoxximent Reċiproku (MRAs), b'mod partikolari ta' Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEOs), deċiżjonijiet ta' adegwatezza tad-data u miżuri ta' difiża kummerċjali;

J.  billi l-blockchain għandha potenzjal kbir biex ittejjeb it-trasparenza u t-traċċabbiltà tul il-katina tal-provvista, jgħolli l-livell ta' fiduċja tal-parteċipanti f'netwerk partikolari, jissimplifika l-kontrolli doganali u l-konformità regolatorja, inaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, isaħħaħ l-immutabbiltà u s-sigurtà tad-data u jiffunzjona bħala għodda biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni; billi l-benefiċċji potenzjali huma akkumpanjati minn diversi sfidi, bħaċ-ċibersigurtà;

K.  billi l-blockchain jista' jipprovdi qafas għat-trasparenza f'katina tal-provvista, inaqqas il-korruzzjoni, jiskopri evażjoni tat-taxxa, jippermetti r-rintraċċar ta' pagamenti illegali u jindirizza l-ħasil tal-flus ibbażat fuq negozju (TBML); billi hemm riskji assoċjati mal-użu ta' applikazzjonijiet ta' blockchain mhux ippenalizzati għal attivitajiet kriminali, inklużi l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u t-TBML; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom jimmonitorjaw u jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjoni urġenti;

L.  billi l-blockchain għadu qed jevolvi fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u b'hekk jeħtieġ approċċ favur l-innovazzjoni, ta' abilitazzjoni u ta' inkoraġġiment li jipprovdi ċertezza legali li fl-istess ħin jippromwovi l-protezzjoni tal-konsumatur, tal-investitur u dik ambjentali, iżid il-valur soċjali tat-teknoloġija, inaqqas id-distakk diġitali u jtejjeb il-ħiliet diġitali taċ-ċittadini;

M.  billi t-teknoloġija blockchain tista' tipprovdi lill-partijiet kollha involuti fil-kummerċ, kemm jekk huma pubbliċi jew privati, b'aċċess permanenti f'ħin reali għal bażi tad-data immutabbli u stampata bil-ħin li żżomm dokumenti li jappartjenu għal tranżazzjonijiet, u b'hekk tgħin biex tinbena l-fiduċja, tevita kwistjonijiet ta' konformità u tittratta l-użu ta' oġġetti ffalsifikati jew dokumenti foloz;

N.  billi xi żoni reġjonali u metropolitani tal-UE diġà bdew jiżviluppaw din it-teknoloġija permezz ta' proġetti u programmi speċifiċi, ibbażati fuq il-karatteristiċi tagħhom stess, u joħolqu netwerks għat-tixrid tal-aħjar prattiki;

Il-politika kummerċjali tal-UE

1.  Jirrikonoxxi li minkejja s-suċċessi preċedenti tal-kummerċ, l-FTAs tal-UE għandhom potenzjal kbir mhux sfruttat u għadhom ma ġewx utilizzati bis-sħiħ minn, medja ta', biss 67 % tal-esportaturi tal-UE u 90 % tal-importaturi tal-UE li jagħmlu użu mit-tariffi preferenzjali kemm fil-pajjiżi kif ukoll fir-reġjuni tagħha, u tappoġġja l-analiżi ta' soluzzjonijiet tekniċi li jistgħu jżidu l-utilizzazzjoni u l-esportazzjoni tal-FTA; jinnota li l-esportaturi jistgħu jtellgħu d-dokumenti kollha tagħhom għal applikazzjoni ta' awtorità pubblika bbażata fuq il-blockchain u juru l-konformità tagħhom ma' trattament preferenzjali mogħti minn FTA, bħal kwalifikazzjoni għal regoli preferenzjali ta' oriġini, sanitarji u fitosanitarji (SPS), u Dispożizzjonijiet ta' Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli (TSD); jemmen li l-blockchain jista' jtejjeb d-dispożizzjonijiet għall-akkumulazzjoni fl-FTAs;

2.  Iqis il-proċeduri biex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni kemm għar-regoli ta' oriġini preferenzjali kif ukoll għal dawk mhux preferenzjali li jkunu għaljin u ta' piż għall-intrapriżi; iqis li, fil-każ tar-regoli preferenzjali, il-blockchain jista' jgħin fl-istabbiliment tan-nazzjonalità ekonomika ta' prodott; iqis ukoll li, fil-każ ta' regoli mhux preferenzjali, il-blockchain jista' jgħin fl-użu proporzjonat tal-Unjoni tal-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ billi jipprovdi trasparenza dwar il-provenjenza tal-prodotti li jidħlu fis-suq Ewropew u ħarsa ġenerali lejn l-influss tal-importazzjonijiet biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwi għan-negozji;

3.  Jenfasizza li l-blockchain għandu l-potenzjal li jappoġġja l-aġenda tat-TSD billi jipprovdi fiduċja fil-provenjenza tal-materja prima u l-prodotti, proċessi ta' produzzjoni trasparenti u ktajjen tal-forniment, u fil-konformità tagħhom mar-regoli internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol, soċjali u ambjentali, filwaqt li titqies ir-rilevanza partikolari għall-minerali ta' kunflitt, il-kummerċ illeċitu f'prodotti kulturali, il-kontroll tal-esportazzjonijiet u l-korruzzjoni; jenfasizza li l-blockchain jista' jikkontribwixxi għall-ħidma ta' sostenibbiltà tal-kumpaniji u jippromwovi kondotta responsabbli tan-negozji;

4.  Jemmen li l-MRAs tal-AEOs jippermettu lin-negozji jiddiversifikaw il-ktajjen tal-forniment tagħhom permezz ta' ħin imnaqqas u spejjeż assoċjati ma' dwana transkonfinali; jinnota li hemm kwistjonijiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu indirizzati; iħoss li l-blockchain joffri l-potenzjal li titnaqqas l-inċertezza assoċjata mal-implimentazzjoni ta' MRAs ta' AEOs, permezz ta' skambju ta' data mingħajr xkiel;

L-aspetti esterni tat-tħaffif tad-dwana u tal-kummerċ

5.  Jilqa' bi pjaċir il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA); iqis it-TFA bħala l-pedament għall-membri tad-WTO biex jesploraw aktar modi biex iħaffu l-kummerċ, inkluż permezz tal-blockchain; jilqa' l-isforzi tal-UE biex iżżomm u ssaħħaħ id-WTO u l-impenn tagħha għal sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tinforza r-regoli tal-kummerċ globali;

6.  Iqis li l-blockchain jista' jippermetti lill-awtoritajiet doganali jiksbu awtomatikament l-informazzjoni meħtieġa għal dikjarazzjoni tad-dwana, inaqqsu l-ħtieġa għal verifika manwali u rendikonti stampati, u jipprovdu aġġornament preċiż dwar l-istatus u l-karatteristiċi tal-prodotti li jidħlu fl-UE għal kull parti rilevanti fl-istess ħin, u b'hekk jittejbu l-kapaċitajiet ta' traċċar u rintraċċar u t-trasparenza;

7.  Jemmen li d-diġitalizzazzjoni se tippermetti li l-iskambju tal-informazzjoni jkun aktar effiċjenti u trasparenti; iqis li l-blockchain jista' jippermetti lill-produtturi, il-laboratorji, l-operaturi loġistiċi, ir-regolaturi u l-konsumaturi jkollhom aċċess għal, u jaqsmu, l-informazzjoni kollha meħtieġa rigward, pereżempju, il-provenjenza, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-illiċenzjar; jinnota li l-blockchain jista' jgħin ukoll fil-ħruġ xieraq ta' ċertifikati elettroniċi; iqis id-diġitalizzazzjoni u l-użu ta' applikazzjonijiet tul il-ktajjen tal-forniment kemm bħala prerekwiżit kif ukoll bħala suppliment għall-funzjonament sħiħ tal-blockchain; jinnota li jeżistu differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni;

8.  Jemmen li l-adozzjoni ta' teknoloġiji blockchain fil-katina tal-provvista kollha tista' żżid l-effiċjenza, il-veloċità u l-volum tal-kummerċ globali billi tillimita l-ispejjeż assoċjati mat-tranżazzjonijiet internazzjonali u tgħin lin-negozji biex jidentifikaw sħab kummerċjali ġodda u jistgħu jwasslu għal aktar protezzjoni tal-konsumatur u fiduċja fil-kummerċ diġitali;

9.  Jissottolinja l-applikazzjoni tal-blockchain, notevolment bil-modi li ġejjin:

   a. isaħħaħ iċ-ċertezza kemm tal-provenjenza kif ukoll tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-merkanzija, biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' prodotti illeċiti, inklużi prodotti foloz u ffalsifikati, li jidħlu fil-katina tal-provvista,
   b. jipprovdi lill-awtoritajiet b'informazzjoni preċiża dwar meta xi prodott jista' jkun ġie mħassar/imbagħbas fil-ktajjen tal-provvista,
   c. itejjeb it-trasparenza u t-traċċabbiltà billi jippermetti lill-parteċipanti kollha jirreġistraw it-tranżazzjonijiet tagħhom u jaqsmu din l-informazzjoni fin-netwerk,
   d. iħares il-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumatur billi jipprovdi lill-konsumaturi b'informazzjoni dettaljata dwar il-prodotti u jikkontribwixxi għall-ħidma ta' sostenibbiltà tan-negozji,
   e. inaqqas l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-katina tal-provvista billi jneħħi l-ħtieġa għal intermedjarji u l-ispejjeż assoċjati magħhom, flimkien mal-ħtieġa fiżika li jipproduċu, jittrasportaw u jipproċessaw dokumentazzjoni stampata,
   f. itejjeb l-applikazzjoni ta' ħlasijiet ta' dazju u VAT ġusti u ġbir tad-dħul fil-politika tal-kummerċ, u
   g. inaqqas il-ħin totali tal-merkanzija fi tranżitu billi jiġu awtomatizzati l-ħidmiet li ġeneralment jitwettqu permezz ta' mezzi manwali; jinnota l-benefiċċju assoċjat, b'mod partikolari għal katini ta' provvista eżatti fil-ħin, biex inaqqas kemm l-ispejjeż kif ukoll il-marka tal-karbonju tal-industrija tal-loġistika;

10.  Jinnota li l-kriminali jistgħu jimmanipulaw il-kummerċ leġittimu biex jaħbu l-attivitajiet illeċiti tagħhom, bħal TBML, billi jbagħbsu d-dokumentazzjoni meħtieġa permezz ta' rapportar falz, bħalma huma s-sopravalutazzjoni jew is-sottovalutazzjoni tal-prodott ikkonċernat; jemmen li l-blockchain jista' jippermetti lill-awtoritajiet doganali u oħrajn biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa f'manjiera f'waqtha, fil-pront u b'mod koordinat biex jesponu l-flussi finanzjarji illeċiti;

Il-flussi tad-data transkonfinali u l-protezzjoni tad-data

11.  Jirrikonoxxi l-flussi tad-data transkonfinali bħala funzjoni integrali għall-kummerċ internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi u d-disinn tal-arkitettura tal-blockchain;

12.  Jenfasizza l-kamp ta' applikazzjoni tal-blockchain għall-validazzjoni ta' tranżazzjonijiet minn katina tal-provvista internazzjonali billi jiddefinixxi l-livelli ta' aċċess u l-proċeduri ta' validazzjoni għall-parteċipanti;

13.  Jinnota l-konnessjoni bejn il-blockchain u l-flussi tad-data transkonfinali għall-kummerċ; jinnota li netwerk privat permess bejn ir-reġistri jista' jipprovdi l-fiduċja bejn il-pjattaformi billi jintegra d-data minn sorsi multipli; jirrikonoxxi l-importanza tal-flussi tad-data transkonfinali għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza d-distinzjoni bejn id-data personali u dik mhux personali fuq il-blockchains;

14.  Jirrikonoxxi l-isfida ppreżentata mir-relazzjoni bejn it-teknoloġiji tal-blockchain u l-implimentazzjoni tal-GDPR; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-blockchain għandha tkun konformi mal-leġiżlazzjoni eżistenti u tal-ġejjieni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-privatezza; jenfasizza li t-teknoloġija blockchain tista' tipprovdi soluzzjonijiet għad-dispożizzjonijiet dwar il-"protezzjoni tad-data mit-tfassil" fl-implimentazzjoni tal-GDPR fuq il-bażi tal-prinċipji komuni tagħhom li jiżguraw data assigurata u awtonoma; jenfasizza l-effett limitat tal-GDPR fuq it-tranżazzjonijiet kummerċjali minħabba n-nuqqas ta' data personali fuq il-blockchains b'permess privat; jirrikonoxxi, madankollu, il-ħtieġa għal salvagwardji meħtieġa u sorveljanza regolatorja; jenfasizza li l-GDPR japplika biss fejn hija kkonċernata d-data personali; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina aktar din il-kwistjoni;

15.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu mfassla blockchains b'konformità mad-dritt li jintesew u jinnota li l-utenti vverifikati tal-blockchain u l-applikazzjonijiet tal-blockchain għandu f'kull ħin ikollhom aċċess għad-data kollha relatata mat-tranżazzjonijiet li huma involuti fihom, skont id-drittijiet għal aċċess tagħhom;

16.  Itenni t-talba tiegħu għal dispożizzjonijiet li jippermettu l-funzjonament sħiħ tal-ekosistema diġitali u għall-promozzjoni ta' flussi ta' data transkonfinali fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jinnota, f'dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza ma javvanzawx il-fluss liberu ta' data mhux personali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tinnegozja impenji li jorbtu u li jistgħu jiġu infurzati dwar it-trasferimenti tad-data fl-FTAs, inkluż fuq data mhux personali;

17.  Jenfasizza li l-blockchain jirrappreżenta paradigma ġdida tal-ħżin tad-data li huwa kapaċi jiddeċentralizza l-forom ta' interazzjoni umana u tas-swieq, fil-livell bankarju u tal-kummerċ internazzjonali; jenfasizza li ż-żieda fil-blockchain tippreżenta kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi f'termini ta' protezzjoni tad-data, trasparenza u kriminalità finanzjarja, billi d-data hija immutabbli ladarba tkun ġiet imdaħħla u tinqasam mal-partijiet parteċipanti kollha, li tiżgura wkoll is-sigurtà u l-integrità tagħha; jitlob li jsir dak kollu possibbli, inkluż fil-livell nazzjonali, biex jiġi ggarantit il-karattru mhux falsifikabbli u immutabbli tat-teknoloġija u biex jiġi żgurat li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ma jitpoġġiex f'riskju;

18.  Jirrikonoxxi l-isfida maħluqa mill-interazzjoni bejn it-teknoloġiji blockchain u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' protezzjoni tad-data tal-UE, jiġifieri r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), u jfakkar li din l-interazzjoni tista' tikxef kunflitt bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali minn naħa u l-promozzjoni tal-innovazzjoni min-naħa l-oħra; jissuġġerixxi l-ħtieġa li jiżgura li t-teknoloġiji blockchain iridu jkunu totalment konformi mal-qafas ta' protezzjoni tad-data tal-UE u jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar tad-data personali bħala dritt fundamentali stabbilit mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-TFUE;

19.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-blockchains, parzjalment bħala riżultat tal-kunflitt deskritt hawn fuq, bl-ebda mod ma jappoġġjaw awtomatikament is-sovranità tad-data, u għalhekk jeħtiġilhom ikunu ddisinjati speċifikament biex jagħmlu dan, minħabba li jistgħu wkoll jippreżentaw riskji għall-protezzjoni tad-data;

20.  Jenfasizza li, jekk it-teknoloġija blockchain imfassla b'mod adegwat għandha tkun konformi mal-prinċipju ta' "protezzjoni tad-data mit-tfassil", li sservi biex tagħti lis-suġġetti tad-data aktar kontroll fuq id-data tagħhom, f'konformità mal-GDPR; jenfasizza wkoll li, normalment, fi blockchain id-data personali mhijiex anonima, fatt li jagħmilha koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-GDPR; jinsisti li l-blockchains għandhom ikunu kompletament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, inkluż meta jintużaw biex jipproċessaw id-data personali; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-blockchains u l-applikazzjonijiet jintegraw mekkaniżmi li jiżguraw li d-data tista' tkun kompletament anonima, u b'hekk jiggarantixxu li tinħażen biss data li ma tkunx relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

21.  Jissottolinja li l-applikazzjonijiet blockchain futuri għandhom jimplimentaw mekkaniżmi li jipproteġu d-data personali u l-privatezza tal-utenti u jiżguraw li d-data tista' tkun kompletament anonima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw ir-riċerka, b'mod partikolari r-riċerka akkademika, dwar it-teknoloġiji blockchain il-ġodda kompatibbli mal-GDPR u bbażati fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn, bħal zk-SNARK (zero-knowledge succinct non‑interactive arguments of knowledge);

22.  Iqis li, biex ikun evitat il-ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, it-teknoloġija blockchain ma għandhiex tintuża biex tipproċessa data ta' natura personali sakemm l-organizzazzjoni tal-utent ikkonċernata tkun f'pożizzjoni li tiggarantixxi l-konformità mal-GDPR u tiżgura b'mod speċifiku li d-drittijiet għar-rettifika u t-tħassir tad-data jkunu protetti;

23.  Jissottolinja l-fatt li l-utenti tal-blockchain jistgħu jkunu fl-istess ħin kontrolluri tad-data personali li jtellgħu fir-reġistru, u proċessuri tad-data, billi jaħżnu kopja integrali tar-reġistru fuq il-kompjuter tagħhom stess;

24.  Josserva li, f'każijiet fejn il-blockchain fih data personali, in-natura immutabbli ta' ċerti teknoloġiji blockchain x'aktarx hija inkompatibbli mad-dritt għat-tħassir tad-data stabbilit fl-Artikolu 17 tal-GDPR;

25.  Josserva bi tħassib li, f'każijiet fejn il-blockchain fih data personali, il-proliferazzjoni ta' kopji tad-data fi blockchain x'aktarx hija inkompatibbli mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data stabbilit fl-Artikolu 5 tal-GDPR;

26.  Jistieden lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex joħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jiżgura li t-teknoloġija blockchain tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni;

27.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għall-implikazzjonijiet serji ta' kif tiġi applikata t-teknoloġija blockchain, b'mod partikolari f'oqsma bħall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu; iqis li kull utilizzazzjoni tat-teknoloġiji blockchain għandha tkun subordinata għall-ispeċifikazzjoni ta' x'se jinħażen fi ħdan il-katina jew barra minnha, u li d-data personali għandha tinħażen barra mill-katina;

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)

28.  Jemmen li l-innovazzjoni u l-promozzjoni fir-rigward tal-blockchain jistgħu joħolqu opportunitajiet ekonomiċi għall-SMEs biex isiru internazzjonali u biex jegħlbu l-ispejjeż assoċjati mal-esportazzjoni, billi jagħmluha aktar faċli biex jinteraġixxu mal-konsumaturi, l-awtoritajiet tad-dwana, il-korpi regolatorji internazzjonali u domestiċi, u negozji oħra involuti fil-katina tal-provvista; iżid li l-infrastruttura tal-blockchain jista' jgħin biex il-prodotti u s-servizzi jitqiegħdu fis-suq malajr u b'inqas spejjeż;

29.  Jenfasizza l-benefiċċji li l-blockchain jista' jġib lill-SMEs billi jippermetti komunikazzjoni bejn il-pari, għodod ta' kollaborazzjoni u ħlasijiet siguri, iżid il-faċilità li jagħmel negozju u jnaqqas ir-riskju ta' nuqqas ta' ħlas u spejjeż tal-proċedura legali għall-issodisfar tal-kuntratti permezz tal-użu ta' kuntratti intelliġenti; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-blockchain fil-kummerċ internazzjonali jinkludi l-SMEs; jenfasizza li, fil-preżent, il-kuntratti intelliġenti jistgħu ma jkunux maturi biżżejjed biex jiġu kkunsidrati legalment infurzabbli fi kwalunkwe regolament settorjali u hija meħtieġa valutazzjoni ulterjuri tar-riskji;

30.  Jirrikonoxxi l-opportunitajiet, inkluż għall-SMEs, li ġejjin mill-introduzzjoni tat-teknoloġija blockchain bħala parti mill-politika kummerċjali tal-UE, li tista' ġġib, fost benefiċċji oħra, spejjeż tranżazzjonali aktar baxxi u effiċjenza akbar; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li t-teknoloġija blockchain toffri l-potenzjal biex ittejjeb il-fiduċja u l-kunfidenza fis-sistema kummerċjali attwali billi tipprovdi reġistru immutabbli ta' tranżazzjonijiet; jirrikonoxxi, madankollu, li f'każijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE, l-applikazzjoni ta' din it-teknoloġija tista' tippreżenta riskji ta' ħasil tal-flus u tiffaċilita l-finanzjament tal-kriminalità organizzata;

L-interoperabbiltà, l-iskalabbiltà u l-interazzjonijiet ma' teknoloġiji relatati

31.  Iqis l-isfidi tal-iskalabbiltà assoċjati mal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-blockchain, fil-kuntest tan-netwerks tal-kummerċ internazzjonali li qed jespandu;

32.  Jinnota l-proliferazzjoni ta' blockchains differenti li jankraw id-data għal tranżazzjoni f'reġistri privati u pubbliċi separati; jirrikonoxxi li hemm ħtieġa dejjem akbar li jiġu żviluppati standards ta' interoperabbiltà globali biex jiġu integrati t-tranżazzjonijiet bejn il-blockchains rigward il-moviment ta' oġġett tul il-katina tal-provvista biex titħeġġeġ l-interoperabbiltà bejn is-sistemi inklużi sistemi tal-operazzjoni tal-legat; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kollaborazzjoni mal-ISO u ma' korpi oħra ta' standardizzazzjoni rilevanti;

33.  Iqis l-interazzjonijiet possibbli ta' teknoloġiji blockchain ma' innovazzjonijiet kummerċjali internazzjonali oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu analizzati l-opportunitajiet u l-isfidi marbuta mal-iżviluppi fit-teknoloġiji blockchain; jitlob aktar riċerka dwar l-applikabbiltà tagħhom għat-trasformazzjoni diġitali u l-awtomazzjoni tal-kummerċ internazzjonali, kif ukoll is-settur pubbliku, b'mod partikolari taħt il-Programm tal-Ewropa Diġitali;

Konklużjonijiet

34.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-iżviluppi fil-qasam tal-blockchain, b'mod partikolari l-proġetti pilota/inizjattivi li għaddejjin fil-katina tal-provvista internazzjonali, u l-aspetti esterni tal-proċessi doganali u regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi dokument ta' strateġija orizzontali li jinvolvi d-DĠ rilevanti dwar l-adozzjoni ta' teknoloġiji blockchain fil-ġestjoni tal-katina tal-kummerċ u tal-provvista kif ukoll fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u b'mod partikolari rigward il-ġlieda kontra l-iffalsifikar; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-aspetti ġudizzjarji u ta 'governanza tal-blockchain u jekk il-blockchain joffrix soluzzjonijiet aħjar għal teknoloġiji eżistenti u emerġenti li jistgħu jindirizzaw l-isfidi attwali fil-politika tal-kummerċ tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-iżviluppi fil-qasam tal-blockchain, b'mod partikolari l-proġetti pilota/inizjattivi li għaddejjin fil-katina tal-provvista internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi dokument ta' strateġija dwar l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-blockchain fil-ġestjoni tal-katina tal-kummerċ u tal-provvista; jemmen li l-għan irid ikun li jintrebaħ l-appoġġ ta' atturi ta' blockchain għal proġetti u inizjattivi fil-katina tal-provvista internazzjonali u li jsegwi l-proġetti fuq bażi konġunta, li jinkorporaw l-identità, il-provenjenza u l-ħżin tad-data ta' diversi sħab;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sett ta' prinċipji ta' gwida għall-applikazzjoni tal-blockchain għall-kummerċ internazzjonali, sabiex l-industrija u l-awtoritajiet doganali u regolatorji jiġu pprovduti b'livell suffiċjenti ta' ċertezza legali li jħeġġu l-użu tal-blockchain u l-innovazzjoni f'dan l-qasam; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tat-teknoloġija li tifforma l-bażi għall-applikazzjonijiet tillimita l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' applikazzjonijiet ġodda; jenfasizza l-importanza li l-UE, u speċjalment l-industrija Ewropea, turi t-tmexxija u s-sjieda fil-qasam tat-teknoloġiji blockchain u li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompetizzjoni globali u fl-oqsma tal-iżvilupp u tal-ambjent regolatorju; jenfasizza l-importanza tad-djalogu u l-iskambju tal-prattiki, kif ukoll il-bini ta' kompetenzi u ħiliet diġitali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tniedi u tissorvelja proġetti pilota bl-użu tat-teknoloġija blockchain fil-kummerċ internazzjonali, sabiex tittestja l-benefiċċji tagħha;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tissimplifika u ssaħħaħ il-fluss tal-informazzjoni relatata mal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, billi, fost miżuri oħra, tadotta teknoloġiji xierqa ta' informazzjoni u komunikazzjoni;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi grupp konsultattiv fi ħdan id-DĠ Kummerċ dwar il-blockchain u biex tiżviluppa nota kunċettwali għal proġetti pilota permessi privatament dwar l-użu minn tarf sa tarf tal-blockchain fil-katina tal-provvista, filwaqt li tinvolvi lill-awtoritajiet doganali u oħrajn transkonfinali, u filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar; jirrikonoxxi li t-teknoloġija blockchain għadha fl-istadji tal-bidu tal-iżvilupp, iżda hemm bżonn ta' strateġija tal-industrija dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-blockchain;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina modi kif il-blockchain jista' jappoġġja l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li l-miżuri li jappoġġjaw strateġija kummerċjali diġitali tal-UE għandhom ikunu konformi bis-sħiħ u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), inkluż l-SDG5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-importanza li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa f'STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u li jitneħħew id-distakki bejn is-sessi fl-aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda u l-użu tagħhom;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet tal-politiki dwar kif il-blockchain jista' jimmodernizza l-politiki ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni biex tissaħħaħ il-leġittimità u l-infurzar tagħhom;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ottimalità tal-arkitettura tal-blockchain li żżomm id-data privata barra l-katina;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif għandha tiżdied il-faċilitazzjoni u s-sigurtà tal-kummerċ permezz tat-teknoloġija blockchain, inkluż il-kunċett ta' AEOs;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkollabora ma', u tikkontribwixxi għax-xogħol ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u biex tidħol fi proġetti attwali dwar il-produzzjoni ta' sett ta' standards u prinċipji biex issostni r-regolamentazzjoni li għandha l-għan li tiffaċilita l-użu tal-blockchain;

43.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jkollhom rwol attiv fil-proċess tal-istandardizzazzjoni u tas-sigurtà tal-blockchain, u biex jaħdmu mas-sħab internazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati u l-industriji rilevanti kollha biex jiżviluppaw standards tal-blockchain, inklużi t-terminoloġija, l-iżvilupp, u l-użu tat-teknoloġija fil-kummerċ u l-ġestjoni tal-katina tal-provvista; jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija kritika għall-applikazzjonijiet tal-blockchain, inkluż għall-kummerċ internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-isfidi tas-sigurtà, tivvaluta r-riskji teknoloġiċi bħall-quantum computing u tieħu azzjonijiet biex tindirizzahom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tirrevedi u tiżviluppa qafas biex tindirizza l-isfidi għall-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà bejn is-sistemi tal-blockchain;

45.  Jilqa' t-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-Blockchain tal-UE u jħeġġu jistudja l-applikazzjonijiet immirati lejn l-iffaċilitar tal-kummerċ internazzjonali; b'dan jitlob li l-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tespandi l-mandat tal-Osservatorju u l-Forum tal-Blockchain tal-UE u tinvolvi lil partijiet interessati lokali u globali rilevanti biex tindirizza l-isfidi li ġejjin u trawwem l-appoġġ ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva dwar il-valutazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' teknoloġiji blockchain, inkluż f'setturi speċifiċi, bħal dawk koperti mill-politika kummerċjali tal-UE, u biex tistabbilixxi grupp konsultattiv dwar il-blockchains, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-protezzjoni tad-data u l-kriminalità organizzata;

47.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-UE għandha l-opportunità li ssir attur ewlieni fil-qasam tal-blockchain u l-kummerċ internazzjonali, u li għandha tkun attur influwenti fit-tfassil tal-iżvilupp tiegħu fuq livell globali, flimkien mas-sħab internazzjonali;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-SEAE.

(1) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 76.
(2) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 22.
(4) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 44.
(5) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.
(6) https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc11_e/genderdeclarationmc11_e.pdf
(7) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(8) https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/492972/gs-16-1-distributed-ledger-technology.pdf
(9) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/european-countries-join-blockchain-partnership
(10) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-521_en.htm
(11) http://www.consilium.europa.eu/media/21620/19-euco-final-conclusions-en.pdf

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza