Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu
Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Oleg Sentsov
 Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab
 Is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal
 L-Ostakli Strutturali u Finanzjarji fl-aċċess għall-kultura
 Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet ***I
 L-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq ***I
 Oġġezzjoni għal att delegat: Miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana
 Territorji okkupati Georgjani 10 snin wara l-invażjoni Russa
 In-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija ġdid UE-AKP
 Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016

Ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Oleg Sentsov
PDF 283kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov (2018/2754(RSP))
P8_TA(2018)0259RC-B8-0288/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri politiċi Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Mejju 2018 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-każijiet ta' diversi detenuti fil-Krimea u f'Sevastopol, illegalment annessi, jew oriġinarji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet dwar ir-Russja fil-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-Digriet tad-19 ta' April 2017 tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar it-talba għall-indikazzjoni ta' miżuri provviżorji mressqa mill-Ukrajna fil-kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (l-Ukrajna vs il-Federazzjoni Russa),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti u li l-Federazzjoni Russa hija parti fihom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi Żmien ta' Gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġista Ukren Oleg Sentsov, li oppona l-annessjoni illegali tal-Peniżola tal-Krimea mir-Russja, f'Mejju 2014 ġie arrestat b'rabta ma' attivitajiet li allegatament wettaq fil-Krimea; billi hu ġie trattat bħala ċittadin Russu minkejja l-fatt li għandu ċittadinanza Ukrena;

B.  billi fil-każ ta' Oleg Sentsov kien hemm allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament sever biex tinkiseb xhieda illegali li sussegwentement ingħatat valur ġuridiku;

C.  billi fil-25 ta' Awwissu 2015 Oleg Sentsov ġie kkundannat minn qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha mhijiex rikonoxxuta mill-UE, bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards elementari tal-ġustizzja;

D.  billi Oleg Sentsov, li bħalissa qed jiskonta s-sentenza f'ħabs f'Labytnangi, Yamalo-Nenets, li jinsab fit-tramuntana l-aktar imbiegħda tar-Russja, fl-14 ta' Mejju 2018 ħabbar strajk tal-ġuħ indefinit;

E.  billi f'dawn l-aħħar snin l-għadd ta' priġunieri politiċi fir-Russja żdied b'mod sinifikanti; billi ċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", li ngħata l-Premju Sakharov fl-2009, fid-29 ta' Mejju 2018 ippubblika lista bl-ismijiet ta' 158 priġunier politiku;

F.  billi Oyub Titiev, id-direttur tal-uffiċċju Ċeċen fiċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", ġie arrestat mill-pulizija lokali fid-9 ta' Jannar 2018 u akkużat b'pussess ta' droga; billi s-Sur Titiev ċaħad dawn l-akkużi filwaqt li diversi NGOs u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem skreditawhom bħala vvintati;

G.  billi l-arrest ta' Oyub Titiev jagħmel parti minn xejra inkwetanti li qed twassal biex ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu arrestati, attakkati, intimidati u skreditat;

H.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea, ħabbtu wiċċhom ma' theddid, intimidazzjoni u arresti;

I.  billi, f'diversi każijiet, saru rapporti ta' użu tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili u degradanti; billi, sal-lum, dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx investigati b'mod xieraq; billi t-tortura ntużat biex jinkisbu stqarrijiet u evidenza falza ta' ħtija;

J.  billi ħafna priġunieri u detenuti ffaċċjaw kundizzjonijiet ħorox u inumani fil-ħabsijiet, b'mod li kkawżalhom dannu fiżiku u riskji psikoloġiċi għal saħħithom; billi hemm priġunieri li jeħtieġu attenzjoni u trattament mediku urġenti;

K.  billi l-leġiżlazzjoni restrittiva Russa li tirregola d-drittijiet politiċi u ċivili ġiet estiża għall-Krimea temporanjament okkupata, bil-konsegwenza li l-libertajiet ta' għaqda, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' aċċess għall-informazzjoni u ta' reliġjon sfaw limitati b'mod drastiku, kif ukoll saru rapporti kredibbli ta' intimidazzjoni, għajbien furzat u tortura;

L.  billi l-arresti arbitrarji, l-għajbien furzat, iċ-ċensura u l-projbizzjoni ta' laqgħat paċifiċi saru realtà ta' kuljum fil-Krimea; billi diversi Tatari tal-Krimea ġew arrestati, qed jiġu investigati jew qed jitressqu l-qorti; billi l-avukati mill-Krimea li jipprovdu assistenza legali lill-persuni arrestati, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappurtaw każijiet ta' għajbien furzat politikament motivat fil-Krimea, kif ukoll lill-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tat-Tatari tal-Krimea, ukoll sfaw fil-mira;

M.  billi l-awtoritajiet li qed jokkupaw il-Krimea sistematikament u deliberatament ikkontrollaw il-libertà tal-kelma fil-Krimea, keċċew lill-midja indipendenti u ħolqu ostakli għall-ħidma ta' ġurnalisti professjonali; billi fit-22 ta' Marzu 2018, ċittadin ġurnalist u attivist Tataru tal-Krimea, Nariman Memedeminov, li kopra l-irregolaritajiet li saru mill-awtoritajiet li qed jokkupaw il-Krimea, inżamm mill-forzi tas-sigurtà Russi u ġie arrestat fuq akkużi infondati; billi fil-21 ta' Mejju 2018, il-forzi tas-sigurtà Russi żammew ċittadin-ġurnalist ieħor, Server Mustafaiev, wara tfittxija fid-dar tiegħu fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod partikolari għal raġunijiet reliġjużi;

N.  billi r-Russja tilfet għadd sostanzjali ta' kawżi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u naqset milli timplimenta s-sentenzi mogħtija;

O.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi f'dawn l-aħħar snin, hemm tħassib serju rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien espert addizzjonali biex tgħin lir-Russja timmodernizza u ssegwi l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

P.  billi skont il-ligi Russa dwar "l-aġenti barranin", l-NGOs li jirċievu fondi barranin u li huma impenjati f'xi "attività politika" jridu japplikaw biex ikunu inklużi f'lista speċjali tal-gvern ta' aġenti barranin soġġetti għal skrutinju addizzjonali u mill-qrib min-naħa tal-gvern, u huma mitluba jiddikjaraw fil-pubblikazzjonijiet, fl-istqarrijiet għall-istampa u fir-rapporti kollha tagħhom li dawn kienu magħmula minn aġent barrani;

Q.  billi, b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida mnedija mir-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE adottat sensiela gradwali ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja;

1.  Jitlob li l-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih u bla kundizzjonijiet lil Oleg Sentsov u lil ċittadini Ukreni oħra miżmuma illegalment fir-Russja u fil-peniżola tal-Krimea; ifakkar li attwalment hemm total ta' aktar minn 70 priġunier politiku Ukren(2) fir-Russja u fil-Krimea okkupata;

2.  Jitlob il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' Oyub Titiev, Direttur taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial" fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, kif ukoll tal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fil-Federazzjoni Russa;

3.  Jitlob li l-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-intimidazzjoni u l-fastidju fil-konfront taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", tal-persunal tiegħu u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jippermettulhom iwettqu l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jissottolinja l-fatt li t-trattament tal-priġunieri kollha jrid jissodisfa l-istandards internazzjonali u li d-detenuti kollha għandu jkollhom aċċess għall-assistenza legali, għall-familji tagħhom, għar-rappreżentanti diplomatiċi tagħhom u għal trattament mediku; jenfasizza li l-awtoritajiet Russi u l-persunal ġudizzjarju għandhom responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni miżmuma, speċjalment fil-Krimea, bi qbil mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;

5.  Ifakkar lir-Russja fl-importanza li tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u l-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6.  Jenfasizza li l-libertà ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi ggarantita mill-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja hi firmatarja tagħha, u allura l-awtoritajiet Russi huma obbligati jirrispettaw din il-libertà;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi fil-livelli kollha jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala pilastri tad-demokrazija u gwardjani tal-istat tad-dritt, u jikkundannaw pubblikament l-attakki kollha kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fir-Repubblika Ċeċena;

8.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mar-reġista, attivista u priġunier politiku Oleg Sentsov, li fl-14 ta' Mejju 2018 beda strajk tal-ġuħ biex jagħmel pressjoni favur il-ħelsien tal-kompatrijotti li qed jinżammu illegalment, u jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-istrajk tal-ġuħ fuq saħħtu; ifakkar li Sentsov, li ġie arrestat fil-Krimea ftit wara li r-Russja ħadet il-kontroll tal-peniżola tal-Baħar l-Iswed fl-2014 u mbagħad ġie kkundannat abbażi ta' xhieda mogħtija taħt tortura, issa qed jiskonta sentenza ta' 20 sena ħabs fuq diversi akkużi ta' terroriżmu f'ħabs ta' sigurtà kbira fir-reġjun ta' Yamalo-Nenets fit-Tramuntana estrema tar-Russja;

9.  Jiddeplora l-fatt li raġel ieħor li nstab ħati f'dan il-każ, Oleksandr Kolchenko, ġie kkundannat għal għaxar snin ħabs;

10.  Jinnota li ċittadin Ukren ieħor li qed jinżamm illegalment, Volodymyr Balukh, ilu fuq strajk tal-ġuħ mid-19 ta' Marzu 2018;

11.  Jistieden lis-servizzi mediċi u l-awtoritajiet Russi responsabbli jagħtu attenzjoni medika adegwata lil dawn l-individwi arrestati u jirrispettaw l-etika medika, inkluż billi ma jimponux għalf sfurzat jew kwalunkwe trattament mhux mixtieq li jista' jammonta għal tortura u forom oħra ta' maltrattament;

12.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li ħafna priġunieri politiċi Ukreni, fosthom Mykola Karpiyuk, Volodymyr Prysych, Oleksiy Chirniy u Yevhen Panov, ġew ittorturati serjament;

13.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ix-xejra inkwetanti li qed twassal biex ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fir-Russja, partikolarment fiċ-Ċeċenja, jiġu arrestati, attakkati, intimidati u skreditati; jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili u ta' organizzazzjonijiet bħal Memorial, u l-messaġġ li l-attivisti tas-soċjetà ċivili kullimkien jeħtieġ ikunu liberi li jeżerċitaw l-aktar drittijiet bażiċi tagħhom ta' libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u Russi jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali u jiddefendu l-istat tad-dritt;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jsiru, u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri legali u miżuri oħrajn biex, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, tiġi evitata u sorveljata din il-vjolenza u jitressaq quddiem il-ġustizzja min iwettaqha; jissottolinja l-fatt li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu quddiem il-ġustizzja lil min iwettaqhom u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn kwalunkwe abbuż illegali;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f'Mejju 2018, l-awtoritajiet Russi fil-Krimea okkupata arrestaw bosta Tatari tal-Krimea, fosthom Sever Mustafayev, Edem Smailov u familjari tal-priġunier politiku Nuri Primov;

16.  Jikkundanna l-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja fil-Krimea okkupata, li jinkludi l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Russa, il-militarizzazzjoni qawwija tal-peniżola tal-Krimea – li jhedded is-sigurtà reġjonali – u l-ksur massiċċ u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-konfront tal-Ukreni etniċi u t-Tatari tal-Krimea;

17.  Jilqa' l-ħelsien tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, li f'Settembru 2017 ingħataw sentenza ta' ħabs mill-qrati Russi fit-territorju Ukren tal-Krimea okkupat temporanjament, u li fil-25 ta' Ottubru 2017 tħallew iħallu l-peniżola mill-awtoritajiet Russi; jesprimi l-gratitudni tiegħu lil dawk kollha li ħadmu biex jinħelsu, fosthom l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Russi bħal Memorial;

18.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li fil-kapaċità de facto tagħhom bħala potenza okkupanti li teżerċita l-kontroll effettiv fuq il-Krimea, għandhom ir-responsabbiltà sħiħa li jaraw li ċ-ċittadini tal-Krimea jkunu mħarsa minn miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji u, bl-istess mod, huma obbligati mid-dritt umanitarju internazzjonali li jiżġuraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola;

19.  Jenfasizza li l-qrati Russi, sew militari u sew ċivili, mhumiex kompetenti biex jiġġudikaw atti mwettqa barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tar-Russja, u jirrimarka li l-proċedimenti ġudizzjarji f'każijiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu leġittimi;

20.  Itenni t-tħassib serju tiegħu b'rabta mal-liġi dwar "l-aġenti barranin" u l-mod li bih qed tiġi implimentata; iqis li d-definizzjoni ta' "attività politika" mwettqa mill-NGOs li jaċċettaw finanzjament barrani tant hi wiesgħa li tippermetti, fil-prattika, kontroll min-naħa tal-gvern fuq kważi kull attività organizzata b'rabta mal-ħajja pubblika;

21.  Iħeġġeġ lir-Russja tiżgura aċċess inkondizzjonat u bla xkiel lill-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-missjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali; jistieden lil organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa josservaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea aktar mill-qrib u jieħdu miżuri adegwati;

22.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iħares b'attenzjoni kontinwa lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u fiż-żoni tal-Lvant tal-Ukrajna li mhumiex ikkontrollati mill-gvern;

23.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jibqgħu sodi u magħquda fl-impenn tagħhom fir-rigward tas-sanzjonijiet maqbula fil-konfront tar-Russja, itawluhom, u jikkunsidraw miżuri mmirati kontra l-individwi responsabbli miż-żamma u l-proċess ġudizzjarju fil-konfront tal-priġunieri politiċi;

24.  Jissottolinja li huwa importanti li d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Russja u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE jissorveljaw il-proċessi ġudizzjarji tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), ikomplu jsegwu mill-qrib il-każijiet ta' nonkonformità mal-obbligi legali internazzjonali u jqajmu dawn il-kwistjonijiet f'formati u laqgħat differenti mar-Russja;

26.  Itenni l-appell tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżguraw li kull każ ta' persuni mressqa l-qorti għal raġunijiet politiċi jitqajjem fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, meta jerġgħu jibdew, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ, kif ukoll biex jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

27.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li l-Unjoni tfittex kull opportunità biex, fil-limiti imposti mid-dritt domestiku Russu, tkompli tikkollabora mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi – fosthom dawk li jaħdmu għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt – u tappoġġjahom;

28.  Jistieden lill-UE toħroġ dikjarazzjoni li fiha tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u t-tentattiv li jinħeba taħt il-maskra tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0087.
(2) Il-lista mhux eżawrjenti tinkludi lil: Teimur Abdullaiev, Uzeir Abdullaiev, Taliat Abdurakhmanov, Rustem Abiltarov, Zevri Abseitov, Muslim Aliiev, Refat Alimov, Kiazim Ametov, Ernes Ametov, Ali Asanov, Marlen Asanov, Volodymyr Balukh, Ali Bariev, Enver Bekirov, Memet Belialov, Oleksii Bessarabov, Rustem Vaitov, Resul Velilyaev, Valentyn Vygovskii, Pavlo Hryb, Mykola Dadeu, Konstatin Davydenko, Bekir Dehermendzhi, Mustafa Dehermendzhi, Emil Dzhemadenov, Arsen Dzhepparov, Dmitrii Dolgopolov, Volodymyr Dudka, Andriy Zakhtei, Ruslan Zeitullaiev, Server Zekiriaiev, Timur Ibragimov, Rustem Ismailov, Yevgenii Karakashev, Mykola Karpiyuk, Stanislav Klykh, Andriy Kolomiiets, Oleksandr Kolchenko, Oleksandr Kostenko, Emir-Usein Kuku, Hennadii Limeshko, Serhii Litvinov, Enver Mamutov, Nariman Memedeminov, Remzi Memetov, Emil Minasov, Igor Movenko, Seiran Muradosilov, Seiran Mustafaiev, Server Mustafaiev, Yevhen Panov, Nuri Primov, Volodymyr Prysych, Ismail Ramazanov, Fevzi Sagandzhi, Ferat Saifullaiev, Aider Saledinov, Seiran Saliiev, Enver Seitosmanov, Oleg Sentsov, Oleksii Sizonovich, Vadym Siruk, Edem Smailov, Oleksandr Steshenko, Oleksii Stohniy, Renat Suleimanov, Anna Sukhonosova, Roman Sushchenko, Roman Ternovsky, Ruslan Ametov, Asan Chapukh, Oleksii Chirnii, Hlib Shablii, Mykola Shiptur, Dmytro Shtyblikov, Oleksandr Shumkov, Viktor Shur.


Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab
PDF 287kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab (2018/2755(RSP))
P8_TA(2018)0260RC-B8-0281/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja u Ibrahim Sharif(1), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab(2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta' Mohammed Ramadan(3), tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain(4), tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain(5), u tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar is-sentenzjar tas-Segretarju Ġenerali ta' Al-Wefaq is-Sur Ali Salman fil-Bahrain, tal-11 ta' Lulju 2017 dwar is-sentenzjar tas-Sur Nabeel Rajab minn qorti tal-Bahrain u tas-6 ta' Ġunju 2018 dwar is-sentenzjar tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Bahrain is-Sur Nabeel Rajab,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Novembru 2017 tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-grupp ta' ħidma informali tal-UE-Bahrain dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-15 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tal-11 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura tat-12 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Bahrain adottata fi Frar 2002, b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tagħha, l-Artikolu 364 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bahrain u l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Bahrain tal-1963,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (Bahrain Independent Commission of Inquiry - BICI),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, u dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom kollha l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Ġunju 2018, il-Qorti Għolja tal-Appell tal-Bahrain iddeċidiet li tikkonferma s-sentenza ta' ħames snin ħabs kontra d-difensur ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem Nabeel Rajab talli "xerred xnigħat foloz fi żmien ta' gwerra" (Artikolu 133 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bahrain), "insulta pajjiż ġar" (Artikolu 215) u "insulta korp statutorju" (Artikolu 216) fir-rigward ta' tweets li huwa bagħat dwar allegata tortura fil-ħabs ta' Jaw fil-Bahrain u l-ħbit mill-ajru fil-Jemen mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; billi dawn l-akkużi huma bbażati fuq dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw id-dritt ta' espressjoni, li hu protett taħt l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Bahrain irratifika fl-2016; billi s-Sur Rajab issa huwa mistenni li jressaq appell finali quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Bahrain;

B.  billi s-Sur Rajab kellu jinħeles dan ix-xahar wara li lesta sentenza ta' sentejn ħabs, f'kundizzjonijiet ta' priġunerija degradanti li jammontaw għal trattament ħażin, tal-intervisti televiżivi li huwa ta fl-2015 u fl-2016 dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa fil-Bahrain; billi qabel l-arrest arbitrarju tiegħu f'Ġunju 2016 Nabeel Rajab kien ġie pprojbit milli jivvjaġġa u kien serva sentenza ta' sentejn ħabs bejn l-2012 u l-2014 b'rabta mal-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċidiet fl-2013 li huwa kien ġie detenut arbitrarjament għar-rwol tiegħu meta kien għen biex jitmexxew u jiġu organizzati dimostrazzjonijiet fil-Bahrain; billi huwa ġie ssoġġettat għal proċessi inġusti quddiem il-qorti;

C.  billi minbarra din is-sentenza ġdida ta' ħames snin, Nabeel Rajab jista' jiffaċċja aktar żmien il-ħabs għal sa 14-il każ ieħor pendenti li l-gvern allegatament għadu jżomm kontrih, inklużi akkużi addizzjonali ta' "tixrid ta' aħbarijiet u dikjarazzjonijiet foloz u xnigħat malizzjużi li jdgħajfu l-prestiġju tal-istat"; Billi, barra minn hekk, fit-12 ta' Settembru 2017, il-gvern akkużah b'"tixrid ta' aħbarijiet foloz", "tixwix għall-mibegħda kontra r-reġim" u "tixwix għan-nonkonformità mal-liġi" fuq il-midja soċjali;

D.  billi s-Sur Rajab sofra b'riżultat tal-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs, li affettwaw b'mod sever is-saħħa fiżika tiegħu; billi l-familja tiegħu rrappurtaw ukoll li qed jinżamm fiċ-ċella tiegħu għal 23 siegħa kuljum bħala forma ta' kastig, li wassal biex, matul iż-żmien, saħħtu tmur għall-agħar serjament; billi l-amministrazzjoni tal-ħabs allegatament dehret li kienet qed tbagħbas għal t'apposta it-trattament mediku tas-Sur Rajab;

E.  billi l-każ ta' Nabeel Rajab sar simbolu tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett għal-libertà ta' espressjoni fil-Bahrain, u l-każ tiegħu jmur kontra l-impenji proprji tal-Gvern tal-Bahrain; billi huwa biss wieħed minn għadd ta' individwi li ġew soġġetti għad-detenzjoni arbitrarja u għall-prosekuzzjoni talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

F.  billi f'Mejju 2017 il-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura indirizza l-allegazzjonijiet numerużi u konsistenti ta' prattiki mifruxa ta' tortura u trattament ħażin ta' persuni mċaħħda mil-libertà, b'mod partikolari ta' dawk arrestati taħt akkużi ta' terroriżmu, u esprima t-tħassib profond tiegħu rigward il-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja, Naji Fateel, Hussain Jawad, Abdulwahab Hussain u Abduljalil al-Singace;

G.  billi l-eżekuzzjonijiet u s-sentenzjar għall-mewt żdiedu b'mod sinifikanti wara li nkiser il-moratorju ta' seba' snin fi Frar 2017, fost l-allegazzjonijiet li baqgħu jsiru ta' tortura u trattament ħażin; billi l-Bahrain reġa' beda jipproċessa lill-persuni ċivili quddiem qrati militari, wara emenda kostituzzjonali li ġiet adottata f'April 2017; billi l-awtoritajiet taw lura lill-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali s-setgħat ta' arrest u investigazzjoni, minkejja li hija magħrufa għall-preċedenti tagħha ta' tortura u abbuż;

H.  billi s-sitwazzjoni fil-Bahrain saret waħda kritika fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; billi ż-żieda fir-repressjoni fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-attivisti paċifiċi ta' oppożizzjoni jinkludi sentenzi ta' ħabs, eżilju, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ir-revoka taċ-ċittadinanza jew theddidiet u intimidazzjoni severi bħala riżultat tal-ħidma paċifika tagħhom;

I.  billi l-Kunsill tar-Rappreżentanti u l-Kunsill Shura tal-Bahrain approvaw emenda għal-Liġi dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet Politiċi li se tipprevjeni l-parteċipazzjoni politika indipendenti fl-elezzjonijiet tal-2018;

J.  billi fl-2016, l-akbar soċjetà ta' oppożizzjoni politika tal-Bahrain, l-Al-Wefaq, ġiet sospiża, u kellha l-assi tagħha ffriżati u s-sit web tagħha blukkat fil-Bahrain mir-reġim tal-Bahrain; billi l-kwartieri ġenerali tal-grupp ġew irrejdjati, li wassal biex il-grupp ġie akkużat b'"nuqqas kroniku ta' osservanza tal-kostituzzjoni tar-Renju u kuntestazzjoni tal-leġittimità tagħha" u li "sejjaħ għal indħil barrani", kif ukoll bi "promozzjoni ta' vjolenza u appoġġ għal organizzazzjonijiet terroristiċi";

K.  billi fil-31 ta' Mejju 2017, qorti tal-Bahrain ordnat ix-xoljiment tas-Soċjetà ta' Azzjoni Demokratika Nazzjonali (Waad), grupp ta' oppożizzjoni tal-Bahrain; billi fis-26 ta' Ottubru 2017, il-Qorti ta' Appell Għolja tal-Bahrain ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-appell li ixxolji lill-Waad;

L.  billi fil-15 ta' Mejju 2018 il-Qorti Kriminali Għolja tal-Bahrain irrevokat iċ-ċittadinanza ta' 115-il persuna fost rapporti ta' tortura u abbużi tal-proċess ġust fi proċess tal-massa inġust; billi t-theddida ta' revoka jew ir-revoka attwali taċ-ċittadinanza qed tintuża bħala mezz ta' repressjoni politika; billi bosta individwi fil-Bahrain, prinċipalment mill-komunità Shia tal-popolazzjoni, kellhom iċ-ċittadinanza tagħhom revokata, inklużi tfal, bi ksur dirett tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

M.  billi mill-protesti tal-2011 'il hawn u wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI), ġew stabbiliti għadd ta' korpi interni biex jimmonitorjaw l-abbużi tal-gvern, iżda mhumiex effikaċi u indipendenti biżżejjed; billi n-nuqqas ta' indipendenza ta' dawn il-korpi allegatament jikkawża nuqqas ta' responsabbiltà fi ħdan il-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain; billi dan rawwem kultura ta' impunità li ddgħajjef it-tentattivi ta' riforma demokratika u sservi biex tkompli tiddestabilizza l-pajjiż;

N.  billi l-UE tqis li l-kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (HRDs) fil-pajjiżi terzi hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha biex jiġu avvanzati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi indirizzat b'mod determinat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha li huma detenuti unikament talli pparteċipaw b'mod paċifiku f'attivitajiet politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni, inkluż fil-livell ġudizzjarju, kif ukoll iċ-ċensura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, id-dimostranti, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-qraba tagħhom fi ħdan u barra l-pajjiż mill-awtoritajiet, il-forzi tas-sigurtà u s-servizzi tal-istat; jikkundanna r-repressjoni li għaddejja fuq id-drittijiet demokratiċi fundamentali, partikolarment il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku, id-dissens paċifiku u l-istat tad-dritt fil-Bahrain;

2.  Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tas-Sur Rajab, li titwaqqa' kwalunkwe akkuża li fadal kontrih, u li l-awtoritajiet jiżguraw li, sa meta jinħeles tiegħu, hu ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament ħażin ieħor u jkollu aċċess regolari għal familtu, għall-avukati tal-għażla tiegħu u għal kura tas-saħħa adegwata; jikkundanna d-detenzjoni ta' Nabeel Rajab, li tikser, fost ħwejjeġ oħra, id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' moviment tiegħu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirrispettaw l-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jiżguraw ambjent sikur u abilitanti għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-persuni li jikkritikaw lill-awtoritajiet, inkluż fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-2018, li fih id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma ggarantiti; ifakkar lill-Gvern tal-Bahrain fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom;

4.  Jiddeplora l-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħabs fil-pajjiż u l-użu tat-tortura min-naħa tal-persunal tas-sigurtà u tal-ħabs tal-Bahrain; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain iżommu lura minn kull tortura, trattament krudil u degradanti tad-detenuti, jinvestigaw bis-sħiħ l-allegazzjonijiet kollha tal-ksur tad-drittijiet bażiċi tal-priġunieri u ta' tortura u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

5.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta' kull dikjarazzjoni li ssir bħala riżultat ta' tortura; jappella għar-ratifika immedjata mill-Bahrain tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' sentenzi tal-mewt li jiġu deċiżi fil-pajjiż u jappella għal moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet kollha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi inkwistjoni kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet jemendaw il-kostituzzjoni biex itemmu l-użu tal-proċessi militari biex jipproċessaw lill-persuni ċivili;

8.  Jikkundanna t-teħid bil-massa taċ-ċittadinanza li qed tintuża bħala mezz ta' rappreżalja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain iwaqqgħu d-deċiżjoni u jaderixxu mal-obbligi u n-normi internazzjonali;

9.  Jappella lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex b'mod immedjat ineħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jinsisti li l-awtoritajiet jiggarantixxu fiċ-ċirkostanzi kollha li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment, mingħajr xkiel, intimidazzjoni jew fastidju;

10.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Bahrain jimmira għal stabbiltà permezz ta' riformi u ta' rikonċiljazzjoni inklużiva f'ambjent li fih l-ilmenti politiċi leġittimi u paċifiċi jkunu jistgħu jiġu espressi b'mod liberu, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin tal-Kunsill tar-Rappreżentanti skedati għal Ottubru 2018; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-attakki fuq l-ilħna tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain, inkluża s-sospensjoni tas-soċjetà tal-oppożizzjoni l-Al-Wefaq, ix-xoljiment tal-grupp tal-oppożizzjoni Waad u l-projbizzjoni tal-membri ta' dawn il-gruppi xolti milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet li jmiss; jikkunsidra dawn l-azzjonijiet bħala kuntrarji għall-prinċipji ta' pluraliżmu demokratiku u ta' elezzjonijiet liberi u ġusti, u f'kontradizzjoni mal-ftehimiet internazzjonali u l-kostituzzjoni tal-Bahrain; jistieden lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu nazzjonali ġenwin sabiex mill-ġdid jagħtu bidu għal proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali paċifiku u sinifikattiv;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku jqajmu tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bahrain u biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jagħmlu referenza għall-Bahrain fid-dikjarazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-punt 4 fis-sessjonijiet li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b'mod partikolari fuq it-tortura, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' reliġjon u twemmin, l-indipendenza tal-imħallfin u tal-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex joħorġilhom stedina permanenti favur tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bahrain jippermettu lill-NGOs u lill-ġurnalisti libertà ta' aċċess għall-Bahrain, inkluż għall-finijiet li jagħmlu kuntatt mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jiddispjaċih għall-fatt li teknoloġiji ta' sorveljanza qed jiġu esportati minn kumpaniji Ewropej lejn il-Bahrain, u jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjonijiet tal-UE jqisu l-kriterji tad-drittijiet tal-bniedem qabel jagħtu liċenzja tal-esportazzjoni lejn pajjiż terz; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u b'mod partikolari sabiex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi, tat-tagħmir tas-sorveljanza u tal-intelligence u materjal li jista' jintuża mill-Bahrain fir-repressjoni li għaddej iwettaq bħalissa fuq id-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jiddispjaċih bir-rifjut imtenni tal-Bahrain li jirċievi delegazzjoni uffiċjali tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jippermettu delegazzjoni uffiċjali tal-Membri tal-Parlament Ewropew iżuru l-pajjiż fuq missjoni, bil-għan li jiltaqgħu mal-awtoritajiet pubbliċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

16.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Premju Chaillot tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf ingħata fl-2014 lill-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bahrain, li ripetutament iġġustifikat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-Gvern tal-Bahrain, inkluża l-priġunerija ta' Nabeel Rajab;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta għall-Għarbi;

(1) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 154.
(2) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 151.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 42.
(4) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 130.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0044.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0365.


Is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal
PDF 285kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal (2018/2756(RSP))
P8_TA(2018)0261RC-B8-0292/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta dwar ir-raba' Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 biex Tintemm l-Apolidija, ta' Novembru 2014, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sessista relatata mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 720 000 tifel u tifla Rohingya fil-Bangladesh u fil-Myanmar għandhom bżonn urġenti ta' assistenza u protezzjoni umanitarja;

B.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ospita lil madwar 1,3 miljun Rohingya, minoranza fil-biċċa l-kbira Musulmana li qed tħabbat wiċċha ma' ripressjoni u ma' ksur serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u l-limitazzjoni tad-drittijiet politiċi tagħhom; billi l-Musulmani Rohingya huma meqjusa bħala l-aktar minoranza ppersegwitata fid-dinja u l-akbar grupp apolidu;

C.  billi minn Awwissu 2017, aktar minn 900 000 Rohingya, 534 000 minnhom tfal, ħarbu mill-vjolenza kontrihom u fittxew rifuġju fil-Bangladesh, peress li beżgħu li se jinqatlu; billi huwa stmat li madwar 1 000 tifel u tifla Rohingya taħt l-età ta' ħames snin inqatlu fil-vjolenza fil-Myanmar; billi, skont Deputati tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (APHR), 28 300 tifel u tifla Rohingya tilfu tal-anqas ġenitur wieħed, filwaqt li 7 700 oħra rrappurtaw li tilfu ż-żewġ ġenituri, biex b'hekk l-għadd ta' ġenituri li mietu tela' għal 43 700;

D.  billi aktar minn 14 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn malnutrizzjoni akuta severa; billi tfal Rohingya esperjenzaw jew kienu xhieda ta' sitwazzjonijiet trawmatiċi, inklużi, f'ħafna każijiet, il-mewt ta' wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn li huma, is-separazzjoni mill-familji tagħhom, l-abbuż fiżiku, it-tbatija psikoloġika, il-malnutrizzjoni, il-mard u l-isfruttament sesswali, u kienu xhieda ta' delitti kontra l-umanità fl-Istat ta' Rakhine, fosthom il-ħruq ta' djar, l-attakki fiżiċi u l-istupru ta' Rohingya;

E.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad al-Hussein, iddeskriva l-operazzjonijiet tal-gvern tal-Myanmar bħala "eżempju klassiku ta' tindif etniku" u "manuvra ċinika biex numri kbar ta' nies jiġu ttrasferiti bil-forza mingħajr possibbiltà ta' ritorn";

F.  billi l-kriżijiet spiss ikollhom impatt ferm akbar fuq in-nisa u l-bniet u b'modi differenti milli fuq l-irġiel u s-subien, peress li jirrinfurzaw, jipperpetwaw u jħarrxu l-inugwaljanzi bejn is-sessi, il-vjolenza sessista u d-diskriminazzjoni preeżistenti u persistenti;

G.  billi s-suldati tal-Myanmar qed jużaw l-istupru bħala arma fil-kampanja tagħhom ta' tindif etniku fl-Istat ta' Rakhine; billi l-vjolenza sesswali tintuża biex tifred lil komunitajiet sħaħ u biex twaqqaf lin-nisa u lill-bniet milli jirritornaw lejn djarhom; billi l-vittmi ta' stupru fil-kampijiet jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali mill-komunitajiet tagħhom; billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU talab informazzjoni dwar ir-responsabbiltà tas-suldati tal-Myanmar fir-rigward ta' stupru mifrux ta' nisa u bniet Rohingya;

H.  billi ħafna rifuġjati huma nisa tqal jew li għandhom tfal żgħar u li vvjaġġaw għal bosta mili bil-mixi u jaslu morda fil-kampijiet tal-persuni spostati minħabba stress mentali u fiżiku, malnutrizzjoni u feriti;

I.  billi disa' xhur wara l-bidu tal-attakki fuq ir-Rohingya min-naħa tas-suldati u l-milizji tal-Myanmar, l-aġenziji tal-għajnuna jipprevedu li huwa mistenni li jitwieldu madwar 48 000 tarbija fil-kampijiet tar-rifuġjati;

J.  billi hemm aċċess limitat ħafna għall-kura tas-saħħa għan-nisa u għat-tfal fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi n-nisa tqal u l-ommijiet għandhom jingħataw is-servizzi tal-kura tas-saħħa materna li għandhom bżonn, inklużi l-kura qabel it-twelid, ħlas sikur, il-kura tat-tarbija, l-appoġġ għat-treddigħ u kura tas-saħħa riproduttiva kontinwa;

K.  billi t-tfal u n-nisa Rohingya huma esposti ferm għar-riskju li jiġu ttraffikati għall-prostituzzjoni, kif ukoll għar-riskju ta' fastidju u vjolenza sesswali fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi t-tfal Rohingya mitlufa fil-kampijiet tar-rifuġjati huma l-aktar vulnerabbli u x'aktarx li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

L.  billi t-tfal Rohingya m'għandhomx biżżejjed aċċess għal edukazzjoni formali; billi tfal Rohingya żgħar ħafna biss qed jingħataw edukazzjoni bażika permezz ta' klassijiet informali fil-kampijiet tar-rifuġjati, filwaqt li tfal akbar għandhom ftit aċċess jew m'għandhom ebda aċċess għal edukazzjoni formali;

M.  billi l-istaġun tal-monsuni beda fil-Bangladesh u s-sitwazzjoni mistennija tiddeterjora b'mod sinifikanti; billi tal-anqas 200 000 ruħ fil-kampijiet tar-rifuġjati jinsabu f'riskju immedjat ta' għargħar u uqigħ tal-art; billi jeżisti theddid serju għall-ħajja, għar-rifuġju u għall-provvisti tal-ikel u l-ilma; billi jeżisti riskju kbir li matul l-għargħar minħabba l-monsuni jinfirex mard bħall-kolera u l-epatite; billi huma ftit wisq ir-rifuġjati Rohingya li kellhom aċċess għal assistenza medika jew għal tilqim qabel ma waslu l-Bangladesh;

N.  billi sal-lum il-Myanmar irrifjuta d-dħul fil-pajjiż ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u pprojbixxa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, Yanghee Lee, filwaqt li ċaħad kważi l-allegazzjonijiet kollha ta' atroċitajiet imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tiegħu f'Rakhine;

O.  billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jafferma li l-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, m'għandhomx jibqgħu impuniti; billi f'April 2018 il-prosekutur tal-QKI talab lill-qorti tiddeċiedi dwar jekk il-QKI tistax teżerċita ġurisdizzjoni fuq l-allegati deportazzjonijiet ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; billi deċiżjoni li tafferma l-ġurisdizzjoni tal-QKI tista' twitti t-triq biex tinvestiga lill-Myanmar għal delitti kontra l-umanità jew għal dawn id-deportazzjonijiet;

P.  billi f'Marzu 2017 iċ-Ċina u r-Russja imblukkaw l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar;

Q.  billi n-nuqqas ta' kwalunkwe prospettiva realistika ta' ritorn sikur u volontarju u n-nuqqas ta' progress politiku fis-soluzzjoni tal-kriżi fil-Myanmar ifissru li din is-sitwazzjoni mhijiex se tiġi solvuta malajr u għalhekk tirrikjedi approċċ sostenibbli, speċjalment l-indirizzar tad-drittijiet u l-bżonnijiet tat-tfal;

R.  billi fis-6 ta' Ġunju 2018 ġie ffirmat memorandum ta' qbil tripartitiku bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP); billi l-UNHCR iddikjara li l-kundizzjonijiet għadhom mhumiex favorevoli għal ritorn volontarju;

S.  billi f'Mejju 2018 il-Kummissjoni rrilaxxat EUR 40 miljun f'għajnuna umanitarja biex tipprovdi appoġġ li jsalva l-ħajja għal ċivili Rohingya vulnerabbli u għal komunitajiet ospitanti fil-Bangladesh u madwar l-Istat ta' Rakhine; billi dan l-ammont jiżdied mal-EUR 51 miljun li ġew mobilizzati fl-2017;

T.  billi f'Marzu 2018 in-NU appellaw għal USD 951 miljun bħala għajnuna għar-rifuġjati Rohingya għall-bqija tal-2018, iżda sal-lum inġabru biss madwar 20 % ta' dak l-ammont mitlub;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra r-Rohingya fil-Myanmar, li, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, jikkostitwixxu tindif etniku; huwa mħasseb ferm dwar iż-żieda fil-gravità u l-iskala tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, il-ġlied vjolenti, il-qerda ta' proprjetà ċivili u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' ċivili; iħeġġeġ lis-suldati u lill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar iwaqqfu immedjatament il-qtil, il-fastidju u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta' djarhom;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jippermetti aċċess sħiħ u bla xkiel fl-Istat ta' Rakhine għall-osservaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna umanitarja, inklużi l-NGOs internazzjonali u tan-NU, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-UNHCR f'Marzu 2017, sabiex jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha;

3.  Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, imfassla b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jappella għal aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali; jinsisti li n-nisa u l-bniet kollha għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni u servizzi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni u l-abort sikur;

4.  Jilqa' l-appoġġ ta' qabel u wara t-twelid li qed jingħata minn aġenziji u organizzazzjonijiet; ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' reġistrazzjoni u ċertifikati għat-trabi, sabiex jiġi żgurat li jkollhom dokumentazzjoni, drittijiet legali u aċċess għal servizzi bażiċi, u appoġġ għat-tiftix tal-membri tal-familja, bi qbil mal-impenji meħuda mill-Gvern tal-Bangladesh biex jiżgura li t-trabi kollha li jitwieldu fit-territorju tiegħu jiġu rreġistrati; ifakkar li ż-żamma tal-unità tal-familji hija kruċjali biex dawn it-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom;

5.  Jinnota bi tħassib kbir in-nuqqas ta' biżżejjed edukazzjoni għat-tfal Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiggarantixxu lit-tfal Rohingya aċċess sħiħ u suffiċjenti għal edukazzjoni ta' kwalità bil-lingwa tagħhom stess; jirrimarka dwar ir-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa għall-komunità sħiħa jekk ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata edukazzjoni xierqa tat-tfal; jissottolinja l-importanza li jiġi permess aċċess sħiħ għall-edukazzjoni peress li din tista' tiġi pprovduta minn aġenziji tan-NU u minn NGOs, sabiex it-tfal kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom;

6.  Huwa estremament imħasseb dwar l-inċidenza għolja fil-kampijiet tal-prostituzzjoni furzata, tat-traffikar tal-bnedmin u tal-vjolenza sesswali, inklużi ż-żwiġijiet prekoċi, il-vjolenza konjugali u l-isfruttament u l-abbuż sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar biex, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, jiżguraw is-sigurtà tar-rifuġjati Rohingya fit-territorju tagħhom, b'mod partikolari billi jħarrxu l-ġlieda kontra t-traffikar u l-prostituzzjoni tat-tfal u billi jkissru n-netwerks eżistenti;

7.  Ifaħħar l-isforzi tal-gvern u l-poplu tal-Bangladesh biex jipprovdu rifuġju u sigurtà lir-rifguġjati Rohingya, u jħeġġiġhom ikomplu jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati li jiġu mill-Myanmar; jappella għal aktar appoġġ internazzjonali għal dawk il-komunitajiet li jospitaw ir-rifuġjati, anke billi jiġu indirizzati l-isfidi domestiċi soċjali, edukattivi, ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa; jinsisti fuq l-importanza li n-nisa jinstemgħu u jiġu involuti fit-tfassil ta' miżuri umanitarji u ta' bini tar-reżiljenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha;

8.  Jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur, volontarju u dinjituż, fuq bażi ta' sorveljanza sħiħa min-NU, għal dawk li jridu jirritornaw f'arthom; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement;

9.  Jilqa' l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-UNDP, tas-6 ta' Ġunju 2018, bħala l-ewwel pass konkret lejn l-involviment sħiħ tal-aġenziji tan-NU fil-proċess ta' rimpatriju; jenfasizza, madankollu, l-importanza li l-ftehim ikun disponibbli pubblikament mill-aktar fis possibbli;

10.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-atturi umanitarji jistgħu jipprovdu servizzi ta' emerġenza, anke għall-mard trażmess sesswalment u għall-vjolenza sesswali; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jżidu l-għajnuna finanzjarja tagħhom sabiex tkun disponibbli l-firxa sħiħa ta' servizzi tal-kura tas-saħħa materna;

11.  Jilqa' l-kampanja tan-NU biex l-apolidija tintemm sa l-2024; ifakkar li r-Rohingya huma parti integrali mill-popolazzjoni tal-Myanmar u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-liġi, kif rakkomandat mill-Kummissjoni Konsultattiva;

12.  Ifakkar li r-responsabbiltà finanzjarja għall-assistenza tal-popolazzjoni tar-rifuġjati hija sproporzjonata għall-Bangladesh; jistieden lill-komunità internazzjonali u lid-donaturi internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-impenn tagħhom u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-fondi meħtieġa sabiex tibqa' tingħata l-għajnuna u l-assistenza umanitarja meħtieġa, għall-benefiċċju tan-nisa u tat-tfal Rohingya, b'mod partikolari n-nisa tqal, it-tfal u l-vittmi ta' stupru, kif ukoll tal-komunitajiet lokali li jospitawhom fil-Bangladesh;

13.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill, fis-26 ta' April 2018, ta' qafas għal miżuri mmirati kontra uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għat-tisħiħ tal-embargo tal-UE fuq l-armi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw il-miżuri kollha mingħajr aktar dewmien; jistieden ukoll lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo globali u komprensiv fuq l-armi fil-konfront tal-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inklużi t-tranżitu u t-trasbord ta' armi, munizzjon u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

14.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tvara investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox ħlief Armi";

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex f'fora multilaterali jappellaw biex dawk responsabbli għat-twettiq ta' delitti fil-Myanmar jagħtu rendikont ta' għemilhom; jieħu nota tat-talba tal-Kap Prosekutur tal-QKI lill-imħallfin tal-qorti biex jikkonfermaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tad-deportazzjoni ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jressqu riżoluzzjoni speċifika li tirreferi s-sitwazzjoni kollha fil-Myanmar/fl-Istat ta' Rakhine quddiem il-QKI; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jiggarantixxu l-istabbiliment urġenti ta' mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti biex jappoġġa investigazzjonijiet dwar allegati atroċitajiet;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.


L-Ostakli Strutturali u Finanzjarji fl-aċċess għall-kultura
PDF 412kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar l-ostakli strutturali u finanzjarji fl-aċċess għall-kultura (2017/2255(INI))
P8_TA(2018)0262A8-0169/2018

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 dwar ir-rwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni skolastika sabiex ikun massimizzat l-aċċess għall-kultura(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni "Europeana - il-passi li jmiss"(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(16),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCRPD), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u l-isport,

–   wara li kkunsidra l-għan 11 tal-Aġenda tan-NU 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ffirmata f'Settembru 2015 li tipproponi li l-bliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, dejjiema u sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tas-27 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(17),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura(18),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018)(19),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-UE għall-perjodu 2015-2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 u 19 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali(20),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2016 dwar ir-rwol tal-Europeana għall-aċċess diġitali, il-viżibbiltà u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità tal-infrastruttura kulturali u tal-attivitajiet kulturali għall-persuni b'diżabilità(22),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bl-isem "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titlu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2014 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali" (COM(2014)0477),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 mill-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Nru 399 "L-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura" u Nru 466 "Il-wirt kulturali",

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ statistiku tal-Eurostat ("Statistika kulturali") għall-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0169/2018),

A.  billi l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li "kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa liberament fil-ħajja kulturali tal-komunità, li jgawdi l-arti u li jkollu sehem mill-avvanz xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu"; billi l-aċċess għall-kultura u għall-opportunitajiet ta' espressjoni kreattiva huwa importanti għall-eżistenza ta' soċjetà demokratika msejsa fuq il-libertà ta' espressjoni u l-ugwaljanza;

B.  billi l-Konvenzjoni ta' Faro tirrikonoxxi d-dritt għall-wirt kulturali u tħeġġeġ il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' metodi innovattivi ta' ġestjoni tal-wirt, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkooperaw ma' atturi oħra, inklużi assoċjazzjonijiet u individwi privati;

C.  billi l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jitlob ir-rispett għad-diversità kulturali u l-Artikolu 25 jirrikonoxxi d-dritt tal-anzjani li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali;

D.  billi l-kultura għandha impatt qawwi fuq il-promozzjoni, il-fehim u l-iżvilupp tas-solidarjetà bejn il-komunitajiet Ewropej u trans-Ewropej;

E.  billi l-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jirreferu direttament jew indirettament għall-kultura u l-aċċess għaliha;

F.  billi, filwaqt li l-UE tista' tikkomplementa u tħeġġeġ politiki kulturali skont l-Artikolu 167 tat-TFUE, l-awtoritajiet fil-livell reġjonali jew nazzjonali għadhom il-korpi ewlenin inkarigati mill-politiki kulturali fl-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

G.  billi kwalunkwe ostakolu li jipprevjeni l-aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa għal persuni jew komunitajiet fil-proċessi kulturali u fl-ekosistemi kulturali jnaqqas l-iżvilupp ta' soċjetà tassew demokratika u inklużiva;

H.  billi l-kultura tagħti liċ-ċittadini Ewropej possibilitajiet akbar fl-iżvilupp tal-ħiliet personali, soċjali, kreattivi u interkulturali;

I.  billi, skont l-istimi tan-NU, nofs il-popolazzjoni dinjija, jiġifieri 3,5 biljun ruħ, illum il-ġurnata jgħixu fil-bliet; billi, sal-2030, kważi 60 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix f'żoni urbani; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti strateġiji b'politiki effettivi għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li għadhom preżenti u li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien biex isiru bidliet sabiex jinħolqu spazji urbani tassew inklużivi;

J.  billi r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(23) tinkludi l-għarfien u l-espressjoni kulturali fost il-kompetenzi bażiċi li huma meħtieġa għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi;

K.  billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titlu "Aġenda Ewropea għal Kultura f'Dinja li qed tiġi Gglobalizzata" (COM(2007)0242), enfasizzat il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kultura u x-xogħlijiet kulturali, kif ukoll li tiġi promossa d-diversità kulturali;

L.  billi l-futur tal-innovazzjoni kulturali tal-UE jiddependi fuq l-investiment fir-riżorsi, l-għarfien u t-talenti kreattivi;

M.  billi l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2014, jidentifika l-kultura aċċessibbli u inklużiva u l-promozzjoni tad-diversità kulturali bħala prijoritajiet;

N.  billi wieħed mill-objettivi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandu jkun it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sabiex tiġi promossa soċjetà inklużiva fejn kulħadd ikun jista' jipparteċipa; billi settur kulturali, dinamiku u ddiversifikat huwa fundamentali f'soċjetà inklużiva;

O.  billi l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali hija mezz biex jinħoloq sens ta' appartenenza f'soċjetà; billi l-bini ta' identità soċjali huwa marbut mill-qrib mal-parteċipazzjoni kulturali; billi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kulturali tista' tikkontribwixxi għaż-żieda fl-awtostima u tal-kwalità tal-ħajja, prinċipalment tal-persuni li jkunu qed iġarrbu xi forma ta' emarġinazzjoni minħabba qgħad, mard jew għal xi raġuni oħra;

P.  billi settur kulturali inklużiv huwa wieħed li jippermetti li kulħadd igawdi mill-istess opportunitajiet ta' parteċipazzjoni u ta' żvilupp tal-ħiliet kreattivi tiegħu, indipendentement mill-isfond soċjoekonomiku, kulturali jew reliġjuż, kif ukoll minn kwalunkwe diżabilità;

Q.  billi, f'ħafna reġjuni, il-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali huma miżjura ta' spiss miċ-ċittadini u, ħafna drabi, huma l-uniċi punti ta' aċċess għall-informazzjoni u għall-kultura, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew remoti;

R.  billi t-teknoloġiji diġitali ġodda jista' jkollhom inflwuenza fil-ġestjoni tas-settur kulturali, fid-djalogu u fil-ħolqien ta' pubbliku ġdid u fid-disseminazzjoni tal-attivitajiet kulturali;

S.  billi t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-pjattaformi online joffru opportunitajiet kruċjali biex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' ħolqien kulturali;

T.  billi persuni minn pajjiżi terzi mhumiex rappreżentati biżżejjed f'diversi oqsma kulturali fl-UE; billi dan jaffettwa wkoll lil persuni li jbatu minn xi forma ta' diżabilità;

U.  billi r-rapport tal-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura(24) jiddefinixxi l-aċċess f'termini li jippermetti lil udjenzi ġodda jibbenefikaw mill-offerta kulturali disponibbli; billi dan jimplika l-ilħiq ta' udjenzi jew ċittadini ġodda u t-tqarrib tagħhom lejn il-patrimonju kulturali u r-riżorsi kulturali oħra;

V.  billi t-teknoloġiji diġitali biddlu l-mod kif il-persuni jkollhom aċċess għall-kontenut kulturali, u kif jipproduċuh, ixerrduh u jużawh;

W.  billi l-pjattaforma Europeana, li ġiet imnedija fl-2008, saret proġett kulturali Ewropew komuni li jiffaċilita l-aċċess diġitali għall-wirt kulturali tal-Ewropa;

X.  billi wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-programm Ewropa Kreattiva huwa li jilħaq udjenzi ġodda u li jtejjeb l-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi u kulturali fl-Unjoni u lil hinn minnha, b'enfasi partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati;

Y.  billi jeżistu inizjattivi fil-livell tal-Komunità u fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess aħjar lill-persuni b'diżabilità għall-infrastruttura kulturali u l-attivitajiet kulturali;

Z.  billi d-diversità tal-proċeduri u tas-sistemi tat-tassazzjoni fi ħdan l-UE tagħmel diffiċli l-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali b'mod ġenerali, billi toħloq burokrazija żejda, li ta' spiss ma tkunx proporzjonata għad-dħul reali u modest li jirriżulta mill-attivitajiet tagħhom;

AA.  billi l-iżvilupp ta' statistika kulturali affidabbli, komparabbli u aġġornata, li hija l-bażi tat-tfassil ta' politika kulturali tajba, huwa waħda mill-prijoritajiet trażversali tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2015-2018 li jgħin sabiex iservi ta' bażi għall-potenzjal ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi u għall-impatt tagħhom fuq il-benessri soċjali;

AB.  billi l-aċċess għal riċerka kwalitattiva u r-riżorsi tad-data komparattiva jippermettu monitoraġġ u analiżi effettivi tal-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiki kulturali;

AC.  billi l-kultura tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien u l-qsim tal-esperjenzi u tal-istorja universali;

AD.  billi kważi 8,4 miljun persuna huma impjegati fis-settur kulturali tal-UE (u b'hekk jirrappreżentaw 3,7 % tal-impjiegi totali)(25), u billi l-potenzjal tagħhom f'termini ta' tkabbir ekonomiku għadu ma twettaqx għalkollox;

AE.  billi dawk li jaħdmu permezz ta' produzzjoni kulturali biex jikkontribwixxu għall-espressjoni tal-identità tagħhom u jwessgħu u jiżviluppaw b'mod sostenibbli l-aċċess għall-kultura jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet u sfidi;

L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha

1.  Jenfasizza li huwa jirrikonoxxi l-aċċess għall-kultura bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini kollha, f'konformità mal-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem; ifakkar, barra minn hekk, li dan id-dritt huwa stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Faro, li tirrikonoxxi d-dritt għall-parteċipazzjoni għall-ħajja kulturali u tenfasizza r-rwol tal-wirt kulturali fil-bini ta' soċjetà paċifika u demokratika; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri firmatarji sabiex iħaffu l-proċess ta' ratifika u lill-Istati Membri l-oħra li ma jagħmlux parti sabiex jiffirmaw il-Konvenzjoni, filwaqt li japprofittaw mill-opportunità unika tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali;

2.  Ifakkar l-importanza ta' applikazzjoni olistika tal-kunċett ta' aċċessibbiltà u l-valur tagħha bħala l-mezz biex jiġi ggarantit li kull persuna li tibbenefika minn kultura, postijiet u inizjattivi kulturali titqies fis-sens aktar wiesa' u sħiħ tagħha u li, bħala konsegwenza, jitqiesu, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità, bil-għan li jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs, inklużjoni soċjali reali u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

3.  Jenfasizza l-importanza inkontestabbli ta' settur kulturali attiv u aċċessibbli għall-iżvilupp ta' soċjetà inklużiva u t-tisħiħ ta' bażi komuni ta' valuri universali u ċittadinanza Ewropea attiva, li huma fundamentali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'suċċess u b'mod sinifikanti fil-ħajja pubblika, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Unjoni, fl-isfera ta' kompetenza tagħha, jiżviluppaw u jimplimentaw il-miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-aċċess għall-ħajja kulturali kif ukoll il-parteċipazzjoni fiha;

4.  Iħeġġeġ li l-inklużjoni u d-diversità bħala parti integrali mill-ippjanar, l-iżvilupp organizzattiv u r-reklutaġġ fis-settur kulturali fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jissorveljaw sistematikament il-miżuri mmirati lejn dan l-objettiv;

5.  Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-UE fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali fil-livelli kollha; jinnota li huwa biss fuq din il-bażi li jkun possibbli għall-operaturi minn madwar l-UE kollha li jiżviluppaw politika effettiva u komprensiva li tippromwovi l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha u li tiżviluppa l-kultura bħala element essenzjali tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea;

6.  Iqis l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni kulturali bħala kwistjoni trażversali u, għalhekk, jenfasizza l-importanza li l-politika kulturali tiġi kkoordinata ma' oqsma ta' politika oħrajn, bħall-politiki edukattivi, soċjali, ekonomiċi, reġjonali, barranin, diġitali u tal-midja;

7.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija ta' aċċess kulturali mmirata lejn it-tfal jew iż-żgħażagħ;

8.  Jirrikonoxxi l-promozzjoni u l-kisba ta' aċċess inklużiv u siewi għall-kultura bħala waħda mill-prijoritajiet fuq l-aġenda politika u jitlob li l-aspetti tal-aċċessibbiltà u tal-parteċipazzjoni kulturali jiġu integrati f'oqsma ta' politika oħrajn, billi dawn mhux biss jagħmlu kontribut pożittiv għal dawn l-oqsma, iżda se jkollhom ukoll impatt fuq il-kooperazzjoni sinerġistika u transettorjali, skont l-ispirtu tal-Artikolu 167 TFUE;

9.  Jiddikjara li l-kompendju ta' politiki kulturali nazzjonali kif imfassal u ġestit mill-Kunsill tal-Ewropa u pjattaforma ta' esperti kien għodda utli ħafna għal politiki kulturali fl-Ewropa u lil hinn minnha; jiddispjaċih, madankollu, li mill-2011 sar ftit progress b'rabta mal-ġbir tad-data u speċjalment fir-rigward tal-analiżi tad-data, u jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kunsill jagħmel reviżjoni tal-kontenut attwali, inklużi wkoll il-livelli lokali u reġjonali tal-politiki kulturali;

10.  Jenfasizza li l-kunċetti tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha huma marbuta mill-qrib; jinnota li jeħtieġ li jiġu implimentati strateġiji għat-tisħiħ tal-aċċess kulturali u l-parteċipazzjoni permezz tal-identifikazzjoni tal-gruppi sottorappreżentati u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi jew programmi li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom u jneħħu l-ostakoli eżistenti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġbir ta' data dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-attivitajiet kulturali;

12.  Jiddispjaċih li l-ostakoli finanzjarji għadhom jimpedixxu liċ-ċittadini, speċjalment lil dawk li jagħmlu parti mill-aktar gruppi żvantaġġati, milli jgawdu bis-sħiħ mid-dritt fundamentali tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali u minn aċċess għall-kultura, u b'hekk dan ixekkel it-twettiq effettiv ta' tali dritt fundamentali;

13.  Ifakkar li huwa importanti li jiġu żviluppati pjattaformi għall-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

14.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita offerta kulturali ta' kwalità għaċ-ċittadini kollha bħala bażi għall-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, demokratika u inklużiva;

Ostakoli finanzjarji

15.  Jenfasizza li finanzjament pubbliku sod u kontinwu jaqdi rwol fundamentali biex tiġi żgurata xena kulturali vibranti u jibqa' strument indispensabbli għall-appoġġ ta' attivitajiet kulturali fl-UE sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal ekonomiku tagħhom, biex jingħata kontribut lit-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali u biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi kulturali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiddedikaw parti xierqa mill-baġits tagħhom għall-appoġġ pubbliku għall-kultura u biex isaħħu s-sinerġiji mal-FEŻR u fondi ta' appoġġ kulturali oħra, inklużi programmi li jiffaċilitaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-għodod tal-politika ta' koeżjoni disponibbli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tal-kultura ma jonqosx, irrispettivament mid-diffikultajiet ekonomiċi futuri possibbli li Stat Membru jista' jkun qed iħabbat wiċċu magħhom;

17.  Jiddispjaċih li r-rallentamenti ekonomiċi normalment irriżultaw, u għadhom spiss wisq jirriżultaw, l-ewwel u qabel kollox fi tnaqqis tan-nefqa pubblika fuq il-kultura u għandhom impatt negattiv fuq il-baġits għal attivitajiet kulturali;

18.  Ifakkar li l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi huwa mezz ta' kif jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti u li għadu sottovalutat ta' dawk is-setturi bil-għan li jitrawmu d-diversità kulturali u l-innovazzjoni soċjali, filwaqt li jiġu ġġenerati l-prosperità ekonomika sostenibbli u impjiegi ta' kwalità, u li dan l-investiment għandu wkoll impatt dirett fuq l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, id-diġitizzazzjoni, l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-formulazzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, filwaqt li jinħatfu opportunitajiet u jinkiseb aċċess għal opportunitajiet, swieq u udjenzi internazzjonali ġodda; iqis, għalhekk, li s-settur privat għandu rwol deċiżiv u komplementari għall-investiment pubbliku u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' miżuri leġiżlattivi li jipprevedu kreditu ta' taxxa għall-ħruġ ta' flus lil partijiet privati li jappoġġja l-kultura;

19.  Jirrimarka li l-frammentazzjoni, il-valur miżjud baxx u l-attivitajiet ta' bosta irġiel u nisa li jaħdmu għal rashom u ta' nisa fis-settur kreattiv, filwaqt li jfakkar li dawn l-attivitajiet b'mod ġenerali jitqiesu bħala interessanti, m'għandhomx iwasslu biex l-industrija kulturali u kreattiva ssir mudell ta' impjiegi mħallsa b'pagi baxxi u b'sigurtà soċjali dgħajfa; jipproponi, għalhekk, l-iżvilupp ta' proċessi ta' reviżjoni b'saħħitha għal xogħol ta' kwalità fis-settur kreattiv;

20.  Jenfasizza li l-aċċess tal-popolazzjoni għall-beni u s-servizzi kulturali, kif ukoll l-appoġġ għall-produzzjoni u l-espressjoni kulturali, isaħħu l-ekonomija kreattiva, filwaqt li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta' pajjiż;

21.  Jirrimarka li n-nuqqas ta' finanzjament tal-industriji kulturali għandu jitnaqqas permezz ta' inċentivi fiskali għall-patronċinju privat;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-artisti ġejjin mill-Ewropa kollha fir-rigward tal-ġbir tat-taxxi fuq l-introjtu transkonfinali, u għalhekk jirrakkomanda mudelli armonizzati li jistgħu jintużaw faċilment mill-impjegati u minn dawk li jaħdmu għal rashom u li permezz tagħhom tkun tista' tiġi evitata t-tassazzjoni doppja;

23.  Jitlob li jsir investiment fil-mikrointrapriżi, sabiex tingħata spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi promoss ukoll l-iżvilupp reġjonali u lokali;

24.  Jenfasizza li l-prezz għoli tal-prodotti u s-servizzi kulturali huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni fil-kultura, kif enfasizzat mir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru u f'dak tal-Eurostat(26); jirrakkomanda bil-qawwa, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri u r-reġjuni jieħdu azzjonijiet immirati għal udjenzi speċifiċi, b'mod speċjali għall-istudenti, familji kbar u anzjani, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli finanzjarji għall-aċċess;

25.  Jenfasizza li l-ispejjeż għolja ta' assigurazzjoni għall-oġġetti tal-wirjiet u l-prestazzjonijiet huma responsabbli wkoll għall-biljetti ta' dħul jew biljetti bi prezzijiet għoljin għal mużewijiet, teatri u wirjiet u ta' spiss jagħmluha diffiċli għal strutturi iżgħar biex jiżviluppaw il-programmi tagħhom skont l-udjenzi u l-ambizzjonijiet tagħhom, sitwazzjoni li tirriżulta f'diskrepanza dejjem akbar bejn strutturi iżgħar, li huma qrib l-udjenza tagħhom, u istituzzjonijiet akbar, li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

26.  Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-politiki fiskali xierqa għas-setturi kreattivi u kulturali fit-titjib tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jinnota, madankollu, li l-appoġġ indirett għall-wirt kulturali permezz tal-introduzzjoni ta' rati mnaqqsa tal-VAT ma jistax jieħu post is-sussidji diretti; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali nazzjonali u tar-rati tal-VAT bħala għodda li tistimula l-parteċipazzjoni kulturali;

27.  Ifakkar fl-importanza li l-Istati Membri jikkunsidraw politika tat-tassazzjoni aktar koerenti rigward id-dħul, għall-ħaddiema fis-settur kulturali u l-artisti li jivvjaġġaw f'pajjiżi differenti għal perjodi qosra ta' żmien u għalhekk jistgħu jkunu soġġetti għal regoli u proċeduri amministrattivi ġodda għal kull prestazzjoni individwali, sessjonijiet ta' ħidma jew residenza; jissuġġerixxi li armonizzazzjoni minima b'appoġġ għall-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema fis-settur kulturali għandha titqies bħala prijorità biex tħeġġeġ id-diversità tal-ħolqien u tal-kultura madwar l-UE u lil hinn minnha, minflok ma jinħolqu ostakoli fil-forma ta' burokrazija mhux proporzjonali għad-dħul reali mix-xogħol kulturali;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex jinvestu fid-deċentralizzazzjoni ta' wirjiet ta' attivitajiet kulturali, kemm permezz tal-ħolqien ta' infrastrutturi f'reġjuni remoti, kif ukoll permezz ta' wirjiet kulturali temporanji differenti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kulturali privati jinvestu wkoll fid-deċentralizzazzjoni ġeografika;

29.  Jilqa' l-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw l-istess rata tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi u għall-pubblikazzjonijiet stampati; huwa tal-fehma li d-distinzjoni bejn ir-rati tal-VAT applikati għall-pubblikazzjonijiet fiżiċi u għal dawk elettroniċi hija anakronistika u mhux sostenibbli fl-era diġitali; jistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien żejjed;

30.  Jenfasizza l-importanza li jinsab bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol permezz tal-aċċess, it-tgawdija u l-parteċipazzjoni f'diversi attivitajiet kulturali;

Ostakoli u sfidi edukattivi

31.  Jenfasizza li l-livell ta' edukazzjoni huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell tal-parteċipazzjoni fil-kultura; jenfasizza li livell ogħla ta' edukazzjoni jissarraf f'livell ogħla ta' parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali(27); jenfasizza li s-suġġetti mużikali, it-taħriġ fil-lingwi fl-iskejjel u l-edukazzjoni kulturali informali jiffurmaw parti integrali mill-edukazzjoni ġenerali, li huma adatti biex inaqqsu d-differenzi soċjali u b'hekk jeħtieġu l-istess appoġġ bħas-suġġetti STEM;

32.  Jenfasizza li l-għarfien huwa kkonċepit bħala prodott tal-interazzjonijiet kulturali li jaġixxu u jirreaġixxu fuq l-individwu li jifforma impronta kulturali;

33.  Iħeġġeġ approċċ interattiv u inklużiv ibbażat fuq il-komunità fl-iżvilupp ta' politiki kulturali u edukattivi sabiex jiżdiedu l-interess u l-parteċipazzjoni kulturali, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea;

34.  Jinnota li n-nuqqas ta' interess huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni kulturali msemmija l-aktar ta' spiss minn fost ir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Eurostat u f'dak tal-Ewrobarometru(28); jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-appoġġ għad-domanda, li jinftiehem bħala t-tiswir ta' interess u għarfien tal-kultura permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, għandu jkun kompitu ta' prijorità f'termini taż-żieda tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha;

35.  Jirrakkomanda li tinħareġ "Kard Ewropea tal-Istudenti" fuq bażi ġenerali u li l-aċċess b'xejn għall-istituzzjonijiet kulturali tal-UE għandu jiżdied mal-benefiċċji li tagħti;

36.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-iskejjel u tal-familji bħala pjattaformi ewlenin sabiex iż-żgħażagħ jinġiebu f'kuntatt mal-kultura u sabiex isawru l-ħtiġijiet u l-kompetenzi kulturali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu passi 'l quddiem lejn l-integrazzjoni akbar tal-edukazzjoni kulturali u artistika fil-programmi u l-kurrikuli tal-iskejjel, kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll dik informali;

37.  Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u permezz ta' finanzjament u/jew sussidji, jiżguraw li jingħata tagħlim mużikali fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim pubbliku;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-edukazzjoni bħala waħda mill-iktar attivitajiet kulturali importanti, peress li l-promozzjoni tad-domanda tfisser, qabel kollox, li n-nies jingħataw il-ħiliet u l-għarfien biex ikunu jistgħu japprezzaw l-arti; ifakkar li l-kultivazzjoni tal-interess fil-kultura hija aktar effettiva jekk issir f'età bikrija, u jqis għalhekk li l-kultura għandha tingħata iktar spazju fil-kurrikuli tal-iskejjel u li għandhom ikunu disponibbli iktar riżorsi umani u materjali biex jintlaħaq dan l-objettiv; jitlob li jingħata finanzjament lill-iskejjel għal żjarat f'mużewijiet u istituzzjonijiet kulturali oħrajn, peress li dan jippromwovi fl-istess ħin l-interess fil-kultura u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u jipprovdi riżorsi addizzjonali għall-istituzzjonijiet kulturali;

39.  Jenfasizza l-importanza tas-sistemi ta' tagħlim pubbliku fl-introduzzjoni tat-tfal għad-diversità tax-xena kulturali, biex b'hekk jingħata wkoll kontribut għall-ħolqien ta' udjenzi ġodda u għad-disseminazzjoni kulturali; jenfasizza wkoll l-importanza tad-diversi istituzzjonijiet kulturali li jiżviluppaw sħubijiet mal-iskejjel fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġjaw programmi ta' edukazzjoni kulturali "barra mill-iskola" għal kulħadd, u b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati, permezz ta' programmi li għandhom l-objettiv li jintroduċuhom għal diversi forom ta' espressjoni artistika jew li jiffaċilitawlhom il-familjarizzazzjoni mal-wirt kulturali eżistenti;

41.  Jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet kulturali, inkluż taċ-ċentri kulturali lokali u tal-libreriji bħala atturi ewlenin sabiex jingħelbu l-ostakoli għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament lil dawn l-istituzzjonijiet kulturali;

42.  Isejjaħ għal apprezzament u fehim akbar tar-rwol soċjali li jaqdu l-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali tal-komunità, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew imbiegħda, mhux biss bit-tisħiħ tal-finanzjament pubbliku, iżda wkoll bil-ħolqien ta' sħubijiet, billi jingħataw mezzi adegwati fil-livell tal-ICT u r-riżorsi umani b'aċċess għal taħriġ, u b'hekk jiġu ttrasformati f'istituzzjonijiet li kapaċi jtejbu l-ħajjiet tal-persuni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali;

43.  Jinnota li l-istabbiliment ta' sħubijiet huwa fundamentali biex jiġu attirati udjenzi potenzjali għall-attivitajiet artistiċi u li dan jista' jsir, pereżempju, permezz ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-istudenti, il-migranti jew il-persuni b'diżabilità, sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom;

44.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi inizjattivi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jippromwovu l-kuntatt, il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-arti tradizzjonali, l-istituzzjonijiet kulturali u diversi organizzazzjonijiet multikulturali jew ta' minoranzi, kif ukoll bejn is-setturi kulturali professjonali u tad-dilettanti;

45.  Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' strateġija koerenti li tappoġġja l-proġetti edukattivi proposti mill-istituzzjonijiet kulturali; jenfasizza li dawn il-proġetti huma għodod li jappoġġjaw u jibnu s-sensibilizzazzjoni u l-kompetenzi kulturali kif ukoll l-għarfien interkulturali, biex b'hekk iservu bħala punt tat-tluq għall-involviment fit-tul tal-pubbliku f'attivitajiet kulturali;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu programmi għall-ħin liberu taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet kulturali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw aċċess aktar mifrux għal istituzzjonijiet kulturali u jiżviluppaw strateġija Ewropea komprensiva dwar l-aċċess għal spazji pubbliċi, partikolarment relatati mal-kultura fl-ambjent urban mibni, bħal fil-każijiet ta' mużewijiet, teatri, swali taċ-ċinema, libreriji, swali tal-kunċerti, eċċ;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw il-ħolqien ta' boroż ta' studju jew ta' apprendistat għall-istudenti b'rabta man-netwerks edukattivi pubbliċi jew privati fl-istituzzjonijiet kulturali jew ta' ġestjoni kulturali;

Ostakoli strutturali

49.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rati ta' parteċipazzjoni kulturali spiss aktar baxxi fost il-popolazzjoni rurali, li huma kkundizzjonati strutturalment(29), u f'dan il-kuntest, għar-rwol ta' ċentri kulturali lokali żgħar, l-infrastruttura tat-trasport u l-appoġġ għat-turiżmu kulturali sostenibbli fl-iffaċilitar tal-aċċess għal istituzzjonijiet kulturali;

50.  Jenfasizza li l-wirt kulturali Ewropew huwa uniku fid-dinja għad-diversità u r-rikkezza tiegħu u jissottolinja li t-turiżmu kulturali għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli kif ukoll biex irawwem il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jqawwu l-isforzi u l-investimenti tagħhom sabiex jiżviluppaw politika tat-turiżmu kulturali sostenibbli u fit-tul;

51.  Iħeġġeġ investiment akbar fis-settur kulturali sabiex tingħata spinta lill-ekonomiji lokali u biex jinġieb 'il quddiem it-turiżmu kulturali; jinnota li t-turiżmu kulturali, f'sinerġija max-xjenza, is-settur primarju, u ċ-ċentri artiġjanali u industrijali, kif ukoll il-mobilità, huma fatturi deċiżivi għal Ewropa aktar qrib taċ-ċittadini u aktar umanistika;

52.  Jissuġġerixxi investiment akbar fl-aċċess għall-kultura għar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u mbiegħda, b'mod li jinħolqu opportunitajiet kulturali deċentralizzati;

53.  Jinnota l-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri sabiex jittejjeb l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għal infrastruttura kulturali mingħajr ostakoli teknoloġiċi jew fiżiċi kif ukoll għal attivitajiet kulturali u għall-midja; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, sabiex ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-kultura u jagħmlu sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli eżistenti;

54.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regoli ta' parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-wirt kulturali bbażati fuq approċċ li jiffoka fuq il-komunitajiet lokali b'tali mod li jinterċettaw id-domanda u jinvolvu aktar partijiet tal-pubbliku, filwaqt li jikkunsidraw b'mod partikolari ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati u marġinalizzati;

55.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kulturali li jiddependu minnhom biex jiżguraw prodott kulturali li jkun aċċessibbli għal kulħadd, flimkien ma' miżuri speċifiċi għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni, bħat-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità jew il-migranti, fost oħrajn;

56.  Jissottolinja l-ħtieġa għal investiment akbar, min-naħa tal-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tal-kodiċi universali tal-qari bis-sens tal-mess u ta' kitba (is-sistema Braille) f'varjetà wiesgħa ta' infrastrutturi u teknoloġiji kulturali; isejjaħ għal investiment akbar fil-produzzjoni ta' kotba, rivisti u ġurnali f'format awdjo, kif ukoll l-użu tal-lingwa tas-sinjali fil-produzzjonijiet teatrali;

57.  Jirrimarka dwar l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, prinċipalment dawk fiskali; jenfasizza l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq l-espansjoni tal-offerta kulturali tal-Ewropa; jilqa' l-programm Ewropa Kreattiva biex jikkontribwixxi għas-suċċess tal-mobilità kulturali u tal-professjonisti tas-settur kif ukoll biex jingħata inċentiv għad-disseminazzjoni ta' avvenimenti u proġetti kulturali ta' kwalità;

58.  Ifakkar li l-ostakoli fl-aċċess għall-kultura jimmanifestaw ruħhom b'mod aktar ċar fuq livell lokali, u għalhekk l-investiment fi proġetti ta' mobilità kulturali ddifferenzjati għandu jissaħħaħ sabiex jippermetti l-iżvilupp u l-koeżjoni tal-lokalitajiet lokali;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-mobilità tal-artisti Ewropej u minn pajjiżi terzi bħala assi fil-promozzjoni tal-paċi, l-iskambju ta' opinjonijiet u d-dikostruzzjoni ta' sterjotipi soċjali u kulturali;

60.  Ifakkar li l-ostakoli tal-lingwa jista' jkollhom effett negattiv fuq id-domanda kulturali, u jitlob għalhekk it-tisħiħ tal-multilingwiżmu fil-produzzjonijiet kulturali;

61.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw it-trasport u l-aċċess għall-istituzzjonijiet kulturali għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa;

Ostakoli u sfidi diġitali

62.  Huwa konvint li l-għodod diġitali, meta jintużaw u jiġu implimentati kif xieraq u meta jkunu akkumpanjati minn livell konsistenti ta' litteriżmu diġitali, jistgħu jgħinu biex jingħelbu ostakoli għall-aċċess għall-kultura kkawżati minn fatturi li jinkludu pożizzjoni ġeografika żvantaġġata, diżabilità, sfond soċjali, lingwa u nuqqas ta' ħin jew ta' riżorsi finanzjarji; jirrimarka li, mingħajr ma dan ikun ifisser diżinvestiment fid-deċentralizzazzjoni ġeografika tal-attivitajiet kulturali, l-għodod diġitali jistgħu jkunu wkoll għodda sabiex jingħelbu l-ostakoli soċjali jew mentali;; iqis, għalhekk, li f'dan il-kuntest, l-edukazzjoni diġitali għandha tidħol fil-proċess tat-tagħlim minn età żgħira sabiex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet ix-xierqa;

63.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tfassal strateġija diġitali konsistenti, immirata lejn l-infrastrutturi u l-attivitajiet kulturali, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

64.  Jinnota l-problema tal-esklużjoni diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li din tiġi miġġielda; ifakkar, f'dan il-kuntest, li d-diġitalizzazzjoni tirrikjedi li l-istituzzjonijiet edukattivi u kulturali, kif ukoll il-benefiċjarji nfushom, jiksbu kompetenzi, ħiliet u għarfien ġodda; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tinbena kapaċità għall-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda fl-istituzzjonijiet kulturali u biex jadattawhom għall-isfidi tal-bidla teknoloġika;

65.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-wirt kulturali fl-Ewropa għandhom jiġi implimentati abbażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħallieqa u tal-proprjetà intellettwali; iqis f'dan ir-rigward li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma għandhomx ixekklu l-għan pubbliku ġenerali li jiżdied l-aċċess għal kontenut kreattiv, informazzjoni u għarfien u jiġi appoġġjat it-tixrid tagħhom; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa urġenti li jinħoloq ambjent diġitali sigur biex l-artisti u l-ħallieqa jkunu jistgħu jiġu rimunerati kif xieraq għax-xogħol tagħhom u tiġi żgurata rimunerazzjoni ġusta għal aċċess transkonfinali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti prijorità lill-approċċi innovattivi għall-iżvilupp u l-involviment tal-udjenza, inkluż permezz ta' teknoloġiji ġodda, fil-qafas tal-programmi tal-UE, b'mod partikolari l-programm Ewropa Kreattiva u l-iterazzjonijiet sussegwenti tiegħu;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-iżvilupp tal-udjenza fl-istrateġiji kulturali u diġitali tagħhom u jappoġġjaw l-użu ta' teknoloġiji diġitali sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut kulturali;

68.  Jirrikonoxxi l-kontribut li sar mill-pjattaforma Europeana u mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri għad-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-kontenut kulturali; jitlob, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li jingħata appoġġ sostenibbli għall-proġett u li dan jitfassal aħjar u li ssir promozzjoni tal-aċċess pubbliku għas-servizzi u r-riżorsi tal-wirt kulturali diġitali; jitlob ristrutturar reali tas-sit sabiex jikkonforma aħjar ma' teknoloġiji avvanzati kif ukoll politika ta' komunikazzjoni ġenwina li tkun konformi mar-rikkezza tal-kontenut miġbur fuq is-sit;

69.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi ġestita data kulturali fil-kuntest ta' riċevituri tad-data sabiex l-organizzazzjonijiet kulturali jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tar-riċevituri u jiżviluppaw approċċ koerenti għall-udjenza diġitali;

70.  Jinnota li l-kontenut kulturali jaqdi rwol essenzjali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji ġodda kkonċernati mill-pubbliku inġenerali, kif ukoll fl-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u ta' livelli ta' litteriżmu medjatiku taċ-ċittadini Ewropej;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.
(2) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0486.
(4) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.
(5) ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.
(6) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.
(7) ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 179.
(8) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 55.
(9) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 88.
(10) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.
(11) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0233.
(13) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.
(14) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(15) Testi adottati, P8_TA(2017)0474.
(16) Testi adottati, P8_TA(2017)0062.
(17) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(18) ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.
(19) ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.
(20) ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13.
(21) ĠU C 212, 14.6.2016, p. 9.
(22) ĠU C 134, 7.6.2003, p. 7.
(23) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(24) Rapport bit-titlu 'Policies and good practices in the public arts and cultural institutions to promote better access to and wider participation in culture' (Politiki u prassi tajba fl-istituzzjonijiet artistiċi u kulturali pubbliċi sabiex jippromwovu aċċess aħjar għall-kultura u parteċipazzjoni usa' fiha), Ottubru 2012.
(25) Eurostat, Culture statistics - cultural employment (Statistika kulturali - Impjiegi kulturali - 2017), http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Culture_statistics_-_cultural_employment
(26) Ewrobarometru 399.
(27) Statistika Kulturali tal-Eurostat, edizzjoni tal-2016, paġni 116-136; Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).
(28) Ewrobarometru 399, Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).
(29) Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).


Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet ***I
PDF 339kWORD 50k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet (COM(2016)0822 – C8-0012/2017 – 2016/0404(COD))
P8_TA(2018)0263A8-0395/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0822),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 46, 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0012/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Bundestag Ġermaniż, il-Bundesrat Ġermaniż, l-Assemblea Nazzjonali Franċiża, is-Senat Franċiż, il-Kunsill Federali Awstrijak, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tal-20 ta' April 2018, li japprova l-pożizzjoni msemmija, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0395/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

P8_TC1-COD(2016)0404


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/958).

(1) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43.


L-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq ***I
PDF 383kWORD 54k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq (COM(2017)0282 – C8-0172/2017 – 2017/0113(COD))(1)
P8_TA(2018)0264A8-0193/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  L-użu ta' vetturi mikrija jista' jnaqqas l-ispejjeż ta' impriżi li jittrasportaw merkanzija f'isimhom jew f'isem ħaddieħor, u fl-istess ħin iżid il-flessibbiltà operattiva. Għalhekk, dan jista' jagħti kontribut għal żieda fil-produttività u fil-kompetittività tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, peress li hemm it-tendenza li l-vetturi mikrija jkunu inqas antiki mill-flotta medja, dawn ukoll ikunu aktar sikuri u jniġġsu inqas.
(2)  Dan l-użu ta' vetturi mikrija jista' jnaqqas l-ispejjeż ta' impriżi li jittrasportaw merkanzija f'isimhom jew f'isem ħaddieħor, u fl-istess ħin iżid il-flessibbiltà operattiva. Dan l-użu ta' vetturi mikrija jista' għaldaqstant jagħti kontribut għal żieda fil-produttività u fil-kompetittività tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, peress li hemm it-tendenza li l-vetturi mikrija jkunu inqas antiki mill-flotta medja, jista' jkun li dawn ikunu aktar sikuri u jniġġsu inqas.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 3
(3)  Id-Direttiva 2006/1/KE ma tippermettix li l-impriżi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li jġib miegħu l-użu ta' vetturi mikrija. Dik id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu mill-impriżi tagħhom ta' vetturi mikrija b'piż mgħobbi permissibbli massimu ta' mhux aktar minn sitt tunnellati għal operazzjonijiet tat-trasport f'isimhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jippermettu l-użu ta' vettura mikrija fuq it-territorji rispettivi tagħhom jekk il-vettura tkun ġiet irreġistrata jew tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.
(3)  Id-Direttiva 2006/1/KE ma tippermettix li l-impriżi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li jġib miegħu l-użu ta' vetturi mikrija. Dik id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-użu, mill-impriżi stabbiliti fit-territorji tagħhom, ta' vetturi mikrija b'piż mgħobbi permissibbli massimu ta' mhux aktar minn sitt tunnellati għal operazzjonijiet tat-trasport f'isimhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex obbligati jippermettu l-użu ta' vettura mikrija fit-territorji rispettivi tagħhom li tkun ġiet irreġistrata jew tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura.
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jitħallewx jillimitaw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-użu ta' vettura mikrija minn impriża stabbilita b'mod dovut fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, dment li l-vettura tkun reġistrata u konformi mal-istandards tal-operat u r-rekwiżiti tas-sikurezza, jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru u awtorizzata topera mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża responsabbli.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 5
(5)  Il-livell ta' tassazzjoni fuq it-trasport bit-triq għadu jvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Għaldaqstant, ċerti restrizzjonijiet, li jaffettwaw ukoll b'mod indirett il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kiri ta' vetturi, jibqgħu ġustifikati sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fiskali. Bħala riżultat ta' dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jillimitaw it-tul ta' żmien li fih vettura mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża tista' tintuża fit-territorji rispettivi tagħhom.
(5)  Il-livell ta' tassazzjoni fuq it-trasport bit-triq għadu jvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Għaldaqstant, ċerti restrizzjonijiet, li jaffettwaw ukoll b'mod indirett il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-kiri ta' vetturi, jibqgħu ġustifikati bl-iskop li jiġu evitati distorsjonijiet fiskali. Bħala riżultat ta' dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jillimitaw, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u fit-territorji rispettivi tagħhom, it-tul ta' żmien li impriża stabbilita tista' tuża vettura mikrija rreġistrata jew imdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni f'xi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li dawn jitħallew jillimitaw ukoll l-għadd ta' tali vetturi li jkunu qegħdin jinkrew minn impriża stabbilita fit-territorji tagħhom.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 5a (ġdida)
(5a)  Sabiex jiġu infurzati dawn il-miżuri, l-informazzjoni dwar in-numru ta' reġistrazzjoni tal-vettura mikrija jenħtieġ li titniżżel fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment li qegħdin jiġu infurmati dwar l-użu ta' vettura li l-operatur ikun kera u li tkun irreġistrata jew iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru partikolari. Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) għal dan il-għan.
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 6a (ġdida)
(6a)   Sabiex jinżammu l-istandards operattivi, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sikurezza u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għas-sewwieqa, huwa importanti li t-trasportaturi jkollhom aċċess garantit għall-assi u infrastruttura ta' appoġġ dirett fil-pajjiż li fih iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 7
(7)  Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni u tiddokumentahom f'rapport. Jenħtieġ li kull azzjoni futura f'dan il-qasam tiġi kkunsidrata fid-dawl ta' dak ir-rapport.
(7)  Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni, u hija tiddokumentahom f'rapport mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li r-rapport iqis b'mod dovut l-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq, fuq id-dħul mit-taxxa u fuq l-ambjent. Jenħtieġ li r-rapport jivvaluta wkoll kull ksur ta' din id-Direttiva, inklużi l-każijiet ta' ksur transkonfinali. Jenħtieġ li l-bżonn ta' azzjoni futura f'dan il-qasam jiġi kkunsidrat fid-dawl ta' dak ir-rapport.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt a – punt ii
Direttiva 2006/1/KE
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt a
(a)  il-vettura tkun irreġistrata jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta' Stat Membru;";
(a)  il-vettura tkun irreġistrata jew tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru, inklużi l-istandards operatorji u r-rekwiżiti tas-sikurezza;
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b
Direttiva 2006/1/KE
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt b
(b)  jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
imħassar
'1a. Meta l-vettura ma tkunx irreġistrata jew ma tiddaħħalx fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet tal-Istat Membru li fih tkun ġiet stabbilita l-impriża li tikri l-vettura, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw iż-żmien tal-użu ta' vettura mikrija fit-territorji rispettivi tagħhom. Madankollu, f'każijiet bħal dawn l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-vettura għal mill-inqas erba' xhur fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari. ’
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2006/1/KE
Artikolu 3 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi tagħhom ikunu jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.
1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi stabbiliti fit-territorji tagħhom ikunu jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2006/1/KE
Artikolu 3 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.  Meta l-vettura tkun irreġistrata jew titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża jista':
(a)  jillimita ż-żmien ta' użu tal-vettura mikrija fit-territorju rispettiv tiegħu dment li jippermetti li l-vettura mikrija tintuża tal-inqas erba' xhur konsekuttivi fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari; f'dan il-każ jista' jiġi stipulat li l-kuntratt tal-kiri ma jdumx aktar mil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Istat Membru;
(b)  jillimita n-numru ta' vetturi mikrija li jistgħu jintużaw minn kwalunkwe impriża, dment li dawn jippermettu l-użu ta' tal-inqas għadd ta' vetturi li jikkorrispondi għal 25 % tal-flotta ġenerali tal-vetturi għat-trasport tal-merkanzija li jkunu proprjetà tal-impriża fil-31 ta' Diċembru tas-sena qabel it-talba għal awtorizzazzjoni; f'dan il-każ impriża li jkollha flotta ġenerali ta' aktar minn vettura waħda u inqas minn erba' vetturi, għandha tkun tista' tuża tal-inqas waħda minn dawn il-vetturi mikrija."
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2a (ġdid)
Direttiva 2006/1/KE
Artikolu 3a (ġdid)
(2 a)  jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej
"Artikolu 3a
1.  L-informazzjoni dwar in-numru ta' reġistrazzjoni ta' vettura mikrija għandha titniżżel fir-reġistru elettroniku nazzjonali kif definit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009*.
2.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment ta' operatur li jiġu informati dwar l-użu ta' vettura li l-operatur ikun kera u li tkun irreġistrata jew iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni f'konformità mal-liġijiet ta' Stat Membru ieħor għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru partikolari.
3.  Il-kooperazzjoni amministrattiva prevista fil-paragrafu 2 għandha ssir permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012**.
__________________
* B'riferiment għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 b'kont meħud tal-estensjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata kif propost mill-Kummissjoni.
** ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1."
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3
Direttiva 2006/1/KE
Artikolu 5a – paragrafu 1
Sa mhux aktar tard minn [...], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura. Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tivvaluta huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.
Sa mhux aktar tard minn [tliet snin wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva emendatorja], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura. Ir-rapport għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq u fuq id-dħul mit-taxxa, inklużi d-distorsjonijiet fiskali, u fuq l-infurzar tar-regoli tal-kabotaġġ f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Abbażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tivvaluta huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [insert the date calculated 18 months following the entry into force]. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet minnufih.
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sa ... [20 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet minnufih.

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A8-0193/2018).


Oġġezzjoni għal att delegat: Miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana
PDF 258kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/118 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana (C(2018)01194 – 2018/2614(DEA))
P8_TA(2018)0265B8-0299/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2018)01194),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(2) u 46(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118 tal-5 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi l-miżuri ta' konservazzjoni fis-sajd għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Baħar tat-Tramuntana(2),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jilħqu status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet marini sal-2020 bi qbil mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(3), filwaqt li l-Artikolu 2(5)(j) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi li l-politika komuni tas-sajd tikkontribwixxi għal dan il-għan;

B.  billi l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) esprima, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-parir xjentifiku rilevanti tiegħu(4), għadd ta' punti ta' tħassib rigward l-effettività tal-miżuri proposti għall-ispeċijiet u l-ħabitats protetti u għall-integrità ta' qiegħ il-baħar; billi dak it-tħassib ma ġiex kompletament rifless fil-premessi tar-regolament delegat li qed jiġi rivedut;

C.  billi l-STECF innota wkoll, fil-parir xjentifiku tiegħu, li ċ-ċifri relatati mal-attività tas-sajd inkwistjoni, li fuqhom huma bbażati l-miżuri proposti, huma mis-snin 2010-2012 u għalhekk jafu jkunu skaduti;

D.  billi l-għadd mhux ikkwantifikat ta' bastimenti li jistgħu jiġu koperti mill-eżenzjonijiet parzjalment temporanji taħt l-Artikoli 3b, 3c u 3e tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118, kif emendat mir-regolament delegat taħt rieżami, jaf ikollu impatt fuq l-effettività tal-miżuri proposti;

E.  billi d-definizzjoni ta' "rkapti tas-sajd alternattivi li jagħmlu impatt fuq qiegħ il-baħar" stipulata fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/118, kif emendat mir-regolament delegat taħt reviżjoni, teħtieġ li tiġi speċifikata ulterjorment; billi jekk din tkopri s-sajd bl-impulsi elettriċi, definizzjoni bħal din tkun f'kontradizzjoni mal-mandat għal negozjati adottati mill-Parlament fis-16 ta' Jannar 2018(5) fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi(6);

F.  billi l-impatt tal-"irkaptu tas-sajd alternattiv li jagħmel impatt fuq qiegħ il-baħar" propost xorta jista' jkun ogħla b'mod sinifikanti minn dak ta' rkaptu ieħor, parzjalment ipprojbit (tartaruni Daniżi u Skoċċiżi);

G.  billi l-klawsola ta' rieżami u rappurtar tal-att delegat propost ma tapplikax għaż-żoni li għadhom kif ġew proposti u għall-ġestjoni tagħhom, b'tali mod li impossibbli li ssir evalwazzjoni trasparenti tal-effikaċja tal-miżuri, speċjalment fuq irkaptu alternattiv li jagħmel impatt fuq qiegħ il-baħar u li ġie ttestjat dan l-aħħar;

1.  Joġġezzjona għar-regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imsemmi hawn fuq;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) ĠU L 19, 25.1.2017, p. 10.
(3) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(4) Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (2017), l-54 Rapport tal-Laqgħa Plenarja (PLEN-17-01).
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0003.
(6) Il-proċedura leġiżlattiva 2016/0074(COD).


Territorji okkupati Georgjani 10 snin wara l-invażjoni Russa
PDF 277kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))
P8_TA(2018)0266RC-B8-0275/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 intitolat "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli" (SWD(2017)0300), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 intitolata "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) li ntbagħtet il-Georgia fil-15 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Georgia tal-2009, taħt it-tmexxija ta' Heidi Tagliavini,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Georgia qed tiċċelebra l-mitt anniversarju tal-ewwel repubblika demokratika Georgjana, imwaqqfa fl-1918, u bix-xieraq hija kburija bil-kisbiet kontemporanji tagħha;

B.  billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

C.  billi għaxar snin wara l-aggressjoni militari Russa fil-Georgia ta' Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha qed tokkupa illegalment it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk tkasbar id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; billi l-hekk imsejħa trattati ta' integrazzjoni u ta' alleanza ffirmati bejn ir-Russja u l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2014 u fl-2015 jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali, tal-prinċipji tal-OSKE u tal-impenji internazzjonali tar-Russja; billi l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix il-qafas tal-hekk imsejħa elezzjonijiet u tar-referendum li ġew organizzati minn separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2016 u l-2017;

D.  billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, b'rispett sħiħ tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

E.  billi r-Russja qed issaħħaħ kontinwament il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia bil-bini ta' bażijiet ġodda, bl-introduzzjoni ta' truppi ġodda u tagħmir ġdid u bit-twettiq ta' eżerċizzji militari;

F.  billi r-Russja qed tkompli tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE;

G.  billi r-Russja qed tkompli tiżola lill-Abkażja u lir-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi tagħlaq aktar punti ta' qsim, tistabbilixxi ostakoli fiżiċi matul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva u twettaq kampanja maħsuba biex teradika l-kultura tal-Georgia;

H.  billi din il-linja qed tidħol, b'mod gradwali iżda kostanti, 'il ġewwa fit-territorju kkontrollat minn Tbilisi fi proċess magħruf bħala "frunterizzazzjoni" u, f'xi postijiet, qed tgħaddi viċin ħafna ta' infrastruttura kritika bħalma huma l-awtostradi u l-pipelines tal-gass;

I.  billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – ir-riżultat ta' mewġa wara l-oħra ta' tindif etniku – għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom li jerġgħu lura lejn djarhom b'mod sikur u dinjituż;

J.  billi fir-reġjuni okkupati tal-Georgia qed jinkisru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna; billi diversi persuni għadhom qed jinħatfu u jinżammu illegalment;

K.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, hija kompletament responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post;

L.  billi l-invażjoni tal-2008 kienet l-ewwel attakk importanti li r-Russja għamlet bil-miftuħ fuq l-ordni Ewropew; billi aktar tard saru attakki oħra, fosthom l-annessjoni tal-Krimea u l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna;

M.  billi Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli, Georgjani spostati internament, inqatlu illegalment bħala riżultat tal-azzjonijiet brutali mwettqa mill-forzi tal-okkupazzjoni Russi f'Sokhumi u Tskhinvali;

N.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fetħet investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu fil-kunflitt;

O.  billi żjara konġunta ad hoc fil-Georgia fit-12 ta' Awwissu 2008 minn mexxejja tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – Lech Kaczyński, il-President tal-Polonja, Toomas Hendrik Ilves, il-President tal-Estonja, Valdas Adamkus, il-President tal-Litwanja, Ivars Godmanis, il-Prim Ministru tal-Latvja, u Viktor Yushchenko, il-President tal-Ukrajna – hija meqjusa fil-wisa' bħala fattur ewlieni li żamm lir-Russi milli jkompli javvanzaw lejn Tbilisi meta t-truppi kienu biss 50 km mill-belt kapitali tal-Georgia u li aġevola l-medjazzjoni tal-waqfien mill-ġlied mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE;

P.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiċħad l-aċċess tal-EUMM għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE, u b'hekk mhix tħalli lill-missjoni timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;

1.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jirrikonoxxi li l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;

2.  Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni ta' sigurtà Ewropew; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Georgia hija essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu; jikkunsidra li dawn il-kunflitti u l-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji Georgjani għadhom theddida potenzjali għas-sovranità tal-pajjiżi Ewropej kollha;

3.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa terġa' lura mid-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi l-hekk imsejħa indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna d-deċiżjoni li ħadu r-Russja, il-Venezwela, in-Nikaragwa, is-Sirja u Nauru li jirrikonoxxu lill-Abkażja u lill-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistedinhom jirtiraw dan ir-rikonoxximent;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Georgia;

5.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgja u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u ttemm l-integrazzjoni de facto taż-żewġ reġjuni fl-amministrazzjoni Russa;

6.  Jikkonferma l-impenn qawwi tal-UE li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-EUMM fil-Georgia u l-politika ta' nonrikonoxximent u ta' impenn;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli jikkoopera mal-QKI billi jiffaċilita l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, kif ukoll billi jiżgura li r-Reġistru tal-QKI jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu f'termini ta' sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni tal-vittmi;

8.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tippermetti lill-EUMM tikseb aċċess inkondizzjonat għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif previst mill-mandat tagħha; ifakkar li l-EUMM hija l-unika preżenza internazzjonali permanenti fuq il-post u li din tipprovdi informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni tul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, u jitlob li l-mandat tagħha jiġi estiż lil hinn mill-14 ta' Diċembru 2018;

9.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-frunterizzazzjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li hija qed tipprova tikseb bl-installazzjoni ta' ħitan tal-barbed wire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn; jitlob ukoll li jintemmu l-indħil fit-territorju kkontrollat mill-Gvern tal-Georgia u l-estensjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li intenzjonalment qed jostakolaw il-kuntatt bejn il-persuni u qed jiżolaw il-popolazzjoni taż-żewġ territorji okkupati;

10.  Jikkundanna l-qerda intenzjonata ta' għexieren ta' rħula u knejjes Georgjani fit-territorji okkupati tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll it-tentattiv intenzjonat li jitħassru t-traċċi tal-kultura u l-istorja tal-Georgja fit-territorji okkupati, u jikkundanna inizjattivi li jiffavorixxu l-antagoniżmu u l-firda bħall-hekk imsejjaħ referendum tal-2017 li japprova bidla fl-isem tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

11.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa taderixxi mal-prinċipju tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, billi tirreċiproka l-impenn unilaterali tal-Georgia li ma tużax il-forza, kif sostna l-President tal-Georgia fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010;

12.  Jilqa' l-inizjattiva ta' paċi l-ġdida tal-Gvern tal-Georgia intitolata "Pass lejn Ġejjieni Aħjar", immirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tal-persuni li jgħixu fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll lejn it-trawwim tal-kuntatt bejn il-persuni u lejn it-tkattir tal-fiduċja bejn il-komunitajiet maqsumin;

13.  Ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, bħala potenza okkupanti, għandha obbligi lejn il-popolazzjoni u li jeħtiġilha ttemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' etniċità u l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna fit-territorji okkupati tal-Georgia;

14.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Federazzjoni Russa ttemm l-impunità u d-delitti b'motivazzjoni etnika fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tneħħi kwalunkwe ostakolu sabiex jiġi żgurat li l-awturi tal-qtil illegali tal-Georgjani spostati internament Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15.  Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni bipartitika min-naħa tal-Parlament tal-Georgia li tistabbilixxi "lista sewda" ta' persuni responsabbli minn dan il-ksur jew mill-ħabi tiegħu (lista Otkhozoria-Tatunashvili) u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jinkludu f'lista sewda lill-persuni li jidhru jew li għandhom mnejn jidhru fuq il-lista Otkhozoria-Tatunashvili u jimponu sanzjonijiet fuqhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

16.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni spostati internament u r-rifuġjati lejn djarhom u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għall-mekkaniżmi internazzjonali inkarigati mill-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

17.  Itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-politiki sovversivi ta' propaganda, diżinformazzjoni u infiltrazzjoni tal-midja soċjali maħsuba biex idgħajfu d-demokrazija u s-soċjetà fil-Georgia billi jiskreditaw l-istituzzjonijiet, jimmanipulaw l-opinjoni pubblika, ixerrdu narrattivi foloz, ikebbsu t-tensjonijiet soċjali u jrawmu sfiduċja ġenerali fil-midja; jikkundanna, f'dan il-kuntest, il-gwerra tal-informazzjoni li qed twettaq ir-Russja, li qed tuża l-istabbilimenti tal-midja kkontrollati mill-istat tagħha biex deliberatament ixxandar aħbarijiet foloz bil-għan li tinfluwenza l-politika lokali u timmina l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea;

18.  Jenfasizza li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu pożizzjoni konsistenti, koordinata, magħquda u soda kontra l-politika ta' okkupazzjoni u annessjoni tar-Russja bħala l-uniku mezz biex ikunu żgurati r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u l-prevenzjoni ta' kunflitti simili fl-inħawi;

19.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ konsistenti ma' dak tal-Parlament Ewropew u l-politiki tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri billi jużaw termini aktar ċari u preċiżi huma u jiddefinixxu l-aggressjoni tar-Russja fil-Georgja bħala okkupazzjoni mill-Federazzjoni Russa tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0440.


In-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija ġdid UE-AKP
PDF 301kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (2018/2634(RSP))
P8_TA(2018)0267B8-0274/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Georgetown tal-1975 li stabbilixxa l-Grupp AKP, u r-reviżjoni tiegħu tal-1992(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(4),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2017 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (COM(2017)0763),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Novembru 2016 dwar "Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku" (JOIN(2016)0052),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Ottubru 2015 bit-titlu "Lejn sħubija ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020" (JOIN(2015)0033),

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titlu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Ġunju 2017 tal-Parlament, tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u tal-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew il-Ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' Diċembru 2017 dwar sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u tat-12 ta' Mejju 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Grupp ta' pajjiżi AKP,

–  wara li kkunsidra s-seba' u t-tmien Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-pajjiżi AKP li saru f'Malabo (13-14 ta' Diċembru 2012) u f'Port Moresby (4 ta' Mejju 2016) rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-103 u l-105 laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Konġunt AKP-UE li saru f'Dakar (26-27 ta' April 2016) u fi Brussell (3-4 ta' Mejju 2017) rispettivament,

–  wara li kkunsidra s-Summit UE-Unjoni Afrikana, li sar f'Abidjan mid-29 sat-30 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Persuni Eminenti tal-AKP ta' Marzu 2016 dwar il-futur tal-AKP wara l-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-tmien Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Grupp ta' Stati AKP tal-1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE(6) u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar id-dimensjoni parlamentari tar-relazzjonijiet AKP-UE ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (O-000043/2018 – B8-0025/2018 u O-000044/2018 – B8-0026/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-saħħa u l-acquis tal-Ftehim ta' Cotonou huma bbażati fuq għadd ta' karatteristiċi uniċi, bħan-natura ġuridikament vinkolanti tiegħu, il-kompletezza tat-tliet pilastri tiegħu: il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni politika u l-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, u l-baġit kbir tiegħu fil-forma tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

B.  billi s-sħubija AKP-UE kellha rwol importanti fil-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), minkejja li l-UE ma rnexxilhiex tilħaq l-objettiv li talloka 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħha għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

C.  billi s-sħubija AKP-UE tat kontribut sinifikanti għall-qerda tal-faqar, għall-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija globali, u bħala attur globali aktar effikaċi fil-kummerċ multilaterali u fin-negozjati dwar il-klima;

D.  billi s-sħubija AKP-UE tejbet l-aċċess għas-suq għall-Istati AKP u għall-Istati Membri tal-UE u ppromoviet fehim reċiproku akbar tal-pożizzjonijiet, il-valuri u n-normi permezz ta' djalogu politiku bejniethom;

E.  billi, għalkemm is-sħubija AKP-UE tat kontribut kbir għall-avvanz tal-MDGs, s'issa l-progress lejn l-għanijiet tal-qerda tal-faqar u l-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija dinjija għadu insuffiċjenti, minħabba li nofs l-Istati AKP għadhom fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati u peress li flimkien jirrappreżentaw inqas minn 5 % tal-kummerċ dinji u madwar 2 % tal-PDG globali;

F.  billi l-ħolqien tal-Unjoni Afrikana, l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, l-Istrateġija ta' Sħubija Konġunta UE-Karibew u l-Istrateġija UE-Paċifiku huma eżempju tal-approċċ dejjem aktar reġjonali tal-UE biex tindirizza kwistjonijiet ta' interess u tħassib komuni, bħall-paċi u s-sigurtà, it-terroriżmu u l-migrazzjoni;

G.  billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà politika huma prerekwiżiti għall-iżvilupp sostenibbli;

H.  billi l-bażi komuni u l-patti reġjonali jridu jqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali u kontinentali, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u komplementarjetà;

I.  billi l-Istati AKP identifikaw tliet pilastri għan-negozjati, jiġifieri:

   il-kummerċ, l-investiment u s-servizzi,
   il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ix-xjenza u t-teknoloġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni,
   id-djalogu u s-sostenn politiku;

J.  billi d-djalogu politiku dwar l-elementi essenzjali, kif imsemmi fl-Artikoli 8 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, huwa mezz konkret u ġuridiku li bih jitħarsu l-valuri komuni tas-sħubija AKP-UE u jkunu promossi d-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, li huma fundamentali għal żvilupp sostenibbli;

K.  billi hemm bżonn ċar li tinżamm il-kundizzjonalità marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-ftehim il-ġdid;

L.  billi minkejja rikonoxximent ċar tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat fil-Ftehim ta' Cotonou wara r-reviżjoni tiegħu tal-2010, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-deliberazzjonijiet dwar il-politiki u l-attivitajiet AKP-UE, fosthom fil-programmazzjoni, is-segwitu u l-valutazzjoni, kienet limitata;

M.  billi d-djalogu politiku sar l-aktar fi stadju avvanzat tal-kriżijiet politiċi u mhux b'mod preventiv;

N.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw leġiżlazzjoni dejjem aktar restrittiva kif ukoll ostakli oħrajn li jillimitaw l-attivitajiet u l-ispazju tagħhom;

O.  billi kapaċità teknika f'bosta stati tal-AKP biex jimmaniġġjaw kwistjonijiet fil-qasam tat-tassazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni kemm għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku kif ukoll għall-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali tat-taxxa;

P.  billi l-FEŻ huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE u mhuwiex suġġett għar-regoli baġitarji normali tal-UE; billi l-Parlament m'għandu l-ebda poter fuq il-baġit tal-FEŻ ħlief billi jagħti l-kwittanza għall-iżborżi li diġà jkunu saru, u lanqas m'għandu drittijiet ta' skrutinju formali fuq il-programmazzjoni tal-FEŻ;

Q.  billi r-rinforz tad-dimensjoni parlamentari tas-sħubija AKP-UE kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol konsultattiv tiegħu għandhom ikunu element fundamentali tas-sħubija l-ġdida;

R.  billi l-frekwenza u d-diversità tal-laqgħat tal-AKP-UE Assemblea Parlamentari Konġunta (APK) ppermettew li jsir djalogu konsistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-Membri AKP, u b'hekk ġiet ikkonsolidata l-leġittimità tagħha u ssaħħet id-diplomazija parlamentari; billi l-APK serviet bħala mudell ta' diplomazija parlamentari f'diversi fora politiċi;

1.  Jilqa' pożittivament l-aspetti ewlenin u l-arkitettura ġenerali tal-kooperazzjoni futura bejn il-Grupp ta' Stati AKP u l-Unjoni Ewropea proposta mill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija futur;

2.  Jinsisti li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp iridu jkunu fil-qalba tas-sħubija AKP-UE mġedda;

3.  Jilqa' l-fatt li l-ilħuq tal-SDGs jitqies bħala objettiv ewlieni, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miżuri konkreti ta' implimentazzjoni fil-patti proposti; jisħaq fuq il-ħtieġa għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet trasversali bħas-sostenibbiltà ambjentali, l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet dwar il-ġeneru u l-ġustizzja soċjali fil-politiki kollha, il-pjanijiet u l-interventi tal-ftehim futur;

4.  Jilqa' l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim ta' sħubija ġdid hija miftuħa għas-sħab esterni;

5.  Ifakkar li l-ewwel l-SDG huwa l-qerda tal-faqar, li tibqa' problema ewlenija fil-biċċa l-kbira tal-Istati AKP; jisħaq fuq il-fatt, għalhekk, li l-ġlieda kontra l-faqar trid tibqa' element ċentrali tal-ftehim futur;

6.  Josserva li l-Kummissjoni qieset, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-pożizzjoni tal-Parlament u li l-bażi komuni u l-patti reġjonali se jkunu ġuridikament vinkolanti b'mod indaqs, kif mitlub mill-Parlament;

7.  Ifakkar li l-ftehim ta' sħubija futur se jinkludi l-prinċipji ta' ekwità, ir-rispett reċiproku u l-interess reċiproku;

8.  Jinsisti li l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou, jiġifieri r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt u l-governanza tajba jinżammu bħala bażi għall-kooperazzjoni ta' wara l-2020 u jkunu parti integrali mill-ftehim kostituttiv u mill-patti u l-protokolli reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu b'mod espliċitu, fil-parti tal-mandat li tirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, orjentazzjoni jew identità sesswali, kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif previsti mill-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza abbażi tal-istrumenti ġuridiċi, il-liġijiet, il-prinċipji u l-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti stabbiliti mill-korpi ta' governanza reġjonali u pan-Afrikani, bil-għan li jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza;

10.  Ifakkar li s-sħubija futura bejn l-Istati AKP u l-Istati Membri tal-UE trid tinkorpora l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha fil-livelli kollha;

11.  Jistieden lin-negozjaturi tal-UE u tal-AKP jinkludu dispożizzjoni ċara dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali min-naħa tal-partijiet kollha fil-bażi kostituttiva komuni tal-ftehim;

12.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn il-prinċipji stabbiliti fil-parti kostituttiva komuni u fil-prijoritajiet reġjonali ddefiniti fil-patti, u jenfasizza li l-parti kostituttiva għandha tinkludi referenza espliċita għall-mekkaniżmi ta' monitoraġġ, rieżami u responsabbiltà f'każ ta' nonkonformità; jenfasizza li għandha tiġi żgurata wkoll ir-responsabbiltà tal-partijiet fil-konfront taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u li l-istituzzjonijiet konġunti għandhom jipprevedu mekkaniżmi li jippermettu lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini jirrapurtaw każijiet ta' ksur tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħrajn;

13.  Itenni lill-partijiet kollha fin-negozjati li d-djalogu politiku huwa parti fundamentali mill-Ftehim ta' Cotonou u li dan irid jibqa' pilastru ċentrali u ġuridiku fil-qafas ġenerali u fil-livell reġjonali tal-ftehim il-ġdid;

14.  Jissottolinja li d-djalogu politiku huwa parti integrali mis-sħubija u bażi siewja għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-popli fil-pajjiżi sħab; jappella, għaldaqstant, għal titjib fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u jenfasizza li l-monitoraġġ irid ikun inklużiv, trasparenti u parteċipattiv; jenfasizza l-importanza tal-involviment sinifikattiv tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha tad-djalogu;

15.  Ifakkar li d-djalogu politiku jrid ikun bilanċjat u msejjes fuq ir-rispett reċiproku;

16.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni AKP-UE għandha tipprevedi mekkaniżmu ta' rieżami bejn il-pari rigward il-progress u l-lakuni fl-implimentazzjoni tal-SDGs fuq bażi regolari, bl-involviment tal-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, kif ukoll evalwazzjoni regolari u rappurtar pubbliku dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħrajn; jemmen li, biex tkun effikaċi, l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs teħtieġ leġittimità, prossimità, sussidjarjetà u livell għoli ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali; jappella għal komunikazzjoni u djalogu aħjar sabiex ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi AKP u l-pajjiżi tal-UE tkun aktar profonda;

17.  Itenni li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSEs) jikkostitwixxu bażi għal kooperazzjoni reġjonali u huma strumenti għall-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali; jitlob, għalhekk, l-integrazzjoni sħiħa tagħhom tal-Ftehim AKP-UE ġdid;

18.  Jitlob li tissaħħaħ l-influwenza politika tas-sħubija AKP-UE fix-xena globali, b'tali mod li s-sħab ikollhom rwol aktar effikaċi globalment;

19.  Jitlob li l-ftehim futur ikun fih dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw ir-rwol u r-responsabbiltajiet tas-settur privat; jenfasizza l-ħtieġa, b'mod partikolari, li l-intrapriżi involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti, inkluż billi jirrispettaw il-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-istandards ambjentali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li kemm l-Istati tal-UE kif ukoll l-Istati tal-AKP jfasslu pjanijiet nazzjonali biex jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta;

20.  Ifakkar li l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi permezz tat-tassazzjoni tikkostitwixxi l-aktar sors importanti ta' dħul għall-finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih li l-miżuri biex jiġu miġġielda l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa ma jingħatawx post prominenti fl-abbozz ta' mandat; jistieden lill-partijiet fin-negozjati jinkludu fil-ftehim il-ġdid dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikampaw ma' standards globali emerġenti għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, inkluż l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, informazzjoni dwar sjieda benefiċjarji ta' kumpaniji u dwar rapportar pubbliku pajjiż b'pajjiż ta' kumpaniji multinazzjonali biex titwaqqaf l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, abbażi tal-mudelli tal-G20 u tal-OECD; jistieden barra minn hekk lill-partijiet jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw il-ħolqien ta' korp intergovernattiv legalment vinkolanti tan-NU dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa;

21.  Jiddispjaċih li l-abbozz tal-mandat ta' negozjar ma jipprevedi l-ebda dispożizzjoni li tiżgura dimensjoni ta' żvilupp sostenibbli għall-agrikoltura, minkejja l-isfidi enormi li jiffaċċjaw il-bdiewa fil-pajjiżi AKP minħabba t-tibdil fil-klima; jistieden lill-partijiet fin-negozjati jinkludu skemi ta' appoġġ għal prattiki agrikoli sostenibbli fil-ftehim il-ġdid;

22.  Jitlob li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar fid-djalogu politiku, il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, u li tingħata aktar appoġġ għall-bini tal-kapaċità; jissottolinja li l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu politiku huwa importanti, partikolarment fil-każ tal-gruppi lokali affettwati direttament mill-politiki; jissottolinja, f'dan ir-rigward, it-theddida ta' spazju dejjem iżgħar għas-soċjetà ċivili f'xi pajjiżi, u l-ħtieġa li jiġu inklużi gruppi bħall-minoranzi, iż-żgħażagħ u n-nisa li ma jistgħux jorganizzaw l-interessi tagħhom jew li, minkejja interess demokratiku leġittimu, mhumiex rikonoxxuti mill-gvern tagħhom;

23.  Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jinbena fuq ir-rikonoxximent tar-rwoli differenti li tiżvolġi, u li r-rwol tagħha bħala protagonista fil-ftehim għandu jiżdied;

24.  Jissottolinja li l-prinċipji ta' kooperazzjoni effikaċi għall-iżvilupp iridu jkunu inkorporati bis-sħiħ fil-ftehim ta' sħubija AKP-UE l-ġdid u li jridu jkunu previsti dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-sjieda tal-pajjiżi, l-enfasi fuq ir-riżultati, l-inklużività tal-proċess ta' żvilupp, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka jkunu l-pedamenti tal-ftehim u tal-protokolli reġjonali; jissottolinja li hemm bżonn jiġi żgurat approċċ ġeografiku bilanċjat għall-allokazzjoni tal-għajnuna b'enfasi sostanzjali fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-istati fraġli; iqis li l-allokazzjoni tal-għajnuna m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;

25.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni/s-sħubija l-ġdida bejn l-UE u l-AKP għandha tiżgura azzjoni konġunta aktar effikaċi biex jiġu indirizzati l-isfidi differenti li tiffaċċja d-dinja llum, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

26.  Itenni li l-ftehim futur irid joffri opportunità biex jitjiebu l-impenji u r-rispett fir-rigward tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) u għandu jinkludi mekkaniżmi għall-monitoraġġ sistematiku tal-PCD; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-PCD u jenfasizza li hemm bżonn jidħlu fi djalogu fuq bażi regolari fil-livell tal-pajjiżi;

27.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment mis-settur privat, li jiffaċilita l-iżvilupp fit-tul tas-swieq tal-kapital lokali u joħloq effett ta' lieva fuq il-baġits limitati tal-ODA sabiex jiġi massimizzat l-impatt u jiġu ffinanzjati l-SDGs;

28.  Itenni l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tal-ftehim futur, u b'hekk ikun garantit poter konsultattiv reali għall-Assemblea Parlamentari Konġunta ġenerali futura u jiġi żgurat li jitħalla lok għal djalogu parlamentari miftuħ, demokratiku u komprensiv; jitlob li l-awtonomija ġuridika u operattiva tagħha tkun garantita; jesiġi li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkun assoċjata mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-ftehim u li tiġi kkonsultata regolarment f'kull kwistjoni ta' importanza għas-sħubija; jemmen li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandha tkun involuta bis-sħiħ fin-negozjati dwar is-sħubija futura;

29.  Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jittejjeb l-iskrutinju tal-programmazzjoni tal-iżvilupp min-naħa tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

30.  Jinsab konvint li hemm bżonn ta' laqgħat regolari fil-livell tal-AKP-UE, tal-inqas darba fis-sena, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tas-sħubija u jingħata lok għal rappurtar regolari u evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-progress fit-twettiq tal-SDGs u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u elementi essenzjali oħra tal-ftehim, kif mitlub mill-Parlament;

31.  Jirrakkomanda, għalhekk, li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkun allinjata mal-istruttura reġjonali l-ġdida, filwaqt li l-attenzjoni tibqa' fuq il-ħidma fil-fora reġjonali bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali; iqis li l-Kunsill AKP-UE u l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandhom jiltaqgħu regolarment, iżda inqas ta' spiss mil-lum, f'sessjoni plenarja, daqqa fl-UE u daqqa fi Stat tal-AKP, iżda li s-sessjoni m'għandhiex tiddependi fuq jissejjaħx jew le l-Kunsill; jistieden lill-Istat Membru tal-UE li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE jinvolvi ruħu b'mod aktar profond f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħejjija, l-organizzazzjoni u fejn isiru s-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

32.  Jitlob li mill-inqas darba fis-sena jiġu organizzati f'kull reġjun laqgħat bejn Membri Parlamentari mill-UE u mill-AKP fil-livell ta' patti reġjonali, li jkunu akkumpanjati minn forum multilaterali li jinvolvi atturi mhux statali, inklużi s-soċjetà ċivili, iż-żgħażagħ u s-settur privat;

33.  Jinsab konvint li l-Parlament Pan-Afrikan jeħtieġ isir pilastru sod fil-kuntest tal-patt UE-Afrika li ġej, partikolarment fil-konfront tal-kunsill UE-Afrika u pari passu miegħu; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-kontropartijiet tal-AKP tagħha jippubblikaw proposti testwali dwar id-dimensjoni parlamentari u r-rwol tal-Parlament Pan-Afrikan fil-fażijiet inizjali tan-negozjati u jikkonsultaw mal-Parlament Pan-Afrikan u mal-Parlament Ewropew rispettivament f'dan is-sens;

34.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew jeħtieġ jinżamm infurmat bis-sħiħ u minnufih fil-fażijiet kollha tal-proċedura tan-negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jtenni l-bżonn ta' qbil dwar it-titjib tal-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-ftehimiet internazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, barra minn hekk, jinfurmaw lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bis-sħiħ u fil-pront fir-rigward tan-negozjati;

35.  Jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jippubblika l-mandat kif adottat mill-Kunsill; jistieden lill-Grupp ta' Stati AKP jagħmlu l-istess għall-mandat tagħhom;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Bureau ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/03_01/pdf/mn3012634_en.pdf
(2) http://www.wipo.int/edocs/trtdocs/en/acp/trt_acp_3.pdf
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0371.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(5) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 11.
(6) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 19.
(7) ĠU C 170, 30.5.2017, p. 36.
(8) http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/2015_acp2/pdf/1081264en.pdf


Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016
PDF 578kWORD 74k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2016 (2017/2273(INI))
P8_TA(2018)0268A8-0197/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-33 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2015) (COM(2016)0463),

–  wara li kkunsidra l-34 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2016) (COM(2017)0370),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni bit-titlu "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot"" (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titlu "It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot" (COM(2011)0930),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 bit-titlu "Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport annwali 2014"(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016, bit-titlu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta' Applikazzjoni Aħjar" (C(2016)8600),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwelerant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (COM(2002)0141),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 bit-titlu "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni" (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti(7) u r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea(8);

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2016 dwar it-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta' Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali (COM(2016)0316) u tat-3 ta' Frar 2017 bit-titlu "L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar" (COM(2017)0063),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0197/2018),

A.  billi l-Artikolu 17 tat-TUE jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati;

B.  billi l-Artikolu 2 tat-TUE jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u billi l-implimentazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE definiti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni sekondarja; billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jagħti lill-Unjoni l-kompitu li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha;

C.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi, fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali;

D.  billi l-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-għanijiet tal-Unjoni huma, inter alia, il-promozzjoni tal-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha u l-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq tkabbir ekonomiku ekwilibrat u l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija tas-suq soċjali kompettittiva ħafna, li timmira lejn l-impjieg sħiħ u l-progress soċjali, u livell għoli ta' ħarsien u titjib tal-kwalità tal-ambjent, u li l-Unjoni għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tal-drittijiet tal-minorenni,

E.  billi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni ċara u preċiża dwar il-mod li bih jittrasponu d-direttivi tal-UE fid-dritt nazzjonali; billi, skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri(9) u d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(10), l-Istati Membri jistgħu, meta jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni, ikunu obbligati wkoll jipprovdu dokumenti li jispjegaw kif ittrasponew id-direttivi fid-dritt nazzjonali;

F.  billi skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE u l-Artikoli 288(3) u 291(1) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-UE b'mod korrett u fiż-żmien previst, kif ukoll li jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw il-protezzjoni legali effikaċi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-UE;

G.  billi l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE tiggarantixxi l-benefiċċji tal-politiki tal-Unjoni liċ-ċittadini Ewropej kollha u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji;

H.  billi, wara l-adozzjoni f'Diċembru 2016 tal-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonċentra fuq każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni, fejn dawk il-miżuri jittrasponu direttivi b'mod inkorrett, jew fejn l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw ma' sentenza tal-QtĠ-UE (skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE), u jikkawżaw dannu serju lill-interessi finanzjarji tal-UE jew jidħlu fuq is-setgħat esklużivi tal-UE;

I.  billi, skont l-Artikolu 6(1) tat-TUE, il-Karta għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija indirizzata lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni u tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta);

J.  billi l-proċeduri tal-EU Pilot huma maħsuba għal kooperazzjoni eqreb u aktar koerenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikun hemm rimedju, permezz ta' djalogu bilaterali, għall-ksur tad-dritt tal-UE fi stadju bikri sabiex, kulfejn ikun possibbli, jiġu evitati proċedimenti formali għal ksur;

K.  billi huwa neċessarju – b'reazzjoni għad-defiċit demokratiku attwali u b'referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid li jipprovdi qafas uniku u koerenti msejjes fuq l-istrumenti u l-mekkaniżmi eżistenti, li għandu jiġi applikat b'mod uniformi għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-Istati Membri kollha;

L.  billi, madankollu, skont il-politiki l-ġodda adottati mill-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità mad-dritt tal-UE, l-għan tal-EU Pilot mhuwiex li l-proċedura ta' ksur tittawwal, li minnu nnifsu huwa mezz biex wieħed jidħol fi djalogu ma' Stat Membru għas-soluzzjoni tal-problemi;

M.  billi, sabiex tiżgura approċċ aktar strateġiku u effikaċi tal-infurzar biex tittratta l-każijiet ta' ksur, il-Kummissjoni ddeċidiet, kif indikat fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", li tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur mingħajr ma toqgħod fuq il-mekkaniżmu tal-EU Pilot, dment li l-użu tiegħu ma jitqisx utli f'każ partikolari;

N.  billi fl-2016 il-Kummissjoni rċeviet 3 783 ilment ġdid li rrapportaw dwar possibbiltajiet ta' ksur tad-dritt tal-UE, u l-Istati Membri li kontrihom tressqu l-aktar ilmenti kienu l-Italja (753), Spanja (424) u Franza (325);

O.  billi, skont l-Artikolu 258(1) u (2) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni motivata lil Stat Membru meta tqis li dan ikun naqas minn obbligu skont it-Trattati, u tista' ġġib il-każ quddiem il-QtĠ-UE jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien data ta' skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;

P.  billi fl-2016, il-Kummissjoni nediet 847 proċedura ġdida ta' ksur għal traspożizzjoni tard tad-direttivi;

Q.  billi fl-2016, 95 każ ta' ksur kienu għadhom miftuħin u b'reazzjoni għal dan il-QtĠ-UE ddeċidiet dwar in-nuqqas ta' konformità min-naħa tal-Istati Membri involuti;

R.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta sa Settembru 2017, fuq il-bażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF) fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE;

S.  billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq l-ittri ta' intimazzjoni, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-ftuħ tal-proċeduri ta' ksur formali;

T.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala d-dritt ta' kull persuna li l-kwistjonijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli min-naħa tal-istituzzjonijiet, u billi l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

U.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Frar 2017 dwar ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), il-Kummissjoni ssostni li stabbiliet djalogu strutturat u komprensiv mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' infurzar tagħha skont it-Trattati tal-UE, toffri li tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri permezz ta' qafas ġdid iddedikat;

V.  billi l-Artikolu 157 tat-TFUE jippermetti li l-leġiżlazzjoni tiġġieled kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq il-ġeneru, u l-Artikolu 19 tiegħu jabilita dan;

W.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom, fid-Dikjarazzjoni Nru 19 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adotta t-Trattat ta' Lisbona, fil-ġlieda "kontra kull xorta ta' vjolenza domestika [...], sabiex jipprevjenu u jikkastigaw dawn l-atti kriminali kif ukoll sabiex jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi";

X.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 79 u 83 tat-TFUE; billi l-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza jiffinanzja, fost affarijiet oħra, miżuri li jikkontribwixxu għall-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;

Y.  billi għadd ta' direttivi tal-UE, b'mod partikolari dawk iffukati fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhux qed jiġu implimentati kif suppost f'għadd ta' Stati Membri, u dan iħalli lil nies ta' ġeneri differenti mingħajr protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-impjiegi, għall-oġġetti u għas-servizzi;

Z.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru tinkroċja ma' tipi oħra ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza u l-etniċità, ir-reliġjon, id-diżabbiltà, is-saħħa, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u/jew il-kundizzjoni soċjoekonomika;

AA.  billi 33 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew vjolenza sesswali u 55 % ġarrbu fastidju sesswali, 32 % fuq il-post tax-xogħol; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza sesswali, fiżika u online u għall-bullying u l-istalking ċibernetiċi; billi aktar minn nofs in-nisa vittmi ta' qtil jiġu maqtula minn sieħeb jew membru tal-familja; billi l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-vjolazzjonijiet l-aktar mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament mill-età, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, l-edukazzjoni, jew l-istatus finanzjarju u soċjali tal-vittma, u tirrappreżenta ostakolu mill-akbar għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-fenomenu tal-femminiċidju mhux qed jonqos fl-Istati Membri;

AB.  billi l-istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li n-nisa leżbjani, bisesswali u transġeneri jiffaċċaw riskju kbir ħafna ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; billi 23 % tal-leżbjani u 35 % tal-persuni transġeneri ġew attakkati jew mhedda fiżikament/sesswalment bi vjolenza fid-dar jew xi mkien ieħor (fit-triq, fuq mezzi tat-trasport pubbliku, fuq il-post tax-xogħol, eċċ.) tal-inqas darba fl-aħħar ħames snin;

AC.  billi nstab li l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE fejn tidħol l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri tinvolvi problemi speċifiċi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi rilevanti, bħalma huma nuqqasijiet sostantivi fil-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni inkonsistenti tagħha mill-qrati nazzjonali;

AD.  billi l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma spiss emarġinati fl-istrutturi governattivi nazzjonali, billi huma maqsuma bejn oqsma ta' politika differenti u mxekkla minn mandati kumplessi kif ukoll nieqsa minn persunal, taħriġ u data adegwati u riżorsi suffiċjenti, u ma jkollhomx biżżejjed appoġġ mill-mexxejja politiċi;

AE.  billi, skont l-analiżi komparattiva tal-liġi tan-nondiskriminazzjoni fl-Ewropa ppubblikata fl-2017 min-netwerk Ewropew ta' esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi għad hemm tħassib serju f'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni u l-għarfien, peress li l-individwi spiss ma jkunux informati dwar id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew dwar l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni; billi, skont din l-analiżi, fir-rigward tal-infurzar tad-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, qamu kwistjonijiet oħra ta' tħassib, bħalma huma n-nuqqas ta' locus standi (jew locus standi restrittiv wisq) tal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet rigward l-involviment tagħhom fi proċedimenti f'isem jew favur il-vittmi ta' diskriminazzjoni u l-applikazzjoni restrittiva tal-bidla fl-oneru tal-provi, kif ukoll għadd ta' ostakoli għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja, u dawn qed jaġixxu bħala ostakoli li jxekklu liċ-ċittadini milli jkunu jistgħu jgawdu u jipproteġu b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni;

AF.  billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) juri biss titjib marġinali, u dan juri biċ-ċar li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq l-istat ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi l-punteġġ komplessiv issa huwa ta' 66,2 minn 100, erba' punti biss ogħla minn għaxar snin ilu;

AG.  billi fir-rigward tal-isfera tat-teħid ta' deċiżjonijiet, id-data dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri msemmija hawn fuq turi titjib ta' kważi għaxar punti matul l-aħħar deċennju, billi l-punteġġ bħalissa huwa ta' 48,5, iżda dan il-qasam għad għandu l-aktar punteġġ baxx ta' kisba minn fost il-punteġġi kollha; billi din iċ-ċifra negattiva tirrifletti primarjament ir-rappreżentanza mhux ugwali tan-nisa u tal-irġiel fil-politika u tindika defiċit demokratiku fil-governanza tal-UE;

AH.  billi r-rapport tal-Eurofound dwar id-distakk bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi jistima li dan id-distakk qed jiswa lill-UE madwar EUR 370 biljun fis-sena, li jikkorrispondu għal 2,8 % tal-PDG tal-UE;

AI.  billi skont l-Istħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound, l-indikatur kompost ta' ħin tax-xogħol imħallas u mhux imħallas juri li meta jiġu kkomputati s-sigħat tax-xogħol imħallsa u mhux imħallsa, in-nisa jaħdmu sigħat itwal;

AJ.  billi, minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenziji tal-UE għandhom nuqqas serju ta' bilanċ bejn il-ġeneri, u juru xejriet persistenti ta' segregazzjoni tal-ġeneri;

AK.  billi l-femminilizzazzjoni tal-faqar hija fatt fl-UE u billi l-applikazzjoni u l-infurzar xierqa u sħaħ tad-drittijiet tal-UE dwar l-ugwaljanza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jimxu id f'id mal-politiki li jimmiraw lejn ir-rati għoljin ħafna tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nisa, ; billi n-nuqqas ta' politiki dwar l-ugwaljanza u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dritt dwar il-ġeneri u l-ugwaljanza jkomplu jipperikolaw lin-nisa u jżidu r-riskju tal-faqar u l-emarġinazzjoni soċjali billi jeskluduhom mis-suq tax-xogħol;

AL.  billi l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija essenzjali biex isir progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi, għalkemm id-Direttiva riformulata 2006/54/KE tipprojbixxi b'mod ċar kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta, u minkejja l-fatt li n-nisa jiksbu bħala medja livell għoli ta' edukazzjoni, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa xorta kienet għadha ta' 16,3 % fl-2015;

AM.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li jkun parti essenzjali fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

AN.  billi l-ġbir tad-data, possibilment diżaggregata skont il-ġeneri, huwa sostanzjalment importanti biex jiġi evalwat il-progress li sar sa issa fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni(11) li twieġeb għall-ksur minnufih, u jappoġġa l-isforzi tagħha biex issolvi l-problemi ta' implimentazzjoni b'mod informali; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistema għas-soluzzjoni tal-problemi tal-EU Pilot;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fin-numru totali ta' proċedimenti ta' ksur fl-2016, li tella' ċ-ċifra għal każijiet bħal dawn għall-ogħla livell irreġistrat f'dawn l-aħħar ħames snin;

3.  Jilqa' r-Rapport Annwali 2016 tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li, skont dan ir-rapport, l-erba' oqsma li fihom l-akbar numru ta' proċedimenti ta' ksur infetħu kontra l-Istati Membri fl-2016 kienu l-ambjent, il-ġustizzja u l-konsumaturi, it-tassazzjoni u s-suq intern;

4.  Ifakkar li d-dritt għall-petizzjoni fil-Parlament huwa pilastru taċ-ċittadinanza Ewropea, kif stabbilit fl-Artikoli 20 u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta, u skont eżerċizzji ta' stħarriġ reċenti, jikklassifika fit-tieni post fl-importanza għaċ-ċittadini; jissottolinja l-importanza tal-petizzjonijiet bħala mezz biex iċ-ċittadini u r-residenti jħossuhom involuti fl-attivitajiet tal-Unjoni u biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar każijiet ta' ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE u dwar lakuni potenzjali, filwaqt li fl-istess ħin dawn id-defiċjenzi jiġu rilevati bit-tama li tinkiseb soluzzjoni f'waqtha u effikaċi tal-problemi mqajma; jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li l-ħidma li saret biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dritt eżistenti tal-UE jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bħala ta' importanza ekwivalenti għall-ħidma ddedikata għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward ittejjeb it-trattament tagħha tal-petizzjonijiet preżentati billi tipprovdi risposti f'waqthom u fid-dettall;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-istudju kkummissjonat mill-Kumitat tal-Parlament għall-Petizzjonijiet għad-Dipartiment Tematiku C bit-titlu "Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE: għodod u sfidi", u jilqa' r-rakkomandazzjonijiet konkreti tiegħu għal azzjoni lill-Parlament; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-istudju ppubblikat riċentement ikkummissjonat lid-Dipartiment Tematiku C bit-titlu "Aċċess effettiv għall-Ġustizzja", b'segwitu għall-allegazzjonijiet rikorrenti li rriżultaw mit-trattament ta' diversi petizzjonijiet; jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jitrawwem it-taħriġ ġudizzjarju fid-dritt tal-UE għall-Istati Membri differenti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fid-deċiżjonijiet u għaldaqstant l-infurzar ugwali tad-drittijiet fl-Unjoni kollha;

6.  Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2016, flimkien mal-għoti ta' aktar informazzjoni statistika, meta mqabbel ma' rapporti preċedenti; jiddispjaċih dwar il-fatt, madankollu, li r-rapport ma jipprovdi l-ebda informazzjoni preċiża dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għall-bidu ta' EU Pilot jew proċeduri ta' ksur u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni speċifika; jinnota b'dispjaċir li la l-Parlament u lanqas il-petizzjonanti mhuma involuti f'dawn il-proċeduri; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkondividi mal-Parlament l-informazzjoni dwar l-EU Pilots miftuħa u l-proċeduri ta' ksur mibdija kollha sabiex titjieb it-trasparenza, jitnaqqas iż-żmien għas-sejbien ta' soluzzjoni għat-tilwim permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, tinbena l-fiduċja fil-proġett tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, tissaħħaħ il-leġittimità tal-proċedura EU Pilot, speċjalment meta jkunu kkonċernati l-proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika b'mod sistematiku d-deċiżjonijiet tagħha u l-passi differenti meħuda mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u biex tippubblika l-aġenda u l-eżiti ewlenin tal-gruppi ta' laqgħat; jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE fil-kawżi C-39/05 P, C-52/05 P u C-562/14 P ta' Mejju 2017, li tiddikjara li d-dokumenti fil-proċedura EU Pilot ma għandhomx jiġu żvelati pubblikament jekk ikun hemm riskju li tali żvelar jolqot in-natura tal-proċedura ta' ksur, ibiddel il-progress tagħha jew jimmina l-objettivi ta' dik il-proċedura; jistieden lill-Kummissjoni tiżvela d-dokumenti skambjati mal-Istati Membri ladarba r-riskju ma jibqax jeżisti, jiġifieri wara li jingħalqu l-proċeduri EU Pilot; jappoġġa, f'dan ir-rigward, is-suġġeriment tal-Ombudsman Ewropew dwar it-tempestività u t-trasparenza tal-każijiet ta' qabel il-ksur tal-EU Pilot; jenfasizza l-importanza li l-atturi kollha kkonċernati jinżammu infurmati u li tinġieb aktar trasparenza lill-proċessi tal-EU Pilot; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn muri mill-Kummissjoni meta tkun qed twieġeb għat-tħassib imqajjem fil-proċeduri tal-EU Pilot mill-MPE u jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet bi kwalunkwe pass sinifikanti ġdid fl-investigazzjoni u d-djalogu li jkun għaddej mal-Istati Membri meta jkunu kkonċernati petizzjonijiet miftuħa; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex fir-rapport annwali tagħha tinkludi r-rata ta' implimentazzjoni kemm tar-regolamenti tal-UE kif ukoll tad-direttivi tagħha;

7.  Iqis li l-għadd kbir ta' proċeduri ta' ksur juri li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri għadu jikkostitwixxi sfida kbira u prijorità, waqt li jqis l-approċċ ġdid, aktar strateġiku u effikaċi għall-infurzar adottat mill-Kummissjoni għall-2016; iqis li xi wħud minn dawn il-każijiet ta' ksur jistgħu jkunu r-riżultat tan-nuqqas ta' riżorsi ddedikati lill-amministrazzjoni pubblika f'uħud mill-Istati Membri;

8.  Jissottolinja l-fatt li l-għadd ta' lmenti ġodda qiegħed l-ogħla li qatt kien sa mill-2011 'l hawn, li jirrappreżenta żieda ta' 67,5 % fuq is-sena li għaddiet, b'għadd rekord ta' 3 783 ilment ġdid u tnaqqis fir-rati ta' soluzzjoni, li, barra minn hekk, 1 657 kawża ta' ksur baqgħu miftuħa fi tmiem l-2016, filwaqt li 986 każ ta' ksur infetħu fl-2016, li minnhom 847 jikkonċernaw it-traspożizzjoni tardiva; jinnota bi tħassib li 95 każ ta' ksur kienu għadhom miftuħa wara deċiżjoni tal-Qorti minħabba li l-Kummissjoni qieset li l-Istati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx mas-sentenzi skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, u li, b'mod ġenerali, l-oqsma tal-"impjieg" u l-"ġustizzja u l-konsumaturi" huma l-aktar affettwati, segwiti mis-suq intern, l-industrija, l-intraprenditorija u l-SMEs, it-tassazzjoni u d-dwana, u l-ambjent;

9.  Jilqa' t-tnaqqis fl-għadd ta' fajls ġodda tal-EU Pilot miftuħin fl-2016 (790 meta mqabbel mat-881 fl-2014) u l-fatt li dan in-numru laħaq l-aktar livell baxx mill-2011, minkejja li l-Kummissjoni ma tiftaħ l-ebda proċedura tal-EU Pilot fl-eventwalità tat-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi; jinnota, madankollu, li r-rata ta' soluzzjoni naqset ftit meta mqabbla ma' dik tal-2015 (minn 75 % għal 72 %); jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifikazzjoni dwar l-istabbiliment tal-prijoritajiet tagħha fir-rigward tal-politika dwar l-infurzar tagħha li tiddikjara li se tiffoka l-azzjoni ta' infurzar tagħha fejn tista' tagħmel differenza reali, u dwar il-prijoritajiet ta' politika waqt każijiet li jiżvelaw dgħufijiet sistemiċi f'sistema legali ta' Stat Membru;

10.  Jinnota li l-impenn tal-Kummissjoni li tkun aktar strateġika fl-infurzar tad-dritt tal-UE dan l-aħħar wassal għall-għeluq tal-kawżi ta' ksur għal raġunijiet politiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tispjega l-kunsiderazzjonijiet wara tali deċiżjonijiet f'rapporti ta' monitoraġġ futuri;

11.  Jenfasizza li ħafna mill-fajls tal-EU Pilot li wasslu għal proċeduri ta' ksur formali kienu jikkonċernaw prinċipalment l-oqsma ta' politika li jikkonċernaw lill-ambjent, lis-suq intern, lill-industrija, lill-intraprenditorija u lill-SMEs, lill-enerġija u lit-tassazzjoni u lid-dwana; jinnota wkoll li l-Ungerija, il-Ġermanja, Spanja u l-Polonja kellhom l-ogħla numru ta' fajls tal-EU Pilot li kienu segwiti permezz ta' proċeduri ta' ksur;

12.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan il-fatt ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE, speċjalment fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-Karta;

13.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE huma essenzjali biex titwettaq il-politika tal-UE f'dak li hu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif minqux fit-Trattati u għall-inkoraġġiment u t-trawwim tal-fiduċja reċiproka bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, filwaqt li jfakkar ukoll li l-fiduċja u ċ-ċertezza legali t-tnejn iservu bħala bażi għall-kooperazzjoni tajba u għall-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE;

14.  Huwa mħasseb li f'għadd ta' Stati Membri għad fadal nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-infrastrutturi għat-trattament tal-ilma mormi u tal-konformità mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja;

15.  Jissottolinja r-rwol importanti tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadini Ewropej u ta' partijiet ikkonċernati oħra fil-monitoraġġ u fir-rappurtar ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jilqa' għalhekk iż-żieda fir-responsività fost iċ-ċittadini għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-rwol kruċjali tal-informaturi fis-settur privat u dak pubbliku; jenfasizza li ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jkunu tal-ewwel li jsiru jafu, b'mod ċar, effettivament aċċessibbli, trasparenti u tempestiv, jekk u liema liġijiet nazzjonali jkunu ġew adottati bi traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE, u liema awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli biex jiġi żgurat li dawn jiġu implimentati b'mod korrett;

16.  Jinnota l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni lit-traspożizzjoni f'waqtha u korretta tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet ta' qafas interni ċari li jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu prijorità lil dan l-objettiv, sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE, filwaqt li jiżguraw li l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tiegħu;

17.  Jirrimarka, madankollu, li l-iskadenzi mhux realistiċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jistgħu jagħmluha impossibbli għall-Istati Membri li jikkonformaw, ħaġa li timplika aċċettazzjoni taċita ta' dewmien fl-implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jaqblu dwar skeda ta' żmien aktar realistika għall-implimentazzjoni tar-regolamenti u d-direttivi, filwaqt li jieħdu kont taż-żmien meħtieġ għall-verifika u l-konsultazzjoni; iqis li l-Kummissjoni għandha tressaq rapporti, sommarji u reviżjonijiet leġiżlattivi dwar id-dati miftiehma mill-koleġiżlaturi u f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli;

18.  Jirrimarka li fl-2016 kien hemm 70 direttiva x'jiġu trasposti, żieda minn 56 fl-2015; jesprimi tħassib rigward iż-żieda qawwija fl-għadd ta' każijiet ġodda ta' traspożizzjoni tard minn 543 għal 847; jiddispjaċih li fl-aħħar tal-2016, 868 każ ta' ksur għal traspożizzjoni tard kienu għandhom miftuħin, żieda ta' 67,5 % fuq il-518-il każ miftuħa fl-aħħar tal-2015;

19.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fl-2015, l-Istati Membri naqsu milli jonoraw l-impenji kollha tagħhom li jipprovdu dokumenti ta' spjegazzjoni flimkien mal-miżuri li jkunu ħadu biex jittrasponu d-direttivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; iqis li, minħabba l-kwalità mhux uniformi ta' ħafna mid-dokumenti ta' spjegazzjoni ppreżentati, il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar għajnuna lill-Istati Membri fil-preparazzjoni tagħhom u fit-tfassil tat-tabelli ta' korrelazzjoni;

20.  Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas li tiġi żgurata traspożizzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE – li tindirizza l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u t-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' edukazzjoni, impjiegi u xogħol, paga ugwali għal xogħol ugwali, u t-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom – kif ukoll id-dispożizzjonijiet eżistenti biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex jintemmu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, fl-aħħar mill-aħħar iċaħħad liċ-ċittadini u lin-negozji mill-benefiċċji li huma intitolati għalihom skont id-dritt tal-UE;

21.  Jenfasizza l-fatt li l-UE ġiet stabbilita bħala Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE); jinnota li, fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati u fil-Karta; itenni li l-monitoraġġ bir-reqqa tal-atti u l-ommissjonijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE huwa ta' importanza kbira;

22.  Itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-għadd ta' petizzjonijiet lill-Parlament u tal-ilmenti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li l-Kummissjoni suppost kellha ssolvi;

23.  Jirrileva l-importanza li tiġi salvagwardjata l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-UE, li jinkludi l-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja u l-liġi mhux vinkolanti; għal din ir-raġuni jitlob li sseħħ l-adozzjoni f'waqtha tal-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi rikjesti biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsir realtà għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni teżerċita l-aktar trasparenza u koerenza possibbli fl-isforzi tagħha biex toħloq qafas ġdid iddedikat għall-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħar-EIR; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħolqien ta' tali qafas iddedikat b'mod speċifiku għall-iżvilupp ġust u bbilanċjat, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-kwistjonijiet tal-inklużjoni fir-rigward tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali;

24.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, wara r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016, biex tippreżenta proposta għall-konklużjoni ta' patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF), u għaldaqstant effettivament tirraggruppa r-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha bl-eżitu tal-mekkaniżmi eżistenti ta' monitoraġġ u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika, li għandhom jiġu ppreżentati fi żmien debitu; ifakkar li l-Kummissjoni, bħala Gwardjan tat-Trattati b'rispett sħiħ tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u effettiva stabbiliti mill-Artikoli 298 tat-TFUE u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandha d-dmir li timmonitorja u tivvaluta l-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, u r-rispett mogħti lill-prinċipji u l-objettivi minquxa fit-Trattati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, u biex tirrispetta l-impenn tagħha li tgħin b'mod attiv lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw ċerti direttivi u regolamenti; jirrakkomanda għalhekk li dan il-kompitu jittieħed f'kunsiderazzjoni fiċ-ċiklu tal-politika DRF mill-2018 'l quddiem u r-rapporti tematiċi annwali rilevanti tagħha – flimkien mal-eżitu tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti u l-għodod ta' valutazzjoni perjodika eżistenti – jiġu ppreżentati fi żmien debitu;

25.  Ifakkar li l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, talab lill-Kummissjoni tissorvelja, tidderieġi u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki ambjentali b'mod aktar proattiv;

26.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tgħin b'mod attiv lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea billi tħejji pjanijiet ta' implimentazzjoni għal ċerti direttivi u regolamenti;

27.  Iqis li peress li l-Parlament huwa responsabbli b'mod konġunt għall-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE skont il-Ftehim Interistituzzjonali u minħabba fil-funzjoni ta' kontroll politiku rilevanti tiegħu fuq il-Kummissjoni mogħtija mill-Artikolu 14 tat-TUE, il-Parlament għandu jiġi notifikat awtomatikament dwar kull EU Pilot miftuħ u ksur mibdi, u għandu jingħata aċċess adegwat għad-dokumenti relatati ma' dawn iż-żewġ tipi ta' proċeduri, b'mod partikolari meta jirriżultaw minn petizzjonijiet, filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità meħtieġa għat-trattament b'suċċess tal-każijiet;

28.  Jipproponi li r-rappreżentanti tal-Istati Membri jkunu aktar preżenti waqt id-diskussjonijiet dwar il-petizzjonijiet fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

29.  Jinnota l-livell ta' applikazzjoni mhux sodisfaċenti tad-dritt tal-UE fost l-Istati Membri kif muri min-numru għoli ta' lmenti mibgħuta lill-Kummissjoni u l-fluss konsiderevoli ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni kif espressa fil-komunikazzjoni tagħha ta' Diċembru 2016 biex iżżid l-użu tagħha ta' għodod preventivi bħal gruppi ta' laqgħat, linji gwida ta' implimentazzjoni, gruppi ta' esperti U netwerks speċjalizzati (inkluż in-netwerk SOLVIT) u biex jiġi appoġġat il-bini ta' kapaċità fl-Istati Membri biex jiġi infurzat id-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 197 tat-TFUE biex timplimenta din il-politika ta' infurzar imġedda fi sħubija sħiħa mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mod kif tittratta l-petizzjonijiet indirizzati billi tipprovdi tweġibiet f'waqthom u dettaljati;

30.  Jinnota li filwaqt li għadhom miftuħin 95 każ ta' ksur u filwaqt li l-QtĠ-UE laħqet deċiżjoni dwar in-nonkonformità tal-Istati Membri, huma biss tlieta minn dawn il-kawżi li ġew riferuti mill-Kummissjoni lill-QtĠ-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 260 tat-TFUE; jikkunsidra li huwa ta' importanza assoluta li tiġi żgurata eżekuzzjoni sħiħa u f'waqtha tad-deċiżjonijiet tal-Qorti u fejn meħtieġ li jsir użu sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 279 tat-TFUE biex jiġi evitat kwalunkwe mminar tad-dritt tal-UE u tal-awtorità tal-QtĠ-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din is-sitwazzjoni u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;

31.  Jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE huma marbuta mit-Trattati tal-UE u mill-Karta(12);

32.  Jirrakkomanda li kwalunkwe dibattitu interparlamentari dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandu jinkludi lis-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni ċivika, pereżempju permezz ta' petizzjonijiet trażmessi lill-Parlament Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

33.  Jenfasizza li l-memoranda ta' ftehim konklużi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri m'humiex meqjusa bħala atti tal-UE skont l-Artikolu 288 tat-TFUE;

34.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fit-tfassil u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza b'mod partikolari l-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika – u r-rwol li għandu l-Parlament fl-iżgurar tiegħu – kif ukoll id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-ġustizzja u l-amministrazzjoni tajba, kif stipulat fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta; jirrimarka li dawn id-drittijiet u l-prinċipji jirrikjedu li ċ-ċittadini jingħataw aċċess adegwat u faċli għall-abbozzi tal-atti legali li jikkonċernawhom; ifakkar li dawn l-istess drittijiet u prinċipji għandhom ukoll ikunu ta' importanza fundamentali għall-Istati Membri meta jipproponu abbozzi ta' atti mmirati biex jimplimentaw id-dritt tal-UE;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ, meta jkun possibbli u neċessarju, ir-riżorsi finanzjarji tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, iddedikati għal "tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti" bl-għan li jiġu promossi l-għajnuna soċjali u l-iżvilupp ekonomiku, u biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni ta' benefiċċju; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 197 tat-TFUE biex tgħin issaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw id-dritt tal-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti mfassla biex jgħinu lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-problemi ta' traspożizzjoni, jindirizzawhom fi stadju bikri tal-proċedura ta' ksur u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet konġunti;

37.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni li tagħti lok għall-proċeduri ta' ksur l-aktar ċar ġejja mid-direttivi; ifakkar li r-regolamenti huma applikabbli b'mod dirett u obbligatorju fl-Istati Membri kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun tagħmel użu mir-regolamenti meta jkollha l-intenzjoni li toħroġ proposti leġiżlattivi; iqis li tali approċċ jista' jtaffi r-riskju ta' regolamentazzjoni żejda;

38.  Ifakkar li d-deċiżjonijiet preliminari jikkontribwixxu biex jiġi ċċarat il-mod kif id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi applikat; iqis li l-użu ta' din il-proċedura jippermetti interpretazzjoni u implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssegwi b'mod aktar effikaċi t-twettiq tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jfittxu deċiżjoni preliminari mill-QtĠ-UE skont l-Artikolu 267 tat-TFUE; jinkoraġġixxi, għalhekk, lill-qrati nazzjonali biex f'każ ta' dubju jressqu domandi lill-QtĠ-UE u b'hekk jiġu evitati proċeduri ta' ksur;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll tagħha fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern(13), u biex tniedi l-proċeduri għal ksur meħtieġa, u tkun partikolarment viġilanti fir-rigward tal-applikazzjoni inkorretta jew ħażina;

40.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tinforza r-regoli ambjentali tal-UE sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi kollha u biex tindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, inkluż billi tirrikorri għal proċeduri ta' ksur jekk ikun meħtieġ; jissottolinja, madankollu, il-limitazzjonijiet magħrufa fl-effikaċja tar-regoli ambjentali tal-UE u b'mod partikolari d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Ottubru 2017(14) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jirrimarka li f'ċerti Stati Membri d-dritt għal ambjent f'saħħtu qed jiġi mminat min-nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tal-ħsara lill-arja u lill-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u l-infrastruttura tat-trattament tal-ilma mormi; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista' tiffranka lill-ekonomija tal-UE EUR 50 biljun fis-sena, fuq kollox, f'kostijiet tas-saħħa u f'kostijiet diretti lill-ambjent;

41.  Jenfasizza li l-acquis tal-UE jinkludi wkoll ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE; jinnota bi tħassib serju li r-regoli ambjentali tal-UE jistgħu ma jkunux f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta' Aarhus")(15) fin-nuqqas ta' għoti ta' aċċess suffiċjenti għall-ġustizzja lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-membri tal-pubbliku; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-riżultati u lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus(16) u l-pożizzjoni tal-Kunsill tat-17 ta' Lulju 2017(17), u tesplora modi u mezzi għall-konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus b'mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u mas-sistema ta' stħarriġ ġudizzjarju tagħha;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni sabiex tiżgura li jikkonformaw mal-prinċipji minquxa fil-Karta, taħdem mal-Istati Membri biex jingħelbu d-diffikultajiet li jaf jiltaqgħu magħhom fl-implimentazzjoni u tniedi l-proċeduri għal ksur meħtieġa meta jkun rilevanti; jinnota bi tħassib li ċerti Stati Membri mhumiex qed jonoraw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu asil; jissottolinja li huwa meħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' solidarjetà bejn uħud mill-Istati Membri fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni sabiex l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw iż-żieda fit-traffikar tal-bnedmin għall-fini tal-isfruttament tal-ħaddiema jew għall-fini tal-isfruttament sesswali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispondi b'mod effikaċi għas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fir-rigward tal-migrazzjoni u tas-sigurtà u ssaħħaħ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-pakketti ta' implimentazzjoni relatati b'mod effiċjenti; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-Ritorn (2008/115/KE)(18) u jirrapportaw regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà ta' kuntratti ta' żero sigħat mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-impjiegi, inkluża d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Part-Time minħabba li ħafna petizzjonijiet li waslu fl-2016 jirreferu għax-xogħol prekarju;

45.  Jilqa' l-fatt li r-rapport jirrikonoxxi r-rwol tal-Parlament li jattira l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri permezz ta' mistoqsijiet parlamentari u petizzjonijiet; jirrimarka li skrutinju aktar rigoruż min-naħa tal-parlamenti nazzjonali tal-gvernijiet rispettivi tagħhom meta dawn tal-aħħar ikunu involuti fil-proċess leġiżlattiv se jippromwovi applikazzjoni aktar effikaċi tad-dritt tal-UE kif previst fit-Trattati;

46.  Jesprimi t-tħassib li minħabba t-traduzzjonijiet inkonsistenti ta' bosta direttivi fil-lingwi uffiċjali tal-UE, huwa probabbli li verżjonijiet lingwistiċi differenti jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti tat-testi rispettivi u differenzi fit-traspożizzjoni tagħhom fl-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li tali differenzi fit-traspożizzjoni u fl-interpretazzjoni legali tad-direttivi jaf ma jinkixfux b'mod sistematiku, iżda biss meta jiġu ċċarati mid-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE;

47.  Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol essenzjali kemm fl-iskrutinju preleġiżlattiv tal-abbozzi ta' atti legali tal-UE kif ukoll fl-iskrutinju postleġiżlattiv tal-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE min-naħa tal-Istati Membri; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiżvolġu dan ir-rwol b'mod proattiv;

48.  Iqis li, f'konformità mal-isforzi tal-Kummissjoni biex tipproduċi leġiżlazzjoni tal-UE aħjar u aktar effikaċi, għandha dejjem titqies l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;

49.  Itenni l-appell tiegħu biex, fid-Direttorati Ġenerali rilevanti (DĠ IPOL, DĠ EXPO u DĠ EPRS), tinħoloq sistema awtonoma għall-valutazzjoni ex post tal-impatt tal-liġijiet ewlenin tal-UE adottati mill-Parlament taħt kodeċiżjoni u f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontroll tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' korruzzjoni li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, u tieħu l-miżuri xierqa biex tindirizza dawn il-fenomeni;

51.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u xierqa tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri jibqa' prijorità għall-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett għall-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 5 tat-TUE, kif ukoll tal-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi bil-ħsieb ta' titjib fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; ifakkar fl-importanza tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi eżistenti li jindirizzaw b'mod determinat diversi aspetti tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tat-twettiq tiegħu fil-prattika;

52.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex f'kull waqt jaqdu d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-UE jew dak mhux vinkolanti, meta jiżviluppaw politiki u jiffirmaw ftehimiet jew trattati ma' istituzzjonijiet minn barra mill-UE, li jassistu lill-Istati Membri bil-mezzi kollha disponibbli fl-isforzi tagħhom biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma kollha u biex jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, b'mod speċjali fir-rigward tal-iżviluppi riċenti fl-Istati Membri;

53.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ilmentaturi individwali għandhom rwol essenzjali fl-identifikazzjoni ta' problemi aktar mifruxa fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE li jaffettwa l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji;

54.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati ta' amministrazzjoni tajba madwar l-Unjoni jagħmilha diffiċli għaċ-ċittadini u għan-negozji biex jifhmu faċilment u b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni; jenfasizza, għalhekk, li l-kodifikazzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tajba fil-forma ta' regolament li jistabbilixxi d-diversi aspetti tal-proċedura amministrattiva – inklużi n-notifiki, il-limiti ta' żmien vinkolanti, id-dritt għas-smigħ u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – tirriżulta fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u tat-trasparenza; jemmen li dan ir-regolament iġib aktar aċċessibbiltà, ċarezza u koerenza fl-interpretazzjoni tar-regoli eżistenti, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji u tal-amministrazzjoni u l-uffiċjali tagħha;

55.  Ifakkar li fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 u tad-9 ta' Ġunju 2016 il-Parlament talab l-adozzjoni ta' regolament dwar amministrazzjoni tal-UE miftuħa, effiċjenti u indipendenti skont l-Artikolu 298 tat-TFUE, iżda jinnota li din it-talba ma ġietx segwita minn proposta tal-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi li ttieħdu s'issa mill-Parlament f'dan il-qasam;

56.  Jenfasizza li l-integrazzjoni inadegwata tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'oqsma ta' politika oħra hija waħda mill-kawżi ewlenin tal-implimentazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali;

57.  Jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm livell għoli kemm ta' protezzjoni ambjentali kif ukoll ta' saħħa u sikurezza tal-ikel;

58.  Jenfasizza li l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE fl-oqsma tas-saħħa, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, peress li dan jinfluwenza l-ħajja tagħhom ta' kuljum u jaqdi l-interess ġenerali;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-każijiet ta' ksur b'rabta mal-ambjent u b'dimensjoni transfruntiera, speċjalment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar l-arja nadifa, inklużi t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-dritt tal-UE fi Stati Membri futuri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex b'mod xieraq, trasparenti u f'waqtu tinforma lil dawk li jressqu l-ilmenti bl-argumenti mogħtija mill-istati kkonċernati b'reazzjoni għall-ilment;

60.  Jinnota li l-għadd ta' proċedimenti ta' ksur li jikkonċernaw l-ambjent naqas fl-2016 meta mqabbel mal-2015, iżda jinsab imħasseb li kien hemm żieda fl-għadd ta' proċeduri fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil dan il-punt;

61.  Jirrileva l-fatt li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju ewlieni tal-UE li jeħtieġ li jiġi integrat fil-politiki kollha;

62.  Jissottolinja r-rwol fundamentali li għandu l-istat tad-dritt f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti ta' leġittimità lil kwalunkwe forma ta' governanza demokratika; jenfasizza li dan huwa wieħed mill-pedamenti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u bħala tali huwa konsistenti mal-kunċett ta' Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt;

63.  Ifakkar li l-prinċipju tal-ugwaljanza – f'dik li hi paga ugwali għal xogħol ugwali – ilu minqux fit-Trattati Ewropej mill-1957 (ara l-Artikolu 157 tat-TFUE), u jirrileva li l-Artikolu 153 tat-TFUE jippermetti li l-UE taġixxi fil-qasam aktar wiesgħa ta' opportunitajiet ugwali u ta' trattament ugwali fil-kwistjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol;

64.  Jinnota b'apprezzament li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-QtĠ-UE tal-kunċett ta' paga ugwali għal xogħol ugwali, kif artikolat fid-deċiżjonijiet u fil-ġurisprudenza estensiva tagħha dwar l-artikolu rilevanti, ċertament estendiet il-possibbiltajiet biex tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi kemm diretta kif ukoll indiretta fir-rigward tal-pagi u biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, iżda jenfasizza li għad fadal x'isir sabiex tiġi eliminata d-differenza persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE;

65.  Jiddispjaċih ħafna li l-introduzzjoni ta' prinċipji legali li jipprojbixxu l-inugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex tinqered id-differenza persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; ifakkar li d-Direttiva 2006/54/EC riformulata tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehimiet kollettivi, l-iskali tal-pagi, il-ftehimiet dwar pagi u l-kuntratti ta' impjieg individwali li jmorru kontra l-prinċipju tal-paga ugwali għandhom jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett jew jistgħu jiġu emendati;

66.  Jenfasizza li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jagħtu attenzjoni lill-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw lill-ugwaljanza f'termini ta' ħlas; itenni l-importanza tal-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'għadd ta' direttivi tal-UE u jikkunsidra strumenti alternattivi bħala għodod prezzjużi għall-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE; ifakkar fl-importanza tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi eżistenti li jindirizzaw diversi aspetti tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tat-twettiq tiegħu fil-prattika; jenfasizza li n-negozjar kollettiv jista' jippermetti l-applikazzjoni ulterjuri tal-liġi tal-UE dwar pagi ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, il-liv tal-ġenituri, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol, inkluża ġurnata ta' mistrieħ komuni fil-ġimgħa, biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa u l-irġiel u biex tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

67.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 li titlob l-adozzjoni ta' regolament tal-UE dwar Liġi Ewropea tal-Proċedura Amministrattiva, abbażi tal-Artikolu 298 tat-TFUE; jinnota b'diżappunt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti segwitu għat-talba tal-Parlament biex hi tressaq proposta għal att leġiżlattiv fir-rigward tal-liġi tal-proċedura amministrattiva;

68.  Jirrikonoxxi l-importanza li tinġabar data, possibilment diżaggregata skont il-ġeneru, biex wieħed jevalwa l-progress li sar fl-avvanz tad-drittijiet tan-nisa;

69.  Jiddispjaċih li hemm nuqqasijiet fl-approċċ adottat mill-Kummissjoni dwar il-benesseri tal-annimali hekk kif injorat l-inkonsistenzi serji rrapportati minn għadd kbir ta' ċittadini li eżerċitaw id-dritt ta' petizzjoni; itenni t-talba tiegħu għat-tnedija ta' strateġija ġdida fil-livell tal-UE biex jimtlew il-lakuni eżistenti kollha u biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ u effikaċi tal-benesseri tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u eżawrjenti li jkun kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-petizzjonijiet relatati mad-differenzi fil-kwalità ta' prodotti tal-ikel tal-istess ditta fi Stati Membri differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttemm il-prattiki inġusti u tiżgura li l-konsumaturi kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali;

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0385.
(2) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(3) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
(4) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(5) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 246.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(7) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 126.
(8) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.
(9) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(10) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 15.
(11) ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.
(12) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Settembru 2016 fil-Kawżi Magħquda C-8/15 P sa C-10/15 P Ledra Advertising Ltd (C-8/15 P), Andreas Eleftheriou (C-9/15 P), Eleni Eleftheriou (C-9/15 P), Lilia Papachristofi (C-9/15 P), Christos Theophilou (C-10/15 P), Eleni Theophilou (C-10/15 P) vs Il-KummissjoniEwropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECLI:UE:C:2016:701).
(13) ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0414.
(15) ĠU L 124, 17.05.2005, p. 4.
(16) ACCC/C/2008/32 (EU), Parti II, adottat fis-17 ta' Marzu 2017
(17) ĠU L 186, 19.7.2017, p. 15.
(18) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

Avviż legali - Politika tal-privatezza