Il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet tas-sindku f'Chisinau
132k
53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău (2018/2783(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova, u b'mod partikolari dik tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1) (AA/DCFTA),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta' April 2018,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(2),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prekundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-4 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova tal-20 ta' Lulju 2017 li permezz tagħha adotta bidliet fis-sistema elettorali,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-21 ta' Ġunju 2018 tal-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Barranin, tar-rapporteur tiegħu dwar il-Moldova u tal-Kopresident tal-Euronest, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-20 ta' Ġunju 2018 u tas-27 ta' Ġunju 2018 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-validazzjoni tal-elezzjoni tas-Sindku ta' Chișinău,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, li jgħid li "r-rispett [...] għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali [...] għandu jifforma l-bażi tal-politiki interni u esterni tal-partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Andrei Năstase rebaħ l-elezzjonijiet bikrija għall-kariga ta' sindku f'Chișinău, wara kuntest fuq żewġ rawnds fl-20 ta' Mejju u fit-3 ta' Ġunju 2018, u kiseb 52,57 % tal-voti u rebaħ lil Ion Ceban, li kiseb 47,43 %;
B. billi l-osservaturi internazzjonali tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău rrikonoxxew ir-riżultati u n-natura kompetittiva tal-elezzjoni;
C. billi fid-19 ta' Ġunju 2018, qorti f'Chișinău annullat ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku, minħabba li ż-żewġ kandidati kienu indirizzaw lill-votanti fuq il-midja soċjali fil-jum tal-elezzjoni, wara t-tmiem legali tal-kampanja; billi l-ebda wieħed mill-kontestanti fil-proċess elettorali ma talab l-annullament tal-elezzjonijiet;
D. billi, fil-21 ta' Ġunju 2018, qorti tal-appell f'Chișinău ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti inferjuri u kkonkludiet li l-komunikazzjoni mal-votanti fuq il-midja soċjali kienu affettwaw illegalment l-eżitu tal-elezzjonijiet;
E. billi fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Qorti Suprema tal-Moldova kkonfermat id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri li jinvalidaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău;
F. billi fid-29 ta' Ġunju 2018 l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Moldova kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tinvalida l-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău;
G. billi l-istedina għall-poplu biex "joħroġ jivvota", li l-qrati qiesu bħala pressjoni u influwenza żejda fuq il-votanti, kienet prattika komuni f'elezzjonijiet preċedenti fil-Moldova u qatt ma wasslet biex jiġu kkanċellati;
H. billi dan l-iżvilupp tal-pajjiż qed jirriskja li jpoġġi fil-periklu l-aderenza tal-pajjiż mal-valuri u l-prinċipji Ewropej u jkompli jdgħajjef il-fiduċja diġà dgħajfa taċ-ċittadini Moldovani fl-istituzzjonijiet tal-istat; billi l-partiti politiċi Moldovani ddikjaraw li dan jistabbilixxi preċedent perikoluż għal elezzjonijiet futuri u eluf ta' nies qed jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-qrati f'Chișinău;
I. billi l-komunità internazzjonali, inklużi l-Unjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, ikkritikat id-deċiżjoni, u enfasizzat li r-rieda tal-votanti jeħtieġ li tiġi rrispettata;
J. billi l-UE u l-Moldova ħadu l-impenn konġunt li javvanzaw l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tagħhom, li huwa proċess li jimplika li l-pajjiż jadotta u jimplimenta riformi strutturali u riformi sostanzjali oħrajn skont id-dispożizzjonijiet tal-AA/DCFTA u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, u jinvolvi wkoll impenn mill-Moldova li tissalvagwardja l-valuri Ewropej, inkluż ir-rispett lejn il-valuri u l-libertajiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;
K. billi l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet hija sinjal inkwetanti u sinifikanti tad-deterjorament kontinwu tal-applikazzjoni tal-istandards demokratiċi fil-Moldova, filwaqt li b'mod partikolari jfakkar li ġudikatura indipendenti u trasparenti hija pilastru ewlieni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi din l-invalidazzjoni turi t-tendenza dejjem akbar lejn tmexxija arbitrarja u awtoritarja u t-tnaqqis sinifikanti tal-fiduċja tal-poplu fl-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tiegħu;
L. billi l-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja, adotta bidla kontroversjali fil-liġi elettorali f'Lulju 2017, li qajmet tħassib dwar ir-riskju ta' influwenza mhux xierqa fuq il-kandidati, dwar id-delimitazzjoni tal-kostitwenzi b'membru uniku, dwar il-limiti minimi eċċessivi għar-rappreżentanza parlamentari fil-komponent proporzjonali u r-riskju ta' rappreżentanza inadegwata tal-minoranzi u tan-nisa; billi l-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat ukoll li l-polarizzazzjoni eżistenti madwar din l-inizjattiva leġiżlattiva ma kinitx sinjal ta' konsultazzjoni sinifikattiva u kunsens wiesa' fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin;
M. billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Moldova d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma vittmi ta' kampanji ta' stigmatizzazzjoni u jiffaċċjaw akkużi kriminali politikament motivati jew jiġu mhedda meta jiddefendu persuni dissidenti, filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni għall-ġurnalisti huwa ristrett;
N. billi f'Ottubru 2017, minħabba n-nuqqas ta' progress fir-riforma tal-ġudikatura fil-Moldova u minħabba li l-pajjiż naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-UE, l-UE ħadet id-deċiżjoni li tissospendi l-ħlas ta' EUR 28 miljun fil-qafas tal-programm ta' riforma tal-ġustizzja tal-UE;
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Moldova li tinvalida r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău, liema deċiżjoni kienet ibbażata fuq raġunijiet dubjużi u ttieħdet mingħajr trasparenza, ħaġa li mminat ferm l-integrità tal-proċess elettorali;
2. Ifakkar li elezzjonijiet kredibbli, trasparenti, ġusti u inklużivi – kif ukoll l-imparzjalità u l-indipendenza tal-ġudikatura quddiem kwalunkwe tip ta' influwenza politika – huma l-pedament ta' kull sistema demokratika u tal-fiduċja fis-sistema politika tal-pajjiż, u li l-indħil politiku fil-ġudikatura u fil-proċess elettorali jmur kontra l-istandards Ewropej li ntrabtet bihom il-Moldova, b'mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova;
3. Jesprimi solidarjetà qawwija mal-eluf ta' persuni li ħarġu jipprotestaw fit-toroq ta' Chișinău u jikkondividi l-appell tagħhom biex l-awtoritajiet tal-Moldova jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău – li jirriflettu r-rieda tal-votanti u huma rikonoxxuti anki minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali – jiġu rispettati; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt għal protesti paċifiċi;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jiggarantixxu l-funzjonament tal-mekkaniżmi demokratiċi u jinsisti li kemm il-fergħa eżekuttiva u kemm il-fergħa ġudizzjarja tal-poter jirrispettaw reċiprokment is-separazzjoni tal-poteri, iħaddnu bis-sħiħ il-prinċipji demokratiċi u jbaxxu rashom għall-istat tad-dritt;
5. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament ulterjuri tal-istandards demokratiċi fil-Moldova; jirrikonoxxi li d-deċiżjoni tal-qrati, li diġà ssemma ħafna drabi kemm huma influwenzati u motivati politikament, hija eżempju ta' manipulazzjoni tal-istat u turi l-kriżi profonda tal-istituzzjonijiet fil-Moldova; jiddispjaċih li, minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali, l-awtoritajiet qed ikomplu jdgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u fl-imparzjalità tal-istituzzjonijiet tal-istat;
6. Jemmen li fid-dawl tad-deċiżjoni li l-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău jiġu ddikjarati invalidi, il-kundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja (MFA) ma ġewx issodisfati, u jfakkar li "prekundizzjoni għall-għoti ta' MFA hi li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem";
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe għoti ta' MFA lill-Moldova; jemmen li kwalunkwe deċiżjoni dwar finanzjamenti futuri għandha tittieħed biss wara l-elezzjonijiet parlamentari ppjanati u bil-kundizzjoni li dawn isiru f'konformità ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment u jiġu vvalutati minn korpi internazzjonali speċjalizzati, u li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-assistenza makrofinanzjarja;
8. Jesiġi li l-Kummissjoni tissospendi l-appoġġ baġitarju għall-Moldova, bħalma ġara f'Lulju 2015 meta ngħatat sospensjoni bħal din fil-perjodu ta' wara l-kriżi bankarja; iqis li b'reazzjoni għall-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău għandu jiġi adottat il-mekkaniżmu għas-sospensjoni tal-appoġġ baġitarju tal-UE, li għandu jinkludi lista ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet tal-Moldova, fosthom il-validazzjoni tal-elezzjonijiet f'Chișinău u investigazzjonijiet konkreti, orjentati lejn ir-riżultati u trasparenti għalkollox, kif ukoll l-irkupru tal-assi u t-tressiq tal-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja, f'każ ta' frodi bankarja;
9. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma elettorali;
10. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku u politiku f'idejn grupp ristrett ta' persuni, id-deterjorament tal-istat tad-dritt, tal-istandards demokratiċi u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-politiċizzazzjoni eċċessiva tal-istituzzjonijiet tal-istat, il-korruzzjoni sistemika, in-nuqqas ta' investigazzjoni dwar il-frodi bankarja tal-2014, u l-pluraliżmu limitat tal-midja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura, u partikolarment il-każijiet fejn il-ġustizzja selettiva tintuża bħala għodda biex issir pressjoni fuq l-avversarji politiċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jirriformaw is-sistema ġudizzjarja, anki bil-ħatra ta' mħallfin ġodda, sabiex jiġi evitat li l-ġudikatura tintervjeni fil-proċess elettorali u politiku jew timmina mod ieħor ir-rieda li jkun esprima demokratikament il-poplu tal-Moldova;
11. Jinsab imħasseb li l-avversarji politiċi u l-avukati tagħhom qed jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet tal-Moldova permezz ta' proċedimenti kriminali u akkużi vvintati, u jwissi li, b'dan il-mod, l-awtoritajiet qed iżebilħu l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-avversarji politiċi u l-avukati;
12. Jiddispjaċih li wara l-frodi bankarja tal-2014, meta total ta' madwar USD 1 biljun insterqu mis-sistema finanzjarja tal-Moldova, l-awtoritajiet ftit li xejn għamlu progress fit-twettiq ta' investigazzjoni imparzjali u bir-reqqa dwar il-kwistjoni; iħeġġeġ li jsiru sforzi determinati bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi misruqa u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom; jemmen li dan hu indispensabbli biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini Moldovani fl-istituzzjonijiet u tiġi restawrata l-kredibbiltà tal-awtoritajiet;
13. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jirrispettaw il-prinċipji u l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali u jiggarantixxu ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni attwali dwar l-NGOs, li qed jiġi diskuss bħalissa fil-parlament, fih dispożizzjonijiet li lill-NGOs Moldovani jistgħu jaqtgħulhom il-fondi minn barra l-pajjiż;
14. Jistieden lill-Parlament tal-Moldova jikkonsulta mas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir indipendenti qabel l-adozzjoni finali tal-Kodiċi Awdjoviżiv, u jirrifjuta r-"riforma fuq żewġ binarji" tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar jekk il-mezzi tax-xandir indipendenti, lokali u tal-oppożizzjoni fil-Moldova, li fost affarijiet oħra m'għandhomx biżżejjed riżorsi, humiex se jkunu jistgħu jimplimentaw l-obbligi l-ġodda tal-Kodiċi dwar il-kontenut lokali;
15. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi f'dawn l-oqsma kollha u jżommu lill-Parlament infurmat kif xieraq;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-President tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-OSKE/ODIHR u lill-Kummissjoni ta' Venezja.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2016(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2017 mill-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-attakk fis-Somalja, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha preċedenti tal-portavuċi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Somalja,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem "Protection of Civilians: Building the Foundation for Peace, Security and Human Rights in Somalia" (Protezzjoni taċ-ċivili: il-bini tal-pedamenti għall-paċi, għas-sigurtà u għad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja) ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali UE-Somalja għar-Repubblika Federali tas-Somalja 2014-2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tal-15 ta' Mejju 2018, li jipproroga l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-27 ta' Marzu 2018, dwar is-Somalja, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu kollha,
– wara li kkunsidra l-briefing tal-15 ta' Mejju 2018 tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għas-Somalja lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Jannar 2018, tal-25 ta' Frar 2018 u tal-4 ta' April 2018 dwar is-Somalja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika, tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tar-riskji tal-karestija u tat-3 ta' April 2017 dwar is-Somalja,
– wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Diċembru 2017 u tat-2 ta' Mejju 2018 dwar is-Somalja,
– wara li kkunsidra l-komunikat tal-Konferenza ta' Sigurtà NU-Somalja tal-4 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tad-29 ta' Settembru 2017, dwar l-assistenza lis-Somalja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-AMISOM tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-erba' esperti tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-4 ta' Mejju 2016, li fiha esprimew tħassib minħabba l-persekuzzjoni dejjem akbar tal-attivisti fit-trade unions tas-Somalja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet speċifikati fit-380 Rapport tal-Kumitat tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni ta' Novembru 2016, kif approvati mill-Korp ta' Tmexxija tal-ILO għall-Każ nru 3113,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi al-Shabaab ikkommetta bosta attakki terroristiċi fit-territorju Somalu; billi fl-14 ta' Ottubru 2017 is-Somalja ġarrbet l-agħar attakk terroristiku li qatt sar fil-pajjiż, li fih tilfu ħajjithom uffiċjalment tal-anqas 512-il ruħ u ndarbu 357; billi al-Shabaab u gruppi terroristiċi oħra affiljati mal-Istat Iżlamiku komplew jikkommettu attakki terroristiċi kontra l-Gvern Somalu rikonoxxut fil-livell internazzjonali u kontra ċ-ċivili;
B. billi fl-1 ta' April 2018 al-Shabaab mexxa attakk b'karozza bomba kontra bażi tal-Unjoni Afrikana għaż-żamma tal-paċi f'Bulamarer u fil-villaġġi qrib; billi fil-25 ta' Frar 2018 f'Mogadishu ġraw żewġ attakki terroristiċi li qatlu tal-anqas 32 ruħ;
C. billi f'Ġunju 2017 f'sit tat-tqassim tal-għajnuna f'Baidoa l-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Somalu qatlu u ferew illegalment ċivili bħala konsegwenza tal-ġlied intern bejn il-forzi governattivi; billi l-popolazzjonijiet ċivili sfaw ukoll fil-mira matul il-ġlied tal-forzi reġjonali u tal-milizzji tat-tribujiet, speċjalment fir-reġjuni tax-Shabelle t'Isfel, tal-Galguduud u tal-Hiran;
D. billi, skont ir-rapport tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Missjoni ta' Assistenza lis-Somalja (UNSOM), li jkopri l-perjodu li jmur mill-1 ta' Jannar 2016 sal-14 ta' Ottubru 2017, fis-Somalja 2 078 ċivili tilfu ħajjithom u 2 507 sfaw feruti; billi l-parti l-kbira tagħhom hija attribwita lill-militanti ta' al-Shabaab; billi perċentwal sinifikanti ta' dawn l-imwiet kien ikkawżat minn milizzji tat-tribujiet, atturi statali, fosthom l-armata u l-pulizija, u saħansitra l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja;
E. billi s-Somalja għaddiet minn għoxrin sena gwerra ċivili; billi mill-2012, meta ġie insedjat gvern ġdid appoġġjat fuq livell internazzjonali, il-pajjiż għamel progress sinifikanti lejn il-paċi u l-istabbiltà; billi, filwaqt li al-Shabaab ġarrab telfiet kbar minħabba l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu f'dawn l-aħħar snin, ir-rapporti tan-NU jindikaw li l-fazzjoni ISIS/Daesh fis-Somalja kibret b'mod konsiderevoli;
F. billi fit-8 ta' Frar 2017 is-Somalja kellha l-ewwel elezzjonijiet liberi tagħha minn mindu insedja ruħu l-gvern appoġġat fuq livell internazzjonali; billi s-sistema elettorali rrappreżentat progress f'termini ta' parteċipazzjoni, iżda wriet biss karatteristiċi elettorali limitati; billi l-gvern intrabat li jaqleb għal sistema elettorali mhux ponderata bbażata fuq is-suffraġju universali għall-elezzjonijiet tal-2020/2021;
G. billi l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja ġie prorogat sal-31 ta' Lulju 2018; billi, skont ir-riżoluzzjoni 2372/17 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-persunal b'uniformi tal-AMISOM għandu jonqos għal 20 626 ruħ sat-30 ta' Ottubru 2018; billi l-persunal tal-AMISOM ġie akkużat bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza sesswali u mġiba ħażina matul is-servizz;
H. billi l-libertà ta' espressjoni, li hi pilastru fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija funzjonanti, għadha qiegħda tiġi limitata serjament fis-Somalja; billi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-mexxejja politiċi għadhom qegħdin jiġu mhedda kuljum; billi al-Shabaab għadu jwettaq intimidazzjonijiet, arresti u detenzjonijiet mingħajr proċess ġust u saħansitra għadu qiegħed joqtol; billi l-awtoritajiet rarament jinvestigaw tali każijiet; billi, skont il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ), is-Somalja, għal tmien snin konsekuttivi, irriżultat bħala l-pajjiż l-aktar letali fl-Afrika li fih il-ġurnalisti u operaturi oħra tal-midja joperaw u jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ta' espressjoni;
I. billi d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u dak għal sħubija fi trade unjon huma fundamentali għall-iżvilupp ta' kwalunkwe demokrazija funzjonanti; billi l-Gvern Federali Somalu ma jippermettix fil-fatt il-formazzjoni u l-eżistenza ta' trade unions indipendenti; billi fis-Somalja l-attivisti tat-trade unions u dawk għad-drittijiet tal-ħaddiema jħabbtu wiċċhom kuljum ma' intimidazzjonijiet, tpattija u vessazzjonijiet; billi l-kampanji ta' stigmatizzazzjoni u ta' malafama kontra l-attivisti tat-trade unions huma komuni fis-Somalja;
J. billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ħarġet ilment għal ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni kontra l-Gvern Somalu; billi l-ILO stiednet lill-gvern "jirrikonoxxi bla dewmien it-tmexxija tal-Unjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti Somali (NUSOJ) u tal-l-Federazzjoni tat-Trade Unions tas-Somalja (FESTU) taħt is-Sur Omar Faruk Osman";
K. billi l-esperti tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iddikjaraw pubblikament li s-"Somalja ma tirrispettax l-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li s-sitwazzjoni tat-trade unions għadha sejra għall-agħar minkejja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi fformulati mill-Korp ta' Tmexxija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u jħeġġu lill-Gvern Somalu jastjeni minn kwalunkwe ndħil ulterjuri fit-trade unions irreġistrati fis-Somalja, b'riferiment partikolari għall-NUSOJ u għall-FESTU";
L. billi fis-Somalja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma mifruxa; billi dawk responsabbli minn dan il-ksur huma prinċipalment atturi mhux statali – militanti ta' al-Shabaab u milizzji tat-tribujiet – iżda wkoll atturi statali; billi saru eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, vjolenzi sesswali u sessisti, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u ħtif; billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Agenzija Nazzjonali għall-Intelligence u s-Sigurtà (NISA) tas-Somalja tikser sistematikament id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi din topera spiss b'mod extraġudizzjarju u l-poteri tagħha huma wesgħin wisq;
M. billi, madankollu, is-sitwazzjoni politika hija instabbli u l-governanza għadha dgħajfa, u dan jostakola l-progress tar-riforma ġudizzjarja u tas-settur tas-sigurtà; billi, skont Transparency International, is-Somalja hija l-aktar pajjiż korrott fid-dinja;
N. billi l-qrati militari għadhom jisimgħu firxa wiesgħa ta' każijiet, fosthom ir-reati marbuta mat-terroriżmu, fl-ambitu ta' proċedimenti huma ferm 'il bogħod mill-istandards internazzjonali f'dak li huwa proċess ġust; billi, sat-tielet trimestru tal-2017, b'segwitu għall-kundanni tal-qrati militari ġew ġustizzjati tal-anqas 23 ruħ, il-biċċa l-kbira tagħha fuq akkużi marbuta mat-terroriżmu; billi, fit-13 ta' Frar 2017 fil-Puntland ġew ikkundannati għall-mewt minħabba omiċidju seba' imputati, fosthom minorenni, prinċipalment fuq il-bażi ta' konfessjonijiet miksuba fil-koerċizzjoni mis-servizzi ta' intelligence tal-Puntland; billi ħamsa ġew ġustizzjati f'April tal-istess sena;
O. billi l-interessi barranin ikomplu jikkomplikaw ix-xenarju politiku; billi, fl-ambitu tal-konfrontazzjoni usa' bejn l-Emirati Għarab Magħquda u l-Arabja Sawdija, minn naħa, u l-Qatar, min-naħa l-oħra, il-Gvern Federali tas-Somalja pprova jibqa' newtrali; billi, bi tpattija, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda waqfu l-pagamenti regolari għas-sostenn baġitarju lis-Somalja, u dan kompla jdgħajjef il-kapaċità tal-gvern li jħallas il-forzi tas-sigurtà;
P. billi t-tfal huma fost il-vittmi prinċipali tal-kunflitt fis-Somalja; billi kien hemm bosta każijiet ta' tfal maħtufa u reklutati minn gruppi terroristiċi; billi dawn ġew ittrattati bħala għedewwa mill-forzi tas-sigurtà Somali u spiss sfaw vittmi ta' qtil, mutilazzjonijiet, arresti u detenzjonijiet;
Q. billi rapport ta' Human Rights Watch tal-21 ta' Frar 2018 juri l-ksur u l-abbużi– fosthom swat, tortura, reklużjoni u vjolenzi sesswali – li sofrew, mill-2015, mijiet ta' tfal detenuti mill-gvern minħabba attivitajiet marbuta mat-terroriżmu; billi fil-Puntland kien hemm każijiet ta' kundanna għall-mewt ta' tfal minħabba reati ta' terroriżmu;
R. billi, wara snin ta' nixfa, l-għargħar ikkaġunat mill-kwantità rekord ta' xita ta' dan l-aħħar, ikkawża l-ispostament ta' 230 000 ruħ, li, skont stimi, aktar minn nofshom huma tfal; li dawn jiżdiedu ma' kważi 2,6 miljun ruħ fil-pajjiż kollu li diġà ntlaqtu min-nixfa u mill-kunflitt;
S. billi, mill-vittmi ċivili rreġistrati, numru sinifikanti huwa kaġun tal-milizzji tat-tribujiet; billi l-fatturi li jkebbsu l-kunflitt fost it-tribujiet huma prinċipalment it-tilwim fuq l-artijiet u r-riżorsi, aggravati minn ċiklu kostanti ta' ritaljazzjoni; billi tali kunflitti ħraxu mill-iskarsezza tar-riżorsi u min-nixfa; billi tali kunflitti huma sfruttati minn elementi antigovernattivi bil-għan li jiddestabbilizzaw ulterjorment iż-żoni;
T. billi l-insigurtà tal-ikel għadha tirrappreżenta problema gravi għall-popolazzjoni u għall-Istat Somalu; billi, skont id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej, madwar nofs it-12-il miljun abitant tas-Somalja jinsabu f'qagħda ta' insigurtà tal-ikel u għandhom bżonn l-assistenza umanitarja; billi, skont l-istimi, 1,2 miljun tifel u tifla jinsabu fi stat ta' malnutrizzjoni akuta u 232 000 minnhom se jinsabu fil-periklu ta' ħajja minħabba malnutrizzjoni akuta gravi; billi bosta nħawi tal-pajjiż għadhom ma rpiljawx għalkollox mill-karestija tal-2011-2012; billi n-nixfa aggravat il-problemi ta' insigurtà tal-ikel fis-Somalja;
U. billi jeżistu diversi kampijiet tar-rifuġjati Somali fil-Kenja, inkluż il-kamp Dadaab, li waħdu fih madwar 350 000 rifuġjat; billi, fid-dawl tan-nuqqas ta' appoġġ adegwat mill-komunità internazzjonali, l-awtoritajiet Kenjani għandhom il-ħsieb li jnaqqsu l-kapaċità ta' dawn il-kampijiet billi jagħfsu fuq ir-ritorn tar-rifuġjati lejn is-Somalja;
V. billi l-atturi umanitarji internazzjonali huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-insigurtà tal-ikel u fl-għoti ta' assistenza umanitarja; billi huma taw kontribut kbir biex jiġi evitat diżastru umanitarju fis-Somalja; billi kien hemm tentattivi biex l-assistenza umanitarja tiġi ddevjata għall-finanzjament tal-gwerra;
W. billi mill-2016 l-UE żiedet progressivament l-appoġġ umanitarju annwali li hija tagħti lis-Somalja, b'mod partikolari b'reazzjoni għan-nixfa gravi li qed taffettwa l-pajjiż u fl-2017 allokat EUR 120 miljun lis-sħab umanitarji; billi l-pjan ta' reazzjoni internazzjonali huwa ffinanzjat sa 24 % biss;
X. billi l-UE pprovdiet EUR 486 miljun, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2014-2020), u ffokat fuq il-bini tal-istat, il-konsolidazzjoni tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni; billi l-UE qed tappoġġja lill-AMISOM permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika; billi t-22 000 ruħ tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, AMISOM, ġabu magħhom ċertu grad ta' stabbiltà f'partijiet tas-Somalja; billi partijiet tal-pajjiż għadhom taħt il-kontroll tal-moviment Iżlamiku radikali al-Shabaab, jew esposti għat-theddida tiegħu, jew huma kkontrollati minn awtoritajiet separati, kif inhu l-każ fis-Somaliland u fil-Puntland;
1. Jikkundanna l-attakki terroristiċi kollha kontra l-popolazzjoni Somala, imwettqa kemm minn al-Shabaab kif ukoll minn gruppi terroristiċi estremisti oħra; jiddikjara li ma jista' jkun hemm ebda raġuni leġittima għal involviment f'attività terroristika; jitlob li jitressqu proċedimenti l-awturi tal-attakki terroristiċi u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'mod konformi mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi fis-Somalja u mal-familji tagħhom, u jiddispjaċih b'mod profond għat-telf ta' ħajjiet; ifakkar lill-awtoritajiet Somali fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili fiċ-ċirkostanzi kollha;
2. Jissottolinja li l-eliminazzjoni tal-kawżi fundamentali tat-terroriżmu bħalma huma l-insigurtà, il-faqar, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-degradazzjoni ambjentali, l-impunità, in-nuqqas ta' ġustizzja u l-oppressjoni tkun tikkontribwixxi b'mod immens għall-qerda ta' organizzazzjonijiet u attivitajiet terroristiċi fis-Somalja; jafferma li s-sottożvilupp u l-insigurtà jiffurmaw ċirku vizzjuż; jappella, għalhekk, lill-atturi internazzjonali, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-UE, biex jinvolvu ruħhom f'inizjattivi intiżi biex jirriformaw is-settur tas-sigurtà u biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom ħalli tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki ta' żvilupp u ta' sigurtà fis-Somalja; jappella lill-UE biex tkompli tappoġġja l-proċess ta' paċi u ta' rikonċiljazzjoni fis-Somalja permezz tal-Qafas ta' Responsabbiltà Reċiproka u l-Patt ta' Sigurtà;
3. Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja biex ikompli bl-isforzi tiegħu ta' konsolidazzjoni tal-paċi u ta' bini tal-istat biex jiżviluppa istituzzjonijiet b'saħħithom li huma rregolati mill-istat tad-dritt u li jistgħu jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi, u biex jiggarantixxi s-sigurtà, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni; jilqa' l-fatt li al-Shabaab ma setax jimpedixxi l-proċess elettorali 2016-2017; jappella lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jiżgura li jkun hemm fis-seħħ sistema elettorali mhux ponderata bbażata fuq is-suffraġju universali qabel l-elezzjonijiet fl-2021-2020; ifakkar li l-istabbiltà u l-paċi dejjiema jistgħu jinkisbu biss permezz tal-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba bbażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;
4. Jappella lill-Gvern Federali tas-Somalja biex iżżid l-isforzi tiegħu fil-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt fil-pajjiż kollu; isostni li l-impunità hija waħda mill-kawżi ewlenin li tkebbes iċ-ċiklu ta' vjolenza bla waqfien u taggrava s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-awtoritajiet Somali jirrinvijaw għall-qrati ċivili l-kawżi ċivili futuri pproċessati fil-qrati militari; jappella lill-President tas-Somalja biex jikkommuta immedjatament il-kundanni għall-piena kapitali li għadhom pendenti bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta' moratorju fuq il-kundanni għall-mewt kollha; jemmen li l-istat tad-dritt biss jista' jeqred l-impunità; jappella lill-gvern u lill-atturi internazzjonali biex ikomplu bil-ħidma tagħhom biex jistabbilixxu ġudikatura indipendenti, iwettqu investigazzjonijiet indipendenti u kredibbli ta' delitti mwettqa kontra ġurnalisti Somali, jeliminaw il-korruzzjoni, u joħolqu istituzzjonijiet responsabbli, speċjalment fis-settur tas-sigurtà; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-gvern, is-sena l-oħra, nieda, f'kooperazzjoni man-NU u l-UE, programm nazzjonali ta' taħriġ ġudizzjarju;
5. Jiddeplora l-ksur tal-libertà ta' espressjoni fis-Somalja mwettaq minn atturi statali u atturi mhux statali; jinsab imħasseb bl-approċċ awtokratiku ta' din l-amministrazzjoni u ta' xi wħud mill-amministrazzjonijiet statali reġjonali, li rriżulta fl-arrest ta' avversarji politiċi u kritiċi paċifiċi; iqis assolutament inaċċettabbli kwalunkwe intimidazzjoni, vessazzjoni, detenzjoni jew qtil ta' ġurnalisti u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili; jitlob li l-awtoritajiet Somali jieqfu jużaw l-Aġenzija NISA biex jintimidaw ġurnalisti indipendenti u avversarji politiċi; jappella lill-gvern u lill-UE, bħala parti mill-attivitajiet tagħha marbuta mal-istat tad-dritt fis-Somalja, biex jiżguraw li l-Aġenzija NISA hija regolata b'mekkaniżmi ta' sorveljanza effikaċi; jafferma li l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-ħsieb huma indispensabbli għall-iżvilupp ta' soċjetà b'saħħitha u demokratika; jappella lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jiżgura li d-dritt għal-libertà ta' espressjoni huwa rrispettat bis-sħiħ; jappella lill-Gvern Somalu biex jirrevedi l-kodiċi kriminali, il-liġi l-ġdida dwar il-midja u leġiżlazzjoni oħra, bil-għan li jġibhom konformi mal-obbligi internazzjonali tas-Somalja fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni u l-midja;
6. Jesprimi tħassib dwar ċerti interessi barranin li jkomplu jikkomplikaw ix-xenarju politiku; jinnota, fl-ambitu tal-konfrontazzjoni usa' bejn l-Emirati Għarab Magħquda u l-Arabja Sawdija, minn naħa, u l-Qatar, min-naħa l-oħra, li l-Gvern Federali tas-Somalja, f'tentattiv li jibqa' newtrali, ġie mċaħħad minn pagamenti regolari għas-sostenn baġitarju mill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, u dan kompla jdgħajjef il-kapaċità tal-gvern li jħallas il-forzi tas-sigurtà; iħeġġeġ lill-Emirati Għarab Magħquda biex iwaqqfu minnufih l-atti kollha ta' destabbilizzazzjoni fis-Somalja u jirrispettaw is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Somalja;
7. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' espressjoni kontra t-trade unions ħielsa u indipendenti tas-Somalja u, b'mod partikolari, ir-repressjoni li ilha għaddejja kontra l-NUSOJ u l-FESTU, u jinsisti fuq it-tmiem tal-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa u l-għeluq tal-proċedimenti mressqa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kontra s-Sur Omar Faruk Osman, is-Segretarju Ġenerali tan-NUSOJ, talli organizza, mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Informazzjoni, ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa;
8. Jiddenunzja r-repressjoni mill-Istat Somalu tal-attivisti tat-trade unions; jappella lill-Istat Somalu biex iwaqqaf kull forma ta' repressjoni kontra l-attivisti tat-trade unions; jinsisti li l-gvern jippermetti l-formazzjoni ta' trade unions indipendenti; jemmen bis-sħiħ li t-trade unions huma indispensabbli biex jiġu garantiti d-drittijiet tal-ħaddiema fis-Somalja; jafferma li t-trade unions indipendenti jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja;
9. Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jirrispetta u jiddefendi l-istat tad-dritt internazzjonali, u biex jaċċetta u jimplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-ILO dwar il-Każ nru 3113;
10. Ifaħħar il-ħidma tal-UNSOM fl-aspetti kollha u, b'mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja, kif ukoll d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jipproroga l-mandat tagħha sal-31 ta' Marzu 2019; ifaħħar l-isforzi li saru mill-Unjoni Afrikana biex iġġib lura ċertu grad ta' stabbiltà fis-Somalja u biex torganizza proċess politiku ta' tranżizzjoni; jappella għal monitoraġġ u għal bini tal-kapaċità aħjar min-naħa tal-UE biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-abbużi mill-AMISOM, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-UE hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-finanzjament tiegħu; iħeġġeġ lill-AMISOM biex timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħhom sabiex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili;
11. Jiddeplora r-reklutaġġ ta' suldati tfal fis-Somalja u jqisu delitt tal-gwerra ripunjanti; iqis li t-tfal huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fil-kunflitt; jappella lill-gruppi armati kollha biex itemmu din il-prattika u jeħilsu minnufih lit-tfal kollha attwalment reklutati; jappella lill-istat biex jittrattahom bħala vittmi ta' terroriżmu u gwerra aktar milli awturi, u jappella lill-UE biex tgħin lill-Gvern Somalu fl-isforzi tiegħu ta' riabilitazzjoni u reintegrazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Somali biex itemmu d-detenzjoni arbitrarja tat-tfal suspettati li huma illegalment affiljati ma' al-Shabaab; iħeġġeġ lill-atturi kollha fis-Somalja biex jirrispettaw l-għanijiet tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal fir-rigward tal-involviment tat-tfal f'kunflitti armati, u jinkoraġġixxi lill-Gvern Federali tas-Somalja biex jirratifikah mingħajr dewmien;
12. Jilqa' l-għażla ta' kummissarji tal-Kummissjoni Nazzjonali Indipendenti tas-Somalja għad-Drittijiet tal-Bniedem, stabbilita reċentement, u jappella lill-Gvern Somalu biex jaħtar il-Kummissjoni mingħajr aktar dewmien; jinsab profondament allarmat bir-rapporti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi tas-sigurtà Somali, inklużi l-qtil, l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji, it-tortura, l-istupru u l-ħtif; jappella lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-ksur kollu jiġi investigat bis-sħiħ u li jitressqu proċedimenti ġudizzjarji kontra l-awturi; jappella lill-gvern u lill-UE biex isaħħu l-għarfien espert tekniku tad-Dipartiment ta' Investigazzjoni Kriminali tas-Somalja (CID) biex iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effikaċi li jirrispettaw id-drittijiet; jappella lit-truppi barranin u nazzjonali li jintervjenu fil-ġlieda kontra al-Shabaab biex jaġixxu b'mod konformi mad-dritt internazzjonali; jappella lill-Gvern Somalu biex jagħti segwitu għall-impenji li jintemmu l-iżgumbramenti furzati ta' nies spostati internament, inkluż fil-belt kapitali tal-pajjiż, Mogadishu;
13. Ifaħħar lill-Gvern Somalu għat-tnedija tal-proċess ta' reviżjoni tal-kostituzzjoni provviżorja tas-Somalja, wara konvenzjoni kostituzzjonali nazzjonali ta' tlett ijiem f'Mejju 2018 li ser twassal għall-kostituzzjoni permanenti tas-Somalja; iħeġġeġ lill-Gvern Somalu biex jiffinalizza l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tas-Somalja dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti (PCVE) bħala parti mill-Approċċ Globali għas-Sigurtà (CAS) tal-pajjiż, bl-appoġġ tal-AMISOM;
14. Jikkundanna l-vjolenza sessista u sesswali kontra n-nisa, l-irġiel, is-subien u l-bniet, fejn in-nisa u l-bniet jintlaqtu b'mod partikolari, u jqishom delitt tal-gwerra orribbli; jappella lill-Istat biex iżid l-isforzi tiegħu fil-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-gvern, is-sena l-oħra, nieda, f'kooperazzjoni man-NU u l-UE, programm nazzjonali ta' taħriġ ġudizzjarju; itenni l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar id-drittijiet tan-nisa; jappella lill-awtoritajiet rilevanti biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; jikkundanna l-illegalizzazzjoni tal-omosesswalità fis-Somalja u l-kriminalizzazzjoni ta' persuni LGBTI;
15. Jiddeplora s-sitwazzjoni umanitarja prekarja li qed thedded l-ħajjiet ta' miljuni ta' Somali; ifakkar li l-ammont ta' mwiet fil-karestija tal-2011 kien aggravat mill-insigurtà u mill-azzjonijiet tal-militanti estremisti ta' al-Shabaab li fixklu t-twassil tal-għajnuna alimentari fl-inħawi ċentrali u tan-nofsinhar tas-Somalja li dak iż-żmien kienu taħt il-kontroll tagħhom; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex iżidu l-għajnuna tagħhom għall-popolazzjoni Somala, bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-iktar vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi tal-ispostament, l-insigurtà tal-ikel, l-epidemiji u d-diżastri naturali; jikkundanna l-attakki kollha kontra l-atturi umanitarji u taż-żamma tal-paċi fis-Somalja; jitlob biex l-għajnuna tal-UE tkun allinjata mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula fuq livell internazzjonali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), reċentement approvati;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1), tas-17 ta' Diċembru 2015(2), tad-19 ta' Jannar 2017(3) u tas-6 ta' Lulju 2017(4),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 u 2303 (2016) tad-29 ta' Lulju 2016 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-briefing orali mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU (UNCI) dwar il-Burundi lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra l-ewwel rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, ippubblikat fit-23 ta' Frar 2017, u d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni politika u l-vjolenza li qed isseħħ fil-Burundi, li ħeġġet bil-qawwa lill-gvern u lill-partijiet kollha biex iwaqqfu u jirrifjutaw tali vjolenza,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-13 ta' Marzu 2017 rigward is-sitwazzjoni fil-Burundi, u d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-5 ta' April 2018 li tikkundanna l-ksur u l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (EINUB), ippubblikat fl-20 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-30 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi (il-Ftehim ta' Arusha) tat-28 ta' Awwissu 2000,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi tas-summit tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni dwar l-Attivitajiet tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà u dwar l-Istat tal-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika (Assembly/AU/Dec.598(XXVI)), adottata waqt is-26 Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana, li saret fit-30 u fil-31 ta' Jannar 2016 f'Addis Ababa (l-Etjopja),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet u d-Dikjarazzjonijiet tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana (Assembly/AU/Dec.605-620(XXVII)), adottati waqt is-27 Sessjoni Ordinarja tal-Assemblea tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana, li saret fis-17 u fit-18 ta' Lulju 2016 f'Kigali (ir-Rwanda),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-4 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Burundi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi tas-summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) tal-31 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015(6) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015(7) u (PESK) 2016/1745 tad-29 ta' Settembru 2016(8) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju, tat-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 u tal-15 ta' Frar 2016 dwar il-Burundi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tat-28 ta' Mejju 2015, tad-19 ta' Diċembru 2015, tal-21 ta' Ottubru 2016 u tas-27 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Ġunju 2018 tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2018 tal-VP/RGħ, f'isem l-UE, dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi qabel ir-referendum kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2017 tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar il-projbizzjoni tal-Lega Iteka fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Burundi ilu jiffaċċja kriżi politika, umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem minn April tal-2015, meta l-President Nkurunziza ħabbar li kien se jikkandida ruħu għat-tielet mandat kontroversjali, u dan wassal għal xhur ta' inkwiet li matulhom mietu 593 ruħ skont il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u, skont il-UNHCR, 413 000 ruħ ħarbu mill-pajjiż minn dak iż-żmien 'l hawn, filwaqt li 169 000 ruħ ġew spostati internament; billi 3,6 miljun ruħ fil-pajjiż jeħtieġu assistenza umanitarja skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU;
B. billi l-bidliet kostituzzjonali li saret votazzjoni dwarhom fir-referendum jinkludu t-twessigħ tas-setgħat presidenzjali, it-tnaqqis tas-setgħat tal-Viċi President, il-ħatra tal-prim ministru mill-President, l-introduzzjoni ta' proċedura ta' maġġoranza sempliċi biex tgħaddi jew tinbidel leġiżlazzjoni fil-parlament, l-abilità li jiġu rieżaminati l-kwoti implimentati mill-Ftehim ta' Arusha, u l-projbizzjoni tal-partiti politiċi b'anqas minn 5 % tal-voti li jipparteċipaw fil-gvern, bidliet li kollha jipperikolaw il-Ftehim ta' Arusha;
C. billi l-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-avversarji politiċi fil-pajjiż kollu eskalaw fil-perjodu qabel ir-referendum kostituzzjonali fis-17 ta' Mejju 2018, bl-għajbien sfurzat u l-intimidazzjoni ta' min qed jopponi r-reviżjoni kostituzzjonali msemmija hawn fuq; billi r-referendum kostituzzjonali jippermetti wkoll it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet innegozjati tal-Ftehim ta' Arusha, u dan jista' jnaqqas l-inklużività u jwassal għal aktar konsegwenzi serji għall-istabbiltà politika fil-Burundi; billi, minkejja l-bidliet fil-kostituzzjoni, il-President Nkurunziza ħabbar li mhuwiex se joħroġ għall-elezzjonijiet tal-2020;
D. billi, skont Amnesty International, matul il-perjodu tal-kampanja uffiċjali kien hemm rapporti frekwenti ta' arresti, xebgħat u intimidazzjoni ta' dawk li kienu favur il-"Le"; billi r-referendum sar f'kuntest ta' ripressjoni kontinwa, li wasslet lill-isqfijiet Kattoliċi tal-Burundi jgħidu li ħafna ċittadini qed jgħixu fil-biża', tant hu hekk li n-nies ma jazzardawx jgħidu dak li jaħsbu minħabba l-biża' ta' tpattija;
E. billi l-UNCI irrimarkat li l-vjolenza politika, l-arresti arbitrarji, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, ix-xebgħat, id-diskors ta' mibegħda u diversi abbużi oħra għadhom qed jolqtu lill-popolazzjoni; billi Imbonerakure, il-lega taż-żgħażagħ tal-partit politiku fil-poter, għadha qed tikser id-drittijiet tal-bniedem u tuża diversi tattiki ta' intimidazzjoni, bħall-imblokki fit-toroq u punti ta' kontroll f'ċerti provinċji, l-estorsjoni ta' flus, il-fastidju ta' persuni li jkunu għaddejjin, u l-arrest ta' persuni li jissuspettaw li għandhom rabtiet mal-oppożizzjoni, li ħafna minnhom ġew detenuti, stuprati, imsawta u ttorturati, bil-konsegwenza li wħud minnhom mietu;
F. billi matul il-perjodu tar-referendum fl-2018, xi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw każijiet ta' tnaqqis tal-ispazju ċiviku u ta' deterjorament tal-ispazju medjatiku, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell lokali; billi, mill-2015, l-NGOs lokali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew mhedda u attakkati dejjem aktar mill-gvern, filwaqt li l-libertà tal-istampa u l-kundizzjonijiet li l-ġurnalisti qed jaħdmu fihom iddeterjoraw b'mod kostanti; billi l-midja u l-ġurnalisti privati diġà ħallsu prezz għoli fil-battalja kontra l-gvern, u, fost affarijiet oħra, kienu vittmi ta' arresti, eżekuzzjonijiet sommarji u għajbien sfurzat, u xi drabi ġew iddikjarati kriminali jew saħansitra terroristi mill-gvern;
G. billi Reporters Without Borders tikklassifika l-Burundi fil-159 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħha tal-2018;
H. billi ħafna attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ingħataw sentenzi twal ta' ħabs, b'mod partikolari Germain Rukuki, li jaħdem għall-Assoċjazzjoni tal-Ġuristi Kattoliċi tal-Burundi u ngħata sentenza ta' 32 sena, jew qegħdin jinżammu detenuti huma u jistennew il-proċess, bħal Nestor Nibitanga; billi ġew approvati liġijiet restrittivi biex jiġu kkontrollati l-NGOs lokali u internazzjonali; billi xi organizzazzjonijiet ġew sfurzati jissospendu l-attivitajiet tagħhom u oħrajn ġew sfurzati jagħlqu b'mod permanenti, bħal-Lega ITEKA, il-FOCODE u l-ACAT; billi ħafna mexxejja u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew eżiljati, filwaqt li dawk li għadhom preżenti qegħdin taħt pressjoni kontinwa jew qegħdin jiġu arrestati; billi Emmanuel Nshimirimana, Aimé Constant Gatore u Marius Nizigama ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 10 snin u 32 sena, filwaqt li Nestor Nibitanga jista' jingħata sentenza ta' 20 sena ħabs; billi l-ġurnalist Jean Bigirimana issa ilu nieqes kważi sentejn, u huwa wieħed mill-ħafna vittmi ta' għajbien sfurzat fil-kuntest tal-kriżi;
I. billi f'Ottubru 2017, l-imħallfin tal-QKI awtorizzaw lill-prosekutur tal-QKI biex jibda investigazzjoni dwar reati fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Qorti li allegatament twettqu fil-Burundi jew minn ċittadini tal-Burundi barra mill-Burundi bejn is-26 ta' April 2015 u s-26 ta' Ottubru 2017; billi b'effett mis-27 ta' Ottubru 2017, il-Burundi sar l-ewwel nazzjon li telaq mill-QKI wara d-deċiżjoni tal-Qorti f'April 2016 li tibda investigazzjoni preliminari dwar il-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u r-reati possibbli kontra l-umanità fil-Burundi, filwaqt li r-reġim qed ikompli joqtol b'impunità fil-pajjiż;
J. billi l-preżenza tat-truppi Burundjani f'missjonijiet taż-żamma tal-paċi tippermetti lir-reġim tal-President Nkurunziza li jaħbi r-realtà tal-problemi interni u jippreżenta lill-Burundi bħala fattur stabbilizzanti f'pajjiżi oħra, fi żmien meta l-Burundi stess qed jesperjenza kriżi bla preċedent ikkaratterizzata minn ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi permezz ta' dan il-Burundi qed jikseb ammont enormi ta' flus, li mhux qed jiġi distribwit mill-ġdid favur il-popolazzjoni; billi elezzjonijiet paċifiċi, liberi, demokratiċi u indipendenti ma jistgħux ikunu possibbli mingħajr ix-xoljiment tal-milizzja Imbonerakure;
K. billi l-Burundi huwa fi stat ta' deterjorament soċjoekonomiku kontinwu u jinsab fil-pożizzjoni ta' qabel tal-aħħar fil-klassifikazzjoni tal‑PDG globali per capita; billi madwar 3,6 miljun Burundjan (30 % tal-popolazzjoni) jeħtieġu assistenza u 1,7 miljun m'għandhomx sigurtà tal-ikel; billi din is-sitwazzjoni ta' faqar qed tmur għall-agħar bl-introduzzjoni ta' kontribuzzjoni "volontarja" għall-elezzjonijiet tal-2020, li ta' spiss tinġabar bil-forza minn Imbonerakure u tammonta għal madwar 10 % jew aktar tas-salarju ta' kull xahar ta' impjegat taċ-ċivil;
L. billi waqt it-30 Summit tal-Unjoni Afrikana u d-19-il Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant rispettivament esprimew l-impenn tagħhom għal soluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi permezz ta' djalogu inklużiv abbażi tal-Ftehim ta' Arusha tat-28 ta' Awwissu 2000;
M. billi għadd ta' sħab bilaterali u multilaterali ssospendew l-assistenza finanzjarja u teknika tagħhom lill-Gvern tal-Burundi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi l‑UE ssospendiet l‑appoġġ finanzjarju dirett lill‑amministrazzjoni Burundjana, inkluż l‑appoġġ baġitarju, iżda qiegħda żżomm l‑appoġġ tagħha lill‑popolazzjoni kif ukoll l‑assistenza umanitarja tagħha;
N. billi l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka adottaw sanzjonijiet immirati u individwali kontra l-Burundi; billi fit-23 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-Burundi u estendiehom sal-31 ta' Ottubru 2018; billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fil-konfront ta' individwi partikolari li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma favur soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;
O. billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Burundi fit-28 ta' Ġunju 2018 matul it-38 sessjoni tiegħu; billi l-Burundi aċċetta 125 mill-242 rakkomandazzjoni tal-Eżami, u notevolment irrifjuta dawk li jitolbu passi prattiċi biex itejbu r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż;
P. billi l-Qorti Kostituzzjonali appoġġat ir-riżultati tar-referendum tas-17 ta' Mejju 2018 u rrifjutat petizzjoni ppreżentata mill-oppożizzjoni li tallega intimidazzjoni u abbuż;
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-impunità enedemika u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura, l-għajbien sfurzat u d-detenzjoni arbitrarja; ifakkar lill-Burundi dwar l-obbligu tiegħu, bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jkompli jikkoopera bis-sħiħ mal-UNCI dwar il-Burundi u mat-tim tat-tliet esperti tan-NU, u li jagħti aċċess għall-pajjiż lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jistieden lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Arusha bħala l-istrument ewlieni għall-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili, u jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiegħu l-Burundi huwa Stat parti;
3. Jikkundanna għal darb'oħra l-intimidazzjoni, il-vjolenza u l-fastidju tal-ġurnalisti, il-partitarji tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jirrispettaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir, u biex b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet jirrilaxxaw lil Germain Rukuki, Nestor Nibitanga, Emmanuel Nshimirimana, Aimé Constant Gatore u Marius Nizigama, ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġew arrestati biss minħabba xogħolhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iżda huma akkużati mill-awtoritajiet li pperikolaw is-sigurtà interna tal-istat; jitlob li l-awtoritajiet Burundjani jniedu investigazzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ġurnalist Jean Bigirimana;
4. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Burundi li jirtira mill-QKI; jappoġġa l-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni preliminari tal-QKI dwar ir-reati estensivi u l-atti ta' ripressjoni fil-Burundi; jitlob lill-UE tkompli tinsisti fuq l-obbligu ta' rendikont għar-reati mwettqa fil-Burundi; jistenna li l-Burundi jerġa' jibda u jkompli l-kooperazzjoni tiegħu mal-QKI, fid-dawl tal-fatt li l-ġlieda kontra l-impunità, il-prosekuzzjoni tal-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem, u l-obbligu ta' rendikont jibqgħu passi neċessarji biex tissolva l-kriżi u biex tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema;
5. Jilqa' l-briefing orali tal-UNCI dwar il-Burundi u jfaħħar il-ħidma vitali tiegħu fid-dokumentazzjoni tal-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejja bħalissa fil-pajjiż;
6. Jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja, li hija kkaratterizzata minn 169 000 persuna spostata internament, 1,67 miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza umanitarja, u aktar minn 410 000 Burundjan li qed ifittxu rifuġju f'pajjiżi ġirien; ifaħħar lill-pajjiżi ospitanti għall-isforzi tagħhom u jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun biex jiżguraw li r-ritorn tar-rifuġjati jkun volontarju, abbażi ta' deċiżjonijiet infurmati u mwettaq b'mod sikur u dinjituż;
7. Jiddispjaċih, madankollu, dwar il-progress bil-mod tad-djalogu inter-Burundjan immexxi mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u n-nuqqas ta' impenn mill-Gvern tal-Burundi f'dan ir-rigward, u jistieden lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet Burundjani, biex jimpenjaw ruħhom favur l-issoktar urġenti tad-djalogu inter-Burundjan, li għandu jiġi organizzat fi ħdan qafas verament inklużiv u mingħajr prekundizzjonijiet;
8. Jitlob li jkun hemm approċċ imġedded u kkoordinat bejn l-UA, l-UE u l-Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika (ECA) tan-NU u n-NU kollha kemm hi; jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern tal-Burundi mhuwiex iqis ir-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra, id-deċiżjoni tal-UA ta' Jannar 2018 jew l-isforzi ta' medjazzjoni tal-QEA; iħeġġeġ lis-sħab bilaterali u multilaterali u lill-Gvern tal-Burundi biex ikomplu d-djalogu tagħhom bl-għan li l-Gvern tal-Burundi joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għall-issoktar tal-assistenza; jitlob lill-partijiet ikkonċernati Burundjani kollha biex jipparteċipaw b'mod attiv f'dan il-proċess; itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' medjazzjoni bis-sostenn tal-UA u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;
9. Ifaħħar l-assistenza pprovduta mis-sħab bilaterali u multilaterali fit-taffija tas-sitwazzjoni umanitarja, u jistieden lill-komunità internazzjonali tkompli tipprovdi appoġġ biex twieġeb għall-ħtiġijiet umanitarji fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ dirett addizzjonali lill-popolazzjoni fl-2018; jenfasizza li r-ritorn għal metodu klassiku ta' kooperazzjoni jirrikjedi ritorn għall-istat tad-dritt u d-demokrazija, inklużi l-ġlieda kontra l-impunità u l-protezzjoni taċ-ċittadini Burundjani;
10. Jinsab imħasseb li l-kriżi politika li għaddejja bħalissa tista' tinbidel f'kunflitt etniku permezz tal-użu tal-propaganda, ta' dikjarazzjonijiet li jinċitaw għall-mibegħda jew sejħiet għall-vjolenza, li jqabblu lill-avversarji, membri tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u Tutsi ma' "għedewwa tar-reġim" li jridu jiġu eliminati; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Burundi biex joqogħdu lura minn kwalunkwe aġir jew lingwaġġ li jistgħu jaggravaw aktar il-vjolenza, jintensifikaw il-kriżi jew jaffettwaw l-istabbiltà reġjonali fit-tul;
11. Jibqa' tassew imħasseb li l-kostituzzjoni l-ġdida adottata b'referendum fis-17 ta' Mejju 2018 tista' tibda żżarma d-dispożizzjonijiet nnegozjati bir-reqqa definiti fil-Ftehim ta' Arusha li għenu jtemmu l-gwerra ċivili tal-Burundi;
12. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-UE, wara l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Burundjani skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tissospendi l-appoġġ finanzjarju dirett lill-Gvern tal-Burundi, u jilqa' l-adozzjoni tal-UE ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ta' miżuri ta' ffriżar tal-assi fil-konfront ta' dawk li jfittxu li jimminaw l-isforzi ta' paċi jew id-drittijiet tal-bniedem;
13. Jitlob li jintemm kull pagament ulterjuri lit-truppi Burundjani u lil varji kontinġenti mill-Burundi involuti f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-UE u l-UA; jieħu nota tal-aħbar mill-President Nkurunziza li mhux se joħroġ għall-elezzjonijiet fl-2020; jistieden lill-komunità internazzjonali ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi, irrispettivament mid-dikjarazzjoni tal-President Nkurunziza dwar l-elezzjonijiet tal-2020;
14. Ifakkar fid-dikjarazzjoni qawwija tal-VP/RGħ tat-8 ta' Mejju 2018 dwar it-tnedija tal-fażi preparatorja finali għar-referendum kostituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2018; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' approċċ kunsenswali bejn id-diversi gruppi soċjetali u politiċi fil-Burundi, in-nuqqas ta' informazzjoni pubblika uffiċjali dwar l-elementi ewlenin tal-abbozz ta' Kostituzzjoni u l-kontroll mill-qrib tal-ġurnalisti u tal-midja;
15. Ifakkar lill-Gvern tal-Burundi li l-kundizzjonijiet sabiex jinżammu elezzjonijiet inklużivi, kredibbli u trasparenti fl-2020 jimplikaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u l-eżistenza ta' żona libera fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jesprimu ruħhom mingħajr intimidazzjoni jew biża ta' rappreżalja;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Varar fil-Kroazja tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA *
116k
48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar il-varar fil-Kroazja tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA (06986/2018 – C8-0164/2018 – 2018/0806(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (06986/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0164/2018),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0225/2018),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399 u (UE) 2016/1624 (COM(2016)0731 – C8-0466/2016 – 2016/0357A(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0731),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0466/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2017(1),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Settembru 2017 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u jħejji żewġ rapporti leġiżlattivi separati abbażi tagħha,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-25 ta' April 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0322/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1240.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
L-ispejjeż għat-tħaddim u l-manutenzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS, tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, se jiġu koperti kollha kemm huma mid-dħul iġġenerat mit-tariffi. Għaldaqstant it-tariffa għandha tiġi adattata kif meħtieġ, b'kont meħud tal-ispejjeż. Dan jinkludi kemm l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll dawk imġarrba mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen f’dan ir-rigward, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-ETIAS. L-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-iżvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS, l-integrazzjoni tal-infrastruttura tal-fruntieri nazzjonali eżistenti u l-konnessjoni mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif ukoll l-ospitar tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi u l-istabbiliment tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS u tal-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, inklużi dawk imġarrba minn Stati Membri tal-UE kif ukoll minn Pajjiżi Assoċjati ma' Schengen, se jitħallsu mill-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri u Viża) u s-suċċessur(i) tiegħu rispettivament.
Għalhekk, dawn l-ispejjeż m’għandhomx jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen għall-ETIAS skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni rispettiv u l-arranġamenti speċifiċi rilevanti għall-parteċipazzjoni tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen fl-aġenziji. Dan għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari fil-kuntest tan-negozjati dwar is-suċċessur(i) tal-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri u Viża) u l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar l-arranġamenti speċifiċi previsti fl-Artikolu 95 ta’ dan ir-Regolament mingħajr dewmien wara l-adozzjoni tiegħu.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 bl-għan tal-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) (COM(2016)0731 – C8-0466/2016 – 2016/0357B(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0731),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 88(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0466/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Settembru 2017 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u li jħejji żewġ rapporti leġiżlattivi separati fuq il-bażi tagħha,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-25 ta' April 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0323/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794 bl-għan li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0605),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 42, 43(2), 46(d), 149, 153(2)(a), 164, 168(4)(b), 172, 175, 177, 178, 189(2), 212(2), 322(1) u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0372/2016),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 1/2017 tas-26 ta' Jannar 2017(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-19 ta’ April 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għas-Sajd, u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0211/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.)
Anness I għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva
Dikjarazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 38 Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar riċevituri u informazzjoni oħra:
“Il-Kummissjoni permezz ta’ netwerks mal-Istati Membri se tappoġġja l-iskambju ta’ prattiki tajbin rigward il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi tal-Unjoni implimentati b’ġestjoni kondiviża. Il-Kummissjoni se tqis it-tagħlimiet meħuda fid-dawl tat-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.”
Dikjarazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 266 Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proġetti ta’ bini:
“Il-Kummissjoni u s-SEAE ser jinfurmaw lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-kuntest tad-dokument ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 266, fuq kwalunkwe bejgħ u l-akkwist ta’ bini, inklużi dawk taħt il-limitu minimu stipulat f’dan l-Artikolu.”
Anness II għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva
Dikjarazzjoni konġunta dwar il-proċedura ta' kwittanza / Data tal-adozzjoni tal-kontijiet finali tal-UE
"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni – f'kooperazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – ser jistabbilixxu kalendarju prammatiku għall-proċedura ta' kwittanza.
F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonferma li ser tħabrek biex tadotta l-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għas-sena finanzjarja 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018 dment li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibgħat il-konklużjonijiet kollha tagħha dwar l-affidabbiltà ta' dawn il-kontijiet tal-UE, u l-kontijiet konsolidati tal-entitajiet kollha, sal-15 ta' Mejju 2018, u l-abbozz tar-rapport annwali tagħha sal-15 ta' Ġunju 2018.
Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll li ser tħabrek biex tagħti t-tweġibiet tagħha għar-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 sal-15 ta' Awwissu 2018 dment li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibgħat l-abbozz tal-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2018."
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (COM(2017)0352 – C8-0216/2017 – 2017/0145(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0352),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 74, l-Artikoli 77(2)(a) u (b), l-Artikolu 78(2)(e), l-Artikolu 79(2)(c), l-Artikolu 82(1)(d), l-Artikolu 85(1), l-Artikolu 87(2)(a) u l-Artikolu 88(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0216/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0404/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Mejju 2018 (COM(2018)0600),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2) u l-emenda sussegwenti tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2019, Taqsima III – Kummissjoni(5),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2019 (06315/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0247/2018),
Abbozz tal-baġit għall-2019 - insaħħu s-solidarjetà u nħejju għal futur sostenibbli
1. Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018, il-Parlament identifika l-prijoritajiet li ġejjin għall-baġit tal-UE għall-2019: it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni, il-kompetittività, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni għall-enerġija rinnovabbli u l-migrazzjoni, u stieden ukoll attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ;
2. Jenfasizza li l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-għanijiet għal żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti billi jintegrawhom fil-politika kollha tal-UE;
3. Ifakkar li l-baġit tal-UE għall-2019 ser ikun l-aħħar wieħed taħt il-mandat parlamentari attwali u ser jiġi nnegozjat b'mod parallel man-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u dwar ir-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE; ifakkar ukoll li r-Renju Unit ħa l-impenn li jikkontribwixxi għall-baġits annwali tal-Unjoni għall-2019 u għall-2020, u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tagħhom daqslikieku baqa' fl-Unjoni wara Marzu 2019;
4. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni u jemmen li din tikkorrispondi b'mod wiesa' mal-prijoritajiet tal-Parlament stess; għandu l-intenzjoni li jkompli jsaħħaħ il-programmi ewlenin u jiżgura livell xieraq ta' finanzjament korrispondenti għalihom; jinnota ż-żieda ta' 3,1 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u l-perċentwal aktar baxx tal-ING meta mqabbel mal-2018 kemm għall-approprjazzjonijiet ta' impenn (1 % meta mqabbel ma' 1,02 %) kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta' pagament (0,9 % meta mqabbel ma' 0,92 %);
5. Jilqa' t-tisħiħ propost għall-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), l-Erasmus+ u l-programmi li jikkontribwixxu biex tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; jirrimarka, madankollu, il-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-appoġġ għall-SMEs, li huma fundamentali biex jippermettu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u li jiġu ddedikati riżorsi xierqa għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-UE u l-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija diġitali, kif ukoll għal programmi li jappoġġjaw liż-żgħażagħ, jiġifieri ErasmusPro; ifakkar fil-konvinzjoni tiegħu li l-baġit ta' Erasmus+ għall-2019 jeħtieġ li mill-inqas jirdoppja;
6. Jilqa' t-tnedija ta' DiscoverEU, it-tqassim ta' 15 000 biljett ferrovjarju lil ċittadini Ewropej li għalqu t-18-il sena fl-2018 kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni ta' EUR 700 miljun għall-QFP 2021-2027, li jaqbel sew mal-ambizzjonijiet tal-UE li tippromwovi l-mobilità tat-tagħlim, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà fost iż-żgħażagħ kollha; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet ebda approprjazzjoni għall-2019 u l-2020; huwa determinat li jkompli l-Azzjoni Preparatorja fl-2019 u l-2020;
7. Jieħu nota tal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja - Skema ta' Garanzija għat-Tfal; jissottolinja r-referenza li saret fil-valutazzjoni preliminari għall-possibbiltà ta' implimentazzjoni fuq skala ikbar fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew; jissuġġerixxi li tittieħed l-opportunità għat-tielet fażi ta' implimentazzjoni sabiex isiru t-tħejjijiet għal din l-implimentazzjoni fuq skala ikbar fl-ambitu tal-FSE+;
8. Jiddispjaċih għall-fatt li ż-żieda għall-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), meta mqabbla mal-baġit tal-2018, hija biss 2,3 % (EUR 362,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn), u li l-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti huma inqas minn 0,6 %; ifakkar li dan huwa programm b'suċċess li għandu ferm iktar applikanti milli benefiċjarji ta' finanzjament; jenfasizza li l-SMEs huma mutur importanti tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku u tal-kompetittività fl-UE, jirrappreżentaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u għandhom il-kapaċità li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi; iħeġġeġ, bħala prijorità ewlenija, li dan jiġi rifless f'finanzjament suffiċjenti għall-programmi għall-SMEs u f'żieda ulterjuri fl-approprjazzjonijiet għal COSME minħabba s-suċċess ta' dan il-programm;
9. Ifaħħar ir-rwol tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fit-tnaqqis tad-distakk fl-investiment fl-UE; jitlob, fil-qafas tal-aqwa bilanċ reġjonali u settorjali, biex tiġi rinforzata d-dimensjoni soċjali tal-użu tal-FEIS, inkluża l-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa u l-mediċina, fl-infrastruttura soċjali, fil-protezzjoni ambjentali, fit-trasport sostenibbli, fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastrutturi tal-ħżin tal-enerġija; itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li kwalunkwe inizjattiva ġdida fi ħdan il-QFP trid tiġi ffinanzjata permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda u mhux għad-detriment tal-programmi eżistenti; itenni wkoll l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-Orizzont 2020 u l-FNE biex b'hekk jitreġġa' lura kemm jista' jkun it-tnaqqis li sar fil-programmi ħalli tiġi ffinanzjata l-estensjoni tal-FEIS fil-Baġit 2019;
10. Jinnota l-impenn għal aġenda ta' difiża mġedda tal-UE, primarjament permezz tal-ftehim dwar il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), bħala l-ewwel stadju tal-Fond Ewropew għad-Difiża; jemmen li dan l-impenn komuni ser jikkontribwixxi biex jinkisbu ekonomiji ta' skala u aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u n-negozji, li jippermettu lill-UE żżomm l-awtonomija strateġika tagħha u ssir attur globali ġenwin;
11. Jinnota li l-Kummissjoni pproponiet żieda ta' EUR 233 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), f'konformità mal-ipprogrammar finanzjarju; jafferma mill-ġdid, għal darb'oħra, li l-Parlament ma qabel ma' ebda forniment minn qabel tal-pagament supplimentari ta' bejn l-2018-2020 li rriżulta mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; isostni li l-awtorità baġitarja żżomm b'mod sħiħ il-prerogattivi tagħha fir-rigward ta' meta tieħu deċiżjonijiet dwar il-livelli ta' finanzjament tal-programmi kollha, inklużi dawk li ġew soġġetti għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet, u jistieden lill-atturi kkonċernati kollha tiegħu jżommu l-fiduċja matul il-proċedura baġitarja tal-2019;
12. Jibqa' impenjat fil-ġlieda kontra l-qgħad u b'mod partikolari kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jemmen f'dan ir-rigward li l-YEI għandha tkompli tissaħħaħ, u b'hekk tirrifletti l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tal-UE sabiex jinkiseb il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, minkejja l-kumplessitajiet involuti fir-riprogrammazzjoni tal-programmi tal-YEI u tal-FSE fil-każ ta' modifiki għall-pakkett tal-YEI; jirrikonoxxi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ma ġiex indirizzat b'mod adegwat madwar l-UE billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu ogħla mil-livelli tal-2007; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-Istati Membri ma jissostitwixxux il-politiki u l-finanzjament proprji b'finanzjament tal-YEI fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda jużawh biex jikkomplementahom; jenfasizza l-fatt li kemm it-taħriġ vokazzjonali kif ukoll l-apprendistati jikkostitwixxu prattiki effiċjenti biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jisħaq li l-mobilità permezz ta' ErasmusPro tistimula bil-qawwa l-valutazzjoni komparattiva għall-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki;
13. Jenfasizza li fl-2019 il-programmi tal-politika ta' koeżjoni ser jilħqu ritmu normali, u jenfasizza l-impenn tal-Parlament biex jiġu żgurati approprjazzjonijiet adegwati għal dawn il-programmi; jilqa' l-fatt li kważi l-awtoritajiet maniġerjali kollha għall-programmi ta' bejn l-2014-2020 issa ġew innominati; jirrimarka li, fil-parti l-kbira tiegħu, id-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali kien dovut għan-nominazzjoni tardiva ta' dawk l-awtoritajiet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-programmi titħaffef sabiex jiġi rkuprat id-dewmien, u li jfittxu l-assistenza tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;
14. Jieħu nota tar-rapporti dwar il-funzjonament tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni fl-Unjoni u l-isfidi ekonomiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni li għadhom lura, li ripetutament jindikaw nuqqasijiet rigward l-effiċjenza u r-riżultati;
15. Jieħu nota tal-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħmilha possibbli li tintlaħaq il-mira li 20 % tal-baġit fl-2019 ikun iddedikat għal infiq relatat mal-klima; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kummissjoni ma segwietx it-talba tal-Parlament rigward it-tpaċija tal-allokazzjonijiet aktar baxxi li saru matul l-ewwel snin tal-QFP; iqis li din il-proposta mhix biżżejjed peress li b'kollox huma biss 19,3 % tal-baġit tal-UE 2014-2020 li ser jiġu ddedikati għal miżuri relatati mal-klima, li jwassal biex l-UE ma tilħaqx il-mira tagħha għall-integrazzjoni tal-klima ta' mill-inqas 20 % matul il-perjodu 2014-2020, anke jekk terġa' talloka 20 % biss tal-baġit għall-protezzjoni tal-klima fl-2020; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tippreżenta abbozz ta' baġits allinjati mal-impenji u l-miri stabbiliti mill-Unjoni f'dan il-qasam fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar 2013; jemmen li għandu jsir sforz akbar permezz tal-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni fi ħdan il-programmi b'potenzjal enormi, pereżempju taħt l-Orizzont 2020, il-FNE, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) jew il-LIFE+, peress li dawn il-programmi jippermettu partikolarment l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli; ifakkar fil-kritika motivata tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni u f'dan id-dawl jappella għal titjib rapidu f'dan ir-rigward;
16. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb il-metodoloġija ta' traċċar tal-bijodiversità; ma jaqbilx, madankollu, mat-tnaqqis propost tal-kontribuzzjoni totali għall-protezzjoni tal-bijodiversità għal 8,2 %, li hija f'kuntrast mal-objettiv tat-twaqqif u t-treġġigħ tat-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema sal-2020;
17. Jemmen li l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-indirizzar tal-isfidi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati għadhom tnejn mill-ogħla prijoritajiet tal-Unjoni fl-2019; iqis kruċjali li l-infiq f'dawn l-oqsma jinżamm f'livell li jkun adegwat biex jirrispondi għall-ħtiġijiet imqanqla mill-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fis-Saħel, kif ukoll pajjiżi tal-Levante u fil-baħar Mediterran; iqis li s-solidarjetà meħtieġa fost l-Istati Membri sabiex jimmaniġġjaw il-fluss ta' migrazzjoni, b'mod partikolari ladarba r-reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin tiġi adottata, trid tiġi riflessa fil-baġit tal-UE; jinnota li l-abbozz ta' Baġit 2019 jintegra l-implikazzjonijiet baġitarji fil-proposta tal-Kummissjoni;
18. Jenfasizza li diversi inizjattivi leġiżlattivi li qed jiġu nnegozjati jew jinsabu fl-istadji bikrin tal-implimentazzjoni, bħar-reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin, l-istabbiliment tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, l-aġġornament tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u l-inizjattiva dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni huma mistennija li jkollhom implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti għall-Baġit 2019, u jissottolinja l-importanza ta' finanzjament adegwat biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-Unjoni f'dawn l-oqsma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi djalogu miftuħ u proattiv mal-awtorità baġitarja dwar l-inizjattivi msemmijin hawn fuq, sabiex tkun tista' taġġusta l-approprjazzjonijiet, fejn meħtieġ u mingħajr preġudizzju, matul il-proċedura baġitarja annwali, l-eżitu tal-proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin;
19. Jiddispjaċih dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija; u l-ftehim sussegwenti li ntlaħaq bejn l-Istati Membri fil-Kunsill fid-29 ta' Ġunju 2018; jappoġġja t-tkomplija tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, iżda jsostni li, kif ġie propost ukoll mill-Kummissjoni fl-14 ta' Marzu 2018, il-baġit tal-UE għandu jagħti kontribuzzjoni bis-somma ta' EUR 1 biljun għall-finanzjament tiegħu, fejn l-Istati Membri jagħtu kontribuzzjoni ta' EUR 2 biljun permezz ta' kontribuzzjonijiet bilaterali, sabiex jitħallew biżżejjed marġnijiet taħt l-istrumenti speċjali tal-QFP għal avvenimenti mhux previsti fl-aħħar sentejn tal-QFP attwali, kif ukoll għall-finanzjament ta' prijoritajiet oħra; isostni wkoll li peress li l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija kienet inizjattiva ġdida fi ħdan dan il-QFP, din għandha tiġi ffinanzjata minn approprjazzjonijiet ġodda; jiddispjaċih li, minkejja t-talba ċara tal-Parlament li jkun assoċjat bis-sħiħ fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet relatat mal-estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, inter alia sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-proċedura tal-istabbiliment tagħha, s'issa ma saru l-ebda negozjati dwar il-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija bejn il-Parlament u l-Kunsill; jinforma lill-Istati Membri li l-Parlament għandu kull dritt jaqdi r-rwol tiegħu bħala fergħa tal-awtorità baġitarja tal-Unjoni u li ser jagħmel dan, kif diġà tħabbar f'okkażjonijiet preċedenti;
20. Jinnota li l-abbozz ta' baġit għall-2019 iħalli marġnijiet ferm limitati jew l-ebda marġni taħt il-limiti massimi tal-QFP fl-Intestaturi 1a, 1b, 3 u 4, konsegwenza tal-flessibbiltà limitata tal-QFP attwali f'termini ta' tweġiba għal sfidi ġodda u l-akkomodazzjoni ta' inizjattivi ġodda; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jimmobilizza aktar id-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà taħt il-QFP rivedut bħala parti mill-proċess emendatorju;
21. Jibqa' mħasseb dwar ir-rikostituzzjoni possibbli ta' akkumulu ta' kontijiet mhux imħallsa lejn tmiem il-perjodu attwali tal-QFP; jinnota ż-żieda moderata ta' 2,7 % fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq il-baġit tal-2018, primarjament minħabba l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) u l-FRT; jinnota l-marġni propost ta' EUR 19,3 biljun taħt il-livell massimu ta' pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' attenta għall-evoluzzjoni tal-pagamenti, sabiex tippermetti lill-awtorità baġitarja tieħu l-miżuri neċessarji biex tevita akkumulu anormali f'ħin xieraq; jinsab konvint li l-kredibbiltà tal-UE hija marbuta wkoll mal-kapaċità tagħha li tiżgura livell adegwat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-UE sabiex tissodisfa l-impenji tagħha;
Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
22. Jinnota li, meta mqabbla ma' dik tal-2018, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2019 tikkorrispondi għal żieda fl-impenji taħt is-Subintestatura 1a ta' +3,9 % għal EUR 22 860 miljun; jinnota li l-Orizzont 2020, il-FNE, Proġetti Kbar ta' Infrastruttura u l-Erasmus+ jikkorrispondu għal parti importanti minn din iż-żieda peress li l-approprjazzjonijiet ta' impenn tagħhom żdiedu bi 8,5 %, b'36,4 %, b'7,8% u b'10,4 % rispettivament; jissottolinja, madankollu, li dawn iż-żidiet fil-parti l-kbira tagħhom huma konformi mal-ipprogrammar finanzjarju u għaldaqstant ma jikkostitwixxux tisħiħ addizzjonali;
23. Ifakkar li l-programmi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, bħal Orizzont 2020, huma essenzjali għall-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti dan fi ħdan il-prijoritajiet tagħha; jitlob livell xieraq ta' finanzjament għal programmi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li b'mod partikolari, l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji għandhom jiġu appoġġjati f'dan il-qasam;
24. Ifakkar li inizjattivi ġodda fl-aħħar ftit snin, bħall-FEIS (I u II), Wifi4EU u lEDIDP, saru għad-detriment ta' diversi programmi taħt is-Subintestatura 1a, li ġew affettwati b'mod serju mir-riallokazzjonijiet, primarjament l-Orizzont 2020, il-FNE, Galileo, l-ITER, Copernicus u s-servizz Ewropew ta' navigazzjoni b'kopertura ġeostazzjonarja (EGNOS);
25. Jenfasizza li l-programm Erasmus+ għadu l-programm ewlieni li jrawwem il-mobilità taż-żgħażagħ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u jħeġġeġ liż-żgħażagħ jieħdu sehem fid-demokrazija Ewropea; ifakkar li jeħtieġu jsiru sforzi amministrattivi sabiex jiżdied l-aċċess għall-Erasmus+ u li l-volum ta' applikazzjonijiet eliġibbli jaqbeż bil-bosta l-baġit attwali; jemmen, għalhekk, li l-pakkett tal-Erasmus+ għandu jkun jista' jissodisfa d-domanda eliġibbli għal dan il-programm, b'mod partikolari dik marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja;
26. Jinnota bi tħassib id-diskussjonijiet dwar il-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (ESC), li kkonferma l-biża' tal-Parlament li inizjattivi ġodda jsiru għad-detriment ta' programmi eżistenti li jaħdmu tajjeb; jinnota wkoll bi tħassib il-preċedent stabbilit mill-eżitu tal-proċedura ta' trilogu, li tonqos milli tipprovdi ċarezza dwar is-sorsi ta' finanzjament tal-inizjattiva, u li tħalli f'idejn il-proċedura baġitarja annwali biex tagħti aktar kjarifiki; jistenna li l-Kummissjoni timplimenta l-ftehim b'mod li jirrifletti għalkollox id-diskussjonijiet fit-trilogu u l-ispirtu tal-ftehim;
27. Jilqa' l-fatt li l-ftehim li ntlaħaq dwar il-finanzjament tal-EDIDP jipprevedi tnaqqis ħafna aktar baxx għall-programmi tas-Subintestatura 1a minn dak li ġie propost fil-bidu mill-Kummissjoni; jinsab, madankollu, imħasseb li l-Kunsill jidher li jitfa' aktar enfasi fuq il-fatt li jinżammu l-marġnijiet aktar milli jingħata biżżejjed finanzjament għal dawk li huwa stess jidentifika bħala prijoritajiet għoljin;
28. Jilqa' l-allokazzjoni ta' EUR 500 miljun lill-EDIDP għall-2019 u l-2020; jinnota li, skont l-estimi tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, in-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-industriji nazzjonali f'dan il-qasam jiswa lill-UE EUR 10 biljun fis-sena; iqis li d-difiża hija eżempju ċar ta' kif tista' tinkiseb effikaċja ikbar billi jiġu trasferiti ċerti kompetenzi u azzjonijiet attwalment imwettqa mill-Istati Membri u l-approprjazzjonijiet korrispondenti lill-UE; jenfasizza li dan iwassal għal dimostrazzjoni tal-valur miżjud Ewropew u jagħmilha possibbli li jiġi limitat il-piż ġenerali tan-nefqa pubblika fl-UE;
29. Jilqa' l-proposta għall-ħolqien tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, li ser tippromwovi l-aħħar infrastruttura tad-data u tal-computing ta' prestazzjoni għolja u tappoġġja l-iżvilupp tat-teknoloġiji tagħha u l-applikazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, għall-benefiċċju tax-xjenzati, l-industrija u s-settur pubbliku;
Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
30. Jinnota li l-approprazzjonijiet ta' impenn totali għas-Subintestatura 1b jammontaw għal EUR 57 113,4 miljun, li jirrappreżentaw żieda ta' 2,8 % meta mqabbla mal-baġit tal-2018; jinnota wkoll li l-ammont propost ta' EUR 47 050,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament huwa 1,1 % ogħla milli fl-2018;
31. Jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020 qiegħda tilħaq il-veloċità massima, u jtenni li kwalunkwe akkumulazzjoni "anormali" ta' kontijiet mhux imħallsa trid tiġi evitata fil-ġejjieni; jilqa' wkoll il-fatt li l-maġġoranza kbira tal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali issa ġew innominati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsolvu kwalunkwe kwistjoni pendenti sabiex l-implimentazzjoni tkompli mingħajr xkiel;
32. Ifakkar li, bħala riżultat ta' previżjonijiet riveduti mill-Istati Membri, il-Baġit Emendatorju 6/2017 naqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt is-Subintestatura 1b b'EUR 5,9 biljun; jittama sinċerament li kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni tejbu l-estimi tagħhom tal-ħtiġijiet ta' pagament fil-Baġit 2019 u li l-livell propost ta' approprjazzjonijiet ta' pagament jiġi eżegwit kompletament;
33. Jissottolinja li fi żminijiet ta' żvilupp teknoloġiku rapidu – inkluż f'oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) – il-firda bejn ir-reġjuni li qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla u dawk li għadhom lura, tista' titwessa' jekk l-impatt tal-Fondi Strutturali ma jissaħħaħx permezz tal-kundizzjonalitajiet ta' effiċjenza;
34. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi ffinanzjata t-tkomplija tal-YEI, kif ukoll il-mobilizzazzjoni proposta ta' EUR 233,3 miljun mill-Marġni Globali għall-impenji; ifakkar li kwalunkwe żieda fl-allokazzjoni speċifika għall-YEI għandha titqabbel mal-ammonti korrispondenti mill-FSE; ifakkar fl-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-konċiljazzjoni fuq il-baġit tal-2018 biex tippreżenta b'mod rapidu r-reviżjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex tiġi inkluża ż-żieda tal-2018 għall-YEI; jissottolinja li l-Kummissjoni ma laħqitx l-impenn tagħha, u jitlobha tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għad-dewmien fil-preżentazzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;
35. Jimpenja ruħu li jadotta leġiżlazzjoni ġdida fir-rigward tal-YEI u tal-FSE malajr sabiex tiġi ffaċilitata żieda ambizzjuża fl-approprjazzjonijiet tal-YEI fl-2019 mingħajr ma jiddgħajfu l-programmi l-oħra diġà stabbiliti fl-Istati Membri skont il-FSE, potenzjalment billi l-Istati Membri jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jiddedikaw finanzjament ekwivalenti għall-approprjazzjonijiet tal-FSE għall-impjiegi taż-żgħażagħ, bil-kundizzjoni stretta li l-modifiki proposti la jippermettu li l-Istati Membri jkunu skużati mill-impenji finanzjarji li jkunu diġà ħadu f'dan il-qasam, u lanqas ma jimplikaw tnaqqis f'termini ġenerali tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-UE ddedikati għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali
36. Jieħu nota tad-EUR 59 991,1 miljun f'impenji (+1,2 % meta mqabbla mal-2018) u EUR 57 790,4 miljun f'pagamenti (3 %) proposti għall-Intestatura 2; jinnota li n-nefqa tal-FAEG għall-2019 hija stmata għal EUR 44 162,5 miljun, li huwa inqas milli fil-baġit tal-2018 (b'EUR -547,9 miljun);
37. Jinnota li l-Kummissjoni ħalliet marġni ta' EUR 344,9 miljun taħt il-livell massimu tal-Intestatura 2; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żieda fil-volatilità tas-swieq agrikoli, bħal dik li ġiet esperjenzata bil-projbizzjoni tar-Russja, tista' tiġġustifika rikors għal dan il-marġni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-marġni li jitħalla taħt il-limiti massimi huwa biżżejjed biex tiġi indirizzata kwalunkwe kriżi li tista' tinqala';
38. Jinnota li xi miżuri relatati mal-projbizzjoni Russa u inklużi fil-baġit tal-2018 mhux ser jiġu estiżi (pereżempju, għall-frott u l-ħaxix fejn is-sitwazzjoni tas-suq tkun għadha waħda diffiċli), filwaqt li għadhom jeżistu d-diffikultajiet fis-suq fis-settur tal-ħalib; jistenna l-ittra emendatorja tal-Kummissjoni, mistennija f'Ottubru, li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata tal-finanzjament tal-FAEG biex jiġu vverifikati l-ħtiġijiet reali fis-settur agrikolu; jissottolinja li l-każijiet fejn huwa meħtieġ intervent fis-suq taħt il-FAEG jibqgħu limitati u jirrappreżentaw parti relattivament żgħira biss tal-FAEG (madwar 5,9 %);
39. Jenfasizza li parti mis-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tinsab fl-għoti ta' appoġġ b'mod adegwat liż-żgħażagħ f'żoni rurali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponietx li tiżdied il-linja baġitarja għall-bdiewa żgħażagħ;
40. Jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-FEMS qed titħaffef u għandha tilħaq ritmu normali fl-2019, wara ritmu kajman fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni; jilqa' ż-żieda fl-impenji għall-programm LIFE+ (+6 %), f'konformità mal-ipprogrammar finanzjarju; jinnota li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ser terfa' aktar responsabbiltajiet fil-perjodu 2019-2020 għall-monitoraġġ u r-rapportar ambjentali, kif ukoll għall-verifika tal-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi tqal;
Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza
41. Jinnota li għall-Intestatura 3 qed jiġi propost total ta' EUR 3 728,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' 6,7 % meta mqabbel mal-2018, u li t-total għall-approprjazzjonijiet ta' pagament huwa EUR 3 486,4 miljun, jiġifieri żieda ta' 17 % meta mqabbel mal-proposti tas-sena li għaddiet; jissottolinja, madankollu, li dawn iż-żidiet isegwu snin ta' livelli ta' finanzjament dejjem jonqsu u li l-finanzjament globali għal oqsma ewlenin differenti, bħall-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri jew is-sigurtà interna, xorta jirrappreżenta 2,3 % biss tal-infiq totali propost tal-UE fl-2019; iqajjem dubji dwar il-proposta ta' EUR 281,2 miljun f'impenji għas-sostenn għall-migrazzjoni legali lejn l-Unjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effikaċi taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u t-tisħiħ ta' strateġiji ġusti u effikaċi tar-ritorn, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta' 14,4 % matul l-2018; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal dan it-tnaqqis;
42. Jinnota li, għar-raba' sena konsekuttiva, il-marġnijiet kollha taħt il-livell massimu tal-Intestatura 3 huma eżawriti, li juri li fis-sitwazzjoni attwali, il-baġit tal-UE mhuwiex mgħammar biżżejjed biex jindirizza l-iskala u l-profondità tal-isfidi preżenti tal-migrazzjoni u tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Unjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal ammont ta' EUR 927,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;
43. Jistenna li l-pressjoni fuq is-sistemi tal-migrazzjoni u tal-asil ta' xi Stati Membri, kif ukoll fuq il-fruntieri tagħhom, tibqa' qawwija fl-2019, u jħeġġeġ lill-Unjoni tibqa' attenta rigward kwalunkwe ħtieġa futura u imprevedibbli f'dawn l-oqsma; jitlob f'dan ir-rigward li jissaħħu l-mezzi ta' kontroll fil-fruntieri esterni, u f'dan il-kuntest jitlob li l-aġenziji tal-UE li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet jingħataw finanzjament adegwat u biżżejjed persunal, u jafferma mill-ġdid li l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati jirrappreżenta soluzzjoni sostenibbli fuq perjodu ta' żmien twil, flimkien mal-istabbilizzazzjoni fil-viċinat tal-UE, u li investimenti fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti u tar-rifuġjati huma essenzjali sabiex jintlaħaq dan l-objettiv;
44. Jilqa' t-talba tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018 biex tissaħħaħ aktar il-Frontex biż-żieda ta' riżorsi u b'mandat imsaħħaħ; jitlob aktar informazzjoni dwar kemm mill-persunal se jkun mibgħut mill-Istati Membri u kemm mill-persunal se jkun direttament meħtieġ mill-Aġenzija stess; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta' baġit tagħha skont l-ittra emendatorja tal-Ħarifa; jilqa’ wkoll l-EUR 45,6 miljun addizzjonali mogħtija sabiex jappoġġjaw lill-Greċja u lil Spanja fil-ġestjoni tagħhom tal-fluss ta’ migranti li jaslu fit-territorju tagħhom; jenfasizza li kontroll fil-fruntiera effettiv għandu jiġi akkumpanjat minn kura adegwata ta’ migranti li qed jaslu;
45. Jinnota li l-istrument li jippermetti l-għoti ta' appoġġ umanitarju ta' emerġenza fi ħdan l-Unjoni ser jiskadi f'Marzu 2019; jistieden lill-Kummissjoni, fl-isfond tal-ħtiġijiet umanitarji persistenti tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu l-asil f'ċerti Stati Membri, biex tivvaluta jekk riattivazzjoni jew rikostituzzjoni tal-istrument tkunx xierqa; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar solidarjetà lejn dawk il-pajjiżi fejn huma kkonċentrati l-wasliet u l-persuni li jfittxu asil; jissottolinja, sadanittant, l-importanza tad-disponibbiltà kontinwa tal-finanzjament permezz tal-mekkaniżmi ta' assistenza ta' emerġenza taħt il-Fond għall-Asil, l-AMIF, partikolarment għall-appoġġ kontinwu lill-Greċja; iqis li l-appoġġ finanzjarju għandu jingħata wkoll lill-Italja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiddikjara r-raġunijiet li wassluha biex ma tipproponix dan; ifakkar li l-Italja hija l-uniku Stat Membru fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni tqis li ma bbenefikatx mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih għat-tnaqqis qawwi f'approprjazzjonijiet ta' impenn għat-tieni komponent tal-AMIF: "Sostenn għal migrazzjoni legali lejn l-Unjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni effikaċi tan-nazzjonali ta' pajjiżi terzi u t-tisħiħ ta' strateġiji ġusti u effikaċi tar-ritorn";
46. Jemmen li fil-kuntest ta' firxa wiesgħa ta' tħassib ta' sigurtà, inklużi forom li dejjem jinbidlu ta' radikalizzazzjoni, ċiberkriminalità, vjolenza u terroriżmu li jaqbżu l-kapaċità tal-Istati Membri individwali li jirrispondu, il-baġit tal-UE għandu jħeġġeġ kooperazzjoni fuq kwistjonijiet relatati mas-sigurtà bl-għajnuna ta' aġenziji stabbiliti tal-UE; għandu dubji f'dan ir-rigward, kif dan il-kuntest ta' sigurtà ta' riskju kbir huwa rikonċiljabbli mat-tnaqqis sinifikanti ta' approprjazzjonijiet ta' impenn (-26,6 %) propost għall-FSI; jenfasizza li l-infiq f'dan il-qasam ikun effiċjenti biss meta jitneħħew l-ostakli għal kooperazzjoni intra-Ewropea u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni mmirata filwaqt li tiġi applikata bis-sħiħ kull protezzjoni tad-data rilevanti f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta li tipprevedi l-espressjoni ta' solidarjetà finanzjarja fil-livell tal-UE mal-vittmi ta' atti terroristiċi u ma' qrabathom, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak li hu meħtieġ sabiex tiżgura li din l-għajnuna tiġi stabbilita b'mod rapidu;
47. Jinnota r-reviżjoni proposta tal-bażi ġuridika tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili li, ladarba tiġi adottata, hija mistennija li jkollha impatt baġitarju kbir fl-aħħar sentejn tal-QFP attwali, fejn EUR 256,9 miljun għandhom jitħallsu mill-Intestatura 3 biss; jinsisti li huwa biss loġiku li dan l-aġġornament sinifikanti ta' politika ewlenija tal-Unjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' mezzi ġodda u addizzjonali; iwissi kontra l-użu ta' riallokazzjonijiet, li huwa ċar li jsiru għad-detriment ta' politiki u programmi oħra siewja u li jaħdmu tajjeb;
48. Jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tal-Parlament għal programmi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kultura, il-ġustizzja, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza; jilqa' ż-żieda proposta għall-Programm Ewropa Kreattiva; jinsisti, barra minn hekk, fuq finanzjament suffiċjenti għall-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" u l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari fiż-żmien ta' qabel l-elezzjonijiet Ewropej;
49. Ifakkar fl-appoġġ tal-Parlament għall-programmi dwar id-drittijiet, l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja; jissottolinja li l-UE jeħtiġilha żżomm l-impenn tagħha li ssaħħaħ id-drittijiet tan-nisa u tal-LGBTI;
50. Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programm Ikel u Għalf, li għandu jippermetti lill-Unjoni tiġġestixxi b'mod effikaċi kwalunkwe tifqigħa serja ta' mard tal-annimali u insetti li jeqirdu l-pjanti, inkluża l-aħħar epidemija tal-influwenza tat-tjur li laqtet lil diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar snin;
51. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament għall-baġit adegwat biex tqawwi l-prominenza tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019 u biex tkabbar l-effikaċja tal-kopertura tal-elezzjonijiet mill-midja, partikolarment bil-għan li tippromwovi l-għarfien dwar "l-iSpitzenkandidaten", il-kandidati għall-presidenza tal-Kummissjoni;
Intestatura 4 – Ewropa Globali
52. Jieħu nota taż-żieda globali tal-finanzjament propost għall-Intestatura 4, li tammonta għal EUR 11 384,2 miljun (+13,1 % meta mqabbel mal-baġit tal-2018) f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jinnota li din iż-żieda hija marbuta primarjament mal-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, li għalih il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mobilizzat il-Marġni Globali għall-impenji (EUR 1 116,2 miljun); jinnota li din il-proposta tirriżulta f'nuqqas ta' marġni taħt il-livell massimu tal-Intestatura 4;
53. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu kontribuzzjonijiet ogħla għall-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, il-Fond "Madad", u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex jappoġġjaw l-istabbilizzazzjoni fir-reġjuni fi kriżi, jagħtu l-għajnuna lir-rifuġjati, u jrawmu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fil-kontinent Afrikan u fil-pajjiżi tal-viċinat tal-Ewropa;
54. Jibqa' konvint li l-isfidi li l-azzjoni esterna tal-UE qed tiffaċċja jitolbu finanzjament għal tul ta' żmien li jaqbeż id-daqs attwali tal-Intestatura 4; isostni li inizjattivi ġodda għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda u li l-għażliet kollha ta' flessibbiltà għandhom jintużaw b'mod sħiħ; jopponi, madankollu, il-finanzjament propost tal-estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, u l-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill fid-29 ta' Ġunju 2018, għaliex dawn jillimitaw b'mod sostanzjali kemm il-possibbiltajiet ta' finanzjament ta' oqsma ta' prijorità oħra fi ħdan l-Intestatura 4 kif ukoll ir-rwol strumentali tal-baġit tal-UE li jilħaq lin-nies fil-bżonn u jippromwovi l-valuri fundamentali;
55. Jilqa' ż-żidiet maħsuba għal proġetti relatati mal-migrazzjoni relatati mar-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, kif ukoll iż-żieda moderata għall-komponent tal-Lvant tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u r-riallokazzjoni tal-prijoritajiet taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għal-Lvant Nofsani; jappella għall-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-UNRWA, sabiex jiġi żgurat appoġġ kontinwu lir-rifuġjati Palestinjani fir-reġjun, fid-dawl tad-deċiżjoni reċenti tal-Istati Uniti li jirtiraw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-aġenzija;
56. Jilqa' ż-żieda fl-appoġġ għall-azzjonijiet reġjonali fil-Balkani tal-Punent; huwa, madankollu, tal-opinjoni li l-appoġġ għar-riformi politiċi għandu jkompli jiżdied; jiddispjaċih għaż-żieda fl-appoġġ għal riformi politiċi fit-Turkija (IPA II) u jqajjem id-dubji tiegħu dwar l-allinjament tagħha mad-deċiżjoni tal-awtorità baġitarja biex jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet fuq din il-linja għas-sena baġitarja attwali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li fiha talab li l-fondi destinati għall-awtoritajiet Torok taħt IPA II isiru jiddependu mit-titjib fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jitlob li, jekk ma jsir ebda progress f'dawn l-oqsma u filwaqt li nkunu konxji mill-ispazju limitat għal manuvrar, l-approprjazzjonijiet fuq din il-linja jingħaddu b'mod predominanti lill-atturi tas-soċjetà ċivili bl-għan li jiġu implimentati miżuri li jappoġġjaw l-għanijiet relatati mal-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jappoġġja t-tendenza ġenerali ta' tnaqqis għal riformi politiċi fl-allokazzjonijiet għat-Turkija;
57. Jissottolinja ż-żieda notevoli fl-ammont li għandu jiġi previst fil-Baġit 2019 għall-Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni mmaniġġjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), kif ukoll it-tnaqqis sostanzjali tal-ammont maħsub ta' għotjiet ta' assistenza mikrofinanzjarja, minħabba ammont aktar baxx ta' self pendenti tal-BEI minn dak li ġie stmat qabel, kif ukoll għal żborż aktar baxx ta' self ta' assistenza mikrofinanzjarja meta mqabbel mal-aħħar ipprogrammar finanzjarju;
58. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-wegħdiet li għamlet l-UE fil-konferenzi ta' Brussell dwar is-Sirja, li jikkonfermaw dawk li saru qabel; jaqbel mat-tisħiħ tal-ENI u tal-għajnuna umanitarja b'EUR 120 miljun kull wieħed sabiex din il-wegħda tiġi ssodisfata fl-2019;
59. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji adegwati għall-komunikazzjoni strateġika tal-UE bil-għan li jindirizzaw kampanji ta' diżinformazzjoni u ċiberattakki, kif ukoll il-promozzjoni ta' immaġni oġġettiva tal-Unjoni barra mill-fruntieri tagħha;
Intestatura 5 - Amministrazzjoni
60. Jinnota li n-nefqa fl-Intestatura 5 żdiedet bi 3,0 % meta mqabbla mal-Baġit 2018, sa EUR 9 956,9 miljun (+EUR 291,4 miljun) f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jinnota li, bħalma ġara fl-eżerċizzju baġitarju preċedenti, iż-żieda hija xprunata l-aktar mill-evoluzzjoni tal-pensjonijiet (+EUR 116,7 miljun), li jirrappreżentaw 20,2 % tan-nefqa tal-Intestatura 5; josserva li s-sehem tan-nefqa fuq l-amministrazzjoni fl-abbozz tal-baġit jibqa' l-istess f'livell ta' 6,0 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn;
61. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jiġu integrati l-possibbiltajiet kollha għat-tfaddil u għar-razzjonalizzazzjonijiet f'infiq mhux relatat mas-salarji għall-baġit tagħha stess; jinnota li l-evoluzzjoni tan-nefqa tal-Kummissjoni (+ 2,0 %) fil-parti l-kbira hija dovuta għall-adattament awtomatiku ta' nfiq relatat mas-salarji u impenji kuntrattwali; jinnota wkoll ir-riallokazzjoni interna tal-persunal tal-Kummissjoni biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet ġodda tagħha;
62. Jinnota li l-marġni effettiv huwa ta' EUR 575,2 miljun taħt il-livell massimu wara l-kumpens ta' EUR 253,9 miljun għall-użu tal-marġni ta' kontinġenza mobilizzat fl-2018; jikkunsidra l-marġni bħala importanti f'termini nominali, u jemmen li dan jirrifletti l-isforzi li saru mill-Kummissjoni, b'mod partikolari biex titwaqqaf l-evoluzzjoni ta' nfiq relatat mas-salarji; jemmen li sforz addizzjonali biex tiġi stabbilizzata jew titnaqqas in-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni jista' jwassal għall-posponiment ta' investimenti importanti jew jipperikolaw il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni;
Proġetti pilota - azzjonijiet preparatorji
63. Jenfasizza l-importanza ta' proġetti pilota (PP) u azzjonijiet preparatorji (AP) bħala għodod għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-UE; beħsiebu jipproċedi bl-identifikazzjoni ta' pakkett ibbilanċjat ta' PP-AP li jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament u jieħu kont ta' prevalutazzjoni xierqa u f'waqtha mill-Kummissjoni; jinnota li fil-proposta attwali, il-marġni f'xi intestaturi huwa limitat, jew saħansitra ineżistenti, u beħsiebu jesplora modi biex jinħoloq spazju għal PP-AP b'mod li ma jkunux ta' ħsara għall-prijoritajiet politiċi oħrajn;
L-Aġenziji
64. Jinnota ż-żieda globali fl-abbozz tal-baġit għall-2019 fl-allokazzjonijiet għall-aġenziji deċentralizzati ta' +10,8 % (mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat) u +259 kariga; jilqa' l-fatt li għall-maġġoranza tal-aġenziji l-baġit tagħhom stess jiżdied filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-UE tonqos; jinnota f'dan ir-rigward li l-Parlament bħalissa qiegħed jesplora l-possibbiltajiet biex ikompli jestendi l-finanzjament tal-ispejjeż tal-aġenziji deċentralizzati; jinnota b'sodisfazzjon li l-aġenziji b'"kompiti ġodda" (l-ESMA, l-EU-LISA u FRONTEX) ingħataw żieda sinifikanti fl-approprjazzjonijiet u fil-persunal tal-pjan ta' stabbiliment; jappella għal aktar appoġġ finanzjarju għall-aġenziji li qegħdin jiffaċċjaw sfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà; jemmen li l-Europol u l-Eurojust għandhom jissaħħu aktar u li l-EASO għandu jirċievi finanzjament adegwat għat-trasformazzjoni tiegħu fl-Aġenzija Ewropea għall-Asil;
65. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mira tat-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal intlaħqet b'suċċess u jissottolinja li fid-dawl tar-rieżami tal-kawża rapida tal-Qorti tal-Awdituri, din il-prattika mhux neċessarjament kisbet ir-riżultati mistennija; jemmen li l-aġenziji deċentralizzati għandhom jiġu vvalutati permezz ta' approċċ każ b'każ; jilqa' l-approvazzjoni mill-istituzzjonijiet kollha tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali;
66. Jilqa' l-ħolqien ta' żewġ korpi ġodda tal-UE biex jiġu kkunsidrati bħala aġenziji deċentralizzati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) rispettivament; jinnota li l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għall-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tqiegħdu f'riżerva sakemm tiġi finalizzata l-proċedura leġiżlattiva; jinnota li l-UPPE għandu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu, u jitolbu jissottometti l-informazzjoni kollha dwar il-politika tal-bini tiegħu liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja skont ir-Regolament Finanzjarju; jikkunsidra li jridu jinħolqu aġenziji ġodda billi jiġu allokati riżorsi u postijiet ġodda, filwaqt li jiġi evitat kull tip ta' riallokazzjoni sakemm ma jintweriex b'mod ċar li ċerti attivitajiet jiġu ttrasferiti b'mod sħiħ mill-Kummissjoni jew minn korpi eżistenti oħra, bħall-Eurojust, lill-aġenziji l-ġodda; jinnota li l-Eurojust għadha kompetenti biex tindirizza każijiet PIF, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UPPE, filwaqt li hija kompletament involuta fl-iżgurar ta' appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti; ifakkar fid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Approċċ Komuni għal aġenziji deċentralizzati li jkunu għadhom kif ġew maħluqa;
67. Jistenna li n-negozjati dwar il-Baġit 2019 ikunu bbażati fuq il-prinċipju li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jimpenjaw ruħhom biex jibdew in-negozjati fl-aktar stadju bikri possibbli u li jiġi kompletament sfruttat iż-żmien kollu ta' konċiljazzjoni, filwaqt li jiġi pprovdut livell ta' rappreżentanza li jiżgura djalogu politiku ġenwin;
o o o
68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ID-DATI GĦALL-PROĊEDURA BAĠITARJA U MODALITAJIET GĦALL-FUNZJONAMENT TAL-KUMITAT TA' KONĊILJAZZJONI FL-2018
A. F'konformità mal-Parti A tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar id-dati ewlenin li ġejjin għall-proċedura baġitarja tal-2019:
1. Il-Kummissjoni ser tagħmel ħilitha biex tippreżenta Dikjarazzjoni tal-Estimi għall-2019 sa tmiem Mejju;
2. Ser jissejjaħ trilogu fit-12 ta' Lulju filgħodu, qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Il-Kunsill ser jagħmel ħiltu biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu u jgħaddiha lill-Parlament Ewropew sas-37 ġimgħa (it-tielet ġimgħa ta' Settembru), sabiex jiġi ffaċilitat ftehim f'waqtu mal-Parlament Ewropew;
4. Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew ser jagħmel ħiltu biex jivvota dwar l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill sa mhux aktar tard minn tmiem il-41 ġimgħa (f'nofs Ottubru);
5. Ser jissejjaħ trilogu fit-18 ta' Ottubru filgħodu, qabel il-qari tal-Parlament Ewropew;
6. Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew ser tivvota dwar il-qari tagħha fit-43 ġimgħa (Sessjoni plenarja tat-22-25 ta' Ottubru);
7. Il-perjodu ta' Konċiljazzjoni ser jibda fit-30 ta' Ottubru. B'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314(4)(c) tat-TFUE, iż-żmien disponibbli għall-konċiljazzjoni ser jiskadi fid-19 ta' Novembru 2018;
8. Il-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ser jiltaqa' fis-7 ta' Novembru filgħodu, ospitat mill-Parlament Ewropew, u fis-16 ta' Novembru, ospitat mill-Kunsill u jista' jerġa' jibda kif xieraq; is-sessjonijiet tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ser jitħejjew permezz ta' trilogu(i). Huwa skedat trilogu fis-7 ta' Novembru filgħodu. Jista' jissejjaħ trilogu(i) addizzjonali matul il-perjodu ta' konċiljazzjoni ta' 21 jum, inkluż possibbilment fl-14 ta' Novembru (Strasburgu).
B. Il-modalitajiet għall-funzjonament tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jinsabu fil-Parti E tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali msemmi hawn fuq.
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2018/2040(INI))
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU, adottata fit-3 ta' April 2006 mill-Assemblea Ġenerali, li tistabbilixxi Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016, kif ukoll il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-preamboli u l-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 lill-Kunsill dwar it-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU, adottata fit-3 ta' Mejju 2011 mill-Assemblea Ġenerali, dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, biex tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru u biex teżerċita d-dritt ta' replika,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2009), 1888 (2009), 1889 (2010), 1960 (2011), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin minquxin fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE ta' Ġunju 2016, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri statali, li huma rispettati ndaqs mill-Istati parteċipanti kollha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tat-13 ta' Diċembru 2017(2),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0230/2018),
A. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom impenjati bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu, il-governanza globali, il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tan-NU bħala parti integrali tal-politika esterna tal-UE, kif ukoll it-tliet pilastri tas-sistema tan-NU: id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-Iżvilupp; billi sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar waħda adatta biex taffronta l-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid; billi l-futur stess tas-sistema multilaterali qed jiffaċċja sfidi bla preċedent;
B. billi l-Istrateġija Globali tal-UE tirrifletti l-livell tal-isfidi globali tal-lum, li jirrikjedu NU qawwija u aktar effiċjenti u kooperazzjoni aktar profonda fil-livell tal-Istati Membri kemm fl-UE kif ukoll fin-NU;
C. billi jeħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fl-organi u l-korpi tas-sistema tan-NU u biex jitkellmu b'vuċi waħda bbażata fuq id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali tal-UE; billi din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun ibbażata fuq sforzi komuni maħsuba biex jimpedixxu li l-kunflitti attwali jkomplu jeskalaw u biex jagħtu appoġġ għas-sejbien ta' soluzzjoni għat-tali kunflitti, biex jippromwovu diżarm u kontroll tal-armi effikaċi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-arsenali nukleari, biex jimplimentaw l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u biex jikkontribwixxu għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, insegwitu tal-mandat inkluż fl-Artikolu 34.1 tat-TUE;
D. billi l-ordni politiku globali u l-ambjent tas-sigurtà qed jevolvu b'pass imgħaġġel u jirrikjedu risposti globali; billi n-Nazzjonijiet Uniti għadha tinsab fil-qalba tas-sistema multilaterali ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha bil-għan li dawn l-isfidi jiġu indirizzati u hija l-aktar entità adatta biex taffronta l-kriżijiet internazzjonali, l-isfidi globali u t-theddid;
E. billi d-dinja qed tiffaċċja firxa ta' sfidi globali relatati mal-kunflitti attwali u emerġenti u l-konsegwenzi tagħhom, bħat-tibdil fil-klima u t-terroriżmu, li jeħtieġ li jiġu ttrattati fuq skala globali; billi l-istruttura attwali tal-KSNU għadha bbażata fuq xenarju politiku skadut u billi l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu ma jirriflettix b'mod adegwat ir-realtà globali li qed tinbidel; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu strumentali fit-tfassil tal-Aġenda 2030 globali tan-NU u billi l-UE għadha impenjata li tkun minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta' implimentazzjoni u ta' mekkaniżmu sod ta' segwitu, monitoraġġ u analiżi biex jiġu żgurati l-progress u l-obbligu ta' rendikont; billi dan huwa rifless fl-azzjoni esterna tal-UE u f'politiki oħrajn implimentati bis-saħħa tal-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE;
F. billi t-tliet pilastri tan-NU – il-Paċi u s-Sigurtà, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp – huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin; billi l-iskop oriġinali tan-NU – iż-żamma tal-paċi – ġie kkontestat minn kriżijiet kumplessi u kontinwi;
G. billi l-proċeduri burokratiċi onerużi u l-istruttura riġida u kumplessa tan-NU xi drabi xekklu l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni u l-kapaċità tagħha li tagħti rispons malajr għall-kriżijiet u għall-isfidi globali;
H. billi rispons b'suċċess għall-kriżijiet globali, it-theddid u l-isfidi jirrikjedi sistema multilaterali effiċjenti, imsejsa fuq regoli u valuri universali;
I. billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni, id-djalogu u d-drittijiet tal-bniedem qed jiġi ddubitat minn diversi movimenti nazzjonalisti u protezzjonisti madwar id-dinja;
J. billi l-għadd dejjem jikber ta' kompiti tas-sistema tan-NU jitlob finanzjament adegwat mill-Istati Membri tagħha; billi jeżisti distakk dejjem jiżdied bejn il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni u l-finanzjament ipprovdut lilha; billi, fid-dawl tal-intenzjoni tal-Istati Uniti li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tan-NU, l-UE u l-Istati Membri tagħha kollettivament għadhom l-akbar kontributur finanzjarju waħdieni u għandhom jappoġġjaw b'mod attiv lis-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) fl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-funzjonament u l-finanzjament tajbin tan-NU, bil-għanijiet primarji li jinqered il-faqar, jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fit-tul, jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjali u tingħata għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' kull tip ta' kriżijiet, sew naturali jew ikkawżati mill-bniedem; billi l-kontribuzzjonijiet tal-UE lin-NU għandhom ikunu aktar viżibbli; billi l-aġenziji tan-NU, inkluża l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), ġarrbu tnaqqis finanzjarju importanti; billi l-livell ġenerali ta' finanzjament tan-NU bħalissa għadu mhuwiex adegwat biex jippermetti lill-organizzazzjoni timplimenta l-mandat tagħha u tiffaċċja l-isfidi globali attwali;
K. billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja u billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'ħafna Stati Membri tan-NU; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem jikber ta' theddid u riskji madwar id-dinja għall-ħidma leġittima tagħhom;
L. billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tal-multilateraliżmu u jikkostitwixxu pilastru ċentrali tas-sistema tan-NU; billi l-UE tappoġġja bil-qawwa d-drittijiet tal-bniedem kollha, li huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi dawn il-valuri qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem jikber ta' theddid u riskji għall-ħidma leġittima tagħhom u qed jiffaċċjaw ritaljazzjoni talli jinteraġixxu mal-korpi u l-mekkaniżmi tan-NU; billi l-komunità internazzjonali u l-UE jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiddefendu n-normi internazzjonali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, speċjalment rigward id-drittijiet ta' dawk li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza jew li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, il-minoranzi etniċi, razzjali jew reliġjużi, il-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni spustati internament, il-persuni b'diżabbiltajiet, il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) u l-popli indiġeni;
li jappoġġja b'mod attiv l-aġenda ta' riforma bi tliet pilastri tas-SĠNU bil-għan li s-sistema tan-NU ssir verament ikkoordinata, effiċjenti, effikaċi, integrata u trasparenti u jkollha obbligu ta' rendikont; li jappoġġja s-semplifikazzjoni tal-istruttura tal-paċi u s-sigurtà, li jeħtieġ li ssir aktar effiċjenti, iffukata, iffinanzjata b'mod xieraq u operattiva b'setgħa maqsuma b'mod aktar bilanċjat u b'diversità aktar effikaċi f'termini ta' rappreżentanza reġjonali fil-korpi kollha tagħha;
(b)
li jappoġġja tnaqqis fil-burokrazija, semplifikazzjoni tal-proċeduri u deċcentralizzazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet, b'żieda fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont dwar il-missjonijiet u l-ħidma tal-membri tal-persunal tan-NU, speċjalment rigward l-operazzjonijiet tagħhom fuq il-post;
(c)
li jappoġġja l-isforzi tas-SĠNU biex isir tibdil sostanzjali bil-għan li s-sistema ta' żvilupp tan-NU tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-Aġenda 2030 u mal-SDGs, kif ukoll mar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P), u li tkun adatta għall-iskop li tappoġġja aħjar l-implimentazzjoni tagħhom;
(d)
li jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jagħtu s-setgħa kemm lis-SĠNU u lill-Viċi SĠ kif ukoll lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom fil-proċess ta' semplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tan-NU, sabiex jiġu promossi aktar effiċjenza, flessibbiltà, reattività u valur għall-flus tan-NU u l-aġenziji tagħha;
(e)
li jfakkar lill-Istati Membri kollha tan-NU fl-obbligu tagħhom li jżommu l-isforzi finanzjarji tagħhom biex jappoġġjaw lill-aġenziji kollha tan-NU u jonoraw l-impenji tagħhom dwar l-infiq b'rabta mal-għajnuna għall-iżvilupp, filwaqt li jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza u jżommu lill-gvernijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-SDGs globali;
(f)
li jappoġġja b'mod attiv l-isforzi tas-SĠNU fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU dwar il-Parità bejn is-Sessi bħala għodda essenzjali biex tiġi żgurata r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU; li jaħtar aktar nisa u b'mod partikolari nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza fil-karigi ta' maniġment superjuri fil-livell tal-kwartieri ġenerali tan-NU u li jadotta l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll ibbaġitjar sensittiv għall-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; li jappella lill-UE u lin-NU biex jaħtru aktar pulizija u suldati nisa għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet; li jagħmel pressjoni biex ikun hemm konsulenti intersezzjonali dwar il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet individwali u għall-pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi, li jfasslu l-mod kif ir-Riżoluzzjonijiet 1325 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed jiġu implimentati fil-livell ta' kull missjoni u operazzjoni; li jiżgura li l-forzi kollha tan-NU jkollhom l-istess rekwiżiti minimi ta' edukazzjoni u kompetenza u li n-NU jeħtiġilha tinkludi perspettiva ċara favur il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, favur il-persuni LGBTI u kontra r-razziżmu, b'tolleranza żero għall-forom kollha ta' vjolenza u sfruttament sesswali, inkluża funzjoni effikaċi ta' informaturi fi ħdan in-NU biex b'mod anonimu jirrappurtaw reati kommessi minn membri tal-persunal tan-NU fil-konfront kemm ta' membri oħra tal-persunal tan-NU kif ukoll ta' persuni lokali;
(g)
li jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jagħtu lill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom fl-organi u l-korpi tas-sistema tan-NU;
(h)
li jappella għal riforma komprensiva tal-KSNU biex itejjeb ir-rappreżentattività tiegħu abbażi ta' kunsens wiesa' bil-għan li jiżgura li jkun jista' jirreaġġixxi aktar malajr u b'mod aktar effikaċi għat-theddid fil-konfront tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali; li jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali u titjib fil-koordinazzjoni u fil-koerenza tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU;
(i)
li jirdoppja l-isforzi għar-riforma tal-KSNU b'mod partikolari, permezz tal-limitazzjoni sinifikanti jew tar-regolamentazzjoni tal-użu tad-dritt tal-veto, notevolment f'każijiet fejn ikun hemm evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, li qed ixekkel il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u permezz ta' tibdil fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu sabiex jirrifletti aħjar l-ordni globali tal-lum, fost l-oħrajn billi jkun hemm siġġu permanenti għall-Unjoni Ewropea;
(j)
li jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jitkellmu b'vuċi waħda; li jappoġġja l-isforzi li jsiru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra kif ukoll mill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u biex jilħqu pożizzjoni komuni tal-UE waqt il-votazzjonijiet, bex b'hekk jittejbu l-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fin-NU;
(k)
li jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inklużi r-Rapporteurs Speċjali, u mekkaniżmi oħrajn tematiċi u speċifiċi għall-pajjiżi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll li jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Partijiet kollha biex jestendu stediniet miftuħa lir-Rapporteurs Speċjali kollha ħalli dawn iżuru l-pajjiżi tagħhom;
(l)
li jappoġġja l-istabbiliment ta' proċess preparatorju intergovernattiv miftuħ u inklużiv taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għal summit tan-NU fl-2020, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tan-NU, li jqis miżuri ta' riforma komprensivi għat-tiġdid u t-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti;
(m)
li jitkellem favur l-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-sistema tan-NU biex iżżid il-karattru demokratiku, l-obbligu ta' rendikont demokratiku u t-trasparenza tal-governanza globali u biex tippermetti aktar parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-attivitajiet tan-NU u, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs;
Il-paċi u s-sigurtà
(n)
li jappella lill-UE u lin-NU biex iwettqu rwoli komplementari u li jsaħħu 'l xulxin f'kull sitwazzjoni ta' theddid għall-paċi u s-sigurtà; li jvara kooperazzjoni politika strutturata bejn l-UE u n-NU;
(o)
li jippromwovi impenji aktar sodi min-naħa tal-Istati Membri favur il-paċi u s-sigurtà kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak nazzjonali; li jappoġġja lis-SĠNU fl-isforzi tiegħu biex iżid l-involviment tan-NU fin-negozjati għall-paċi; li jappella lin-NU biex tipprijoritizza l-prevenzjoni, il-medjazzjoni u s-sejbien ta' soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti hija u tindirizza l-kawżi bażiċi tagħhom u l-fatturi li jkebbsuhom; li jkompli jappoġġja l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; li jżid l-appoġġ tal-Istati Membri għall-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma u l-bini tal-paċi, b'mod partikolari billi jikkontribwixxu persunal u tagħmir, u li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala faċilitatur f'dan il-qasam; li jiżgura viżibbiltà akbar għal dan l-appoġġ u dan il-kontribut; li jiżgura li l-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma u l-bini tal-paċi jkollhom mandat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll persunal adegwat biex iwettqu din il-funzjoni;
(p)
li japprofondixxi l-kooperazzjoni man-NU fis-Sħubija Strateġika dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet; li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà; li jappella lin-NU biex l-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tagħmilhom aktar kredibbli u trasparenti billi tistabbilixxi mekkaniżmi effikaċi u ssaħħaħ dawk eżistenti biex timpedixxi abbużi possibbli mill-membri tal-persunal tan-NU u biex iżżommhom responsabbli; li jadotta approċċ multilaterali matul il-proċess ġenerali tal-missjonijiet; li jsaħħaħ l-interazzjoni mal-komunitajiet lokali, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni u s-sokkors immirati lejhom; li jiżgura li l-protezzjoni tal-persuni ċivili tkun fil-qalba tal-mandati għaż-żamma tal-paċi; li jsaħħaħ l-appoġġ għall-atturi lokali billi jagħti s-setgħa lill-aktar gruppi vulnerabbli biex iservu ta' aġenti tal-bidla u li joħloq l-ispazji biex dawn jiġu involuti fil-fażijiet kollha tal-ħidma umanitarja u ta' bini tal-paċi; li jappella lin-NU biex tnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tal-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma tal-paċi u tikseb kosteffiċjenza, sikurezza u sigurtà kemm għat-truppi kif ukoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti;
(q)
li jenfasizza li t-theddid globali u reġjonali kif ukoll il-preokkupazzjonijiet globali komuni jirrikjedu risposta aktar rapida u responsabbiltajiet mill-komunità internazzjonali kollha; li jissottolinja li meta Stat ma jkunx jista' jew ma jkunx lest jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jipproteġi, din ir-responsabbiltà taqa' f'idejn il-komunità internazzjonali, inklużi l-membri permanenti kollha tal-KSNU, u bl-involviment tal-ekonomiji emerġenti ewlenin l-oħra kollha u l-pajjiżi l-oħra kollha li qed jiżviluppaw, u li dawk li jiksru d-dritt internazzjonali għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Blue Helmets; li jappella lill-UE biex, hija u tieħu azzjoni fil-qafas tal-politika R2P tagħha, tħeġġeġ lill-pajjiżi emerġenti u lil dawk li qed jiżviluppaw jingħaqdu mal-komunità internazzjonali;
(r)
li jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-UE, in-NU u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra, bħalma hija l-kooperazzjoni trilaterali bejn l-Unjoni Afrikana (UA), l-UE u n-NU, bħala mezz qawwi ta' tisħiħ tal-multilateraliżmu u tal-governanza globali u l-għoti ta' assistenza lil dawk li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dritt umanitarju internazzjonali, u li jappella għal sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità f'dan ir-rigward mill-UE, min-NU u mill-UA;
(s)
li jkompli jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà tal-bniedem u tal-R2P u li jippromwovi ulterjorment rwol b'saħħtu tan-NU fl-implimentazzjoni tagħhom; li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-R2P bħala prinċipju importanti għall-ħidma tal-Istati Membri tan-NU dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; li jkompli jappoġġja l-isforzi għal aktar operazzjonalizzazzjoni tal-R2P u li jappoġġja lin-NU biex tkompli tiżvolġi rwol kritiku ħalli tgħin lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P bil-għan li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt umanitarju internazzjonali; li jfakkar fl-impenn tal-UE favur l-implimentazzjoni tal-R2P kif ukoll favur il-prevenzjoni u l-waqfien tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' atroċitajiet;
(t)
li juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex itejjeb il-konformità mill-atturi statali u mhux statali mad-dritt umanitarju internazzjonali; li jappoġġja l-isforzi mmexxija mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar favur il-ħolqien ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
(u)
li jtenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu fil-konfront tat-terroriżmu, kif ukoll l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari Daesh/ISIS, li jirrappreżentaw theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; li jaħdem mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u mal-KSNU biex jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu, b'kont meħud tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Marzu 2018(3), kif ukoll jibnu mekkaniżmi maħsuba biex jidentifikaw individwi u organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi maħsuba għall-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha, b'appoġġ għall-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI) fl-implimentazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF), abbażi tal-Inizjattiva Globali kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; li jsaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE u tan-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, partikolarment billi jiġġieldu t-theddid ibridu u jiżviluppaw ir-riċerka u l-bini tal-kapaċità fil-qasam taċ-ċiberdifiża; li jserraħ fuq l-inizjattivi eżistenti stabbiliti mis-sħab lokali għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi maħsuba biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' terroristi; li jintensifika l-isforzi favur ir-repressjoni tar-reklutaġġ u l-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, li t-tnejn li huma jsiru permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u netwerks ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; li jappoġġja l-azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu affrontati l-kawżi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi li jwasslu għaliha; li jsaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali u l-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali; li jippromwovi l-edukazzjoni bħala għodda għall-prevenzjoni tat-terroriżmu; li jappoġġja l-politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u ta' deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; li jappoġġja kontribut akbar tal-UE għall-inizjattivi tal-bini tal-kapaċità tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda terroristi barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;
(v)
li jagħmel pressjoni għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom favur soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-kunflitti li għaddejjin bħalissa fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq; li jkompli jappoġġja l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; li jappoġġja r-rwol tal-UE fil-qasam umanitarju; li jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja u tal-assistenza finanzjarja u politika mill-komunità internazzjonali; li jżomm responsabbli lit-trasgressuri tad-dritt internazzjonali umanitarju u dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; li jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja mmirat lejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-NU u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; li jenfasizza li waqfien mill-ġlied iklużiv fil-livell nazzjonali u soluzzjoni paċifika u reċiprokament aċċettabbli għall-kriżi Sirjana jistgħu jinkisbu taħt l-awspiċji tan-NU u, kif previst fil-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012 u fir-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja; li jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel dak kollu li tista' biex tikkundanna bil-qawwa lil dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità kommessi waqt il-kunflitt Sirjan; li jappoġġja l-appell tas-SĠNU ġdid għall-istabbiliment ta' bord ġdid, imparzjali u indipendenti maħsub biex jidentifika l-awturi tal-attakki kimiċi fis-Sirja, peress li n-nuqqas ta' tali korp iżid ir-riskji ta' eskalazzjoni militari; li jappoġġja l-inizjattiva għal pjan ta' paċi tan-NU fil-Jemen u li jindirizza l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa bħala kwistjoni ta' urġenza; li jappella lill-partijiet kollha biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha u li jisħaq fuq il-ħtieġa ta' soluzzjoni politika negozjata permezz ta' djalogu inklużiv bejn il-Jemeniti kollha;
(w)
li jiżgura li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE, l-istrumenti pożittivi kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, u Stat ta' Iżrael sigur bi fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi;
(x)
li jappoġġja l-isforzi tan-NU favur l-iżgurar ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU;
(y)
li jkompli jindirizza t-theddid serju għas-sigurtà fir-reġjuni tas-Saħel, tas-Saħara, tal-Lag taċ-Ċad u tal-Qarn tal-Afrika, bil-għan li tiġi eliminata t-theddida terroristika kkawżata mill-ISIL/Daesh u mill-affiljati ta' al-Qaeda, kif ukoll minn Boko Haram jew minn kwalunkwe grupp terroristiku affiljat ieħor;
(z)
li jirrispetta l-ftehim nukleari bejn l-Iran u l-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll il-Ġermanja bħala suċċess importanti fid-diplomazija internazzjonali u, speċjalment, f'dik tal-UE u li jkompli jagħmel pressjoni fuq l-Istati Uniti biex imexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni prattika tat-tali ftehim;
(aa)
li jkompli jappella biex ikun hemm rispett sħiħ għas-sovranità ta-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tal-integrità territorjali tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawn ir-reġjuni; li jappoġġja u jintensifika l-isforzi diplomatiċi favur riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli ta' dawn il-kunflitti li għaddejjin bħalissa jew li jinsabu ffriżati; li jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea;
(ab)
li jappoġġja t-taħditiet intra-Koreani fl-isforzi tagħhom lejn id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana; li jappella lill-atturi internazzjonali kollha involuti biex b'mod attiv u pożittiv jikkontribwixxu għal dan il-għan abbażi tad-djalogu;
(ac)
li jħeġġeġ lill-Assemblea Ġenerali u lill-KSNU jiddiskutu t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar bil-għan li jinkoraġġixxu lill-partijiet kollha kkonċernati jiffinalizzaw in-negozjar ta' kodiċi ta' kondotta;
L-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà
(ad)
li jappella lill-Istati Membri kollha biex ikomplu jappoġġjaw u jimplimentaw it-tmien riżoluzzjonijiet tal-KSNU msemmija hawn fuq li jiffurmaw l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u li jiggwida l-ħidma biex tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi u jiġu żgurati l-parteċipazzjoni tan-nisa, il-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-kunflitti, mill-prevenzjoni tal-kunflitti sar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt, filwaqt li jiġi adottat approċċ iffukat fuq il-vittmi biex ikompli jitnaqqas id-dannu li jġarrbu n-nisa u l-bniet milqutin direttament minn xi kunflitt;
(ae)
li jfakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi għadha wieħed mill-anqas aspetti implimentati tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, minkejja li n-nisa huma l-vittmi ewlenin tal-kriżijiet tas-sigurtà, kif ukoll tal-kriżijiet politiċi u umanitarji; li jenfasizza li r-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà ma laħqitx l-objettiv primarju tagħha li tħares lin-nisa u li żżid sostanzjalment il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet; li jfakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u t-trawwim tagħha huwa wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Unjoni; li jkompli jippromwovi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u li jippromwovi b'mod attiv l-appoġġ għal aktar azzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; li jinvolvi l-aktar nies vulnerabbli fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-proċessi l-oħrajn kollha;
(af)
li jfakkar li l-kunflitti armati jolqtu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa billi jħalluhom it-tnejn vulnerabbli, iżda lin-nisa jqegħduhom f'riskju akbar ta' sfruttament ekonomiku u sesswali, xogħol u spustament furzati, detenzjoni u vjolenza sesswali bħalma huwa l-istupru, li jintuża bħala tattika tal-gwerra u jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; li jiżgura għajnuna medika sikura għall-każijiet ta' stupru waqt gwerra; li jappella għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-minorenni, tan-nisa, tal-bniet u tal-anzjani f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-vjolenza sesswali u ma' żwiġijiet tat-tfal, żwiġijiet bikrin u żwiġijiet furzati, kif ukoll tal-vittmi rġiel u subien, li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u studji internazzjonali(4), iġarrbu sottovalutazzjoni serja f'termini ta' ċifri reali f'ambjenti affettwati minn kunflitti; li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni fiż-żoni ta' kunflitt;
(ag)
li jappella lin-NU biex tistabbilixxi proċeduri effiċjenti għar-rappurtar tat-tħassib jew evidenza ta' abbużi, frodi, korruzzjoni u mġiba ħażina b'rabta ma' attivitajiet imwettqa mill-membri tal-persunal militari u ċivili tan-NU waqt missjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi u li jittratta dawn il-każijiet permezz ta' investigazzjonijiet speċifiċi f'waqthom; li b'urġenza jibdel il-fatt li l-azzjonijiet legali rigward allegati abbużi għalissa għadhom purament volontarji u jiddependu mill-pajjiż li jikkontribwixxi t-truppi; li, b'urġenza u mingħajr dewmien, jindirizza l-aspetti kollha tar-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU tal-15 ta' Mejju 2015 dwar l-Isforzi ta' Infurzar u ta' Għajnuna għal Rimedju għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali Minn Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat f'Operazzjonijiet Immirati lejn iż-Żamma tal-Paċi u li jżomm lit-trasgressuri responsabbli; li, mingħajr dewmien u bl-akbar determinazzjoni, jinvestiga, iħarrek u jikkundanna lil kwalunkwe membru tal-persunal militari u ċivili li jkun wettaq atti ta' vjolenza sesswali; li jinkoraġġixxi lill-persunal tan-NU inkarigat miż-żamma tal-paċi biex ikompli jitħarreġ dwar il-Protokoll Internazzjonali rigward id-Dokumentazzjoni u l-Investigazzjoni dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, bil-għan li jiġi promoss l-għarfien espert dwar il-kwistjonijiet ta' vjolenza sesswali;
(ah)
li jappoġġja u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, biex jiġu żgurati l-analiżi tad-disparitajiet bejn ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU, speċjalment fl-operazzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi, l-operazzjonijiet umanitarji u l-proċessi ta' rikostruzzjoni u rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt; li jiżviluppa indikaturi u jimplimenta għodod ta' monitoraġġ għall-kejl tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi u tas-sigurtà, inkluż f'operazzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi, u għall-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont, kif ukoll li jippromwovi impenn effikaċi mal-komunitajiet u jiżgura titjib fil-kultura u fl-imġiba b'mod li dawn ikunu konformi wkoll mal-Bord ta' Livell Għoli dwar it-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU; li jiżgura li l-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tinkludi finanzjament adegwat u tipprovdi appoġġ biex jibdel in-nisa fil-komponent ċentrali tal-isforzi kollha maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi globali, inklużi ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti, il-kriżijiet umanitarji, il-faqar, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà;
(ai)
li jsostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, biex jieqaf l-abbuż tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi affrontat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt fuq il-bniet; li jappoġġja r-rwol tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati sabiex jissoda l-appoġġ għad-drittijiet taż-żgħażagħ milqutin mill-gwerra, kif ukoll li jappoġġja l-kampanja "Tfal, Mhux Suldati" tan-NU bil-ħsieb li jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-forzi armati tal-gvern u minn atturi mhux statali fil-kunflitti;
(aj)
li jżomm l-impenn tiegħu man-NU favur il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effikaċi tal-inizjattiva Spotlight, li hija maħsuba biex ittemm il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
Il-prevenzjoni ta' kunflitti u l-medjazzjoni
(ak)
li jipprovdi l-mezzi kollha biex jappoġġja b'mod proattiv il-prijoritajiet tas-SĠNU għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni(5), b'inizjattivi bħalma huma l-istabbiliment ta' Bord Konsultattiv ta' Livell Għoli dwar il-Medjazzjoni, u b'konformità mal-prijoritajiet tal-Missjonijiet Politiċi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-għodod tal-Fond għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi; li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni tal-kunflitt u ta' medjazzjoni;
(al)
li jsaħħaħ l-aspett operazzjonali tal-prijoritajiet tal-UE u tan-NU għall-prevenzjoni ta' kunflitti u t-tnaqqis tagħhom, inkluż billi jiżgura d-disponibbiltà ta' medjaturi u ta' konsulenti dwar il-medjazzjoni b'esperjenza, inklużi rappreżentanti nisa u uffiċjali għoljin, u li jiżgura koordinament aktar effettiv tal-għodod politiċi, umanitarji, ta' sigurtà u ta' żvilupp tan-NU;
(am)
li jikkunsidra li n-nisa li jidher biċ-ċar li huma sottorappreżentanti fit-taħdidiet madwar il-mejda għall-paċi, fejn jittieħdu deċiżjonijiet essenzjali dwar l-irkupru ta' wara l-kunflitt u l-governanza, minkejja l-fatt li kull meta n-nisa jkollhom rwol espliċitu fil-proċessi ta' paċi il-probabbiltà li jintlaħaq ftehim li jtawwal mill-anqas sentejn tiżdied b'20 %, u b'35 % fil-probabbiltà li jintlaħaq ftehim li jtawwal mill-anqas ħmistax-il sena;
(an)
li jappoġġja bil-qawwa l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-għan tagħha li ż-żgħażagħ jingħataw vuċi aktar qawwija fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; li jappoġġja f'dan ir-rigward il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jippermettu liż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-proċessi ta' paċi;
(ao)
li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NU dwar it-tfassil ta' strumenti li jindirizzaw il-problema rikorrenti tal-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, inkluż bil-bini fuq l-esperjenza tal-Membri tal-PE waqt il-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali u fid-djalogi parlamentari ta' qabel l-elezzjonijiet mal-partiti politiċi, sabiex tiżdied il-kredibbiltà tal-elezzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li jfittxu li jsaħħu il-proċeduri demokratiċi tagħhom, kif ukoll biex jibgħat messaġġ qawwi lil dawk li qegħdin ifittxu li jabbużaw mis-sistema;
(ap)
li jfakkar il-kontributi sinifikanti magħmula mill-UE (l-istrumenti ta' finanzjament estern) għas-sistema tan-NU, inkluż għall-paċi globali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-aġenda tal-iżvilupp;
(aq)
li jappoġġja bil-qawwa l-proposti tas-Segretarju Ġenerali bil-għan li s-Sistema ta' Żvilupp tan-NU ssir aktar effettiva u biex jiddefinixxi pożizzjoni ta' appoġġ fid-dawl tal-patt għall-finanzjament li ġie propost bi skambju għal żieda fl-effettivitá, it-trasparenza u r-responsabbiltà;
In-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u d-diżarm
(ar)
li jappoġġja b'mod sistematiku l-azzjonijiet kollha tan-NU b'rabta mad-diżarm, il-bini tal-fiduċja, in-nonproliferazzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, inkluż l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-kumulazzjoni, iż-żamma, it-trasferiment jew l-użu ta' armi kimiċi minn stat firmatarju jew minn attur mhux statali;
(as)
li jesprimi tħassib għall-erożjoni tal-kontroll tal-armi attwali u s-sistema ta' diżarm u l-istrumenti legali tagħha; li jappoġġja l-isforzi kollha li għandhom l-għan li l-kontroll tal-armi u l-aġenda għad-diżarm jitreġġgħu lura fit-triq it-tajba, inkluż billi tingħata spinta ġdida lill-Konferenza dwar id-Diżarm; li jippromwovi n-nonproliferazzjoni nukleari permezz tal-proċess ta' rieżami tal-2020 li jdaħħal fis-seħħ mingħajr aktar dewmien it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari; li jwettaq l-isforzi kollha biex isaħħaħ il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; li jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-objettivi tal-Konvenzjoni u li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikawha jew biex ikollhom aċċess għaliha; li jsaħħaħ l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u l-ħidma tagħha billi jiggarantixxi li jkollha riżorsi finanzjarji u l-persunal adegwat biex tilħaq l-objettivi tagħha; li jiżgura li f'każijiet fejn jiġi rapportat l-użu ta' armi kimiċi, l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jiżgura li tittieħed responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet ta' diżarm u tat-trattati għall-kontroll tal-armi permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll tal-armi eżistenti u tal-istrumenti ta' diżarm; li jappoġġja t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta' Armi Nukleari li fl-2017 kien sostnut minn 122 Stat Membru tan-NU u li jaħdem favur l-iffirmar u r-ratifika ta' dan it-Trattat mill-Istati Membri kollha tan-NU; li jmexxi 'l quddiem b'urġenza d-diżarm nukleari kemm reġjonalment kif ukoll globalment bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2016(6) li tistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jappoġġjaw il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Negozjati għal Strument Vinkolanti li Jipprojbixxi l-Armi Nukleari; li jappoġġja l-isforzi tan-NU biex tipprevjeni lill-atturi mhux statali u lill-gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' twassil tagħhom; li jinsisti fuq il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi;
(at)
li jimplimenta bis-sħiħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) u li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirratifikawh jew biex ikollhom aċċess għalih;
(au)
li jaħdem favur azzjoni aktar effettiva kontra d-devjazzjoni tal-armi u tal-munizzjon u l-kummerċ illegali tagħhom, inklużi armi ta' kalibru żgħir u ħfief, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi; li jitlob lill-Membri tal-UN biex b'mod attiv jieħdu passi favur id-diżarm globali u lejn il-prevenzjoni tat-tlielaq għall-armi;
(av)
li jagħti attenzjoni speċjali lill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-armamenti fir-robotika u b'mod partikolari, lir-robots u d-droni armati u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali; li jistabbilixxi qafas ġuridiku dwar d-droni u robots armati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali eżistenti biex jiġi evitat li din it-teknoloġija tintuża b'mod mhux korrett f'attivitajiet illegali minn atturi statali u dawk mhux statali; li jippromwovi l-bidu ta' negozjati effettivi dwar il-projbizzjoni tad-droni u ta' robots armati li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; li jippromwovi qafas legali bbażat fuq in-NU li jistipula b'mod strett li l-użu ta' droni armati jrid jirrispetta l-liġi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; li jikkundanna bil-qawwa l-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; li jitlob għal żieda fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f'kull aspett tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda; li jaħdem favur il-projbizzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' armi li huma nieqsa mill-kontroll tal-bniedem fuq l-użu tal-forza kif kien mitlub mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet u, bi tħejjija għal-laqgħat rilevanti fil-livell tan-NU, li jiżviluppa b'urġenza u li jadotta pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi u li jitkellem b'vuċi waħda u li jaġixxi kif xieraq fil-fora rilevanti;
(aw)
li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom ;
(ax)
li jaħdem, b'referenza għar-riżoluzzjoni tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent UNEP/EA.3/Res.1 u għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Nru 34/20, biex jiġu ċċarati u żviluppati l-obbligi ta' wara l-kunflitt għall-approvazzjoni u l-ġestjoni ta' kontaminazzjoni mill-użu ta' armi tal-uranju mfaqqar, kif ukoll l-għajnuna lill-komunitajiet milquta mill-użu tagħhom;
Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt
(ay)
li jfakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; li jistieden lill-UE u lin-NU sabiex mhux biss jikkundannaw bil-qawwa x-xejra globali disturbanti lejn il-marġinalizzazzjoni u ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija sabiex tiġi miġġielda kull xejriet negattivi , inkluż fir-rigward tal-ispazju għas-soċjetà ċivili , iżda wkoll biex isir użu effettiv tal-istrumenti legali disponibbli, partikolarment l-Artikolu 2 ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi, fejn xieraq; li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet kollha ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta, u jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti u mal-impenn li jikkooperaw b'rieda tajba mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; li jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reazzjonijiet globali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-promoturi tad-demokratizzazzjoni;
(az)
li jiżgura li r-riformi tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu jiġu integrati bis-sħiħ fit-tliet pilastri tar-riforma tan-NU; li jappoġġja l-allinjament tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti;
(aaa)
li jippromwovi l-libertà tad-deisti u tat-teisti, kif ukoll ta' dawk il-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom bħala atei, anjostiċi, umanisti u ħassieba ħielsa;
(aab)
li jkompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; li jħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; li jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; li jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; li jsostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; li jaħdem b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi reliġjużi u minoranzi oħra mill-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, kif ukoll biex il-każijiet ta' delitti suspettati kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
(aac)
li jħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) jissorvelja r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mill-Istati Membri tagħha stess, sabiex jiġu evitati l-iżbalji tal-passat, bħall-għoti ta' sħubija lil dawk li wettqau ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u lil dawk li adottaw pożizzjonijiet politiċi anti-Semitiċi;
(aad)
li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċessi politiċi, soċjlai u ekonomiċi – inklużi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin – mingħajr diskriminazzjoni;
(aae)
li jappella lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kollha jadottaw b'urġenza, strumenti vinkolanti ddedikati għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiżguraw li l-obbligi nazzjonali u internazzjonali kollha li joriġinaw mir-regoli internazzjonali jiġu infurzati b'mod sħiħ; li jtenni l-importanza tal-UNHRC; li jfakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali biex, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; li jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal sħubija fl-UNHRC;
(aaf)
li jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li toħroġ mill-UNHRC; li jfakkar li l-parteċipazzjoni u l-appoġġ tal-UE għal dan il-korp indispensabbli għad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex terġa' tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha;
(aag)
li jħeġġeġ lill-istati kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw malajr il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' lment u inkjesta;
(aah)
li jaħdem flimkien mal-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li jenfasizza l-importanza ta' stampa u midja ħielsa f'soċjetà b'saħħitha, u r-rwol ta' kull ċittadin fiha ; li jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-midja, il-pluraliżmu, l-indipendenza tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti biex jilqgħu sfidi ġodda; li jniedi dibattitu dwar it-tfittxija għal bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni u l-ġlieda kontra l-informazzjoni falza; li jfittex li jipproteġi ġurnalisti li jkunu qed jaħdmu fuq każi ta' korruzzjoni u li ħajjithom tkun fil-periklu;
(aai)
li jżomm impenn qawwi biex jiġi promoss it-tmiem tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha; li jkompli jiddefendi t-tolleranza żero rigward il-piena tal-mewt; li jappella għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u biex ikompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha; li jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fl-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u jitlob il-projbizzjoni tal-użu tal-piena tal-mewt u eżekuzzjonijiet sommarji bħala piena għal tali reati;
(aaj)
li jappoġġja u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jiżguraw analiżi tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; li jitlob l-qerda ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet u, billi jqis ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru; li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-persuni LGBTI, u li jappella għal revoka tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li tikkriminalizza n-nies abbażi tas-sesswalità jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; li jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà jkompli jindirizza u jsaħħaħ id-drittijiet tal-persuni LGBTI;
(aak)
li jsaħħaħ ir-rwol tal-QKI u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex tiġi promossa r-responsabilità u tintemm l-impunità; li jipprovdi lill-QKI b'appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju qawwi; li jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jingħaqdu mal-QKI billi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma uli jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; li jistieden lil dawk li jirtiraw mill-QKI biex jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom; li jappoġġja l-QKI bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi li jwettqu ksur jinżammu responsabbli għal għemilhom u biex tassisti lill-vittmi fil-ksib tal-ġustizzja, u biextħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
(aal)
li jikkundanna bil-qawwa l-fastidju ġudizzjarju, id-detenzjoni, il-qtil, it-theddid u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) madwar id-dinja fit-twettiq tal-ħidma leġittima tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; li jagħmel pressjoni għal sforzi internazzjonali u jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju, u li jippermettielhom iwettqu l-ħidma tagħhom; li jadotta politika li tiddenunzja, b'mod sistematiku u mingħajr ekwivoku, il-qtil tad-DDB u kull tentattiv biex jiġu soġġetti għal kull forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddid, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju; li jikkundanna lil dawk li jikkommettu jew jittolleraw tali atroċitajiet, u li jqawwi d-diplomazija pubblika b'appoġġ sħiħ tad-DDB; li jissottolinja li d-DDB u l-attivisti tas-soċjetà ċivili huma fost l-atturi ċentrali fl-iżvilupp sostenibbli; li jappella lill-Istati Membri tan-NU jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju; li jirrikonoxxi li d-DDB ambjentali, tal-art u indiġeni ffaċċjaw theddid dejjem akbar;
(aam)
li jintrabat li f'konformità mal-acquis Ewropew ta' kontra l-korruzzjoni, jippromwovi miżuri kontra l-korruzzjoni u jaħdem biex dawn jiġu integrati aktar fi programmi tan-Nazzjonijiet Uniti;
(aan)
li jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-imsieħba fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem billi jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) li jobbligaw lin-negozji li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; li jtenni s-sejħa tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu involuti b'mod attiv u kostruttiv fit-tfassil, kemm jista' jkun malajr, ta' strument legalment vinkolanti li, fil-qafas tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem , jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rimedju u l-għoti ta' aċċess għal rimedju fil-konfront ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull meta dan iseħħ; li jappoġġja l-bini ta' Trattat tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem bil-għan li jiżgura r-responsabbilta' korporattiva; li jilqa' f'dak il-kuntest, il-ħidma mwettqa mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jfakkar lin-NU, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv sabiex iħaffu l-pass ta' dawn in-negozjati u biex jindirizzaw it-tħassib li fadal tal-UE;
(aao)
li jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Alleanza Internazzjonali għal Negozju ħieles mit-Tortura, koinizjata mill-UE flimkien mal-imsieħba reġjonali; li jinħoloq fond internazzjonali li jassisti lil pajjiżi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ fi prodotti li jistgħu jintużaw għat-tortura u għall-piena tal-mewt; li jappoġġja l-istabbiliment ta' strument internazzjonali li jipprojbixxi l-kummerċ ta' prodotti simili, abbażi tal-esperjenza tatar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar din il-kwistjoni;
(aap)
li jiżgura li n-nisa jkollhom aċċess għall-ippjanar tal-familja u għall-firxa sħiħa ta' drittijiet għal saħħa sesswali pubblika u universali u għas-saħħa u drittijiet riproduttivi, inkluża l-kontraċezzjoni moderna u l-abort sikur u legali; jissottolinja l-fatt li l-aċċess universali għas-saħħa, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet assoċjati huwa dritt fundamentali tal-bniedem, biex b'hekk tiġi miġġielda r-regola Global Gag li reġgħet iddaħħlet mill-Gvern tal-Istati Uniti kmieni fl-2017;
(aaq)
li jappoġġja approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għad-diżabbiltà f'sitwazzjonijiet ta' riskju, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD);
(aar)
li jqis li l-persuni Rom huma fost l-aktar minoritajiet diskriminati kontra fid-dinja u li f'ħafna pajjiżi d-diskriminazzjoni qed tmur għall-agħar; li jfakkar li l-persuni Rom jgħixu fil-kontinenti kollha u għalhekk din hija kwistjoni ta' tħassib globali; li jistieden lin-NU biex jaħtru rapporteur speċjali dwar il-kwistjonijiet tar-Rom sabiex jissensibilizza u jiżgura li l-programmi tan-NU jaslu wkoll għand il-persuni Rom;
(aas)
li jappella lill-Istati Membri tan-NU, inkluż lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata;
Il-Patti Globali għall-migrazzjoni u għar-rifuġjati
(aat)
li jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi mmexxija min-NU għal negozjati ta' żewġ Patti Globali dwar il-Migrazzjoni u r-Rifuġjati abbażi tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti ta' Settembru 2016, sabiex jiġi żviluppat rispons internazzjonali aktar effikaċi dwar din il-kwistjoni, kif ukoll il-proċess korrispondenti għall-iżvilupp ta' sistema ta' governanza dinjija, għat-tisħiħ tal-koordinament dwar il-migrazzjoni internazzjonali, il-mobilità tal-persuni, il-movimenti kbar ta' rifuġjati u s-sitwazzjonijiet imtawla ta' rifuġjati, u biex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet u approċċi li jtawlu fiż-żmien li jenfasizzaw b'mod ċar l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu wara pożizzjoni bħal din u jiddefendu b'mod attiv u jwettqu progress fin-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet importanti; li jfakkar li l-SDGs li jinsabu fl-Aġenda 2030 tan-NU jirrikonoxxu li politiki tal-migrazzjoni ppjanati u amministrati tajjeb jistgħu jgħinu il-ksib ta' żvilupp sostenibbli u ta' tkabbir inklużiv, kif ukoll inaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan l-istati u bejniethom;
(aau)
li jagħmel pressjoni għal dispożizzjonijiet ambizzjużi u bilanċjati li jippermettu kooperazzjoni internazzjonali aktar effettiva u aktar ġusta kif ukoll il-kondiviżjoni globali prevedibbli tar-responsabbilta biex jiġu indirizzati l-movimenti ta' migrazzjoni u l-ispostament furzat, biex jiġi żgurat appoġġ adegwat għar-rifuġjati madwar id-dinja;
(aav)
li jappoġġja l-isforzi kollha biex tiġi żgurata għajnuna b'saħħitha u sostnuta lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jospitaw għadd kbir ta' rifuġjati, u li jiżgura li r-rifuġjati jiġu offruti soluzzjonijiet li jtawlu fiż-żmien, fosthom billi jsiru awtosostenibbli u billi jiġu integrati fil-komunitajiet fejn jgħixu; li jfakkar li l-implimentazzjoni tal-Patt Globali tipprovdi opportunità unika biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għajunua umanitarja u l-politiki tal-iżvilupp;
(aaw)
li jiżgura li l-Patti Globali huma ċċentrati fuq il-persuni u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u jipprovdu miżuri fit-tul, sostenibbli u komprensivi għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti; li jagħti attenzjoni speċifika lill-migranti li jinsabu f'ċirkostanzi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa f'riskju, il-vittmi tat-traffikar tal-bniedem jew il-persuni b'diżabbiltà , u gruppi oħrajn li jinsabu f'riskju, inkluża l-komunità LGBTI, filwaqt ;o jisħaq dwar l-importanza li titfassal politika ta' migrazzjoni minn perspettiva intersezzjonali sabiex tirrispondi għall-bżonnijiet partikolari tagħhom; li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata perspettiva tal-ġeneru mġedda u orizzontali għal rispons internazzjonali kollettiv għar-rifuġjati li tindirizza l-ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi tan-nisa, inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u li ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet tan-nisa fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni; li jistieden lill-Istati Membri tan-NU jwettqu impenn indipendenti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet bħala element ċentrali tal-Patt Globali, f'konformità mal-SDG 5;
(aax)
li jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' skambju f'waqtu u effettiv ta' intelligence rilevanti; li jtejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; li jinsisti, fil-livell tan-NU, fuq l-importanza li tiġi ratifikata u implimentata bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha kontra d-dħul klandestin ta' migranti fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru u għall-prevenzjoni, soppressjoni u punizzjoni tat-traffikar ta' persuni, speċjalment ta' nisa u tfal;
(aay)
li jiżgura li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa rifuġjati u lill-persuni li jfittxu l-asil li huma soġġetti għal forom ta' diskriminazzjoni multipli u li huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn destinazzjonijiet aktar sikuri; li jfakkar li n-nisa u t-tfajliet li qed ifittxu l-asil għandhom bżonnijiet u tħassib speċifiċi li jvarjaw minn dawk tal-irġiel u li jirrikjedu li l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri ta' asil kollha jkunu sensittivi għall-ġeneru u individwalizzati; li jappella għat-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u li jappoġġa miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
(aaz)
li jindirizza l-fenomenu persistenti u mifrux tal-apolidija, li toħloq sfidi akuti tad-drittijiet tal-bniedem; li jiżgura li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod adegwat fin-negozjati attwali dwar il-Patt Globali;
(aba)
li jkompli u jsaħħaħ l-appoġġ – inkluż l-appoġġ finazjarju – ipprovdut lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-rifuġjati, inkluż minn gruppi kriminali u minn individwali involuti fit-traffikar tal-bniedem u fid-dħul klandestin ta' persuni f'ras il-għajn u fil-pajjiżi ta' tranżitu;
(abb)
li jassisti lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jittrattaw il-problemi li kienu qegħdin jiffaċċjaw bħala riżultat tal-ispustament intern furzat massiv minn żoni ta' kunflitt u biex jaġixxi b'mod riżolut għall-protezzjoni u r-restawr tad-drittijiet tal-persuni spustati, inkluż id-dritt tagħhom għar-ritorn, id-drittijiet tal-proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali;
(abc)
li jkompli jenfasizza l-importanza assoluta tal-edukazzjoni għat-tfajliet u n-nisa biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi;
(abd)
li jtenni t-tħassib serju tiegħu li mijiet ta' eluf ta' persuni spostati f'pajjiżhom (IDP) u rifuġjati li ħarbu mill-artijiet nativi tagħhom b'rabta ma' kunflitti fit-tul għadhom spostati, u jtenni mill-ġdid id-dritt tar-ritorn tal-IDPs u r-rifuġjati kollha lejn il-postijiet tal-oriġini tagħhom b'mod sikur u dinjituż;
(abe)
li jinsisti dwar il-bżonn li jiġi pprovdut finanzjament speċifiku għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet internazzjonali;
L-iżvilupp
(abf)
li jimplimenta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan tagħha għall-Iżvilupp Sostenibbli; li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa; li jieħu passi konkreti jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Aġenda ta' Addis Ababa bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp; li jiżgura li l-UE u n-NU jkomplu jwettqu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU bl-għan li jeqirdu l-faqar u joħolqu prosperità kollettiva, jindirizzaw l-inugwaljanzi, u b'hekk joħolqu dinja aktar sikura u aktar ġusta, u jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent naturali;
(abg)
li jieħu passi konkreti biex jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 u tas-17-il SDG kollha bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp sostenibbli; li jħeġġeġ u jappoġġja lill-pajjiżi kollha jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il SDG; li jħeġeġġ lill-Istati Membri tan-NU jorjentaw mill-ġdid il-baġits tagħhom lejn l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli; li jtenni li l-UE tibqa' d-donatur dinji ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp, bl-għoti ta' EUR 75,7 biljun, u jinkoraġġixxi t-tkabbir kontinwu fl-għajnuna kollettiva tal-UE li tirfed l-isforzi kontinwi tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-paċi, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; li jagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri tan-NU biex jonoraw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-infiq għall-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu tad-data statistika biex jevalwa s-sitwazzjoni, jimmonitorja l-progress u jiżgura r-responsabbiltà fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; li jkompli fl-isforzi tiegħu biex jikseb koerenza politika għall-iżvilupp fost il-politiki kollha tal-UE, li hija kruċjali biex jinkisbu l-SDGs, u biex jagħmel pressjoni wkoll fuq il-livell tan-NU għal koerenza tal-politika akbar skont l-Għan 17;
It-tibdil fil-klima u d-diplomazija dwar il-klima
(abh)
li jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi , li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikawh u jimplimentawh b'mod effettiv, u li jenfasizza l-bżonn li l-Ftehim ta' Pariġi jiġi implimentat globalment u mill-Istati Membri kollha tan-NU; li jafferma mill-ġdid il-bżonn ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima u r-rieda tiegħu li jitjiebu il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC) inklużi dawk tal-UE, għall-2030, kif ukoll il-bżonn li tiġi żviluppata f'waqtha strateġija fit-tul għall-2050, u wkoll biex jingħata appoġġ għal kwalunkwe inizjattiva li tmur f'din id-direzzjoni; li jaħdem favur azzjoni aktar effettiva għas-sostenibbiltà ambjentali, partikolarment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; li jkompli jsaħħaħ il-livell ta' ambizzjoni tagħna rigward it-tnaqqis fl-emissjonijiet u jenfasizza r-rwol tal-UE bħala mexxejja globali fl-azzjoni klimatika;
(abi)
li jtenni mil-ġdid li l-azzjoni dwar il-klima hija prijorita' ewlenija għall-Unjoni Ewropea; li jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; li jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2016; li jsaħħaħ l-isforzi biex l-Istati Uniti jerġgħu jiġu inklużi fil-kooperazzjoni multilaterali dwar it-tibdil fil-klima;
(abj)
li jkun sieħeb proattiv fl-isforzi kollha tan-NU biex irawwem sħubiji globali u kooperazzjoni dwar l-isfidi tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza li l-klima tista' sservi bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi ma' sħab li magħhom punti oħrajn tal-aġenda huma ferm ikkontestati, u b'hekk joffru opportunità biex jissaħħu l-istabbiltà u l-paċi;
(abk)
li jsaħħaħ l-isforzi ta' diplomazija dwar il-klima tiegħu bl-iżvilupp ta' strateġija diplomatika komprensiva dwar il-klima u biex l-azzjoni dwar il-klima tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà u d-difiża, bkunsiderazzjoni tal-fatt li sistema ambjentalment mhux sostenibbli toħloq instabbiltà; li jifforma alleanza qawwija ta' pajjiżi u atturi li jkomplu jappoġġaw u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi li jillimitaw it-tisħin globali għal ferm inqas minn 2 °C, filwaqt li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C;
(abl)
li jfakkar li l-impatti tat-tibdil fil-klima jiġu esperjenzati b'mod differenti min-nisa u l-irġiel; li jenfasizza li n-nisa huma aktar vulnerabbli u jiffaċċjaw riskji u piżijiet ikbar għal diversi raġunijiet, li jvarjaw minn aċċess inugwali għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet tal-art, għal normi soċjali u kulturali; li jenfasizza li dan għandu jiġi rifless kif xieraq; li jiżgura li n-nisa jaqdu rwol ċentrali fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil tal-klima, inkluż in-negozjati internazzjonali dwar il-klima, bil-għan li jiġu żviluppati risposti sensittivi għall-ġeneru biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti;
(abm)
li jfakkar meta n-nisa jkollhom aċċess limitat għar-riżorsi produttivi u l-kontroll tagħhom, kif ukoll id-drittijiet limitati huma jkollhom anqas opportunitajiet li jsawru d-deċiżjonijiet u jinfluwenzaw il-politiki, kif ġie rikonoxxut uffiċjalment mit-13-il Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 13) li saret Bali fl-2007;
(abn)
li jaħdem mill-qrib ma' stati gżejjer żgħar u pajjiżi oħra li qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi l-aktar serji tat-tibdil fil-klima biex jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati f'fora differenti tan-NU;
(abo)
li jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-Istati Membri kollha tan-NU dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti - nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu, Testi adottati, P8_TA(2018)0059.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), World Report on Violence and Health (Rapport Dinji dwar il-Vjolenza u s-Saħħa), Ġinevra, 2002, p. 154; L-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), Discussion paper 2: The Nature, Scope and Motivation for Sexual Violence Against Men and Boys in Armed Conflict (Dokument ta' diskussjoni 2: In-Natura, l-Iskop u l-Motivazzjoni tal-Vjolenza Sesswali kontra l-Irġiel u s-Subien fil-Kunflitti Armati), dokument ippreżentat waqt il-Laqgħa tar-Riċerka tal-UNOCHA dwar l-Użu tal-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati: L-Identifikazzjoni tal-Lakuni fir-Riċerka għat-Tħejjija Aktar Informata ta' Interventi Aktar Effikaċi, 26 ta' Ġunju 2008.
Il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha
138k
54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil (2018/2770(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), u tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sinjura Fatou Bensouda,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) intitolat "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" (Vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela) tat-22 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-28 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, ir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018, tal-14 ta' Frar 2018, tal-21 ta' Mejju 2018, tat-2 ta' Ġunju 2018 u tal-15 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja teħżien fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-OAS u tal-panel ta' esperti internazzjonali indipendenti dwar it-twettiq possibbli ta' delitti kontra l-umanità fil-Venezwela tad-29 ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) fit-12 ta' Frar 2018 intitolat "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela" (Istituzzjonijiet Demokratiċi, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Venezwela), u r-riżoluzzjoni tal-IACHR tal-14 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-26 ta' Jannar 2018, tad-19 ta' April 2018 u tat-22 ta' Mejju 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017, tat-22 ta' Jannar 2018, tat-28 ta' Mejju 2018 u tal-25 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-missjoni uffiċjali għall-Kolombja f'Marzu 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli teħżien; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent, ikkaratterizzata minn nuqqas ta' sigurtà, vjolenza, vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, deterjorament tal-istat tad-dritt, nuqqas ta' mediċini u ta' servizzi soċjali, telf ta' dħul u żieda fir-rati tal-faqar, li qiegħda twassal għal dejjem aktar imwiet, migranti u rifuġjati;
B. billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu minn malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma; billi 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija milquta mill-faqar, filwaqt li l-livell ta' dawk li jbatu faqar estrem laħaq 61,2 %; billi l-mortalità tal-ommijiet żdiedet b'60 %, filwaqt li dik tat-trabi żdiedet bi 30 %; billi fl-2017 il-marda tal-malarja rat qabża ta' 69 % minn sena qabel, li tirrappreżenta l-akbar żieda fid-dinja kollha, u billi mardiet oħra bħat-tuberkulożi u l-ħosba appik li jsiru epidemiji;
C. billi, minkejja r-rieda tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan b'mod deplorevoli għadu jwebbes rasu u jiċħad l-eżistenza tal-problema u jirrifjuta li jirċievi u jiffaċilita b'mod miftuħ id-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali;
D. billi s-sitwazzjoni ekonomika ħżienet b'mod sinifikanti; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi li l-iperinflazzjoni fil-Venezwela se tispara 'l fuq sa 13 000 % fl-2018, mil-livell stmat ta' 2 400 % fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, sejrin jiżdiedu bi kważi 1,5 % kull siegħa;
E. billi rapport tal-OHCHR ippubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018 jirrileva li l-awtoritajiet Venezwelani naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, detenzjonijiet arbitrarji, maltrattament u tortura; billi l-impunità favur uffiċjali tas-sigurtà ssuspettati li wettqu qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti wkoll tidher li hija rampanti;
F. billi, skont ir-rapport tad-29 ta' Mejju 2018 ippreżentat mill-Panel ta' Esperti Internazzjonali Indipendenti maħtur mill-OAS, fil-Venezwela twettqu seba' delitti kontra l-umanità, li jmorru lura tal-anqas sa Frar 2014, u billi l-gvern innifsu huwa responsabbli għall-kriżi umanitarja tal-lum fir-reġjun; billi l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ħabbar il-varar ta' investigazzjoni preliminari dwar l-allegati delitti mwettqa fil-Venezwela minn April 2017 'il hawn;
G. billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi dan qiegħed joħloq diffikultajiet addizzjonali għas-sejbien ta' soluzzjoni għall-kriżi politika; billi l-UE, flimkien ma' korpi demokratiċi oħra, ma tirrikonoxxi la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet stabbiliti b'dan il-proċess illeġittimu;
H. billi l-kriżi multidimensjonali tal-lum fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi, skont il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-għadd totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż kiber b'mod drammatiku, minn 437 000 ruħ fl-2005 għal aktar minn 1,6 miljun ruħ fl-2017; billi madwar 945 000 persuna Venezwelana telqu mill-pajjiż bejn l-2015 u l-2017; billi fl-2018 l-għadd totali ta' nies li telqu mill-pajjiż mill-2014 qabeż 2 miljun ruħ; billi kien hemm żieda ta' 2 000 % fl-għadd ta' ċittadini Venezwelani li talbu l-asil madwar id-dinja mill-2014 sal-lum, u billi sa nofs Ġunju 2018 l-għadd tagħhom kien qabeż 280 000 ruħ;
I. billi 520 000 persuna Venezwelana fir-reġjun irrikorrew għal forom legali alternattivi ta' soġġorn; billi aktar minn 280 000 persuna Venezwelana talbu status ta' rifuġjat madwar id-dinja; billi l-għadd ta' applikanti Venezwelani għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE żdied b'aktar minn 3 500 % bejn l-2014 u l-2017; billi huwa stmat li aktar minn 60 % tal-Venezwelani għadhom f'sitwazzjoni irregolari;
J. billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA), il-Kolombja qed tospita l-akbar sehem mill-għadd ta' persuni spostati, hekk li aktar minn 820 000 persuna Venezwelana qed jgħixu fit-territorju tagħha; billi Cúcuta u Boa Vista, li jinsabu fuq il-fruntiera mal-Venezwela, qed iġarrbu influss maġġuri ta' nies, li spiss ikunu f'kundizzjonijiet ta' saħħa u nutrizzjoni terribbli; billi l-Perù, iċ-Ċilì, l-Arġentina, il-Panama, il-Brażil, l-Ekwador, il-Messiku, ir-Repubblika Dominicana, il-Costa Rica, l-Urugwaj, il-Bolivja u l-Paragwaj ukoll qed iħabbtu wiċċhom mad-dħul ta' għadd kbir ta' rifuġjati u ta' migranti; billi r-rotot marittimi qed isiru dejjem aktar sinifikanti, b'mod partikolari lejn gżejjer tal-Karibew bħal Aruba, Curaçao, Bonaire, Trinidad u Tobago u l-Guyana; billi pajjiżi Ewropej, b'mod partikolari Spanja, il-Portugall u l-Italja, ukoll qed jiġu affettwati dejjem aktar; billi l-pajjiżi ospitanti qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet dejjem akbar f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' assistenza lil dawk li jkunu għadhom kemm waslu fil-pajjiż;
K. billi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali Kolombjani qed jaħdmu b'mod ammirevoli biex jagħtu lil dawk li qed jaħarbu mill-Venezwela, irrispettivament mill-istatus tagħhom, it-tgawdija tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħad-dritt għall-edukazzjoni primarja u għal servizzi tas-saħħa bażiċi; billi, fil-Kolombja, il-komunitajiet lokali, l-istituzzjonijiet reliġjużi u l-persuni ordinarji lkoll qed jilqgħu lill-migranti Venezwelani fi spirtu ta' fraternità u qed jagħtu xhieda ta' reżiljenza u solidarjetà kbar;
L. billi, fis-7 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' EUR 35,1 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u f'assistenza għall-iżvilupp biex tappoġġja lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi ġirien li ntlaqtu mill-kriżi; billi din il-kontribuzzjoni finanzjarja se tingħadd mas-somma ta' EUR 37 miljun li l-UE diġà impenjat għal proġetti ta' għajnuna umanitarja u ta' kooperazzjoni fil-pajjiż; billi, fit-13 ta' Ġunju 2018, l-appell supplimentari tal-UNHCR għal USD 46,1 miljun kien għadu qed jirreġistra nuqqas ta' finanzjament ta' 56 %;
M. billi, kull xahar, aktar minn 12 000 persuna Venezwelana jidħlu fl-istat Brażiljan ta' Roraima, u madwar 2 700 minnhom imorru joqogħdu fil-belt ta' Boa Vista; billi l-Venezwelani diġà jirrappreżentaw aktar minn 7 % tal-popolazzjoni ta' din il-belt u billi, bir-rata kurrenti, sa tmiem is-sena se jkunu jgħixu hemm aktar minn 60 000 persuna Venezwelana; billi dan l-influss demografiku qed jeżerċita pressjoni enormi fuq is-servizzi pubbliċi tal-belt, b'mod partikolari fuq is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni; billi Roraima huwa wieħed mill-ifqar stati tal-Brażil, b'suq tax-xogħol dejjaq ħafna u b'ekonomija xejn fonda, u billi dan jikkostitwixxi ostaklu ieħor għall-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti;
N. billi l-Parlament Ewropew bagħat delegazzjoni ad hoc lejn il-fruntieri tal-Venezwela mal-Kolombja u mal-Brażil mill-25 sat-30 ta' Ġunju 2018 biex tivvaluta l-impatt tal-kriżi fil-post;
1. Huwa profondament allarmat u mkexkex bis-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela, li wasslet għal ħafna mwiet u għal influss bla preċedent ta' rifuġjati u ta' migranti fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien tassew bażiċi, bħall-aċċess għal ikel, ilma tax-xorb, servizzi tas-saħħa u mediċini;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa, ma jħalluhiex tkompli teħżien u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun;
3. Jesiġi li l-awtoritajiet Venezwelani b'urġenza jħallu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bla xkiel biex iżommu l-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika milli tmur għall-agħar, u b'mod partikolari ma jħallux li jerġgħu jfeġġu mardiet bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u li jagħtu aċċess bla ostakli lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi kollha affettwati tas-soċjetà; jappella biex tiġi implimentata bil-ħeffa miżura fuq żmien qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda; jinsab inkwetat għall-aħħar dwar l-għadd ta' tfal mhux akkumpanjati li qed jaqsmu l-fruntieri;
4. Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li ta lill-Venezwelani kollha li daħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari lill-Perù, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna u s-solidarjetà attivi li wrew fil-konfront tal-migranti u tar-rifuġjati Venezwelani; jistieden lill-Istati Membri biex lill-migranti jew lir-rifuġjati Venezwelani fit-territorju tagħhom jipprovdulhom risposti immedjati u orjentati lejn il-protezzjoni, bħal viżi umanitarji, arranġamenti speċjali ta' soġġorn jew oqfsa reġjonali għall-migrazzjoni oħra, bis-salvagwardji ta' protezzjoni rilevanti; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiffaċilitaw u jħaffu l-ħruġ u t-tiġdid tad-dokumenti ta' identifikazzjoni liċ-ċittadini tagħhom stess, kemm fil-Venezwela u kemm barra mill-pajjiż;
5. Jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, tistabbilixxi risposta koordinata, komprensiva u reġjonali għall-kriżi u tintensifika l-għajnuna finanzjarja u materjali tagħha lill-pajjiżi riċeventi billi tonora l-impenji tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-għajnuna umanitarja tal-UE li ġiet allokata sal-lum u jitlob b'urġenza li sostenn umanitarju addizzjonali jiġi rilaxxat permezz ta' fondi ta' emerġenza, biex jilqa' għall-ħtiġijiet, li qed jikbru b'rata mgħaġġla, tan-nies milqutin mill-kriżi Venezwelana fil-pajjiżi ġirien;
6. Itenni li l-kriżi umanitarja kurrenti ġejja minn waħda politika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk kontra l-persuni ċivili, jintemmu minnufih u li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda, jkunu rispettati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw l-istituzzjonijiet kollha eletti demokratikament, b'mod partikolari l-Assemblea Nazzjonali, jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha u jħarsu l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jagħmel ħiltu kollha biex jiffaċilita l-isforzi ta' medjazzjoni internazzjonali meħtieġa biex jinfetħu spazji għas-sejbien ta' soluzzjoni vijabbli għall-kriżi politika u umanitarja kurrenti;
7. Jappella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda li jkunu konformi ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u mal-ordni kostituzzjonali Venezwelan, f'qafas ta' monitoraġġ trasparenti, ugwali, ġust u internazzjonali, bla limitazzjonijiet fuq il-partiti politiċi jew il-kandidati u b'rispett sħiħ tad-drittijiet politiċi tal-Venezwelani kollha; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jiġi ffurmat minn dawn l-elezzjonijiet ikun jeħtieġlu jindirizza b'urġenza l-kriżi ekonomika u soċjali kurrenti fil-Venezwela u jaħdem favur rikonċiljazzjoni nazzjonali;
8. Ifakkar li kwalunkwe sanzjoni adottata mill-komunità internazzjonali għandha tkun immirata u riversibbli u ma għandha tagħmel l-ebda ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana; jilqa' l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u revokabbli, kif ukoll l-embargo fuq l-armi impost f'Novembru 2017; itenni li dawn is-sanzjonijiet ġew imposti fuq uffiċjali ta' livell għoli talli wettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, imminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela u mexxew l-elezzjonijiet illeġittimi tal-20 ta' Mejju 2018, li ma ngħataw l-ebda rikonoxximent internazzjonali u saru mingħajr qbil dwar id-data jew il-kundizzjonijiet, u f'ċirkostanzi li ma ħallewx lill-partiti politiċi kollha jieħdu sehem fuq bażi ndaqs; ifakkar fil-possibbiltà li dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi għal dawk responsabbli għad-deterjorament tal-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja, b'mod partikolari għall-President Nicolás Maduro, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu;
9. Itenni li dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem iridu jinżammu responsabbli; jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet preliminari tal-QKI dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan u jappella biex l-UE jkollha rwol attiv f'dan ir-rigward; jappoġġja bis-sħiħ it-talba tal-Panel ta' Esperti Internazzjonali Indipendenti maħtur mis-Segretarju Ġenerali tal-OAS u mill-Kummissarju Għoli tal-UN għad-Drittijiet tal-Bniedem li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u li l-involviment tal-QKI jiġi approfondit;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.
Linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata
129k
50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata (2018/2769(RSP))
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati(1) ("Direttiva dwar l-Iffaċilitar"),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati(2) ("Deċiżjoni Qafas"),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2015 li jistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020) (COM(2015)0285),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2017 dwar il-valutazzjoni, taħt il-programm REFIT, tal-qafas ġuridiku tal-UE kontra l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati: il-Pakkett dwar il-Faċilitaturi (id-Direttiva 2002/90/KE u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI) (SWD(2017)0117),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati(3),
– wara li kkunsidra l-istudju bil-titlu "Fit for purpose? The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants" ("Tgħodd għall-għan li għalih hi maħsuba? Id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja lill-migranti irregolari"), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fl-2016,
– wara li kkunsidra l-istudju li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-kriminalizzazzjoni tal-migranti li jinsabu f'qagħda irregolari u tal-persuni li jkollhom x'jaqsmu magħhom, ippubblikat fl-2014,
– wara li kkunsidra d-Dokument dwar Kwistjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta’ Frar 2010 bit-titlu "Criminalisation of migration in Europe: Human rights implications" ("Il-kriminalizzazzjoni tal-migrazzjoni fl-Ewropa: implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem"),
– wara li kkunsidra l-Protokoll tan-NU kontra l-Kuntrabandu tal-Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li Jissupplementa l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottat permezz tar-riżoluzzjoni 55/25 tal-15 ta' Novembru 2000 waqt il-55 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ("il-Protokoll tan-NU dwar il-Kuntrabandu"),
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti tal-24 ta' April 2013 bit-titlu "Regional Study: management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" ("Studju Reġjonali: il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti"),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija li saret lill-Kummissjoni dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata (O-000065/2018 – B8-0034/2018),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020), il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li "tiżgura li jkun hemm sanzjonijiet kriminali xierqa filwaqt li jiġu evitati r-riskji tal-kriminalizzazzjoni ta' dawk li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti f'diffikultà" u li ttejjeb il-Pakkett tal-UE dwar il-Faċilitaturi, li jiġbor fih id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u d-Deċiżjoni Qafas li takkumpanjaha;
B. billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar l-Iffaċilitar tiddisponi għal eżenzjoni mhux vinkolanti tal-assistenza umanitarja, li tagħti lill-Istati Membri l-għażla li ma jikkriminalizzawx l-iffaċilitar meta jkun ta' natura umanitarja;
C. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati, il-Parlament appella għan-nonkriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja, għal kapaċitajiet akbar ta' tfittxija u salvataġġ għall-persuni li jkunu jinsabu f'diffikultà, biex l-istati kollha jibdew jużaw kapaċitajiet akbar, u biex l-appoġġ mogħti minn atturi privati u NGOs fit-twettiq ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art jiġi rikonoxxut;
D. billi fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha dwar il-valutazzjoni, taħt il-programm REFIT, tal-Pakkett dwar il-Faċilitaturi, il-Kummissjoni enfasizzat li skambju msaħħaħ ta' għarfien u ta' prattiki tajba bejn il-prosekuturi, l-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili jista' jikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni attwali u jipprevjeni l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja ġenwina;
E. billi l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva dwar l-Iffaċilitar ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jżommu lura milli jikkastigaw l-iffaċilitar ta' residenza irregolari meta ma hemm l-ebda element ta' intenzjoni ta' gwadann finanzjarju, u billi d-Deċiżjoni Qafas ma tinkludix dispożizzjonijiet obbligatorji li jipprevjenu l-ikkastigar ta' atti mwettqa għal finijiet umanitarji jew f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
1. Ifakkar li skont id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u d-Deċiżjoni Qafas li takkumpanjaha, l-Istati Membri huma mitluba jimplimentaw leġiżlazzjoni li tintroduċi sanzjonijiet kriminali kontra l-iffaċilitar tad-dħul, it-transitu u r-residenza irregolari;
2. Jesprimi tħassib dwar il-konsegwenzi mhux intenzjonati li għandu l-Pakkett dwar il-Faċilitaturi fuq iċ-ċittadini li jagħtu assistenza umanitarja lill-migranti u fuq il-koeżjoni soċjali tas-soċjetà akkoljenti b'mod ġenerali;
3. Jenfasizza li b'konformità mal-Protokoll tan-NU dwar il-Kuntrabandu, l-atti ta' assistenza umanitarja ma għandhomx jiġu kriminalizzati;
4. Jinnota li l-atturi involuti fl-assistenza umanitarja li tappoġġja u tikkomplementa l-azzjonijiet ta' salvataġġ tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jridu jibqgħu fi ħdan il-mandat stabbilit għall-assistenza umanitarja mid-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni, u li l-operazzjonijiet tagħhom iridu jitwettqu taħt il-kontroll tal-Istati Membri;;
5. Jiddispjaċih minħabba t-traspożizzjoni limitata ħafna min-naħa tal-Istati Membri tal-eżenzjoni tal-assistenza umanitarja li tiddisponi għaliha d-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u jinnota li l-eżenzjoni għandha tiġi implimentata biex timblokka l-prosekuzzjoni, biex jiġi żgurat li ma jittiħdux passi legali kontra l-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jagħtu assistenza lill-migranti għal raġunijiet umanitarji;
6. Jistieden lill-Istati Membri jittrasponu l-eżenzjoni tal-assistenza umanitarja li tiddisponi għaliha d-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u jistabbilixxu sistemi adegwati għall-monitorjaġġ tal-infurzar u tal-applikazzjoni prattika effettiva tal-Pakkett dwar il-Faċilitaturi, billi jiġbru u jirreġistraw ta' kull sena informazzjoni dwar il-għadd ta' persuni arrestati għall-iffaċilitar fuq il-fruntieri u fil-pajjiż, il-għadd ta' proċedimenti ġudizzjarji li jkunu nbdew, il-għadd ta' kundanni, flimkien ma' informazzjoni dwar kif jiġu deċiżi s-sentenzi, u r-raġunijiet għala investigazzjoni titwaqqaf milli titkompla;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-Istati Membri li jispeċifikaw liema huma s-suriet ta' faċilitazzjoni li ma għandhomx jiġu kriminalizzati, sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-uniformità fl-implimentazzjoni tal-acquis kurrenti, inkluż l-Artikolu 1(1)(b) u (2) tad-Direttiva dwar l-Iffaċilitar, u jisħaq li ċ-ċarezza tal-parametri se tiżgura konsistenza akbar fir-regolamentazzjoni kriminali tal-iffaċilitar fl-Istati Membri kollha u se tillimita l-kriminalizzazzjoni mhix mistħoqqa;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta tal-UE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(1), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(2),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner(3),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta' Diċembru 2016 fil-Kawżi C-203/15 Tele2 Sverige AB v Post- och telestyrelsen u C-698/15 Secretary of State for the Home Department v Tom Watson and Others(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta' Lulju 2016 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S.(5),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 4/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza tal-UE u l-Istati Uniti(6),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data (WP29) tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US(7) u d-Dikjarazzjoni WP29 tas-26 ta' Lulju 2016(8),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-ewwel rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-US (COM(2017)0611) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument (SWD(2017)0344),
– wara li kkunsidra d-dokument WP29 tat-28 ta' Novembru 2017 bit-titlu "EU-US Privacy Shield – First Annual Joint Review"(9),
– wara li kkunsidra l-ittra ta' tweġiba mid-WP29 tal-11 ta' April 2018 dwar l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA) tal-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2017 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US(10),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) invalidat id-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza (Safe Harbour) u ċċarat li livell adegwat ta' protezzjoni f'pajjiż terz għandu jinftiehem bħala "essenzjalment ekwivalenti" għall-protezzjoni ggarantita fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 95/46/KE meqjusa fid-dawl tal-Karta tal-UE, u dan wassal għall-ħtieġa li jiġu konklużi n-negozjati dwar ftehim ġdid sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt dwar kif id-data personali għandha tiġi ttrasferita mill-UE għall-Istati Uniti;
B. billi, meta tanalizza l-livell ta' protezzjoni mogħti minn pajjiż terz, il-Kummissjoni hija obbligata tivvaluta l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dak il-pajjiż li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, kif ukoll il-prattika mfassla biex tiżgura l-konformità ma' dawk ir-regoli, peress li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, jeħtiġilha tqis iċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz; billi din il-valutazzjoni mhux biss trid tirreferi għal-leġiżlazzjoni u għall-prattiki relatati mal-protezzjoni tad-data personali għal skopijiet kummerċjali u privati, iżda trid tkopri wkoll l-aspetti kollha tal-qafas applikabbli għal dak il-pajjiż jew settur – b'mod partikolari, iżda mhux biss, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà nazzjonali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;
C. billi t-trasferimenti ta' data personali bejn organizzazzjonijiet kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti huma element importanti tar-relazzjonijiet transatlantiċi fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija globali; billi dawn it-trasferimenti għandhom isiru b'rispett sħiħ tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tad-dritt għall-privatezza; billi wieħed mill-objettivi fundamentali tal-UE huwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tal-UE;
D. billi Facebook, firmatarju tat-Tarka tal-Privatezza, ikkonferma li d-data ta' 2,7 miljun ċittadin tal-UE kienet fost dik li ntużat b'mod abbużiv mill-kumpanija ta' konsulenza politika Cambridge Analytica;
E. billi fl-Opinjoni 4/2016 tiegħu, il-KEPD qajjem ħafna tħassib rigward l-abbozz ta' Tarka tal-Privatezza; billi f'din l-istess opinjoni, il-KEPD jilqa' l-isforzi li saru mill-partijiet kollha biex tinstab soluzzjoni għat-trasferimenti tad-data personali mill-UE għall-Istati Uniti għal skopijiet kummerċjali skont sistema ta' awtoċertifikazzjoni;
F. billi fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US, il-WP29 laqa' t-titjib li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, filwaqt li qajjem ukoll tħassib serju kemm dwar l-aspetti kummerċjali kif ukoll dwar l-aċċess min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data ttrasferita fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza;
G. billi, fit-12 ta' Lulju 2016, wara diskussjonijiet ulterjuri mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1250 tagħha, li tiddikjara l-livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni għal organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza UE-US;
H. billi t-Tarka tal-Privatezza UE-US hija akkumpanjata minn diversi impenji u assigurazzjonijiet unilaterali mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li jispjegaw, inter alia, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, il-funzjonament tas-sorveljanza, l-infurzar u r-rimedju u l-protezzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom l-aġenziji tas-sigurtà jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data personali;
I. billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta' Lulju 2016, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' t-titjib li ġab miegħu il-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza UE-US meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, u faħħar lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti talli kkunsidraw it-tħassib tiegħu; billi, madnakollu, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 jindika li għad baqa' għadd ta' elementi ta' tħassib rigward kemm l-aspetti kummerċjali kif ukoll l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal data ttrasferita mill-UE, bħan-nuqqas ta' regoli speċifiċi dwar deċiżjonijiet awtomatizzati u n-nuqqas ta' dritt ġenerali ta' oġġezzjoni, il-ħtieġa ta' garanziji aktar stretti dwar l-indipendenza u s-setgħat tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman, jew in-nuqqas ta' garanziji konkreti li ma jsirx ġbir tal-massa u indiskriminat ta' data personali (ġbir tal-massa);
J. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2017, il-Parlament, filwaqt li jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US fiha titjib sinifikanti fir-rigward taċ-ċarezza tal-istandards meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti UE-US dwar l-Isfera ta' Sikurezza, iqis ukoll li fadal kwistjonijiet importanti rigward ċerti aspetti kummerċjali, is-sigurtà nazzjonali u l-infurzar tal-liġi; billi jistieden lill-Kummissjoni biex, matul l-ewwel rieżami annwali konġunt, twettaq analiżi bir-reqqa u profonda tan-nuqqasijiet u d-dgħufijiet kollha u turi kif dawn ġew indirizzati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta tal-UE u mad-dritt tal-Unjoni, u tevalwa bir-reqqa jekk il-mekkaniżmi u s-salvagwardji indikati fl-assigurazzjonijiet u l-kjarifiki mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti humiex effikaċi u fattibbli;
K. billi r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-ewwel rieżami annwali dwar il-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza UE-US u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan id-dokument, filwaqt li jirrikonoxxu li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti daħħlu fis-seħħ l-istrutturi u l-proċeduri meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tat-Tarka tal-Privatezza u jikkonkludu li l-Istati Uniti qed ikomplu jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali ttrasferita fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza, għamlu għaxar rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' tħassib rigward mhux biss il-kompiti u l-attivitajiet tad-Dipartiment tal-Kummerċ (DoC) tal-Istati Uniti bħala amministratur responsabbli għall-monitoraġġ taċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet tat-Tarka tal-Privatezza u għall-infurzar tal-Prinċipji, iżda anke rigward dawk il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, bħall-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-FISA, jew il-ħatra ta' Ombudsperson permanenti u l-fatt li membri tal-Bord ta' Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili (PCLOB) għadhom mhumiex fil-kariga;
L. billi l-opinjoni tal-WP29 tat-28 ta' Novembru 2017 bit-titlu "EU-US Privacy Shield – First Annual Joint Review", wara l-ewwel rieżami konġunt annwali, tirrikonoxxi l-progress tat-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza li ġiet invalidata; billi l-WP29 jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u mill-Kummissjoni biex jimplimentaw it-Tarka tal-Privatezza;
M. billi l-WP29 identifika għadd ta' kwistjonijiet importanti mhux solvuti ta' tħassib sinifikanti, rigward kemm il-kwistjonijiet kummerċjali kif ukoll dawk relatati mal-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal data ttrasferita lill-Istati Uniti fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza (jew għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi jew għal skopijiet ta' sigurtà nazzjonali) li jeħtieġ li jiġu indirizzati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; billi talab li jitfassal pjan ta' azzjoni minnufih biex jintwera li dawn il-kwistjonijiet kollha se jiġu indirizzati, u mhux aktar tard mit-tieni rieżami konġunt;
N. billi, f'każ li ma jinstab ebda rimedju għat-tħassib tal-WP29 sal-limiti ta' żmien speċifikati, il-membri tal-WP29 se jieħdu azzjoni xierqa, inkluż it-tressiq tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza quddiem il-qrati nazzjonali biex jagħmlu rinviju lill-QtĠ-UE għal deċiżjoni preliminari;
O. billi rikors għal annullament (il-Kawża T-738/16 La Quadrature du Net and Others v Commission) u rinviju mill-Qorti Superjuri Irlandiża fil-kawża bejn il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tal-Irlanda u Facebook Ireland Limited u Maximilian Schrems (il-Kawża Schrems II) tressqu quddiem il-QĠUE; billi r-rinviju jinnota li s-sorveljanza tal-massa għadha għaddejja u janalizza jekk hemmx rimedju effettiv fid-dritt tal-Istati Uniti għaċ-ċittadini tal-UE li d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita lill-Istati Uniti;
P. billi, fil-11 ta' Jannar 2018, il-Kungress tal-Istati Uniti awtorizza mill-ġdid u emenda t-Taqsima 702 tal-FISA għal sitt snin mingħajr ma indirizza t-tħassib tar-rapport ta' rieżami konġunt tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-WP29;
Q. billi, bħala parti mil-leġiżlazzjoni baġitarja ġenerali, ippromulgata fit-23 ta' Marzu 2018, il-Kungress tal-Istati Uniti ppromulga l-Clarifying Overseas Use of Data (CLOUD) Act, li jiffaċilita l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-kontenuti tal-komunikazzjonijiet u data oħra relatata billi jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti jimponu l-produzzjoni ta' data ta' komunikazzjoni anki jekk tkun maħżuna barra l-Istati Uniti, u billi jippermetti lil ċerti pajjiżi barranin jidħlu fi ftehimiet eżekuttivi mal-Istati Uniti sabiex il-fornituri ta' servizzi tal-Istati Uniti jkunu jistgħu jirrispondu għal ċerti digrieti barranin li jfittxu aċċess għal data ta' komunikazzjoni;
R. billi Facebook Inc., Cambridge Analytica u SCL Elections Ltd huma kumpaniji ċċertifikati fil-qafas tat-Tarka tal-Privatezza u bħala tali bbenefikaw mid-deċiżjoni dwar l-adegwatezza bħala raġuni legali għat-trasferiment u l-ipproċessar ulterjuri ta' data personali mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti;
S. billi, skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, meta l-informazzjoni disponibbli tiżvela li pajjiż terz ma jibqax jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tħassar, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni tagħha dwar l-adegwatezza;
1. Jenfasizza d-dgħufijiet persistenti tat-Tarka tal-Privatezza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data; jissottolinja r-riskju qed jiżdied li l-Qorti QĠUE tista' tinvalida d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 dwar it-Tarka tal-Privatezza;
2. Jieħu nota tat-titjib li sar meta mqabbel mal-ftehim dwar l-Isfera ta' Sikurezza, inkluża l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet essenzjali, obbligi aktar stretti relatati maż-żamma tad-data u t-trasferimenti ulterjuri lil pajjiżi terzi, il-ħolqien ta' Ombudsman biex jiġu żgurati rimedju individwali u sorveljanza indipendenti, kontrolli u bilanċi li jiżguraw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data (PCLOB), rieżamijiet esterni u interni tal-konformità, dokumentazzjoni u monitoraġġ aktar regolari u rigorużi, id-disponibbiltà ta' diversi modi kif jinkiseb rimedju legali, u r-rwol prominenti għal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali fl-investigazzjoni tat-talbiet;
3. Ifakkar li l-WP29 stabbilixxa l-iskadenza tal-25 ta' Mejju 2018 biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti, u, fin-nuqqas ta' dan, jista' jiddeċiedi li jirreferi t-Tarka tal-Privatezza quddiem il-qrati nazzjonali sabiex huma jirreferu l-kwistjoni lill-QĠUE għal deċiżjoni preliminari(11);
Kwistjonijiet istituzzjonali / Nomini
4. Jiddispjaċih li kellu jgħaddi daqshekk żmien biex jinħatru ż-żewġ Membri addizzjonali flimkien man-nomina tal-President tal-PCLOB u jħeġġeġ lis-Senat jiskrutinizza l-profili tagħhom sabiex jirratifika l-ħatra biex l-aġenzija indipendenti jerġa' jkollha sitwazzjoni ta' kworum u tkun tista' twettaq il-missjonijiet tagħha tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-iżgurar tal-ħtieġa li jiġu protetti l-privatezza u l-libertajiet ċivili;
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu li n-nuqqas ta' president u ta' kworum illimita l-kapaċità tal-PCLOB li jaġixxi u li jissodisfa l-obbligi tiegħu; jenfasizza li matul perjodu li fih ma jkunx hemm kworum, il-PCLOB ma jistax jibda proġetti ġodda ta' konsulenza jew sorveljanza, jew jimpjega persunal; ifakkar li l-PCLOB għadu ma ppubblikax ir-rapport tant mistenni tiegħu dwar it-twettiq tas-sorveljanza skont id-Digriet Eżekuttiv 12333 biex jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni konkreta ta' dan id-Digriet Eżekuttiv u dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tiegħu fir-rigward ta' interferenzi fil-protezzjoni tad-data f'dan il-kuntest; jinnota li dan ir-rapport huwa siewi ferm meta jitqiesu l-inċertezza u l-imprevedibbiltà ta' kif jintuża d-Digriet Eżekuttiv 12333; jiddispjaċih li l-PCLOB ma ħariġx rapport ġdid dwar it-Taqsima 702 tal-FISA qabel reġgħet ġiet awtorizzata f'Jannar 2018; iqis li s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' kworum timmina serjament il-garanziji u l-assigurazzjonijiet ta' konformità u ta' sorveljanza li ngħataw mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jinnominaw u jikkonfermaw membri ġodda tal-bord mingħajr dewmien;
6. Fid-dawl tal-fatt li l-Presidential Policy Directive 28 (PPD 28) hija wieħed mill-elementi ċentrali li fuqhom hija mibnija t-Tarka tal-Privatezza, jappella għall-pubblikazzjoni tar-rapport tal-PCLOB dwar il-PPD 28, li għadu soġġett għall-privileġġ presidenzjali u għalhekk għadu ma ġiex ippubblikat;
7. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mekkaniżmu tal-Ombudsman stabbilit mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti mhux indipendenti biżżejjed u mhux mogħni b'setgħat effettivi biżżejjed biex iwettaq il-kompiti tiegħu u jipprovdi rimedju effettiv għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li s-setgħat eżatti tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman għandhom jiġu ċċarati, speċjalment fir-rigward tas-setgħat tiegħu vis-à-vis il-komunità tal-intelligence u l-livell ta' rimedju effettiv tad-deċiżjonijiet tiegħu; jiddispjaċih li l-Ombudsman jista' jitlob biss azzjoni u informazzjoni minn korpi governattivi tal-Istati Uniti, u ma jistax jordna lill-awtoritajiet biex jieqfu u ma jkomplux sorveljanza illegali, jew biex jiddistruġġu informazzjoni b'mod permanenti; jirrimarka li, filwaqt li hemm aġent Ombudsman, sal-lum, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti s'issa għadha ma ħatrietx Ombudsman ġdid permanenti, li ma jikkontribwix għal fiduċja reċiproka; huwa tal-fehma li fin-nuqqas ta' ħatra ta' Ombudsman indipendenti, ta' esperjenza u b'setgħat suffiċjenti, l-assigurazzjonijiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-għoti ta' rimedju effettiv għaċ-ċittadini tal-UE jkunu nulli u bla effett;
8. Jirrikonoxxi l-konferma reċenti mis-Senat ta' President ġdid tal-Kummissjoni tal-kummerċ federali (FTC) u ta' erba' Kummissarji tal-FTC; jiddeplora l-fatt li sal-imsemmija konferma, erbgħa mill-ħames siġġijiet tal-FTC baqgħu vakanti, meta wieħed iqis li l-FTC hija l-aġenzija kompetenti ta' infurzar tal-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza mill-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti;
9. Jenfasizza li r-rivelazzjonijiet riċenti rigward prattiki ta' Facebook u ta' Cambridge Analytica jenfasizzaw il-ħtieġa għal sorveljanza proattiva u azzjonijiet ta' infurzar li huma mhux biss ibbażati fuq ilmenti iżda li jinkludu kontrolli sistematiċi tal-konformità prattika ta' politiki ta' privatezza mal-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza tul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċertifikazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE tal-protezzjoni tad-data biex jieħdu azzjoni xierqa u jissospendu t-trasferimenti f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità;
Kwistjonijiet kummerċjali
10. Iqis li sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġu evitati klejms foloz ta' ċertifikazzjoni, id-DtK mgħandux jittollera kumpaniji tal-Istati Uniti li jagħmlu rappreżentazzjonijiet pubbliċi dwar iċ-ċertifikazzjoni tat-Tarka tal-Privatezza tagħhom qabel ma jkun iffinalizza ċ-ċertifikazzjoni u jkun inkludihom fuq il-lista tat-Tarka tal-Privatezza; jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-DtK ma għamilx użu mill-possibbiltà pprovduta fit-Tarka tal-Privatezza li jintalbu kopji tat-termini kuntrattwali użati minn kumpaniji ċertifikati fil-kuntratti tagħhom ma' partijiet terzi sabiex tiġi żgurata l-konformità; iqis, għalhekk, li ma hemm l-ebda kontroll effettiv fuq jekk kumpaniji ċertifikati effettivament jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Tarka tal-Privatezza; jistieden lid-DtK biex iwettaq b'mod proattiv u fuq bażi regolari reviżjonijiet ta' konformità ex officio biex jimmonitorja l-konformità effettiva tal-kumpaniji b'regoli u rekwiżiti tat-Tarka tal-Privatezza;
11. Iqis li d-diversi proċeduri ta' rimedju għaċ-ċittadini tal-UE jistgħu jirriżultaw kumplessi u diffiċli wisq, sabiex jintużaw, u għaldaqstant inqas effikaċi; jinnota li, kif enfasizzat mill-kumpaniji li jipprovdu mekkaniżmi ta' rimedju indipendenti (IRMs), il-biċċa l-kbira tal-ilmenti jitressqu direttament lill-kumpaniji minn individwi li jfittxu informazzjoni ġenerali dwar it-Tarka tal-Privatezza u l-ipproċessar tad-data tagħhom; jirrakkomanda għalhekk li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti joffru aktar informazzjoni konkreta dwar is-sit web tat-Tarka tal-Privatezza f'forma aċċessibbli u li tinftiehem faċilment lill-individwi dwar id-drittijiet tagħhom u l-mezzi u r-rimedji disponibbli;
12. Fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti tal-użu ħażin tad-data personali minn kumpaniji ċċertifikati taħt it-Tarka tal-Privatezza, bħal Facebook u Cambridge Analytica, jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti responsabbli mill-infurzar tat-Tarka tal-Privatezza biex jaġixxu fuq dawn ir-rivelazzjonijiet mingħajr dewmien f'konformità sħiħa ma' l-impenji u l-assigurazzjonijiet mogħtija biex jinżamm l-arranġament attwali tat-Tarka tal-Privatezza u, jekk ikun hemm bżonn, biex jitneħħew tali kumpaniji mil-lista tat-Tarka tal-Privatezza; jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE kompetenti biex jinvestigaw dawn ir-rivelazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, jissospendu jew jipprojbixxu t-trasferimenti ta' data taħt it-Tarka tal-Privatezza; iqis li r-rivelazzjonijiet juru biċ-ċar li l-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza ma jipprovdix protezzjoni adegwata tad-dritt għall-protezzjoni tad-data;
13. Huwa mħasseb serjament dwar il-bidla fit-termini ta' servizz ta' Facebook għall-utenti mhux tal-UE, 'l barra mill-Istati Uniti u l-Kanada li s'issa gawdew drittijiet skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u li issa jridu jaċċettaw Facebook US minflok Facebook Ireland bħala l-kontrollur tad-data; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi trasferiment ta' data personali ta' madwar 1,5 biljun utent lil pajjiż terz; jiddubita serjament li tali limitazzjoni fuq skala bla preċedent tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta' pjattaforma li de facto għandha monopolju huwa dak li kien maħsub mit-Tarka tal-Privatezza; jistieden lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE biex jinvestigaw din il-kwistjoni;
14. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li, jekk il-kwistjoni ma tiġix indirizzata, tali użu ħażin tad-data personali minn diversi entitajiet li jkollhom l-għan li jimmanipulaw l-opinjoni politika jew l-imġiba fil-votazzjoni jistgħu joħolqu theddida lill-proċess demokratiku u l-idea bażika tagħha li l-votanti jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u bbażata fuq il-fatti;
15. Jilqa' u jappoġġa sejħiet lil-leġiżlatur tal-Istati Uniti sabiex jipprogressa lejn att omnibus dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
16. Ifakkar it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' regoli speċifiċi u garanziji tiegħu fil-Ħarsien tal-Privatezza għal deċiżjonijiet ibbażati fuq ipproċessar/tfassil tal-profil awtomatizzat, li jipproduċu effett legali jew jaffettwaw b'mod sinifikanti lill-individwu; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tordna studju sabiex tinġabar evidenza fattwali u tivvaluta ulterjorment ir-rilevanza tat-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet għal trasferimenti ta' data taħt it-Tarka tal-Privatezza; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għal regoli speċifiċi dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti jekk l-istudju jirrakkomanda dan; jieħu nota f'dan ir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-reviżjoni konġunta li t-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat ma jistax isir abbażi tad-data personali li tkun ġiet trasferita taħt it-Tarka tal-Privatezza; jiddeplora l-fatt li, skont il-WP29, "ir-reazzjoni mingħand il-kumpaniji baqgħet ġenerali ħafna, u baqa' mhux ċar jekk dawn l-allegazzjonijiet jikkorrispondux mar-realtà tal-kumpaniji kollha li jaderixxu għat-Tarka tal-Privatezza"; jenfasizza wkoll l-applikabbiltà tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;
17. Jenfasizza li għandu jsir titjib ulterjuri fir-rigward tal-interpretazzjoni u t-trattament ta' data tal-HR minħabba l-interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta' "data tal-HR" mill-Gvern tal-Istati Uniti minn naħa u mill-Kummissjoni u mil-WP29, min-naħa l-oħra; jaqbel bis-sħiħ mat-talba tal-WP29 lill-Kummissjoni biex tidħol f'negozjati mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti sabiex jiġi emendat il-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza fuq din il-kwistjoni;
18. Itenni t-tħassib tiegħu li l-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza ma jsegwux il-mudell tal-UE ta' ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens, iżda jippermettu għal nonparteċipazzjoni/id-dritt li wieħed joġġezzjona biss f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna; iħeġġeġ għalhekk, fid-dawl tar-reviżjoni konġunta, li d-DtK jaħdem ma' l-Awtoritajiet Ewropej għall-Protezzjoni tad-Data biex jipprovdi gwida aktar preċiża fir-rigward tal-prinċipji essenzjali tat-Tarka tal-Privatezza bħall-Prinċipju ta' Għażla, il-Prinċipju tal-Avviż, ir-relazzjoni ta' kontrollur/proċessur u l-aċċess, li huma ħafna aktar allinjati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679;
19. Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rifjut mill-Kungress f'Marzu 2017 tar-regola mressqa mill-Kummissjoni Federali tal-Komunikazzjonijiet dwar il-"Protezzjoni tal-Privatezza tal-Klijenti tal-Broadband u ta' Servizzi Oħrajn tat-Telekomunikazzjoni", li fil-prattika jelimina r-regoli tal-privatezza tal-broadband li kienu jeħtieġu li l-Fornituri tas-Servizz tal-Internet jiksbu l-kunsens espliċitu tal-konsumaturi qabel ma jbigħu jew jikkondividu d-data tal-ibbrawżjar tal-web u informazzjoni oħra privata ma' dawk li jirreklamaw u ma' kumpaniji oħra; iqis li din hija theddida oħra għas-salvagwardji tal-privatezza fl-Istati Uniti;
Kwistjonijiet ta' Sigurtà Nazzjonali u tal-Infurzar tal-Liġi
20. Iqis li l-kunċett ta' "sigurtà nazzjonali" fil-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza mhux speċifikament ċirkoskritt sabiex ikun żgurat li l-ksur tal-protezzjoni tad-data jista' jiġi effettivament rieżaminat fil-qrati biex tiġi żgurata l-konformità ma' test strett ta' dak li hu meħtieġ u proporzjonat; jitlob għalhekk għal definizzjoni ċara ta' "sigurtà nazzjonali";
21. Jieħu nota li l-għadd ta' miri taħt it-Taqsima 702 tal-FISA żdied minħabba bidliet fit-teknoloġija u fix-xejriet ta' komunikazzjoni kif ukoll f'ambjent ta' theddid li jevolvi;
22. Jiddispjaċih li l-Istati Uniti ma ħatfux l-opportunità tal-awtorizzazzjoni reċenti tat-Taqsima 702 tal-FISA sabiex tinkludi s-salvagwardji pprovduti fil-PPD 28; jappella għall-evidenza u l-impenji legalment vinkolanti li jiżguraw li l-ġbir tad-data taħt it-Taqsima 702 tal-FISA mhuwiex indiskriminat u l-aċċess ma jseħħx fuq bażi ġeneralizzata (ġbir tal-massa) f'kuntrast mal-Karta tal-UE; jinnota l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tagħha li s-sorveljanza skont it-Taqsima 702 tal-FISA hija dejjem ibbażata fuq seletturi u għalhekk ma tippermettix għal ġbir tal-massa; żżid leħinha għalhekk għas-sejħa li għamel il-WP29 għal rapport aġġornat mill-PCLOB dwar id-definizzjoni ta' "miri", fuq il-"kompiti tas-seletturi" u dwar il-proċess konkret tal-applikazzjoni tas-seletturi fil-kuntest tal-programm UPSTREAM sabiex tiċċara u tivvaluta jekk l-aċċess tal-massa għad-data personali sseħħx f'dak il-kuntest; jiddeplora l-fatt li individwi tal-UE huma esklużi mill-protezzjoni addizzjonali pprovduta mill-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-FISA; jiddispjaċih li l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tinkludi diversi emendi li huma biss proċedurali u ma jindirizzawx il-kwistjonijiet l-aktar problematiċi, kif ukoll imqajma mill-WP29; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis serjament l-analiżi tal-WP29 li jmiss dwar it-Taqsima 702 tal-FISA u taġixxi kif xieraq;
23. Jafferma li l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-FISA għal sitt snin oħra twassal għal dubji dwar il-legalità tat-Tarka tal-Privatezza;
24. Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-Digriet Eżekuttiv Nru 12333, li jippermetti lill-NSA taqsam ammonti kbar ta' data privata miġbura mingħajr mandati, ordnijiet tal-qorti jew awtorizzazzjoni tal-kungress ma' 16-il aġenzija oħra, fosthom l-FBI, l-Aġenzija tal-Infurzar tad-Drogi u d-Dipartiment tas-Sigurtà Interna; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju tal-attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa fuq il-bażi tad-Digriet Eżekuttiv Nru 12333;
25. Jenfasizza l-ostakli persistenti fir-rigward ta' rimedju għal ċittadini mhux tal-Istati Uniti soġġetti għal miżura ta' sorveljanza bbażata fuq it-Taqsima 702 tal-FISA jew id-Digriet Eżekuttiv Nru 12333 minħabba r-rekwiżiti proċedurali ta' "reputazzjoni" kif attwalment interpretati mill-qrati tal-Istati Uniti, sabiex iċ-ċittadini, mhux tal-Istati Uniti, jkunu jistgħu jressqu azzjonijiet legali quddiem il-qrati tal-Istati Uniti kontra deċiżjonijiet li jaffettwawhom;
26. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi tad-Digriet Eżekuttiv Nru 13768 bit-titolu "Insaħħu s-Sikurezza Pubblika ġewwa l-Istati Uniti" għal rimedji amministrattivi u ġudizzjarji disponibbli għall-individwi fl-Istati Uniti, minħabba li l-protezzjonijiet tal-Att tal-Privatezza ma jibqgħux japplikaw għal ċittadini, li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti; jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-adegwatezza ta' valutazzjoni ma tiddependix fuq il-protezzjonijiet tal-Att dwar il-Privatezza u li għalhekk dan id-Digriet Eżekuttiv ma jaffettwax it-Tarka tal-Privatezza; iqis li l-Ordni Eżekuttiva 13768 madankollu tindika l-intenzjoni tal-eżekuttiv tal-Istati Uniti li jbiddel lura l-garanziji tal-protezzjoni tad-data mogħtija qabel liċ-ċittadini tal-UE u li jingħelbu l-impenji li saru lejn l-UE matul il-Presidenza ta' Obama;
27. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-adozzjoni reċenti tal-"Clarifying Lawful Overseas Use of Data Act" (l-Att dwar il-Kjarifika tal-Użu Legali tad-Data barra mill-Pajjiż) jew l-Att CLOUD (H.R. 4943), li jespandi l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi Amerikani u barranin biex jindividwaw u jaċċessaw id-data tan-nies lil hinn mill-fruntieri internazzjonali mingħajr ma jagħmlu użu mit-trattat dwar l-għajnuna legali reċiproka (l-MLAT), li jipprovdu għal salvagwardji xierqa u jirrispettaw il-kompetenzi ġudizzjarji tal-pajjiżi fejn tinstab l-informazzjoni; jenfasizza li l-Att CLOUD jista' jkollu implikazzjonijiet serji għall-UE peress li huwa estensiv ħafna u joħloq kunflitt potenzjali ma' liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
28. Iqis li soluzzjoni iktar ibbilanċjata kienet tkun dik li tissaħħaħ is-sistema internazzjonali eżistenti ta' MLATs bil-għan li titħeġġeġ il-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali; jerġa' jsostni li, kif stipulat fl-Artikolu 48 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-assistenza legali reċiproka u ftehimiet internazzjonali oħra huma l-mekkaniżmu preferut li jippermetti l-aċċess għal data personali barra mill-pajjiż;
29. Jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma rnexxilhomx jissodisfaw b'mod proattiv l-impenn tagħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni f'waqtha u komprensiva dwar kull żvilupp li jista' jkun ta' rilevanza għat-Tarka tal-Privatezza, inkluż in-nuqqas li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar bidliet fil-qafas legali tal-Istati Uniti, pereżempju fir-rigward tal-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump 13768 bit-titolu "Insaħħu s-Sikurezza Pubblika ġewwa l-Istati Uniti" jew it-tħassir tar-regoli dwar il-privatezza għall-fornituri tas-servizzi tal-internet;
30. Ifakkar li, kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2017, la l-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza u lanqas l-ittri tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma jipprovdu kjarifiki u assigurazzjonijiet li juru l-eżistenza ta' drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju effettiv għal individwi fl-UE fir-rigward tal-użu tad-data personali tagħhom mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u ta' interess pubbliku, li ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 bħala l-essenza tad-dritt fundamentali fl-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE;
Konklużjonijiet
31. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li t-Tarka tal-Privatezza se tikkonforma għalkollox mar-Regolament (UE) 2016/679, li se jiġi applikat mil-25 ta' Mejju 2018, u mal-Karta tal-UE, b'tali mod li l-adegwatezza m'għandhiex twassal għal lakuni jew vantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji tal-Istati Uniti;
32. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti ma reġgħux bdew id-diskussjonijiet dwar l-arranġament tat-Tarka tal-Privatezza u ma stabbilixxew ebda pjan ta' azzjoni sabiex jindirizza kemm jista' jkun malajr in-nuqqasijiet identifikati, kif mitlub mill-WP29 fir-rapport tiegħu ta' Diċembru dwar ir-reviżjoni konġunta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti sabiex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien;
33. Ifakkar li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma drittijiet fundamentali legalment infurzabbli li huma minquxa fit-Trattati, fil-Karta tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll f'liġijiet u fil-ġurisprudenza; jenfasizza li dawn għandhom jiġu applikati b'mod li ma jxekklux bla bżonn il-kummerċ jew ir-relazzjonijiet internazzjonali, iżda ma jistgħux ikunu "ibbilanċjati" kontra interessi kummerċjali jew politiċi;
34. Huwa tal-fehma li l-arranġament attwali tat-Tarka tal-Privatezza ma jipprovdix il-livell adegwat ta' protezzjoni meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-Karta tal-UE kif interpretati mill-QĠUE;
35. Iqis li, sakemm l-Istati Uniti hija konformi għal kollox sal-1 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni naqset milli taġixxi skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tissospendi t-Tarka tal-Privatezza sakemm l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkonformaw mat-termini tagħha;
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, għall-Ġustizzja u l-Intern biex jibqa' jimmonitorja l-iżviluppi f'dan il-qasam, inkluż fuq il-kawżi mressqa quddiem il-QĠUE, u sabiex jimmonitorja s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Riżoluzzjoni;
o o o
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.
L-effetti negattivi tal-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin fuq iċ-ċittadini tal-UE
135k
53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-effetti negattivi tal-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA) fuq iċ-ċittadini tal-UE, u b'mod partikolari fuq l-"Amerikani aċċidentali" (2018/2646(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2016 dwar it-trasparenza fiskali,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2016)0451),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar rakkomandazzjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(5),
– wara li kkunsidra l-Istandard Komuni ta' Rappurtar tal-OECD (CRS), approvat mill-Kunsill tal-OECD fil-15 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-effett negattiv tal-FATCA fuq iċ-ċittadini tal-UE u b'mod partikolari fuq l-"Amerikani aċċidentali" (O-000052/2018 – B8-0033/2018 u O-000053/2018 – B8-0032/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva petizzjoni minn grupp ta' ċittadini Ewropej li qajmu tħassib dwar l-effetti negattivi tal-FATCA, il-ftehimiet intergovernattivi ta' implimentazzjoni tiegħu u l-impatt extraterritorjali tat-tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza;
B. billi minn meta daħlu fis-seħħ il-FATCA u l-ftehimiet intergovernattivi relatati konklużi bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE, taħt it-theddida ta' penali li jeqirdu l-frankiġja fl-Istati Uniti, inkluża taxxa minn ras il-għajn ta' 30 %, issa għandhom jiżvelaw informazzjoni dettaljata dwar kontijiet miżmuma minn preżunti "persuni mill-Istati Uniti" lis-Servizz ta' Dħul Intern tal-Istati Uniti (IRS), permezz tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom; billi dan jista' jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali;
C. billi l-għan tal-FATCA huwa li jipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa minn persuni mill-Istati Uniti u billi dan jirrikjedi istituzzjonijiet finanzjarji barranin li jfittxu lil "persuni mill-Istati Uniti" billi jħarsu lejn għadd ta' indikaturi, bħall-post tat-twelid fl-Istati Uniti, in-numru tat-telefon tal-Istati Uniti u indikazzjonijiet ta' prokura fuq il-kont lil persuna b'indirizz fl-Istati Uniti, li abbażi ta' dawn, l-individwu huwa rikjest jagħti prova li mhuwiex "persuna mill-Istati Uniti";
D. billi dan l-użu ta' indikaturi, infurzat mill-FATCA, jista' jirriżulta f'esponiment arbitrarju u piena ta' individwi li fir-realtà jista'/jaf ma jkollhom l-ebda rabta sostantiva mal-Istati Uniti; billi l-FATCA, fil-prattika, jinkludi grupp kbir ta' individwi, bħal pereżempju persuni b'ċittadinanza doppja UE‑Stati Uniti u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex Amerikani u, b'mod partikolari, l-hekk imsejħa "Amerikani aċċidentali" li b'aċċident tat-twelid ikunu wirtu ċ-ċittadinanza tal-Istati Uniti, iżda li ma jżommu l-ebda rabta mal-Istati Uniti, peress li qatt ma jkunu għexu, ħadmu jew studjaw fl-Istati Uniti u li ma jkollhomx numri tas-sigurtà soċjali tal-Istati Uniti;
E. billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-FATCA u l-ftehimiet intergovernattivi relatati kellhom l-effett mhux intenzjonali li jostakolaw l-aċċess għal servizzi finanzjarji fl-UE ta' ċittadini tal-Istati Uniti u ta' kwalunkwe persuna li tippreżenta indizji li jissuġġerixxu li tista' tkun soġġetta għall-FATCA ("persuna mill-Istati Uniti");
F. billi l-ħajja u l-għajxien ta' eluf ta' ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom fl-UE li jobdu l-liġi qed jiġu ta' kuljum affettwati b'mod serju mill-FATCA, billi dawk li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' "persuni mill-Istati Uniti" qed ikollhom il-kontijiet ta' tfaddil tagħhom iffriżati, u qed jiġu mċaħħda aċċess għas-servizzi bankarji kollha li jinkludu l-assikurazzjoni fuq il-ħajja, il-pensjonijiet u l-ipoteki minħabba nuqqas ta' rieda min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jsegwu rappurtar tal-FATCA li jiswa ħafna flus; billi, barra minn hekk, id-data personali tal-membri tal-familja tagħhom fl-UE qed tiġi kondiviża mal-Istati Uniti u l-aċċess tagħhom għal servizzi bankarji tal-UE qed jiġi ostakolat (eż. kontijiet konġunti u/jew ipoteki);
G. billi l-"Amerikani aċċidentali" li ma jridux jiġu affettwati mill-FATCA huma obbligati jirrinunzjaw b'mod formali ċ-ċittadinanza Amerikana tagħhom, u r-rinunzja hija proċess li għalih huwa meħtieġ numru tas-sigurtà soċjali tal-Istati Uniti jew numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa internazzjonali tal-Istati Uniti, li, fost l-oħrajn, ħafna mill-"Amerikani aċċidentali" m'għandhomx;
H. billi pjattaformi tal-internet Amerikani bħal AirBnB, Tripadvisor u Amazon, huma rikjesti jiġbru informazzjoni dwar il-kontribwenti miċ-ċittadini kollha tal-UE li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi online, u jgħadduha lill-awtorità tat-taxxa federali tal-Istati Uniti, l-IRS; billi l-għan ta' din il-prattika huwa li tistabbilixxi jekk l-utent huwiex ċittadin tal-Istati Uniti, u għalhekk li tiddetermina jekk il-qligħ li jkun sar bis-saħħa ta' dawn il-pjattaformi huwiex soġġett, fil-kuntest tal-FATCA, għal rappurtar tat-taxxa tal-Istati Uniti; billi jidher b'mod ċar li din il-prattika mhijiex f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
I. billi d-Direttiva 2014/92/UE (Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas) tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta' kreditu ma jiddiskriminawx kontra l-konsumaturi abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta' residenza tagħhom;
J. billi l-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas kienet it-18 ta' Settembru 2016;
K. billi, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, il-Parlament ħa nota ta' nuqqas sinifikanti ta' reċiproċità bejn l-Istati Uniti u l-UE fil-qafas tal-Ftehim FATCA;
L. billi jitqies li l-FATCA u l-Istandard ta' Rappurtar Komuni tal-OECD dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali huma għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi fiskali transfruntiera u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera;
M. billi l-Assemblea Nazzjonali Franċiża ppubblikat rapport f'Ottubru 2016 wara l-missjoni tagħha ta' ġbir ta' informazzjoni min-naħa ta' żewġ partiti biex tinvestiga l-effetti extraterritorjali ta' ċerti liġijiet tal-Istati Uniti, inkluż il-FATCA, fejn irrakkomandat li l-Gvern Franċiż jew jinnegozja emenda għat-trattat tiegħu dwar it-taxxa mal-Istati Uniti jew jitlob lil-leġiżlaturi tal-Istati Uniti jemendaw il-liġijiet tal-Istati Uniti sabiex l-"Amerikani aċċidentali" Franċiżi jkunu jistgħu joħorġu mis-sistema tal-Istati Uniti u jirrinunzjaw għaċ‑ċittadinanza tal‑Istati Uniti mhux mixtieqa tagħhom mingħajr ebda tariffi, filings jew penali; billi dan l-aħħar twaqqfet kummissjoni stabbilita biex tistudja speċifikament it-tassazzjoni extraterritorjali ta' "Amerikani aċċidentali" Franċiżi min-naħa tal-Istati Uniti, u tressqu riżoluzzjonijiet f'Novembru 2017 kemm fis-Senat kif ukoll fl-Assemblea Nazzjonali dwar din il-kwistjoni partikolari; billi fil-15 ta' Mejju 2018, is-Senat Franċiż adotta riżoluzzjoni, b'vot unanimu, li tistieden lill-Gvern Franċiż biex minnufih jieħu miżuri li jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt tal-"Amerikani aċċidentali" Franċiżi għal kont bankarju, li jieqfu l-prattiki diskriminatorji adottati mill-banek Franċiżi wara l-FATCA, u li tiġi varata minnufih kampanja ta' informazzjoni biex tgħarraf liċ-ċittadini Franċiżi li jgħixu fl-Istati Uniti dwar l-implikazzjonijiet tan-nazzjonalità Amerikana u l-liġijiet dwar it-taxxa; billi r-riżoluzzjoni titlob ukoll li jsir sforz diplomatiku b'saħħtu sabiex tinstab soluzzjoni għall-"Amerikani aċċidentali" Franċiżi li tippermettilhom jirrinunzjaw għaċ-ċittadinanza Amerikana mhux mixtieqa tagħhom mingħajr ebda‑tariffi, l-ebda‑filings u l-ebda‑penali u li l-Istati Uniti jonoraw il-wegħda tagħhom ta' reċiproċità li bis-saħħa tagħha Franza qablet li tiffirma l-ftehimiet intergovernattivi tagħha;
N. billi l-Istati Uniti u l-Eritrea huma l-uniċi żewġ pajjiżi fid-dinja li adottaw tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadin, u l-Eritrea ġiet ikkundannata min-NU għall-isforzi tagħha biex tinforza t-"taxxa tad-dijaspora" tagħha;
O. billi, fl-2017, l-Istati Uniti adottaw riforma fiskali sinifikanti, li madankollu ma abolietx il-prinċipju ta' tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadin għall-individwi, iżda introduċiet tassazzjoni bbażata fuq it‑territorju għall-korporazzjonijiet multinazzjonali tal-Istati Uniti;
1. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari tal-"Amerikani aċċidentali", ikunu ggarantiti, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-privatezza u l-prinċipju tan‑nondiskriminazzjoni, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
2. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, b'mod partikolari l-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 tagħha, u jiggarantixxu d-dritt għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jkollhom aċċess għal kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-analiżi tagħha ta' miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas u tinkludi fil-valutazzjoni tagħha s-sitwazzjoni tal-"Amerikani aċċidentali", tal-persuni b'ċittadinanza doppja u taċ-ċittadini Amerikani li jirrisjedu b'mod legali fl-UE, filwaqt li tagħti attenzjoni xierqa lil kwalunkwe diskriminazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji kontra l-kontribwenti li jgħixu legalment fl-UE u li jikkwalifikaw bħala "persuni mill-Istati Uniti" għall-fini tal-FATCA;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda mingħajr dewmien proċeduri ta' ksur fil-każ ta' vjolazzjonijiet stabbiliti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva msemmija;
5. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi pprovdut livell adegwat ta' protezzjoni għad-data personali ttrasferita taħt il-FACTA lill-Istati Uniti, f'konformità sħiħa mal-liġi nazzjonali u tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-ftehimiet intergovernattivi tagħhom u jemendawhom, jekk ikun meħtieġ, bil-għan li jagħmluhom konformi mad-drittijiet u l-prinċipji tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jinvestigaw bla dewmien kwalunkwe ksur tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data min-naħa tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tawtorizza t-trasferiment ta' data personali lejn il-US IRS għall-fini tal-FATCA, u jibdew proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li jonqsu milli jinfurzaw b'mod adegwat ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni sħiħa tal-impatt tal-FATCA u l-prattika extraterritorjali tal-Istati Uniti tat-tassazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza fuq ċittadini tal-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u l-ekonomiji tal-UE, filwaqt li tikkunsidra l-isforzi li għaddejjin fi Franza u fi Stati Membri oħrajn, u tispjega jekk hemmx diskrepanza serja bejn iċ-ċittadini tal-UE u/jew residenti fi Stati Membri differenti, speċjalment fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-istandards tad-drittijiet fundamentali bħala riżultat tal-FATCA u tal-"indizji tal-Istati Uniti"; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tal-qagħda tar-reċiproċità tal-FATCA, jew in-nuqqas tagħha, mal-UE kollha, u tal-konformità min-naħa tal-Istati Uniti mal-obbligi tiegħhom skont ftehimiet intergovernattivi varji ffirmati mal-Istati Membri;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni biex tiżgura li d-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bħad-dritt għall-privatezza u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, ikunu rispettati fil-kuntest tal-FATCA u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali mal-Istati Uniti;
8. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas inerenti ta' reċiproċità ta' ftehimiet intergovernattivi ffirmati mill-Istati Membri, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata, li huwa usa' għall-Istati Membri milli għall-Istati Uniti; jistieden lill-Istati Membri kollha jissospendu b'mod kollettiv l-applikazzjoni tal-ftehimiet intergovernattivi tagħhom (jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni kollha ħlief fir-rigward ta' kontijiet miżmuma fl-UE minn ċittadini tal-Istati Uniti residenti fl-Istati Uniti), sakemm jasal iż-żmien li fih l-Istati Uniti jaqblu ma' approċċ multilaterali għal skambju awtomatiku ta' informazzjoni billi jew iħassru l-FATCA u jingħaqdu mal-Istandard ta' Rappurtar Komuni jew jinnegozjaw mill-ġdid il-FATCA fil-livell tal‑UE u b'obbligi ta' kondiviżjoni reċiproka identiċi għaż-żewġ naħat tal-Atlantiku;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippreżentaw strateġija konġunta tal-UE dwar il-FATCA bil-għan li jiġu protetti b'mod adegwat id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej (b'mod partikolari l-"Amerikani aċċidentali") u titjieb ir-reċiproċità ugwali fl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni mill-Istati Uniti;
10. Jistieden lill-Kunsill jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti dwar ftehim FATCA bejn l-UE u l-Istati Uniti, bil-ħsieb li jiġi żgurat skambju reċiproku sħiħ ta' informazzjoni u li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, u biex "Amerikani aċċidentali" tal‑UE jitħallew jirrinunzjaw għaċ‑ċittadinanza tal‑Istati Uniti mhux mixtieqa tagħhom mingħajr ebda tariffi, filings jew penali;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Statut għal intrapriżi soċjali u solidali (2016/2237(INL))
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 u l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar "L-Ekonomija Soċjali"(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar "l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni"(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar "l-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad"(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar "Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa"(4),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 dwar "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"" (COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar "Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni" (COM(2011)0682),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea(9),
– wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2011 ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bit-titlu "Ir-rwol tal-impriżi mutwi fis-seklu 21",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intraprenditorja Soċjali (GECES) ta' Ottubru 2016 "Social enterprises and the social economy going forward" (Il-futur tal-intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali)(10),
– wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki C tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2017 bit-titlu "Statut Ewropew għal Intrapriżi Soċjali u Solidali",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0231/2018),
A. billi t-termini "intrapriżi soċjali" u "intrapriżi solidali" ta' sikwit jintużaw bħala sinonimi, għalkemm l-intrapriżi li jirreferu għalihom mhumiex dejjem l-istess u jistgħu jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor; billi l-kunċett ta' "intrapriża soċjali" jirrelata essenzjalment għal organizzazzjonijiet tradizzjonali tal-ekonomija soċjali bħal kooperattivi, intrapriżi mutwi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet; billi l-konfini tal-kunċett ta' "intrapriża soċjali" qed iwasslu għal diskussjonijiet importanti fost xjenzjati soċjali u avukati; billi jidher li huwa imperattiv li ssir tranżizzjoni mingħajr dewmien lejn rikonoxximent aħjar tal-kunċett ta' "intrapriża soċjali u solidali" billi tiġi stabbilita definizzjoni legali bażika li tista' tagħti kontribut sod għall-isforzi magħmula mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jiżviluppaw intrapriżi soċjali u solidali sabiex ikunu jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mis-suq intern;
B. billi l-ekonomija soċjali u solidali tagħti kontribut ewlieni lill-ekonomija tal-UE; billi l-Parlament enfasizza, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009, tal-20 ta' Novembru 2012 u tal-10 ta' Settembru 2015, li l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE u 10 % tal-impriżi tal-UE. billi dan is-settur wera li huwa partikolarment reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u għandu potenzjal għall-innovazzjoni soċjali u teknoloġika, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, inklużivi, lokali u sostenibbli, it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħarsien tal-ambjent u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali qed isibu modi ġodda ta' kif jindirizzaw il-problemi soċjali f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; billi l-ekonomija soċjali u solidali tkompli tiżviluppa u għalhekk hija xprun għat-tkabbir u l-impjiegi u jenħtieġ li titħeġġeġ u tiġi appoġġjata;
C. billi hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fil-mod kif jirregolaw l-intrapriżi soċjali u solidali u l-forom organizzattivi disponibbli għall-intraprendituri soċjali skont l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom; billi l-forom organizzattivi distinti li huma adottati mill-intrapriżi soċjali u solidali jiddependu fuq l-oqfsa ġuridiċi eżistenti, fuq l-ekonomija politika tal-provvediment tas-servizzi soċjali u tas-solidarjetà u fuq it-tradizzjonijiet kulturali u storiċi ta' kull Stat Membru;
D. billi f'xi Stati Membri nħolqu forom ġuridiċi speċifiċi jew bl-adattament tal-mudell kooperattiv, mutwu, ta' assoċjazzjoni jew ta' fondazzjoni u oħrajn jew permezz tal-introduzzjoni ta' forom ġuridiċi li jirrikonoxxu l-impenn soċjali meħud minn pluralità ta' entitajiet u li jinkludu xi karatteristiċi speċifiċi għall-intrapriżi soċjali u solidali; billi fi Stati Membri oħrajn ma nħolqot l-ebda forma ġuridika speċifika għal intrapriżi soċjali u solidali u għalhekk huma joperaw permezz ta' forom ġuridiċi preeżistenti, inklużi forom ġuridiċi użati minn kumpaniji konvenzjonali, bħalma hi l-kumpanija b'responsabbiltà limitata jew il-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata; billi f'xi Stati Membri l-forma ġuridika li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jadottaw tista' tkun fakultattiva; billi jenħtieġ li jiġi nnutat li anki jekk il-forom ġuridiċi speċifiċi jkunu tfasslu għalihom, l-intrapriżi soċjali u solidali, f'ħafna każijiet, jagħżlu forom ġuridiċi oħrajn li huma adattati aħjar għall-bżonnijiet tagħhom u għall-objettivi tagħhom;
E. billi l-adozzjoni ta' oqfsa ġuridiċi differenti għal intrapriżi soċjali u solidali f'ħafna Stati Membri tikkonferma l-iżvilupp ta' tip ġdid ta' intraprenditorija bbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u r-responsabbiltà u li hija aktar iffokata fuq il-ħolqien tal-valur soċjali miżjud, konnessjonijiet lokali u l-promozzjoni ta' ekonomija aktar sostenibbli; billi din id-diversità tikkonferma wkoll li l-intraprenditorija soċjali hija qasam innovattiv u ta' benefiċċju;
F. billi l-Parlament enfasizza, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad, li l-innovazzjoni soċjali tirrelata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda, kemm jekk prodotti, servizzi, jew mudelli ta' organizzazzjoni soċjali, li huma mfassla biex jissodisfaw it-talbiet u l-isfidi ġodda soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
G. billi, fid-dawl ta' din id-diversità ta' forom ġuridiċi disponibbli għall-ħolqien ta' intrapriżi soċjali u solidali madwar l-Istati Membri, f'dan il-mument ma hemm l-ebda kunsens fl-Unjoni Ewropea għat-twaqqif ta' forma speċifika ta' intrapriża soċjali u solidali; billi l-Parlament diġà saħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati oqfsa ġuridiċi ġodda fil-livell tal-Unjoni, imma dejjem għamel il-punt li dawn jenħtieġ li jkunu fakultattivi għall-intrapriżi fir-rigward tal-oqfsa nazzjonali u ppreċeduti minn valutazzjoni tal-impatt li tqis l-eżistenza ta' diversi mudelli ta' negozju soċjali fl-Istati Membri kollha; billi l-Parlament enfasizza wkoll li kwalunkwe miżura jenħtieġ li turi valur miżjud fl-Unjoni kollha;
H. billi d-djalogu soċjali huwa ta' importanza kruċjali kemm f'termini tat-twettiq tal-objettiv tal-ekonomija soċjali tas-suq, li huwa livell massimu ta' impjiegi bi progress soċjali, kif ukoll f'termini ta' kompetittività u ġustizzja fis-suq uniku tal-UE; billi d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali fit-tfassil ta' politika tal-UE jirrappreżentaw innovazzjoni soċjali prinċipali;
I. billi l-fatt li teżisti għażla fil-forom ġuridiċi disponibbli għandu l-vantaġġ li jippermetti lill-intrapriżi soċjali u solidali jiffurmaw l-istruttura tagħhom bil-mod li jixirqilhom l-aħjar fiċ-ċirkostanzi inkwistjoni, it-tradizzjoni fejn għandhom l-għeruq tagħhom u t-tip ta' negozju li jixtiequ jwettqu;
J. billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, huwa possibbli li, minn esperjenzi nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri jirriżultaw xi karatteristiċi u kriterji distinti li intrapriża soċjali u solidali jenħtieġ li tissodisfa, irrispettivament mill-forma ġuridika li tadotta, jekk din trid tiġi kkunsidrata bħala tip ta' intrapriża bħal din; billi jidher li huwa mixtieq li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni ġabra komuni ta' karatteristiċi u kriterji fil-forma ta' standards minimi bil-għan li jinħoloq qafas ġuridiku effiċjenti u konsistenti għal tali intrapriżi u biex jiġi żgurat li, minkejja d-diversità tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali kollha għandhom identità komuni irrispettivament mill-Istat Membru fejn ġew inkorporati; billi tali karatteristiċi istituzzjonali jenħtieġ li jgħinu biex intrapriża soċjali u solidali tkun tista' tkompli żżomm vantaġġ fuq modi alternattivi kif tiġi organizzata l-produzzjoni tas-servizzi, inklużi s-servizzi soċjali;
K. billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2011 ("Inizjattiva ta' Negozju Soċjali") il-Kummissjoni ddefiniet intrapriża soċjali bħala "operatur fl-ekonomija soċjali li l-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jkollu impatt soċjali aktar milli biex jagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tiegħu. Dan jopera billi jipprovdi prodotti u servizzi għas-suq b'mod intraprenditorjali u innovattiv u juża l-profitti tiegħu primarjament biex jikseb objettivi soċjali. Huwa mmaniġġjat b'mod miftuħ u responsabbli u, b'mod partikolari, jinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tiegħu";
L. billi għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013, "intrapriża soċjali" tfisser impriża, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li:
(a)
f'konformità mal-artikoli ta' assoċjazzjoni tagħha, l-istatuti jew kwalunkwe dokument ġuridiku ieħor li permezz tagħhom hija stabbilita, ikollha, bħala l-objettiv primarju tagħha, l-ilħuq ta' impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu, aktar milli l-ġenerazzjoni ta' profitti għas-sidien, il-membri u l-azzjonisti tagħha, u li:
(i)
tipprovdi servizzi jew prodotti li jiġġeneraw redditu soċjali u/jew
(ii)
tuża metodu ta' produzzjoni ta' prodotti jew servizzi li jħaddan l-objettiv soċjali tagħha;
(b)
tinvesti l-profitti tagħha, l-ewwel u qabel kollox, biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u jkollha proċeduri u regoli predefiniti li jkopru kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti lill-azzjonisti u lis-sidien li jiżguraw li tali distribuzzjoni ta' profitti ma timminax l-objettiv primarju; kif ukoll
(c)
tkun immaniġġjata b'mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b'mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet ta' negozju tagħha;
M. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015, il-Parlament innota li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li m'għandhomx neċessarjament ikunu organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' qligħ, huma intrapriżi li l-iskop tagħhom huwa li jiksbu l-għan soċjali tagħhom, li jista' jkun il-ħolqien ta' impjiegi għal gruppi vulnerabbli, li jfornu servizzi lill-membri tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, li joħolqu impatt soċjali u ambjentali pożittiv, u li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom primarjament sabiex jilħqu dawk l-objettivi; billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-impenn tagħhom li jħarsu l-valuri li ġejjin:
–
il-preminenza tal-għanijiet soċjali u dawk individwali fuq l-interessi tal-kapital;
–
il-governanza demokratika mill-membri;
–
l-għaqda tal-interessi tal-membri u tal-utenti mal-interess ġenerali;
–
is-salvagwardja u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u tar-responsabbiltà;
–
l-investiment mill-ġdid ta' fondi żejda f'objettivi ta' żvilupp fit-tul, jew fl-għoti ta' servizzi ta' interess għall-membri jew ta' servizzi ta' interess ġenerali;
–
is-sħubija volontarja u miftuħa;
–
il-ġestjoni awtonoma li tkun indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi;
N. billi dawn id-definizzjonijiet ta' hawn fuq huma kompatibbli u jlaqqgħu flimkien il-fatturi kollha kondiviżi bejn l-intrapriżi soċjali u solidali kollha irrispettivament mill-Istat Membru ta' inkorporazzjoni u mill-forma ġuridika li jkunu għażlu li jadottaw skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dawn il-karatteristiċi jenħtieġ li jikkostitwixxu l-linja ta' referenza għal definizzjoni ġuridika trasversali u aktar definittiva ta' "intrapriża soċjali" maqbula universalment u applikata fil-livell tal-Unjoni;
O. billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma organizzazzjonijiet privati li huma indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi;
P. billi l-intrapriżi soċjali u solidali joperaw fis-suq b'mod imprenditorjali; billi dan jimplika li lhuma jkomplu jwettqu attivitajiet ta' natura ekonomika;
Q. billi ż-żoni rurali joffru opportunitajiet konsiderevoli għall-intrapriżi soċjali u solidali billi, għaldaqstant, huwa essenzjali li infrastruttura xierqa jenħtieġ li tkun disponibbli fir-reġjuni rurali kollha;
R. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu oqsma ta' prijorità fl-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ;
S. billi s-soċjetajiet mutwi li joperaw fis-setturi relatati mal-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali fl-Unjoni jimpjegaw 8,6 miljun persuna u jipprovdu appoġġ għal 120 miljun ċittadin; billi dawn is-soċjetajiet mutwi għandhom sehem ta' 24 % mis-suq u jiġġeneraw aktar minn 4 % tal-PDG tal-Unjoni;
T. billi l-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' valur soċjali trid tkun l-iskop ewlieni ta' intrapriża soċjali u solidali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jsegwu espressament l-għan li jkunu ta' benefiċċju għall-komunità b'mod ġenerali jew grupp speċifiku ta' persuni, lil hinn mis-sħubija; billi l-iskop soċjali segwit minn intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jkun indikat b'mod ċar fid-dokumenti ta' stabbiliment tagħhom; billi l-kunċett ta' intrapriża soċjali u solidali jenħtieġ li ma jkunx imfixkel ma' dak ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), għalkemm intrapriżi kummerċjali b'attivitajiet sinifikanti ta' CSR jista' jkollhom interkonnessjoni qawwija ma' negozju soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali m'għandux ikollhom bħala l-għan tagħhom il-ħolqien ta' profitt kummerċjali tradizzjonali iżda, minflok, jużaw kwalunkwe valur miżjud maħluq għall-iżvilupp ulterjuri ta' proġetti mmirati lejn it-titjib tal-ambjent għall-gruppi fil-mira tagħhom;
U. billi d-diġitalizzazzjoni, miri klimatiċi ambizzjużi, il-migrazzjoni, l-inugwaljanzi, l-iżvilupp lokali, speċjalment fl-inħawi marġinalizzati, is-servizzi soċjali u tas-saħħa, il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad fit-tul u l-inugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll kompiti ambjentali speċifiċi, joffru potenzjal kbir għall-intraprenditorija soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali joperaw fis-suq b'mod intraprenditorjali u jassumu riskji ekonomiċi;
V. billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jwettqu attività utli f'sens soċjali; billi jistgħu jkunu attivi fi spettru wiesa' ta' attivitajiet; billi l-intrapriżi soċjali u solidali tipikament involvew ruħhom fil-provvista ta' servizzi maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-komunità, b'mod partikolari servizzi li jappoġġjaw individwi f'ċirkostanzi prekarji jew milquta mill-esklużjoni soċjoekonomika u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tax-xogħol għal gruppi żvantaġġjati; billi, fid-dawl tal-valur soċjali maħluq u l-kapaċità tagħhom li jintegraw mill-ġdid nies qiegħda għal żmien twil, biex iżidu l-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku, kien hemm xejra komuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex iżżid il-firxa ta' attivitajiet li fihom l-intrapriżi soċjali u solidali huma intitolati li jinvolvu ruħhom, sakemm ikunu ta' interess ġenerali u/jew utilità soċjali, bħall-provvista ta' servizzi komunitarji, inklużi l-oqsma edukattivi, tas-saħħa, kulturali, tal-akkomodazzjoni, rikreattivi u ambjentali.
W. billi intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu mudell ta' negozju għas-seklu 21 li jibbilanċja l-bżonnijiet finanzjarji u soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma ġeneralment assoċjati ma' innovazzjoni soċjali, teknoloġika u ekonomika, bħala riżultat tal-espansjoni tal-attività tagħhom f'oqsma ġodda tal-produzzjoni tal-prodotti jew il-provvista ta' servizzi, inklużi servizzi ambjentali, tas-saħħa, kulturali, edukattivi u rikreattivi, u/jew l-introduzzjoni ta' metodi innovattivi ta' produzzjoni jew ta' organizzazzjoni tax-xogħol, imfassla biex jissodisfaw id-domandi u l-isfidi soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
X. billi, minħabba l-karattru integrattiv u soċjali tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali joffru impjieg lil dawk il-gruppi ta' ħaddiema esklużi bl-aktar mod komuni mis-suq tax-xogħol, u billi huma jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda fit-tul u għall-ġlieda kontra l-qgħad b'mod ġenerali, u b'hekk għaż-żieda fil-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku;
Y. billi l-ekonomija soċjali, minħabba n-natura partikolari tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet komponenti tagħha, ir-regoli speċifiċi tagħha, l-obbligi soċjali tagħha, u l-metodi innovattivi tagħha, uriet diversi drabi li tista' tkun reżiljenti meta tiffaċċja d-diffikultajiet ekonomiċi u li għandha l-potenzjal li tegħleb il-kriżijiet aktar malajr;
Z. billi, f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati spiss isservi skop soċjali, kif jidher mill-eżempju tal-"prattika tajba" tar-reintegrazzjoni b'suċċess tal-persuni qiegħda għal żmien twil fi Spanja permezz tal-mudell tal-kumpanija "Sociedad Laboral (SL)", fejn dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jużaw il-benefiċċju għall-qgħad tagħhom biex iwaqqfu kumpanija, u b'hekk joħolqu aktar impjiegi, bl-istat li jipprovdi appoġġ u pariri dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni;
AA. billi l-intrapriżi soċjali u solidali mhumiex neċessarjament organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u jistgħu jkunu wkoll bi skop ta' qligħ, dment li l-attivitajiet tagħhom jissodisfaw bis-sħiħ il-kriterji għall-ksib tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea; billi dan, minkejja l-fokus ewlieni tal-intrapriżi soċjali u solidali, jenħtieġ li jkun, fuq kollox, fuq il-valuri soċjali u fuq il-preżenza ta' impatt pożittiv u fit-tul fuq il-benessri u l-iżvilupp ekonomiku tas-soċjetà aktar milli fuq profitt għas-sidien, il-membri jew l-azzjonisti tagħhom; billi, f'dan ir-rigward, restrizzjoni stretta fuq id-distribuzzjoni tal-profitti u l-assi fost il-membri jew l-azzjonisti, magħrufa wkoll bħala "imblukkar tal-assi" (asset lock), hija essenzjali għall-intrapriżi soċjali u solidali; billi tista' tkun permessa distribuzzjoni limitata tal-profitti, wara li tiġi kkunsidrata l-forma ġuridika adottata mill-intrapriża soċjali u solidali, il-proċeduri u r-regoli li jkopru dik id-distribuzzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'tali mod li jiżguraw dejjem li din ma timminax l-objettiv soċjali primarju tal-intrapriża; billi, f'kwalunkwe każ, l-akbar proporzjon ta' profitti, u l-aktar sinifikanti, magħmula minn intrapriża soċjali u solidali, jenħtieġ li jerġa' jiġi investit jew inkella użat bil-għan li żżomm u tikseb l-iskop soċjali tagħha;
AB. billi, biex tkun effettiva, ir-restrizzjoni fuq in-nuqqas ta' distribuzzjoni jenħtieġ li tkopri numru ta' aspetti, b'mod partikolari l-ħlas ta' dividendi perjodiċi, id-distribuzzjoni ta' riżervi akkumulati, id-devoluzzjoni ta' assi residwi fix-xoljiment tal-entità, it-trasformazzjoni tal-intrapriża soċjali f'tip ieħor ta' organizzazzjoni, jekk dan ikun permess, u t-telf tal-istatus ta' tali intrapriża; billi r-restrizzjoni fuq in-nuqqas ta' distrubuzzjoni tista' tinkiser ukoll b'mod indirett mill-ħlas ta' remunerazzjoni lill-impjegati jew id-diretturi li ma jkunx ġustifikabbli u 'l fuq mil-livelli tas-suq;
AC. billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jiġu ġestiti skont mudelli ta' governanza demokratika li jinvolvu l-impjegati, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attività fit-teħid tad-deċiżjonijiet; billi dan il-mudell parteċipatorju jirrappreżenta proċedura strutturali biex jiġi kkontrollat it-tfittix attwali tal-miri soċjali tal-organizzazzjoni; billi s-setgħa tal-membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet jenħtieġ li ma tkunx ibbażata biss jew primarjament fuq is-sehem fil-kapital li jista' jkollhom, anki meta l-forma ġuridika adottata mill-intrapriża soċjali u solidali tkun dik ta' kumpanija kummerċjali;
AD. billi, f'xi Stati Membri, l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jadottaw il-forma ġuridika ta' intrapriża kummerċjali; billi l-possibbiltà ta' tali kumpaniji li jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE bħala intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li ssir dipendenti fuq l-issodisfar ta' ċerti rekwiżiti u kundizzjonijiet biex jiġu solvuti l-kontraindikazzjonijiet potenzjali bejn il-forma tal-kumpanija u l-mudell tal-intrapriża soċjali u solidali;
AE. billi t-trattament tal-impjegati f'intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jkun komparabbli ma' dak ta' impjegati ta' intrapriżi ta' negozju tradizzjonali;
AF. billi l-impatt pożittiv tal-intrapriżi soċjali u solidali fuq il-komunità jista' jiġġustifika l-adozzjoni ta' azzjonijiet konkreti fl-appoġġ tagħhom, bħall-ħlas ta' sussidji u l-adozzjoni ta' miżuri favorevoli tat-taxxa u tal-akkwist pubbliku; billi dawk il-miżuri jenħtieġ li fil-prinċipju jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mat-Trattati għax ifittxu li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' attivitajiet jew żoni ekonomiċi maħsuba prinċipalment biex ikollhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà, u l-kapaċità li dawn l-intrapriżi jiġbru l-fondi u jagħmlu profitti tkun distintivament aktar limitata minn dik ta' intrapriżi kummerċjali;
AG. billi r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-ħolqien tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej;
AH. billi l-Unjoni jenħtieġ li toħloq ċertifikat jew tikketta għal intrapriżi soċjali u solidali sabiex tagħti lil dawn l-intrapriżi aktar viżibbiltà u trawwem qafas ġuridiku aktar koerenti; billi huwa essenzjali li l-awtoritajiet pubbliċi jivverifikaw u jiżguraw li impriża partikolari tissodisfa r-rekwiżiti biex tinħarġilha tikketta bħala intrapriża soċjali u solidali qabel ma tingħatalha waħda u b'hekk taf tieħu vantaġġ minn kwalunkwe miżura stabbilita fil-livell tal-UE għall-vantaġġ tagħha; billi jenħtieġ li intrapriża soċjali u solidali jkollha dan iċ-ċertifikat irrevokat f'każ li tonqos milli tirrispetta dawk ir-rekwiżiti u l-obbligi ġuridiċi tagħha;
AI. billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li joħorġu rapport soċjali fuq bażi annwali li fih jagħtu kont, tal-inqas, tal-attivitajiet, ir-riżultati, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra rċevuti tagħhom;
1. Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-madwar 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-Ewropa(12), li jimpjegaw aktar minn 14,5 miljun persuna(13), u l-kontribut imprezzabbli tagħhom għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, għall-koeżjoni soċjali u reġjonali u għal tkabbir ekonomiku kontinwu fis-suq intern;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea fil-livell tal-Unjoni, mogħtija lil intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u solidali u msejsa fuq kriterji ċari mfassla biex jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn l-impriżi u l-impatt soċjali tagħhom, iżżid il-viżibbiltà tagħhom, tħeġġeġ l-investiment, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-suq uniku għal dawk li jixtiequ jespandu fil-livell nazzjonali jew lejn Stati Membri oħra, u fl-istess ħin tirrispetta l-varjetà ta' forom ġuridiċi u oqfsa fis-settur u fl-Istati Membri;
3. Iqis li t-Tikketta Soċjali Ewropea għandha tkun disponibbli għal organizzazzjonijiet u entitajiet privati li jissodisfaw b'mod strett ir-rekwiżiti legali għal intrapriża soċjali u solidali fl-attivitajiet kollha tagħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika tal-inkorporazzjoni tagħhom fi Stat Membru; jinnota li t-tikketta għandha tkun fakultattiva għall-impriża;
4. iqis li t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tkun volontarja għall-intrapriżi iżda trid tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha;
5. Iqis li r-rekwiżiti ġuridiċi għall-akkwist u ż-żamma tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandhom ikunu identifikati b'referenza għal ċerti karatteristiċi u kriterji komuni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni;
6. Jenfasizza li, minħabba d-domanda dejjem akbar għas-servizzi soċjali, l-intrapriżi soċjali u solidali fl-Unjoni qed isiru dejjem aktar importanti fil-qasam tas-servizzi soċjali biex jappoġġjaw lill-persuni li qegħdin f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jew li qed jesperjenzawhom; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali m'għandhomx jieħdu post is-servizzi soċjali pprovduti mill-Istat iżda, minflok, għandu jkollhom rwol komplementari għalihom; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-intrapriżi soċjali u solidali li jipprovdu servizzi soċjali, tas-saħħa jew edukattivi u kompiti ambjentali speċifiċi f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-voluntiera; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu potenzjalment isolvu ċerti sfidi soċjali permezz ta' approċċ "minn isfel għal fuq";
7. Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għall-persuni b'diżabbiltà u għal persuni minn gruppi żvantaġġati oħra;
8. Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali b'saħħitha, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu jafu aħjar x'inhuma l-ħtiġijiet speċifiċi u li jkunu jistgħu joffru l-prodotti u s-servizzi meħtieġa fil-qasam, u b'hekk itejbu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
9. Jinnota li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;
10. Jenfasizza li dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol jeħtieġ isirulhom offerti ta' impjieg, billi jerġgħu jiġu integrati l-persuni qiegħda fit-tul u jiġi miġġieled il-qgħad b'mod ġenerali;
11. Huwa tal-opinjoni li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinvolvi lill-Istati Membri, li permezz tiegħu, l-entitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġuridiċi rilevanti jkunu jistgħu jiksbu t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea; kwalunkwe entità ġuridika rregolata mil-liġi privata u li tissodisfa l-kriterji ġuridiċi għandha tkun intitolata għat-tikketta tal-UE, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru fejn tkun ġiet inkorporata jkollux forma ġuridika speċjali għal intrapriżi soċjali u solidali;
12. Iqis li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri għall-protezzjoni tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u l-prevenzjoni tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta' intrapriżi soċjali u solidali "foloz"; dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-intrapriżi li jkollhom it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jiġu mmonitorjati b'mod regolari fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tikketta; iqis li sanzjonijiet effettivi u proporzjonati għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tikketta ma tkunx miksuba jew użata b'mod mhux xieraq;
13. Iqis li l-intrapriżi soċjali u solidali li jkollhom it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fl-Istati Membri kollha, skont it-tipi ta' attività li huma involuti fihom, u għandhom igawdu l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw;
14. Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni wiesgħa u inklużiva fil-livell tal-Unjoni, li tenfasizza l-importanza tal-prinċipju li perċentwal sostanzjali tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu riinvestiti jew użati b'tali mod li jintlaħaq l-iskop soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; jenfasizza l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-kooperattivi soċjali u l-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol (WISEs) meta jwettqu l-missjoni tagħhom li jgħinu lil dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol, u jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu koperti mit-tikketta l-ġdida;
15. Iqis li l-kriterji u r-rekwiżiti ġuridiċi minimi biex tinkiseb u tinżamm Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jridu jkunu attività soċjalment utli li għandha tiġi ddefinita fil-livell tal-Unjoni; jirrimarka li din l-attività għandha tkun tista' titkejjel f'termini ta' impatt soċjali f'oqsma bħall-integrazzjoni soċjali tal-persuni vulnerabbli, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jkunu f'riskju ta' esklużjoni f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, l-indirizzar tal-marġinalizzazzjoni tal-migranti, it-titjib fl-opportunitajiet indaqs permezz tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, u akkomodazzjoni deċenti, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; jenfasizza li, fil-prestazzjoni tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali jeħtieġ jikkonformaw mal-aħjar prattiki f'termini ta' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi;
16. Jenfasizza li l-ispejjeż u l-formalitajiet involuti biex tinkiseb it-tikketta għandhom jinżammu għal minimu, sabiex ma jkunux żvantaġġati l-intrapriżi soċjali u solidali, speċjalment il-kumpaniji soċjali u solidali li jkunu ta' daqs żgħir jew medju; għaldaqstant, il-kriterji komuni tal-Unjoni għandhom ikunu sempliċi, ċari u msejsa fuq fatturi sostantivi – aktar milli formali – u li l-proċeduri rilevanti ma jkunux ta' piż; jinnota li, filwaqt li l-obbligi tar-rappurtar huma għodda raġonevoli sabiex jiġi vverifikat li l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu għadhom intitolati għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea, il-frekwenza ta' dawn ir-rapporti u l-informazzjoni obbligatorja li trid tiġi inkluża ma jridux ikunu opprimenti żżejjed; josserva li l-ispejjeż ta' proċess ta' tikkettar jew ċertifikazzjoni jistgħu jkunu limitati jekk l-amministrazzjoni ċentrali titwettaq fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu, f'kooperazzjoni mal-intrapriżi soċjali u solidali, jittrasferixxu l-amministrazzjoni u t-trattament tat-tikketta lill-korp indipendenti nazzjonali li ssegwi d-definizzjoni pan-Ewropea tal-kriterji għall-intrapriżi soċjali u solidali;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivament it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u jippubbliċizzaw il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-intrapriżi soċjali u solidali, inklużi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-koeżjoni soċjali;
18. Jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti minn pjan kummerċjali mhijiex biżżejjed biex intrapriża tiġi kklassifikata bħala intrapriża soċjali u solidali, u għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn intrapriża soċjali u solidali u intrapriża impenjata fir-responsabbiltà soċjali korporattiva;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki tagħha jirriflettu impenn ħalli jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali u solidali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-settur tal-intrapriżi soċjali, twettaq studju komparattiv tad-diversi oqfsa ġuridiċi nazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-intrapriżi soċjali fl-UE kollha, u tal-kundizzjonijiet operattivi għall-intrapriżi soċjali u solidali u tal-karatteristiċi tagħhom, inklużi d-daqs u n-numru tagħhom u l-qasam tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll tad-diversi sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni, status u tikkettar;
20. Jissottolinja li, fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom storja twila u stabbilew ruħhom bħala parteċipanti essenzjali u importanti fis-suq;
21. Jemmen li l-prijoritajiet ta' investiment għall-intrapriżi soċjali u solidali u tal-ekonomija soċjali m'għandhomx ikunu limitati għall-inklużjoni soċjali, iżda għandhom jinkludu l-impjiegi u l-edukazzjoni, sabiex dawn jirriflettu l-firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi li jkunu preżenti fihom;
22. Jitlob li l-programm "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ" jitkompla, li l-baġit tiegħu jintuża b'mod effikaċi u li l-informazzjoni dwar il-programm issir aktar aċċessibbli;
23. Jitlob li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għat-twaqqif ta' intrapriżi soċjali u solidali, sabiex il-burokrazija żejda ma tkunx ta' ostaklu għall-intraprenditorija soċjali;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, lista, li għandha tkun soġġetta għal rieżami, tal-forom ġuridiċi eżistenti fl-Istati Membri u li għandhom il-karatteristiċi ta' impriżi soċjali u żżomm dik il-lista aġġornata filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet storiċi u legali tal-intrapriżi soċjali u solidali;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora aħjar l-ekonomija soċjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi soċjali u solidali, minn naħa waħda, u forom oħra ta' intrapriżi, min-naħa l-oħra;
26. Jenfasizza l-importanza tan-netwerking fost l-intrapriżi soċjali u solidali, u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien u l-aħjar prattiki fl-Istati Membri (pereżempju bit-twaqqif ta' punti ta' kuntatt nazzjonali) u fl-Unjoni kollha, bl-involviment mhux biss tal-intrapriżi soċjali u solidali nfushom, iżda anke tan-negozji tradizzjonali, id-dinja akkademika u partijiet interessati oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Intraprenditorija Soċjali u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tiġbor u taqsam informazzjoni dwar prattiki tajba eżistenti, u tanalizza kemm id-data kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva dwar il-kontribut tal-intrapriżi soċjali u solidali kemm għall-iżvilupp tal-politika pubblika kif ukoll għall-komunitajiet lokali;
27. Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jissimplifikaw id-dimensjoni tal-intrapriża soċjali u solidali fil-politiki, il-programmi u l-prattiki rilevanti;
28. Jenfasizza bil-qawwa li r-regoli ta' kif joperaw l-intrapriżi soċjali u solidali jridu jirrispettaw il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta u ma jippermettux kompetizzjoni inġusta, sabiex l-intrapriżi żgħar u medji jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif suppost.
29. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jfittxu li jistabbilixxu qafas ġuridiku aktar koerenti u komplet bħala appoġġ għall-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, b'mod speċifiku, iżda mhux biss, fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, id-dritt tal-kompetizzjoni u t-tassazzjoni, sabiex dawn l-impriżi jiġu ttrattati b'mod li jkun konsistenti man-natura partikolari tagħhom u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku; iqis li miżuri bħal dawn għandhom ikunu disponibbli għal intrapriżi li jkunu kisbu t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea, li tiggarantixxi r-rispett tal-kriterji biex titqies bħala intrapriża soċjali u solidali; iqis li tali proposti leġiżlattivi jistgħu b'mod partikolari jagħmluha aktar faċli għal intrapriżi soċjali u solidali biex jikkooperaw u jagħmlu tranżazzjonijiet transfruntiera ma' intrapriżi oħra bħal dawn;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi tanġibbli biex jiżblukkaw u jattiraw aktar finanzjament pubbliku u privat meħtieġ mill-intrapriżi soċjali u solidali, inkluż il-promozzjoni ta' Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;
31. Jitlob li tinħoloq pjattaforma online pubblika Ewropea u multilingwi, li permezz tagħha l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni u jagħmlu skambju ta' ideat dwar l-istabbiliment, l-opportunitajiet u r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku u l-istrutturi ġuridiċi possibbli;
32. Iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi linja ta' finanzjament biex tappoġġja l-innovazzjoni fl-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, b'mod partikolari meta l-karattru innovattiv tal-attività mwettqa mill-impriża tagħmilha diffiċli għaliha biex tiżgura finanzjament suffiċjenti taħt kundizzjonijiet tas-suq normali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi tanġibbli biex jagħmluha aktar faċli għal intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà biex jattiraw il-fondi li jeħtieġu biex ikomplu jiffunzjonaw;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi soċjali u solidali jingħataw appoġġ billi jingħatalhom biżżejjed finanzjament, peress li s-sostenibbiltà finanzjarja hija essenzjali biex jibqgħu jeżistu; jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem l-appoġġ finanzjarju offrut mill-investituri privati u l-entitajiet pubbliċi lill-intrapriżi soċjali u solidali fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, b'attenzjoni speċjali għall-finanzjament tal-innovazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-fondi eżistenti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss – jiġifieri 2021-2027 – bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, sabiex jiġu promossi l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tiegħu, u żżid is-sensibilizzazzjoni tas-settur finanzjarju dwar il-karatteristiċi u l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; barra minn hekk iqis li huwa neċessarju li, b'mod ġenerali, jingħata appoġġ għal mezzi ta' finanzjament alternattivi, bħal fondi ta' kapital ta' riskju, fondi inizjali, mikrokreditu u finanzjament kollettiv, biex jiżdiedu l-investimenti f'dan is-settur, abbażi tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;
34. Jitlob li l-fondi tal-Unjoni jintużaw b'mod effiċjenti u jenfasizza li l-aċċess għal dawk il-fondi jeħtieġ ikun aktar faċli għall-benefiċjarji, anke biex l-intrapriżi soċjali u solidali jingħataw appoġġ u jissaħħu fl-objettiv primarju tagħhom li jħallu impatt soċjali aktar milli jimmassimizzaw il-profitt tagħhom, li finalment joffri redditu fuq l-investiment għas-soċjetà fuq żmien twil; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-QFP 2021-20127 li jmiss, twettaq rieżami tal-qafas regolatorju għall-fondi ta' investiment soċjali sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi soċjali u solidali għas-suq finanzjarju; jitlob, f'dan il-kuntest, kampanja Ewropea effikaċi biex titnaqqas il-burokrazija u tiġi promossa t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;
35. jinnota, f'dan ir-rigward, li l-ekonomija soċjali għadha tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-akkwist pubbliku, bħal ostakli relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi tal-pakkett ta' riforma dwar l-akkwist pubbliku min-naħa tal-Istati Membri sabiex ikun hemm parteċipazzjoni akbar minn dawn l-intrapriżi fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, billi jippubbliċizzaw aħjar ir-regoli dwar l-akkwist, il-kriterji u l-informazzjoni dwar l-offerti, u billi jtejbu l-aċċess għall-kuntratti għal tali intrapriżi, anke inklużi klawsoli u kriterji soċjali, billi jissimplifikaw il-proċeduri u jfasslu l-offerti b'tali mod li jagħmluhom aktar aċċessibbli għal operaturi iżgħar;
36. Jagħraf li huwa importanti li l-intrapriżi jingħataw appoġġ finanzjarju fl-ekonomija soċjali u solidali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi soċjali u solidali meta jirċievu għajnuna mill-Istat; jipproponi li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament fuq l-eżempju tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014(14);
37. Jinnota li, minbarra l-finanzjament, l-għoti ta' servizzi edukattivi u ta' taħriġ għall-individwi impjegati mill-intrapriżi soċjali u solidali, speċjalment biex jitrawmu l-ħiliet intraprenditorjali u l-għarfien ekonomiku bażiku dwar kif titmexxa intrapriża, kif ukoll l-għoti ta' appoġġ speċjalizzat, flimkien mas-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, huma kruċjali biex jissaħħaħ it-tkabbir ta' dan is-settur; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki mmirati lejn trattament fiskali favorevoli għall-intrapriżi soċjali u solidali;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fil-ġbir ta' data kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, u analiżijiet dwar intrapriżi soċjali u solidali u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-politika pubblika fil-pajjiżi u bejniethom, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' dawn l-intrapriżi u bl-użu ta' kriterji xierqa u rilevanti, bil-għan li jittejjeb it-tfassil tal-politika u tal-istrateġiji u jiġu żviluppati għodod li jappoġġjawhom fl-iżvilupp tagħhom;
39. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal att leġiżlattiv, dwar il-ħolqien ta' Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għal intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, skont ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fl-Anness tiegħu;
40. Huwa tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-Unjoni u l-Istati Membri;
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta' akkumpanjament fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Rakkomandazzjoni 1 (il-ħolqien tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u impriżi li jikkwalifikaw)
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li joħloq "Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea", li se tkun fakultattiva għall-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà (intrapriżi soċjali u solidali), irrispettivament mill-forma ġuridika li jiddeċiedu li jadottaw b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tingħata biss lill-intrapriżi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin, b'mod kumulattiv:
(a) l-organizzazzjoni għandha tkun entità legali privata stabbilita fi kwalunkwe forma disponibbli fl-Istati Membri u skont id-dritt tal-UE, u għandha tkun indipendenti mill-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi;
(b) l-iskop tagħha jrid ikun essenzjalment iffukat fuq l-interess ġenerali jew utilità pubblika;
(c) hija għandha essenzjalment twettaq attività utli għas-soċjetà u li tkun ibbażata fuq is-solidarjetà, jiġifieri permezz tal-attivitajiet tagħha, hija għandha timmira li tipprovdi appoġġ lil gruppi vulnerabbli, tiġġieled l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanza u l-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż fil-livell internazzjonali, jew tgħin tipproteġi l-ambjent, il-bijodiversità, il-klima u r-riżorsi naturali;
(d) hija għandha tkun soġġetta għal tal-inqas restrizzjoni parzjali fuq id-distribuzzjoni tal-profitti u għal regoli speċifiċi dwar l-allokazzjoni tal-profitti u l-assi matul il-ħajja kollha tagħha, inkluż fix-xoljiment tagħha; fi kwalunkwe każ, il-maġġoranza tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu investiti mill-ġdid jew inkella jintużaw biex jinkiseb l-iskop soċjali tagħha;
(e) hija għandha tiġi rregolata skont mudelli ta' governanza demokratika li jinvolvu l-impjegati, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati tagħha affettwati mill-attivitajiet tagħha; is-setgħa tal-membri u l-piż fit-teħid tad-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq is-sehem kapitali li jista' jkollhom;
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li xejn ma jżomm lill-impriżi konvenzjonali milli jingħataw it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, b'mod partikolari rigward l-għan tagħhom, id-distribuzzjoni tal-profitti, il-governanza u t-teħid tad-deċiżjonijiet.
Rakkomandazzjoni 2 (mekkaniżmu għaċ-ċertifikazzjoni, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea)
L-att leġiżlattiv għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni u ta' superviżjoni u monitoraġġ tat-tikketta legali bl-involviment tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali; tali mekkaniżmu huwa essenzjali biex tiġi protetta t-tikketta legali tal-"intrapriża bbażata fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà" u biex jiġi preservat il-valur intrinsiku tagħha. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li dan il-kontroll għandu jinvolvi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-setturi tal-intrapriża soċjali.
Penali għall-ksur tar-regoli rilevanti jistgħu jvarjaw minn sempliċi twissija għall-irtirar tat-tikketta.
Rakkomandazzjoni 3 (ir-rikonoxximent tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea)
It-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha. Intrapriża li jkollha t-tikketta għandha tiġi rikonoxxuta bħala intrapriża soċjali u solidali fl-Istati Membri kollha. It-tikketta għandha tippermetti lil kull impriża li jkollha din it-tikketta twettaq l-attività prinċipali tagħha fi Stati Membri oħrajn skont l-istess rekwiżiti bħall-impriżi nazzjonali li jkollhom it-tikketta. Huma għandhom igawdu l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi soċjali u solidali inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw.
Rakkomandazzjoni 4 (obbligi ta' rappurtar)
L-att leġiżlattiv għandu jirrikjedi lill-intrapriżi soċjali u solidali, li jkunu lesti jżommu t-tikketta, joħorġu fuq bażi annwali rapport soċjali dwar l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra li jirċievu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tipproduċi mudell biex tgħin lill-intrapriżi soċjali u solidali f'dan l-isforz.
L-att leġiżlattiv għandu jawtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida għal prattiki tajbin għal intrapriżi soċjali u solidali fl-Ewropa. Dawn il-prattiki tajbin għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dan li ġej:
(a) mudelli ta' governanza demokratika effettiva;
(b) proċessi ta' konsultazzjoni għall-istabbiliment ta' strateġija ta' negozju effettiv;
(c) adattament għall-ħtiġijiet soċjali u għas-suq tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-livell lokali;
(d) politika dwar il-pagi, it-taħriġ professjonali, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-kwalità ta' impjieg;
(e) relazzjonijiet ma' utenti u klijenti u t-tweġiba għal ħtiġijiet soċjali li mhumiex koperti mis-suq jew mill-Istat;
(f) is-sitwazzjoni tal-intrapriża fir-rigward tad-diversità, in-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fost il-membri tagħhom, inklużi pożizzjonijiet ta' responsabbiltà u ta' tmexxija;
Rakkomandazzjoni 6 (lista ta' forom ġuridiċi)
L-att leġiżlattiv għandu jinkludi lista ta' forom ġuridiċi fl-Istati Membri ta' intrapriżi u impriżi li jikkwalifikaw għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea. Din il-lista għandha tiġi riveduta regolarment.
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri, dik il-lista għandha tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.
Rakkomandazzjoni 7 (reviżjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti)
Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrevedi l-atti ġuridiċi eżistenti u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu qafas ġuridiku aktar koerenti u komplet fl-appoġġ tal-intrapriżi soċjali u solidali;
Rakkomandazzjoni 8 (dwar l-ekosistema għall-intrapriżi soċjali u solidali u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri)
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-politiki tagħha jirriflettu l-impenn biex joħolqu ekosistema għall-intrapriżi soċjali u solidali. Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra l-fatt li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom influwenza lokali u reġjonali qawwija, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu aktar konxji dwar il-bżonnijiet speċifiċi u jkunu kapaċi joffru prodotti u servizzi, ħafna minnhom ibbażati fuq il-komunità, kif ukoll itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu passi sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn intrapriżi soċjali u intrapriżi solidali ma' kull naħa tal-fruntieri nazzjonali u settorjali sabiex trawwem l-iskambju tal-għarfien u tal-prattiki b'tali mod li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' tali intrapriżi;
Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).
Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).