Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2104(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0404/2018

Testi mressqa :

A8-0404/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 26
CRE 12/12/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.15
CRE 13/12/2018 - 9.15

Testi adottati :

P8_TA(2018)0532

Testi adottati
PDF 162kWORD 61k
Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu
Deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2017
P8_TA(2018)0532A8-0404/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2017 (2018/2104(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jressqu l-preokkupazzjonijiet tagħhom għall-attenzjoni tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52, 215 u 216 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0404/2018),

A.  billi fl-2017 intlaqgħu 1 271 petizzjoni – meta mqabbla ma' 1 569 fl-2016 – li minnhom 776 petizzjoni (60.2 %) tqiesu ammissibbli;

B.  billi fl-2017, 15 540 utent tal-portal tal-internet għall-Petizzjonijiet tal-Parlament appoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar, meta mqabbla ma' 902 utenti fl-2015 u 6 132 utent fl-2016; billi l-għadd totali ta' klikks b'appoġġ għall-petizzjonijiet kien ta' 21 955, meta mqabbel ma' 18 810 fl-2016 u 1 329 fl-2015; billi din il-forma l-ġdida ta' parteċipazzjoni ċivika fil-petizzjonijiet sottomessi qed issir dejjem aktar komuni u għandha titqies;

C.  billi kważi 250 petizzjoni identika jew simili ħafna dwar tliet suġġetti differenti sottomessi fl-2017 ġew ittrattati flimkien fi gruppi għal kull suġġett;

D.  billi mill-petizzjonijiet sottomessi fl-2017, 67 kienu ffirmati b'mod konġunt minn ċittadin wieħed jew aktar, 25 minn aktar minn 100 ċittadin, 10 minn aktar minn 10 000 ċittadin, u tnejn minn aktar minn 100 000 ċittadin;

E.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet milqugħa kien wieħed modest meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE; billi dan jista' jindika li porzjon kbir miċ-ċittadini u r-residenti tal-UE ma jagħmlux użu mid-dritt ta' petizzjoni minħabba nuqqas ta' għarfien, filwaqt li jitqiesu l-bosta dubji ta' tħassib jew aspettattivi potenzjali fi ħdan l-oqsma ta' attività differenti tal-Unjoni; billi jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi promoss id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew;

F.  billi għadd żgħir biss ta' ċittadini u residenti tal-UE huma konxji mid-dritt ta' petizzjoni, li jikkonferma l-ħtieġa għal aktar sforzi u miżuri xierqa biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jinkiseb titjib sostanzjali fir-rigward tal-eżerċizzju ta' dan id-dritt;

G.  billi l-kriterji għall-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet skont l-Artikolu 227 tat-TFUE u l-Artikolu 215 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jispeċifikaw li l-petizzjonijiet iridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet formali li jirregolaw l-ammissibbiltà, jiġifieri li petizzjonant, li huwa ċittadin tal-UE jew residenti fl-UE, huwa affettwat minn kwistjoni li taqa' taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea; billi 495 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli minħabba li ma kkonformawx mal-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà;

H.  billi d-dritt li wieħed jissottometti petizzjoni lill-Parlament joffri liċ-ċittadini u lir-residenti tal-UE l-mezz biex jindirizzaw b'mod formali lir-rappreżentanti tagħhom li huma eletti direttament; billi d-dritt ta' petizzjoni għandu jikkostitwixxi element kruċjali tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE fl-oqsma ta' attività tal-UE u għalhekk għandu jiġi promoss bl-aħjar mod possibbli; billi l-iżvilupp sħiħ tad-dritt ta' petizzjoni huwa relatat mal-ħtieġa li l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jaslu għar-riżoluzzjoni fil-pront u effettiva tal-kwistjonijiet li tqajmu mill-petizzjonanti, li jiżgura l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

I.  billi l-Parlament ilu fuq quddiem nett tal-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fuq livell internazzjonali u għad għandu l-aktar proċess tal-petizzjonijiet miftuħ u trasparenti fl-Ewropa, li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tiegħu;

J.  billi l-parteċipazzjoni attiva hija possibbli biss dment li jkun hemm proċess demokratiku u trasparenti li jippermetti lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jrendu xogħolhom sinifikanti u aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi dan jirrikjedi għan ta' titjib kontinwu fl-interazzjoni mal-petizzjonanti, li jinżamm rekord u li jittieħed vantaġġ, fost aspetti oħra, mill-implimentazzjoni ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, kif ukoll ma' ċittadini u residenti kkonċernati oħra, bħal sostenituri ta' petizzjonijiet permezz tal-portal tal-internet għall-Petizzjonijiet;

K.  billi l-petizzjonijiet huma għodda utli għall-identifikazzjoni ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll nuqqasijiet, inkonsistenzi u lakuni possibbli f'dan id-dritt, f'dak li jirrigwardja l-iżgurar tal-ogħla standards ta' ġustizzja soċjali u protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha; billi l-petizzjonijiet jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-impatt attwali tal-implimentazzjoni mhux xierqa tiegħu fuq iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE; billi huma jistgħu jipprovdu wkoll għarfien dwar in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet regolatorji fl-oqsma ta' attività fejn l-UE tista' tilleġiżla;

L.  billi l-petizzjonijiet jirrappreżentaw garanzija żejda għaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE meta mqabbla mal-ilmenti magħmula direttament lill-Kummissjoni, peress li jinvolvu lill-Parlament fil-proċess u jippermettu li jsir skrutinju aħjar tal-prestazzjoni tal-obbligi ta' inkjesta tiegħu mill-Kummissjoni, kif ukoll jipprovdu dibattiti trasparenti dwar il-kwistjoni, bil-preżenza tal-petizzjonanti, tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, kif ukoll ta' kwalunkwe awtorità kkonċernata oħra fejn xieraq;

M.  billi l-petizzjonijiet spiss jipprovdu informazzjoni utli f'diversi oqsma ta' politika tal-UE lil kumitati parlamentari oħra, anke b'rabta mal-attivitajiet leġiżlattivi tagħhom; billi, bi skambju għal dan, huwa mistenni li l-kumitati responsabbli għas-suġġetti li jappartjenu għal petizzjoni jipprovdu l-għarfien espert tagħhom, bil-għan ta' trattament xieraq tal-petizzjoni li jippermetti rispons sinifikanti għaliha mill-Parlament innifsu; billi hija r-responsabbiltà tal-Parlament kollu kemm hu li jwettaq id-dritt ta' petizzjoni fundamentali permezz ta' trattament adegwat ta' petizzjonijiet;

N.  billi kull petizzjoni għandha tiġi vvalutata u ttrattata b'attenzjoni; billi l-petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi informazzjoni dwar id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà li tkun ittieħdet mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u li l-kwistjoni tiegħu tiġi indirizzata bis-sħiħ, it-tnejn f'perjodu ta' żmien raġonevoli;

O.  billi għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet jiġu diskussi pubblikament f'laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom, u spiss jipparteċipaw bis-sħiħ fid-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat; billi fl-2017, 248 petizzjoni ġew diskussi fil-laqgħat tal-kumitat b'208 petizzjonant preżenti, filwaqt li 59 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi tkellmu wkoll;

P.  billi l-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadini u mir-residenti fil-petizzjonijiet u waqt il-laqgħat tal-kumitat – ikkomplementata mill-għarfien espert ipprovdut mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u korpi oħra – hija determinanti għax-xogħol tal-kumitat; billi sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni soċjoekonomika, il-petizzjonanti li l-petizzjoni tagħhom għandu jsir dibattitu dwarha f'laqgħa tal-kumitat pubbliku u li huma lesti li jipparteċipaw fid-diskussjoni, għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-kostijiet relatati, taħt limiti raġonevoli;

Q.  billi s-suġġetti ewlenin ta' tħassib li tqajmu fil-petizzjonijiet fl-2017 kellhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ambjentali (l-aktar kwistjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-ilma u tal-iskart, u l-preservazzjoni), id-drittijiet fundamentali (l-aktar id-drittijiet tal-vot u d-drittijiet tat-tfal), il-kwistjoni ta' trabi misruqa, il-moviment liberu tal-persuni, l-affarijiet soċjali (il-kundizzjonijiet tax-xogħol), diversi forom ta' diskriminazzjoni, u l-immigrazzjoni, minbarra bosta oqsma oħra ta' attività;

R.  billi r-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament għandha twassal għal proċedura mtejba tal-petizzjonijiet u billi r-regoli rilevanti għandhom jippermettu l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità ta' stħarriġ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-problemi li tqajmu miċ-ċittadini għall-finijiet tal-protezzjoni sħiħa u tal-iżvilupp tad-dritt tal-petizzjoni;

S.  billi fl-2017, 69.1 % tal-petizzjonijiet riċevuti (878 petizzjoni) ġew sottomessi permezz tal-portal tal-internet għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, meta mqabbla ma' 68 % (1 067 petizzjoni) fl-2016; billi l-predominanza ta' dan il-format u ż-żieda mistennija tiegħu maż-żmien jistgħu jippermettu trattament inizjali aktar rapidu ta' dawn il-petizzjonijiet;

T.  billi s-sommarji tal-petizzjonijiet issa jistgħu jittellgħu fuq il-Portal qabel – madwar ġimgħa wara li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun iddeċieda dwar l-ammissibbiltà; billi t-tlugħ awtomatiku tal-aġendi u tal-minuti tal-laqgħat u tat-tweġibiet tal-Kummissjoni relatati mal-petizzjonijiet ġie introdott fi tmiem l-2017, li għamel dawn id-dokumenti disponibbli pubblikament u żied it-trasparenza tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi dawn il-karatteristiċi kollha jirriflettu l-impenn tal-Parlament lejn l-għan li jipprovdi esperjenza aktar interattiva u komunikazzjoni f'ħin reali mal-petizzjonanti; billi l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) u l-karatteristiċi tal-istqarrija ta' privatezza ġew riveduti biex jirriflettu t-tibdil fid-dispożizzjonijiet tal-kunfidenzjalità tar-Regoli ta' Proċedura; billi kien hemm ukoll titjib tekniku, inkluż titjib ulterjuri fil-funzjoni ta' tiftix u l-introduzzjoni ta' paġna "aqra l-ewwel" qabel ma tkun tista' tiġi sottomessa petizzjoni, li jkun fiha informazzjoni u pariri għall-petizzjonanti; billi għadd kbir ta' talbiet individwali għall-appoġġ ġew ittrattati b'suċċess;

U.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqis li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tikkostitwixxi strument importanti ta' demokrazija diretta u parteċipattiva, li, jekk tittieħed bis-serjetà, għandha tippermetti liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom b'mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej;

V.  billi fl-2017 saru erba' żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni, li twettqu skont l-Artikolu 216a tar-Regoli ta' Proċedura: waħda fl-Iżvezja dwar id-diffikultajiet li ffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE biex jiksbu n-numru ta' identifikazzjoni meħtieġ biex jaċċessaw ħafna mis-servizzi li kellhom bżonn meta kienu qed jiċċaqilqu lejn l-Iżvezja temporanjament; waħda fi Spanja dwar petizzjonijiet li jindirizzaw allegazzjonijiet li jikkonċernaw it-trabi tat-twelid misruqa mill-isptarijiet waqt u wara d-dittatorjat ta' Franco; waħda f'Taranto (l-Italja) dwar l-impatt ta' impjant lokali tal-azzar u raffinerija fuq l-ambjent u kif kienu qed jikkawżaw tniġġis tal-arja, tal-art u tal-ilma; u waħda f'Larnaca (Ċipru) dwar l-impatt ambjentali u fuq is-saħħa ta' port industrijali li kien għadu kif inbena ġdid fil-belt;

W.  billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea; billi l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2016 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-30 ta' Mejju 2017, u r-rapport annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, min-naħa tiegħu, huwa bbażat parzjalment fuq ir-rapport annwali tal-Ombudsman, jew is-sottomissjoni ta' Rapporti Speċjali lill-Parlament, fejn l-aħħar wieħed kien dwar it-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill;

X.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-Unjoni, u li jaqsam magħhom l-aħjar prattiki;

1.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala pont bejn iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej, li permezz tiegħu ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jistgħu jwissu lill-Parlament dwar każijiet ta' applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni u jiġbdu l-attenzjoni tar-rappreżentanti eletti tagħhom dwar il-preokkupazzjonijiet u l-ideat tagħhom b'mod formali, u b'hekk, it-talbiet tal-petizzjonanti jkunu jistgħu jiġu eżaminati u riżolti mingħajr dewmien meta jkun possibbli; jenfasizza li l-mod li bih jiġu indirizzati l-problemi identifikati fil-petizzjonijiet għandu impatt kruċjali fuq iċ-ċittadini fir-rigward tar-rispett għad-dritt tal-petizzjoni stabbilit mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-opinjoni tagħhom fil-konfront tal-Istituzzjonijiet Ewropej; ifakkar lill-Kummissjoni li l-petizzjonijiet joffru mezz uniku biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni mhuwiex irrispettat u biex tali sitwazzjonijiet jiġu investigati permezz ta' skrutinju politiku tal-Parlament Ewropew;

2.  Jinnota li l-petizzjonijiet jikkostitwixxu kemm opportunità kif ukoll sfida għall-Parlament u għal istituzzjonijiet oħra tal-UE, ladarba dawn jippermettu l-istabbiliment ta' djalogu dirett ma' ċittadini u residenti tal-UE, b'mod partikolari jekk huma jkunu affettwati mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jfittxu mekkaniżmu ta' rimedju effettiv u effiċjenti; jenfasizza li l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom kollha fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom biex jaslu għal soluzzjonijiet fil-pront u effettivi tal-kwistjonijiet mqajma mill-petizzjonanti;

3.  Jenfasizza l-importanza li titqajjem sensibilizzazzjoni permezz ta' dibattitu pubbliku kontinwu u informazzjoni aktar ġenerali dwar il-kompetenzi attwali tal-UE, il-funzjonament tagħha u l-ħtieġa tagħha għal titjib futur, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u r-residenti jkunu informati tajjeb dwar il-livelli li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet, sabiex huma jkunu jistgħu jiġu involuti wkoll fid-diskussjonijiet dwar riformi possibbli u biex jiġi prevenut il-fenomenu "tort ta' Brussell" użat minn xi Stati Membri irresponsabbli; iqis li dibattitu pubbliku usa' dwar l-UE, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni aħjar u r-rapportar tal-midja rigoruż inaqqas l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli, peress li ċ-ċittadini u r-residenti jkunu aktar konxji tal-kompetenzi tal-UE; jinnota li s-suġġett ta' petizzjoni inammissibbli jista' jkollu rwol fit-tfassil tal-politika avolja jkun jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Kumitat;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri fl-iżgurar tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE maħsuba biex jinkisbu l-ogħla standards ta' ġustizzja soċjali u protezzjoni sħiħa u effettiva tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali taċ-ċittadini kollha; jissottolinja l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar attiva mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-kumitat kif ukoll il-ħtieġa ta' segwitu aktar malajr għat-talbiet li jintbagħtu mill-kumitat; jitlob għalhekk impenn b'saħħtu mill-awtoritajiet kollha involuti fil-livelli nazzjonali u Ewropej fit-trattament u fis-soluzzjoni tal-petizzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità; jinnota għal darb'oħra li għadd kbir ta' petizzjonijiet irċevew tweġibiet superfiċjali mill-Kummissjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża kif xieraq is-setgħat tagħha li jirriżultaw mir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, billi dan ir-rwol huwa importanti ħafna għall-funzjonament tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini u tal-leġiżlaturi Ewropej; jitlob trattament f'waqtu tal-proċeduri ta' ksur sabiex jiġu fi tmiemhom mingħajr dewmien is-sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni mhuwiex irrispettat;

6.  Itenni li l-kooperazzjoni ma' kumitati parlamentari oħra hija essenzjali għal trattament komprensiv tal-petizzjonijiet; jinnota li fl-2017, intbagħtu 18-il petizzjoni lil kumitati parlamentari oħra għal opinjoni u 357 għal informazzjoni; jilqa' l-fatt li l-kumitati parlamentari laqgħu 21 opinjoni dwar petizzjonijiet; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' djalogu bejn id-diversi kumitati parlamentari sabiex tingħata attenzjoni xierqa lill-problemi mqajma minn ċittadini tal-UE;

7.  Jindika l-varar tan-netwerk għall-petizzjonijiet fil-21 ta' Marzu 2017, li għalih attendew membri mill-kumitati parlamentari kollha, u li fih ġew ippreżentati l-linji gwida tan-netwerk u ġew deskritti fil-qosor l-għan tiegħu u r-rwol tal-membri tiegħu; jinsab konvint li, jekk jittieħed b'mod serju, in-netwerk għall-petizzjonijiet huwa għodda utli għal segwitu aħjar tal-petizzjonijiet fix-xogħol parlamentari u leġiżlattiv; jenfasizza l-importanza tan-netwerk fis-sensibilizzazzjoni fost il-membri dwar il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini sottomessi lill-Parlament permezz ta' petizzjoni, u fid-diskussjoni ta' titjib proċedurali possibbli u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jenfasizza li kuntatt aktar mill-qrib bejn il-kumitati jista' jtejjeb l-effiċjenza fl-ippjanar ta' seduti ta' smigħ u studji parlamentari dwar suġġetti simili; jistenna b'interess il-pubblikazzjoni tal-istudju mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament dwar il-funzjonament attwali tal-kooperazzjoni tal-kumitati differenti mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jissottolinja l-fatt li kooperazzjoni msaħħa mal-kumitati parlamentari dwar kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonanti għandha tippermetti lill-Parlament jipprovdi segwitu aħjar u individwalizzat għall-petizzjonijiet u jwieġeb b'mod ħafna aktar malajr, konkret u effiċjenti għall-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini, filwaqt li jagħti valur miżjud lill-ħajja taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, u lill-attivitajiet tal-Parlament u tal-Ewropa kollha kemm hi;

8.  Jissottolinja l-kontribuzzjonijiet importanti tal-petizzjonijiet sottomessi qabel in-negozjati tal-Brexit miċ-ċittadini u r-residenti kkonċernati; jindika s-seduta ta' smigħ pubbliku konġunta li saret fil-11 ta' Mejju 2017 mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u tar-residenti wara l-Brexit, bil-għan li jiġi żgurat li dawn id-drittijiet isiru waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Parlament fin-negozjati tal-Brexit;

9.  Iqis li, sabiex tiġi żgurata konsistenza sħiħa bejn it-trattament ta' petizzjonijiet differenti, Kumitat għall-Petizzjonijiet,is-Segretarjat tiegħu għandu jiġi allokat aktar riżorsi; jissottolinja l-fatt li l-linji gwida tal-Kumitat, adottati f'Jannar 2016, jagħmlu t-trattament tal-petizzjonijiet u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u ċar;

10.  Ifakkar li l-petizzjonijiet huma eżaminati f'konformità mal-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li kwalunkwe ċittadin tal-UE u kull persuna fiżika jew ġuridika li hija residenti jew għandha uffiċċju reġistrat fi Stat Membru jistgħu jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attivitàjiet tal-Unjoni Ewropea; ifakkar li l-proċedura għat-trattament tal-petizzjonijiet hija stabbilita fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

11.  Jinnota li r-rifjut tal-investigazzjoni tal-ilmenti taċ-ċittadini, inklużi każijiet individwali, bir-reqqa u fil-pront f'konformità mal-approċċ tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal-2016 intitolata "Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea: Riżultati Aħjar permezz ta' Applikazzjoni Aħjar"(1) jista' jipprevjeni fehim rapidu ta' nuqqasijiet sistemiċi serji possibbli, u b'hekk iwettaq ksur tad-drittijiet multipli a skapitu ta' għadd kbir ta' ċittadini, billi jħalli essenzjalment f'idejn il-qrati nazzjonali l-parti l-kbira tar-responsabbiltà li jiġi monitorjat ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE ħlief fi ksur sistemiku; isib wisq ambigwità fl-interpretazzjoni ta' dan il-kunċett u jqis tali approċċ fi ħdan il-qasam tal-leġiżlazzjoni ambjentali bħala partikolarment ta' ħsara; iqis dan l-approċċ bħala rigressjoni mill-approċċ preċedenti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u inibizzjoni ġenerali mill-obbligi tagħha ta' gwardjan tat-Trattati;

12.  Juri kif il-kunsiderazzjoni tal-petizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji żvelat li, f'ċerti Stati Membri, għadd kbir ta' ħaddiema huma l-vittmi ta' prattiki inammissibbli u diskriminatorji, li jirrifletti nuqqas ta' mekkaniżmi preventivi u sanzjonijiet effettivi f'għadd ta' każijiet,; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni akkumulat xogħol b'lura sostanzjali ta' każijiet relatati ma' ksur tad-dritt tal-UE dwar ix-xogħol minn ċerti Stati Membri, li għaldaqstant ippermetta li l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema jkompli għaddej għal snin;

13.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fuq bażi sistematika dwar proċeduri pilota u ta' ksur kontinwi tal-UE relatati ma' petizzjonijiet u għal aċċess għad-dokumenti skambjati matul il-proċeduri ladarba dawn ingħalqu f'applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), b'mod speċjali meta jinfetħu kompletament jew parzjalment abbażi ta' petizzjonijiet; jilqa' l-pjattaforma ċentralizzata maħluqa mill-Kummissjoni fl-2014 li fuqha jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet dwar ksur;

14.  Jistenna li l-Kummissjoni tkun dejjem irrappreżentata kif xieraq waqt id-dibattiti pubbliċi fi ħdan il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, jiġifieri minn uffiċjali tal-ogħla karigi li jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali u jwieġbu għat-talbiet tal-petizzjonanti u tal-Membri tal-Parlament Ewropew, lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tat-tweġiba bil-miktub ipprovduta preċedentement jekk ikun meħtieġ;

15.  Jilqa' t-tendenza dejjem tikber tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jqajjem kwistjonijiet fil-plenarja, permezz ta' mistoqsijiet orali, riżoluzzjonijiet jew mozzjonijiet qosra għal riżoluzzjonijiet skont l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjonijiet tiegħu li ġew adottati wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2016(2), ir-Rapport Annwali dwar ix-xogħol tal-Ombudsman Ewropew fl-2016(3) u r-rapport ta' Ċittadinanza tal-UE tal-2017(4); jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-suq intern(5);

16.  Jinnota s-seduti ta' smigħ dwar suġġetti multipli u diversi organizzati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul l-2017, waħdu jew f'kooperazzjoni ma' kumitati oħra, jiġifieri dwar "Fighting against discrimination and protecting minorities" (Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi) tal-4 ta' Mejju, dwar "The situation and rights of EU Citizens in the UK" (Is-sitwazzjoni u d-drittijiet taċ-Ċittadini tal-UE fir-Renju Unit) wara l-Brexit, tal-11 ta' Mejju flimkien mal-kumitati LIBE u EMPL, dwar "Restoring citizens' confidence and trust in the European Project" (Nerġgħu nirbħu l-kunfidenza u l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew) tat-22 ta' Ġunju, dwar "Statelessness" (L-Apolidija) tad-29 ta' Ġunju flimkien mal-kumitat LIBE, dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Ban glyphosate and protect people and the environment from toxic pesticides" (Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi) tal-20 ta' Novembru, u dwar "Protection of the rights of workers in temporary or precarious employment" (Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema f'impjiegi temporanji jew prekarji) tat-22 ta' Novembru; jilqa' wkoll il-fatt li s-sessjoni ta' ħidma annwali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità saret fit-12 ta' Ottubru 2017;

17.  Jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet esprima l-opinjoni tiegħu dwar diversi kwistjonijiet li tqajmu fil-petizzjonijiet f'diversi kontribuzzjonijiet għar-rapporti parlamentari, bħal dawk dwar l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà(6), dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(7), dwar ir-Regolament ta' Brussell IIa(8), dwar it-Trattat ta' Marrakesh(9), dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE tal-2015(10), dwar l-użu ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli(11), dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(12), dwar ir-Rapport Annwali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE fl-2016(13), u dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini(14);

18.  Jinnota li fl-2017 il-kwistjonijiet ambjentali kienu l-qasam ewlieni ta' tħassib għall-petizzjonanti; jindika r-rapport Nru 468 tal-Ewrobarometru speċjali ppubblikat f'Novembru 2017(15), li wera li l-ambjent huwa wieħed mill-preokkupazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza l-importanza li l-aspettattivi taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE dwar leġiżlazzjoni ambjentali xierqa jiġu ssodisfati, u li jiġu implimentati r-regoli u l-politiki li ġew adottati; jiddispjaċih għall-fatt li r-regoli ambjentali mhux dejjem jiġu implimentati kif xieraq fl-Istati Membri, kif deskritt fil-petizzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, biex flimkien mal-Istati Membri, tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura t-twettiq ta' analiżi preċiża u komprensiva ta' konformità mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-valutazzjonijiet ambjentali mill-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti tal-infrastruttura dwar liema l-petizzjonanti jkunu esprimew tħassib fir-rigward ta' riskji serji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent;

20.  Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-problemi relatati mal-kwalità tal-arja li ġew identifikati minn petizzjonanti f'għadd ta' Stati Membri jiġu aggravati mit-tniġġes minn 43 miljun vettura diżil li naqqsu milli jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip u dwar l-emissjonijiet ta' vetturi għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali ħfief;

21.  Jindika x-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'rabta mal-petizzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet dwar id-diżabilità; jinnota li fl-2017 ġew sottomessi inqas petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' diżabilità; jenfasizza li l-aċċess għat-trasport u l-ambjent mibni u d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari fl-impjiegi, huma fost l-isfidi ewlenin għall-persuni b'diżabilità; jinnota li ngħatat attenzjoni speċjali lid-diskussjonijiet tal-petizzjonijiet dwar il-kwistjonijiet ta' diżabilità, bħalma huma dawk dwar l-appoġġ lill-familjari li jieħdu ħsieb lill-persuni b'diżabilità u dwar ir-ratifika, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni malajr tat-Trattat ta' Marrakesh;

22.  Jenfasizza r-rwol protettiv li għandu l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan il-qafas tal-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jindika sessjoni ta' ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità li saret fil-laqgħa tal-kumitat tat-12 ta' Ottubru 2017, li kienet tinkludi l-preżentazzjoni ta' studju dwar l-edukazzjoni inklużiva; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju fir-rigward ta' dan is-suġġett u jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu qed jimplimentaw b'mod korrett, mingħajr dewmien, il-leġiżlazzjoni adottata f'dan il-qasam;

23.  Jindika r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-suq intern; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tiċċara, taġġorna u tespandi l-gwida tagħha dwar traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE sabiex tinkorpora, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (Kawżi C-456-12 u 457-12); jirrakkomanda l-użu tal-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni tat-Traspożizzjoni (TIPS) għall-finijiet li tiġi żgurata applikazzjoni kompluta u xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw id-Direttiva 2004/38/KE kif ukoll il-ġurisprudenza eżistenti tal-QĠUE dwar il-moviment liberu ta' persuni, billi nuqqas ta' konformità huwa ksur dirett ta' dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni;

24.  Jirrikonoxxi x-xogħol li sar mill-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet tal-Benesseri tat-Tfal tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u jieħu nota tar-rapport finali u tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu adottati fit-3 ta' Mejju 2017; jemmen b'mod qawwi li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jagħtu segwitu konsistenti u effettiv għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-Grupp ta' Ħidma; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Ewropea u biex jippromwovu u jtejbu b'mod effettiv il-kooperazzjoni transfruntiera dwar kwistjonijiet tal-familja, billi jipprovdu taħriġ lill-imħallfin u lill-professjonisti, informazzjoni dwar l-għajnuna legali u avukati li jitkellmu żewġ lingwi;

25.  Itenni l-opinjoni tiegħu li interpretazzjoni wisq ristretta u inkoerenti tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li se jiżguraw applikazzjoni koerenti u estensiva tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51;

26.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet kontra t-telf tad-drittijiet tal-vot u t-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tneħħija tad-drittijiet għall-vot tar-residenti fit-tul; jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jagħmel l-ebda referenza għad-drittijiet politiċi taċ-ċittadini;

27.  Jenfasizza li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha tkun kemm trasparenti kif ukoll effettiva sabiex isservi bħala strument importanti għal ċittadinanza u parteċipazzjoni pubblika attiva; jiddispjaċih li dan ma kienx il-każ fil-passat u li ma nkiseb l-ebda riżultat leġiżlattiv tanġibbli ta' inizjattivi ta' suċċess preċedenti; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(16), ippubblikata fit-13 ta' Settembru 2017; jenfasizza l-inizjattiva taċ-ċittadini ta' suċċess l-aktar reċenti li tressqet, bit-titolu "Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi"; jindika s-seduta ta' smigħ pubbliku dwar din l-inizjattiva fil-Parlament fl-20 ta' Novembru 2017; jistenna reazzjoni konsegwenti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tagħha; jikkonferma l-impenn tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jipparteċipa b'mod proattiv fl-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ pubbliċi għal inizjattivi ta' suċċess; Jimpenja ruħu li jagħti prijorità, fil-livell istituzzjonali, lill-effettività ta' dan il-proċess ta' parteċipazzjoni u li jiżgura segwitu leġiżlattiv xieraq;

28.  Jenfasizza li, b'rabta mas-seduta ta' smigħ pubbliku dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bit-titolu "Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi" u fil-konsiderazzjoni tal-petizzjonijiet dwar l-istess suġġett, irriżulta li l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni tal-UE għal sustanzi bħal glifosat, organiżmi ġenetikament modifikati u pestiċidi huma kompromessi minħabba nuqqas ta' indipendenza, trasparenza insuffiċjenti u ineżattezzi rigward il-ġbir u l-evalwazzjoni ta' evidenza xjentifika;

29.  Juri l-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali; jiġbed l-attenzjoni għall-istudju "Animal Welfare in the European Union" (Il-Benessri tal-Annimali fl-Unjoni Ewropea) u l-preżentazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-kumitat tat-23 ta' Marzu 2017, segwita minn diskussjoni ta' għadd ta' petizzjonijiet dwar din il-kwistjoni; iqis li huwa vitali li tiġi varata strateġija ġdida tal-UE biex jiġu eliminati d-disparitajiet eżistenti kollha, tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni u tiġi żgurata protezzjoni sħiħa u effettiva tal-benessri tal-annimali, inkluż it-trasport tal-annimali, permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u komprensiv li jissodisfa għalkollox ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE;

30.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li jipprovdi mezz biex iċ-ċittadini u l-intrapriżi jindirizzaw it-tħassib tagħhom dwar ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra; jistieden lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri, jippromwovu s-SOLVIT sabiex dan isir aktar utli u viżibbli għaċ-ċittadini; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pjan ta' Azzjoni biex in-netwerk SOLVIT, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Mejju 2017, jissaħħaħ; jistieden lill-Kummissjoni sabiex jirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni;

31.  Jissottolinja l-importanza li l-portal għall-Petizzjonijiet jibqa' jiġi żviluppat u l-ħtieġa li dan isir bieb ta' komunikazzjoni bidirezzjonali u strument interattiv faċilment aċċessibbli, li permezz tiegħu ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni fundamentali kollha li għandha x'taqsam mal-petizzjonijiet u mat-trattament tagħhom, jikkomunikaw bejniethom u joħolqu komunitajiet tematiċi għall-iskambju ta' dokumenti u prattiki tajbin; jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fil-mod li bih jiġu pproċessati l-petizzjonijiet; jenfasizza li l-portal iservi wkoll il-funzjoni ta' reġistru pubbliku ta' petizzjonijiet; itenni li trid tissaħħaħ il-kapaċità teknika tal-Portal sabiex jinkiseb proċess tal-petizzjoni bla xkiel; jenfasizza l-ħtieġa li l-komunikazzjoni mal-petizzjonanti tittejjeb billi jintbagħtulhom notifiki dwar il-progress tal-petizzjoni tagħhom bil-lingwa tagħhom stess; iqis li s-sostenituri li jkunu approvaw jew esprimew l-interess tagħhom f'petizzjoni huma intitolati li jirċievu l-istess feedback u informazzjoni bħall-petizzjonanti, b'mod partikolari fir-rigward ta' dibattiti fil-Parlament jew tweġibiet mill-Kummissjoni; itenni l-importanza li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat li l-petizzjonanti jkunu preżenti meta l-petizzjonijiet tagħhom jiġu diskussi fil-kumitat;

32.  Jitlob servizz tal-istampa u tal-komunikazzjoni aktar iffukat u aktar attiv u preżenza tal-midja soċjali aktar attiva, li jagħmlu x-xogħol tal-Kumitat aktar sensittiv għall-preokkupazzjonijiet tal-pubbliku;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom, lill-ombudsmen nazzjonali jew lill-entitajiet simili kompetenti.

(1) ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.
(2) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 105.
(3) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 77.
(4) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 11.
(5) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 98.
(6) Opinjoni adottata fl-24 ta' Jannar 2017.
(7) Opinjoni adottata fl-24 ta' Jannar 2017.
(8) Opinjoni adottata fil-25 ta' April 2017.
(9) Opinjoni adottata fl-24 ta' Jannar 2017.
(10) Opinjoni adottata fit-22 ta' Marzu 2017.
(11) Opinjoni adottata fis-7 ta' Settembru 2017.
(12) Opinjoni adottata fis-7 ta' Settembru 2017.
(13) Opinjoni adottata fit-22 ta' Novembru 2017.
(14) Opinjoni adottata fis-7 ta' Settembru 2017.
(15) Ir-rapport Nru 468 tal-Ewrobarometru speċjali: L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent, Novembru 2017: http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/SPECIAL/surveyKy/2156
(16) ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza