Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali 2017 tal-BĊE (2018/2101(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016(1),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2017 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),
– wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 7, 10(2), 15, 21, 32(5) u 33(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 129(3), 130, 138(2), 282(2), 282(3), 283(2) u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-diskors li għamel il-President tal-BĊE, Mario Draghi, f'Sintra fid-19 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra l-Bullettin Ekonomiku tal-BĊE, il-Ħarġa 5/2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 128(1) tat-TFUE, dwar il-munita tal-euro bħala valuta legali,
– wara li kkunsidra l-feedback dwar il-kontribut mogħti mill-Parlament bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2016,
– wara li kkunsidra r-Rapport Ekonomiku Annwali 2017 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), "Vulnerabilities in the EU residential real estate sector" (Vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fl-UE) ta' Novembru 2016, u t-twissijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jakkumpanjawh maħruġa lil tmien Stati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0424/2018),
A. billi l-euro għadha bla dubju t-tieni l-aktar munita importanti fis-sistema monetarja internazzjonali; billi fl-2017 l-appoġġ popolari għall-euro kien għoli bi kważi tliet kwarti tar-rispondenti appoġġjaw il-munità unika fiż-żona tal-euro (73 %), li huwa l-ogħla punteġġ li ntlaħaq mill-ħarifa 2004;
B. billi, skont it-tbassir tas-sajf tal-2018 tal-Kummissjoni, fl-2017 il-PDG tal-UE u taż-żona tal-euro kibru b'2,4 %, filwaqt li qabżu lil dak tal-Istati Uniti; billi, skont l-istess tbassir, il-PDG jenħtieġ li jiżdied fl-2018 u fl-2019 bi 2,1 % u 2,0 % rispettivament;
C. billi l-aktar ċifri ekonomiċi reċenti tal-2018 jirriflettu ċertu tnaqqis fit-tkabbir apparagun tal-livelli għoljin tal-2017, minħabba impetu aktar dgħajjef mill-kummerċ estern u prezzijiet taż-żejt ogħla;
D. billi, skont iċ-ċifri tal-Eurostat ta' Mejju 2018, il-qgħad fl-UE u fiż-żona tal-euro ma marx lura affattu għal-livelli ta' qabel il-kriżi, hekk li jirrappreżenta 7,0 % u 8,4 % rispettivament; billi l-għadd ta' nies impjegati u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol fiż-żona tal-euro laħqu l-ogħla livelli tagħhom minn mindu bdiet l-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-1999;
E. billi, minkejja xi konverġenza, ir-rati tat-tkabbir u tal-qgħad għadhom ġeografikament inugwali f'livell sinifikanti, filwaqt li jikkawżaw fraġilità perikoluża għall-ekonomija u jipperikolaw l-iżvilupp sod u bbilanċjat; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha aktar mid-doppju tar-rata medja, b'16,8 % fl-UE u 18,8 % fiż-żona tal-euro fi tmiem l-2017;
F. billi l-espansjoni ekonomika b'bażi wiesgħa ta' bħalissa hija primarjament immexxija mill-esportazzjonijiet u mill-konsum intern fl-Istati Membri; billi s-sena li għaddiet l-investiment kiber bl-aktar pass mgħaġġel mill-2007 'l hawn, bis-saħħa tal-appoġġ li rċieva mill-prosperità globali u mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa; jenfasizza r-rwol tal-FEIS fl-eliminazzjoni tad-diskrepanza fl-investiment fl-UE, billi jimmobilizza investiment totali ta' EUR 256,9 biljun, u jipprovdi finanzjament għal kważi 550 000 impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investiment;
G. billi l-prestazzjoni ekonomika ta' dawk l-Istati Membri li m'għandhomx il-munita unika u li jgawdu flessibbiltà fir-rata tal-kambju għall-muniti tagħhom stess ma kinitx ugwali; billi l-ekonomiji ta' dawk l-Istati Membri li fl-aħħar għaxar snin adottaw il-munita unika marru aħjar minn dawk tal-pajjiżi b'rati tal-kambju flessibbli;
H. billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Ġunju 2018, l-inflazzjoni annwali fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) għaż-żona tal-euro tidher li qabdet it-triq biex tilħaq 1,7 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, billi rkuprat minn livelli baxxi preċedenti u bdiet toqrob aktar lejn l-għan tal-BĊE fir-rigward tal-inflazzjoni fuq terminu medju ta' qrib, iżda anqas minn 2 %, li madankollu xorta waħda ma laħqitx l-objettiv imsemmi u b'varjanza kbira fir-rati tal-inflazzjoni madwar iż-żona tal-euro; billi ż-żieda fl-inflazzjoni bażika hija xprunata primarjament bi prezzijiet tal-enerġija ogħla, filwaqt li l-inflazzjoni sottostanti rreġistrat biss żieda marġinali għal 1,0 % minn 0,9 % fl-2016, mingħajr sinjali ta' tendenza 'l fuq sostnuta fl-2017; billi t-tkabbir fil-pagi f'konformità mat-tkabbir fil-produttività għadu prekundizzjoni importanti għal żieda sostnuta fl-inflazzjoni sottostanti;
I. billi skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, id-defiċit aggregat tal-gvern fiż-żona tal-euro huwa mistenni li fl-2018 jonqos minn 0,9 % għal 0,7 % tal-PDG, bi tnaqqis ulterjuri ta' 0,6 % antiċipat għall-2019, meta mqabbel mad-defiċits mistennija ta' 5,9 % tal-PDG fl-Istati Uniti u 2,7 % fil-Ġappun;
J. billi l-BĊE jistenna li l-inflazzjoni terġa' tibda tielgħa fuq terminu medju, sostnuta mill-impatt tal-pożizzjoni attwali tal-politika monetarja, it-tkomplija tal-espansjoni ekonomika, iż-żieda fil-pagi u l-assorbiment tal-istaġnar ekonomiku;
K. billi l-banek taż-żona tal-euro bdew inaqqsu b'pass aktar mgħaġġel l-għadd ta' selfiet improduttivi (NPLs), minn 8 % tas-self totali fl-2014 għal 4,9 % fir-raba' kwart tal-2017; billi l-volum totali ta' selfiet improduttivi fl-UE kollha għadu fil-livell ta' EUR 950 biljun; billi l-NPLs jeħtieġ li jew jinbiegħu, jitħassru (parzjalment) jew jiġu pprovduti b'mod xieraq sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu evitati konsegwenzi negattivi għad-detenturi tal-kontijiet, għal dawk li jfaddlu u għall-investituri attwali; billi hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-għadd ta' selfiet improduttivi; billi l-proporzjonijiet ta' NPL fi tmien Stati Membri għadhom ferm ogħla minn 10 % u tnejn minnhom għandhom proporzjon ta' aktar minn 40 %;
L. billi hemm bżonn ta' suq sekondarju mtejjeb għall-NPLs bil-għan li tittejjeb il-likwidità tas-suq fil-livell Ewropew u tiġi evitata opaċità fis-suq possibbli; billi l-istituzzjonijiet finanzjarji attivi fis-suq sekondarju jridu jkunu obbligati jqisu l-interessi tal-konsumaturi u jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha rilevanti nazzjonali u tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;
M. billi f'Ottubru 2017, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jkompli x-xiri nett tiegħu skont il-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP) b'ritmu ta' kull xahar ta' EUR 30 biljun sa Settembru 2018; billi fil-laqgħa ta' Ġunju 2018 tiegħu, iddeċieda li jtawwal ix-xiri ta' kull xahar għal ammont imnaqqas ta' EUR 15-il biljun sat-tmiem l-2018 u mbagħad iwaqqaf ix-xiri għalkollox, bil-kundizzjoni li d-data li tasallu tikkonferma l-perspettiva tiegħu tal-inflazzjoni fuq terminu medju, u jikkonferma dik id-deċiżjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Settembru 2018;
N. billi l-Kunsill Governattiv tal-BĊE kkonferma l-istennijiet tiegħu li jżomm ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożiti tali kwali b'0,00 %, 0,25 % u 0,40 % rispettivament sa mill-anqas tmiem is-sajf 2019, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun hemm aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni b'mod konsistenti mal-objettiv ta' terminu medju tal-BĊE;
O. billi l-aħħar darba li twettqu l-Operazzjonijiet Speċifiċi ta' Rifinanzjament aktar fit-Tul (TLTRO) fl-2017 urew żieda fid-domanda mill-banek fiż-żona tal-euro; billi l-objettiv tat-TLTRO huwa li jistimolaw self mill-banek għall-ekonomija reali;
P. billi, fi tmiem l-2017, id-daqs tal-karta bilanċjali tal-Eurosistema kien laħaq quċċata bla preċedent ta' aktar minn EUR 4,5 triljun, b'żieda ta' EUR 0,8 triljun apparagun ma' tmiem l-2016 u li jikkostitwixxi 41 % tal-PDG totali taż-żona tal-euro; billi, permezz tal-programm ta' xiri ta' bonds, il-BĊE assuma riskji sostanzjali fil-karta bilanċjali tiegħu;
Q. billi fl-2017, l-għadd u l-valur tal-karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 5,9 % u 4,0 % rispettivament filwaqt li l-għadd u l-valur tal-muniti tal-euro żdiedu b'4,2 % u 4,0 % rispettivament;
R. billi fl-2017, il-qligħ nett tal-BĊE kien jammonta għal EUR 1 275 biljun meta mqabbel ma' EUR 1 193 biljun fl-2016; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita primarjament liż-żieda fid-dħul nett mill-imgħax;
S. billi l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE konsistentement enfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jtejbu l-produttività fiż-żona tal-euro, kif ukoll ta' politiki fiskali favur it-tkabbir, fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;
T. billi l-Artikolu 123 tat-TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBĊ/tal-BĊE jipprojbixxu l-finanzjament monetarju tal-gvernijiet;
U. billi, s'issa, fit-twettiq tal-attivitajiet superviżorji tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew mhux dejjem qies biżżejjed il-prinċipju tal-proporzjonalità;
Ħarsa ġenerali
1. Jilqa' l-fatt li, fl-2017, l-appoġġ popolari għall-euro żdied bi 8 punti perċentwali meta mqabbel mal-2016, bi kważi żewġ terzi tar-rispondenti (64 %) iqisu li l-munita unika hija ħaġa tajba għall-pajjiżi tagħhom;
2. Itenni li l-euro hija proġett politiku, qabel wieħed ekonomiku; itenni l-irriversibbiltà tal-munita unika;
3. Jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit ta' kull Stat Membru bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tad-Danimarka li jadotta l-munita unika ladarba jissodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja jeħtieġ li tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro;
4. Jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilit fit-Trattati, hija kruċjali biex dan ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u li jħares lill-istituzzjoni kollha kemm hi mill-interferenza politika;
5. Jenfasizza li l-BĊE huwa responsabbli għall-politika monetarju taż-żona tal-euro kollha kemm hi; ifakkar li r-regoli tal-BĊE jiddikjaraw li l-membri tal-bord ma jirrappreżentawx lill-Istat Membru tagħhom, m'għandhom l-ebda setgħa ta' veto u jeħtiġilhom ma jieħdu l-ebda istruzzjoni minn xi istituzzjoni, gvern jew korp ieħor, u b'hekk dan ikun jista' jaġixxi b'mod deċiżiv;
6. Jinnota li l-politika monetarja kkontribwiet biex tippreserva l-munita unika u l-istabbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;
7. Itenni li l-indipendenza tal-BĊE tagħti lill-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu l-libertà li jiddeċiedu, b'mod responsabbli u abbażi tar-rispett għall-obbligu ta' rendikont xieraq, jekk jiħdux sehem fil-fora, inklużi dawk mhux miftuħa għall-pubbliku, meta jqisu li dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-aħjar twettiq tal-politika monetarja tal-BĊE; jinnota l-opinjoni tal-Ombudsman tal-5 ta' Lulju 2018;
8. Jistieden lill-BĊE jiffoka fuq l-objettiv primarju tiegħu tal-istabbiltà fil-prezzijiet; ifakkar li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Istatut tiegħu u l-Artikolu 127 tat-TFUE u d-dettalji ulterjuri previsti fl-Artikolu 282 tat-TFUE, il-BĊE jeħtieġlu, mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-istabbiltà fil-prezzijiet, jappoġġja "il-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni", bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE;
9. Jinnota li l-ekonomija tal-UE kibret bl-aktar rata mgħaġġla tagħha f'għaxar snin fl-2017 u li l-Istati Membri kollha raw l-ekonomija tagħhom tespandi; jinnota li l-qgħad fl-UE jinsab fl-aktar livell baxx tiegħu mill-2008, għalkemm għadu jaffettwa b'mod drammatiku liż-żgħażagħ; jilqa' r-rwol tal-BĊE fir-riformi strutturali mfassla biex iġibu tkabbir sostenibbli u inklużiv mwettqa fi wħud mill-Istati Membri bħala parti mill-irkupru li għaddej bħalissa; ifakkar l-importanza li jiġu vvalutati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' dawn ir-riformi;
10. Iwissi, madankollu, kontra ż-żieda fl-inċertezzi li tirriżulta minn fatturi li jinkludu: it-theddida ta' żieda fil-protezzjoniżmu; in-negozjati tal-Brexit; prezzijiet artifiċjali tal-assi potenzjali; il-kriżijiet tas-swieq emerġenti; il-livelli storiċi ta' dejn privat u pubbliku; il-volatilità ġenerali fis-swieq finanzjarji marbuta b'mod partikolari mar-riskji politiċi f'xi Stati Membri li qed ixekklu l-prospetti ta' tkabbir taż-żona tal-euro; iż-żieda fil-populiżmu, l-iżolazzjoniżmu u l-etnoċentriżmu fl-ispettru politiku kollu; ir-reazzjonijiet negattivi kontra l-globalizzazzjoni; u d-diverġenzi dejjem akbar bejn l-Istati Membri dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea;
11. Iwissi li, skont ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), kien hemm sinjali ta' akkumulazzjoni ta' żbilanċi finanzjarji, speċjalment fil-pajjiżi li fil-parti l-kbira tagħhom sofrew mill-kriżi finanzjarja l-kbira minħabba li, għall-kuntrarju tal-pajjiżi li jinsabu fil-qalba tat-taqlib, hemmhekk ma seħħ l-ebda tnaqqis fl-ingranaġġ tas-settur privat; jinnota li l-iżbilanċi jieħdu l-forma ta' żidiet qawwija fil-kreditu tas-settur privat;
12. Jenfasizza l-importanza kbira, f'dan l-istadju, li jinżamm ambjent favorevoli għall-investiment pubbliku u privat, li għadu ma laħaqx il-livelli ta' qabel il-kriżi; iħeġġeġ lill-BĊE jieħu miżuri f'konformità mal-mandat tiegħu, biex jgħin fit-twettiq ta' dan l-objettiv; ifakkar, madankollu, li espansjoni mmexxija mill-kreditu tista' twassal għal allokazzjoni ħażina ta' riżorsi reali;
Riformi strutturali
13. Iqis li l-politika monetarja waħedha mhijiex biżżejjed sabiex jinkiseb irkupru ekonomiku sostenibbli; ifakkar l-impatt kontroċikliku tal-politika monetarja fl-irkupru ta' wara l-kriżi, iżda jemmen li l-kontribut strutturali li tagħmel l-politika monetarja għat-tkabbir sostenibbli huwa limitat; iħeġġeġ għalhekk lil dawk li jfasslu l-politika biex iżommu x-xejra ekonomika pożittiva attwali lil hinn mit-terminu qasir billi jimplimentaw taħlita ta' riformi strutturali u politiki fiskali li jtejbu l-produttività bbilanċjati soċjalment, ambizzjużi u li jiffavorixxu t-tkabbir, fi ħdan il-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), inklużi d-dispożizzjonijiet ta' flessibiltà tiegħu; itenni l-kliem tal-president tal-Bord Fiskali Ewropew, fid-diskors tiegħu lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5 ta' Novembru 2018, fis-sens li "il-flessibbiltà fir-regoli trid tkun prattika li tiddependi fuq is-sitwazzjoni ekonomika li ninsabu fiha", kif ukoll il-fehma espressa fir-rapport ta' Ġunju 2018 li "sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kredibbiltà tal-Patt, id-dispożizzjonijiet ta' flessibbilta tiegħu jenħtieġ li jiġu applikati b'mod simmetriku, mhux biss meta l-ekonomija tkun sejra ħażin jew tkun dgħajfa";
14. Jenfasizza li sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tal-politika monetarja, l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi jridu jiġu kkoreġuti b'politiki fiskali u ekonomiċi xierqa u riformi li jtejbu l-produttività; jenfasizza li l-politika monetarja tal-BĊE ma tistax tkun sostitut għal riformi strutturali sostenibbli, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri;
15. Jinnota bi tħassib li s-sehem tal-UE fuq il-flussi ta' investimenti diretti barranin globali naqas b'mod sinifikanti sa mill-bidu tal-kriżi;
16. Jinnota l-opinjoni tal-BĊE li titlob l-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-assigurazzjoni tad-depożiti għall-bini tal-fiduċja u għall-iżgurar tas-sikurezza tad-depożiti kollha fi ħdan l-Unjoni Bankarja; jenfasizza li l-EDIS tista' tkompli tgħin biex tissaħħaħ u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja; jirrikonoxxi l-fatt li l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju jenħtieġ li jimxu id f'id;
Programm ta' xiri ta' assi
17. Jenfasizza li l-miżuri mhux standard tal-politika monetarja tal-BĊE kkontribwew biex jipprevjenu r-riskji ta' deflazzjoni li kienu għadhom preżenti fil-bidu tal-2016 u biex jagħtu bidu għall-irkupru fil-kreditu għas-settur privat, li t-tkabbir annwali tiegħu kien ta' madwar 3 % f'nofs l-2018 meta mqabbel ma' 0 % fl-2015;
18. Jaqbel mal-BĊE li, sabiex tintlaħaq il-mira tal-inflazzjoni, huma meħtieġa politiki fiskali sostenibbli ta' sostenn kif ukoll riformi li jtejbu l-kompetittività, il-produttività u t-tkabbir u żidiet fil-pagi f'konformità mat-tkabbir tal-produttività; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jirdoppjaw l-isforzi tagħhom skont il-prinċipji tat-"trijangolu virtwuż" ta' spinta lill-investiment, insegwiment ta' riformi strutturali li jiffavorixxu t-tkabbir u li jkunu bbilanċjati soċjalment, u żgurar ta' politiki fiskali responsabbli;
19. Jinsab imħasseb dwar iż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-proprjetà f'ċerti Stati Membri; jitlob għalhekk li jkun hemm viġilanza kontra r-riskju li jerġa' jfeġġ il-fenomenu tal-bżieżaq immobiljari u ta' dejn eċċessiv fl-unitajiet domestiċi u fis-settur privat f'ċerti Stati Membri;
20. Jinnota l-kummenti tal-President tal-BERS, Mario Draghi,(3) fis-sens li s-sors ewlieni tal-vulnerabbiltà li jwassal għas-sovrażbilanċ fis-swieq tal-proprjetà fl-UE huwa t-tfittxija għal rendiment minn investituri internazzjonali - fil-parti l-kbira tagħhom fil-qasam ta' finanzjament transkonfinali u minn entitajiet mhux bankarji - u li dawk li jfasslu l-politika jenħtieġ li jinvestigaw jekk jenħtieġx li jiġu introdotti strumenti makroprudenzjali ġodda għall-entitajiet mhux bankarji, speċjalment fir-rigward tal-iskoperturi tal-proprjetà kummerċjali tagħhom;
21. Jaqbel, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-BĊE, mad-deċiżjoni tiegħu li jtemm l-APP b'mod sostenibbli, bil-kundizzjoni li d-data li tasallu tikkonferma l-perspettiva tiegħu tal-inflazzjoni fuq terminu medju, u jqis li dan l-istrument jenħtieġ li jintuża biss fuq bażi temporanja, peress li joħloq riskji ġodda għall-istabbiltà finanzjarja u jnaqqas l-inċentivi biex jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi u biex jiġu implimentati riformi strutturali; jirrikonoxxi l-fatt li d-dipendenza fuq il-politika monetarja sabiex jiġi appoġġjat l-irkupru ta' wara l-kriżi kellha wkoll konsegwenzi mhux intenzjonati;
22. Jenfasizza b'mod partikolari li miżuri twal ta' politika mhux standard jista' jkollhom effetti negattivi distributtivi; jistieden għalhekk lill-BĊE jinkludi fir-rapport annwali tiegħu li jmiss analiżi komprensiva u ddettaljata tal-effetti sekondarji tal-miżuri tal-politika monetarja tiegħu, inklużi r-riskji potenzjali għas-settur tal-assigurazzjoni u tal-pensjoni;
23. Jinnota li, b'assi ta' EUR 1.9 triljun fi tmiem l-2017 il-Programm ta' Xiri ta' Assi tas-Settur Pubbliku (PSPP) kien jirrappreżenta l-akbar sehem tal-APP; jenfasizza l-importanza li jiġi segwit il-limitu għal kull emittent ta' 33 % f'dak li huwa xiri ta' assi tas-settur pubbliku;
24. Jinnota li, mill-programmi kollha ta' xiri ta' assi tas-settur privat, il-programm ta' xiri ta' assi tas-settur korporattiv (CSPP) ikkontribwixxa l-aktar għall-APP fl-2017, bl-ammont ta' EUR 82 biljun f'termini ta' xiri nett; jilqa' l-fatt li mill-2017 'l hawn il-BĊE kien qed jippubblika l-lista sħiħa tal-assi CSPP kollha, inklużi l-ismijiet tal-emittenti, flimkien ma' data aggregata dwar dawk l-assi skont il-pajjiż, ir-riskju, il-klassifikazzjoni u s-settur; jistieden lill-BĊE japplika politika simili ta' trasparenza għall-programmi kollha ta' xiri ta' assi inklużi l-ABSPP u s-CBPP3, flimkien ma' aktar miżuri sabiex jiġu żvelati l-proċeduri operattivi użati fl-għażla tat-titoli mixtrija mill-banek ċentrali nazzjonali; jenfasizza li l-CSPP ma jrid bl-ebda mod iwassal għal distorsjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq intern;
25. Ifakkar li l-BĊE bħala istituzzjoni tal-UE huwa marbut mill-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-BĊE, b'rispett sħiħ għall-mandat tiegħu, l-indipendenza tiegħu u l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju, biex jintegra l-impenn għall-ftehim ta' Pariġi u l-prinċipji ekonomiċi, soċjali u ta' governanza (il-prinċipji ESG) fil-politiki tiegħu;
26. Jilqa' t-trasparenza pprovduta mill-BĊE permezz tal-indikazzjonijiet tiegħu għall-ġejjieni; jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-BĊE li r-rati tal-imgħax jinżammu f'livell baxx, meta wieħed iqis l-inċertezzi fl-ambjent globali fil-preżent;
27. Jissottolinja li s-sekwenzjar u t-twettiq xierqa tal-eliminazzjoni gradwali ta' miżuri eċċezzjonali tal-politika monetarja se jkunu essenzjali sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq; ifakkar li huwa possibbli li nipproċedu għal żidiet fir-rati filwaqt li nżommu daqs tal-karta bilanċjali stabbli għall-Eurosistema jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu dan;
28. Jenfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni u ta' gwida għall-ġejjieni għal normalizzazzjoni b'suċċess tal-politika monetarja;
29. Huwa konxju tal-impatt differenzjat li n-normalizzazzjoni tal-politika monetarja hija mistennija li jkollha fuq l-Istati Membri, skont il-livell u l-profil tal-maturità tad-dejn tagħhom;
30. Jenfasizza l-kobor tal-bidliet regolatorji u strutturali li seħħew mill-aħħar kriżi ekonomika u tar-rilevanza tagħhom għal bosta oqsma relatati mal-politika monetarja; jissottolinja l-importanza ta' riċerka u studji sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-ambjent il-ġdid li rriżulta mill-iżviluppi li seħħew tul l-aħħar deċennji u tal-konsegwenzi tagħhom għat-twettiq tal-politika monetarja;
31. Jinnota l-impatt tar-rata negattiva tal-faċilità ta' depożitu imposta fuq il-banek sa minn Ġunju 2014; iqis li din il-miżura, li kieku kellha titkompla, taf taffettwa l-profittabbiltà tas-settur bankarju u li din jenħtieġ li titneħħa gradwalment matul in-normalizzazzjoni tal-politika monetarja skont l-irkupru attwali;
32. Huwa konxju tat-tkomplija possibbli tat-TLTRO, li jipprovdu finanzjament fuq terminu medju lill-banek b'kundizzjonijiet attraenti bil-kundizzjoni li l-finanzjament effettivament jintuża biex jitfa' kreditu ġdid fl-ekonomija reali; jeħu nota tad-domanda dejjem akbar min-naħa tal-banek taż-żona tal-euro riflessa fl-aħħar TLTRO fl-2017, li jaf tkun minħabba l-aspettattivi ta' żieda fir-rati ta' depożitu u l-possibbiltà ta' qligħ baxx; jistieden lill-BĊE jimmonitorja mill-qrib dan l-iżvilupp sabiex jiżgura li t-TLTRO effettivament qed jintużaw biex jistimolaw self mill-banek għall-ekonomija reali;
33. Jieħu nota taż-żieda fil-bilanċi TARGET2 li tindika ħruġ kontinwu ta' kapital mill-periferija taż-żona tal-euro; jinnota li l-BĊE jqis li l-bidliet fil-bilanċi TARGET fil-parti l-kbira tagħhom jirriflettu l-flussi tal-likwidità li qed jirriżultaw fil-kuntest tal-APP u mhumiex sintomu ta' pressjoni mill-ġdid fuq is-swieq finanzjarji; jistieden lill-BĊE jikkjarifika l-fatturi sottostanti u r-riskji potenzjali relatati mal-iżbilanċi li dan għandu mnejn jikkaġuna;
Aspetti oħra
34. Jilqa' l-adozzjoni tal-ftehim dwar l-assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ELA), li jikkjarifika l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet, l-ispejjeż u r-riskji; jinnota li dan il-ftehim għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard mill-2019; jemmen li d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-ELA jenħtieġ li tittieħed fil-livell tal-UE;
35. Jistieden lill-BĊE jiżvela l-ammonti sħaħ tal-profitti li saru mill-Eurosistema permezz tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti (ANFA) u permezz tal-Programm tas-Suq tat-Titoli (SMP) mill-2010 sal-iskadenza sħiħa tiegħu, bi tqassim speċifiku għal kull pajjiż għal dawk l-Istati Membri li kienu soġġetti għal xiri SMP (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u l-Italja);
36. Jilqa' l-emenda tal-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ/tal-BĊE, sabiex tingħata bażi ġuridika ċara biex l-Eurosistema tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha bħala bank ċentrali tal-ħruġ għall-kontropartijiet ċentrali tal-ikklerjar (CCPs), u b'hekk il-BĊE jingħata l-kompetenza biex jirregola l-attività tas-sistemi tal-ikklerjar, inklużi s-CCPs, bil-għan li jiġu miġġielda b'mod effettiv ir-riskji imposti minn dawk is-sistemi għall-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika;
37. Jistieden lill-BĊE jsegwi r-rakkomandazzjonijiet ta' Transparency International, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tiegħu fi ħdan it-trojka;
38. Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-banek ikunu mħejjija tajjeb għall-kontinġenzi kollha possibbli b'relazzjoni mal-Brexit; jistieden, madankollu, lill-BĊE jagħmel it-tħejjijiet kollha meħtieġa biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE, inkluż fil-każ ta' Brexit mingħajr ftehim;
39. Jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri taż-żona tal-euro biex isegwu strateġija regolatorja konġunta għas-settur finanzjarju fid-dawl tal-Brexit, pjuttost milli jinvolvu ruħhom f'kompetizzjoni 'l isfel perikoluża;
40. Jaqbel li suq kapitali li jiffunzjona sew, diversifikat u integrat jista' jwassal għat-trażmissjoni tal-politika monetarja unika; iħeġġeġ biex il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jipproċedi b'pass aktar mgħaġġel sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja, bil-għan li tingħata għajnuna fil-bini tar-reżiljenza għax-xokkijiet u t-trażmissjoni tal-politika monetarja madwar l-Unjoni Monetarja ssir aktar effikaċi, filwaqt li titrawwem il-kondiviżjoni tar-riskju privata fi ħdan l-Unjoni Bankarja u fi ħdan l-Unjoni kollha kemm hi; jirrimarka li l-CSPP seta' kkontribwixxa għall-iffaċilitar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament tan-negozju, b'mod partikolari fis-settur mhux finanzjarju (jiġifieri għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji (NFCs));
41. Iqis li s-swieq kapitali Ewropej aktar profondi u konnessi aħjar li se jirriżultaw mill-bidla lejn CMU tal-UE u mit-tlestija pass b'pass tal-Unjoni Bankarja, se jikkontribwixxu għall-profondità u l-likwidità tas-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro, filwaqt li jrawmu l-pożizzjoni internazzjonali tal-euro;
42. Jistieden lill-BĊE jkompli jagħti attenzjoni għall-aċċess għall-kreditu fir-rigward tal-SMEs, b'mod partikolari fid-dawl tat-titjib kajman fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom li ġie enfasizzat mill-Istħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzi tal-intrapriżi (SAFE) li twettaq f'Ġunju 2018; jenfasizza li CMU li tiffunzjona kompletament tista', f'perspettiva aktar fit-tul, tipprovdi finanzjament alternattiv għall-SMEs, filwaqt li tikkomplementa dak tas-settur bankarju;
43. Jemmen li l-aktar mod rapidu biex tinkiseb CMU li tiffunzjona tajjeb huwa billi jiġu indirizzati r-regolamenti nazzjonali li jipprevjenu lis-swieq kapitali li jiffunzjonaw tajjeb milli jkollhom impatt usa' fl-Unjoni kollha u billi jitnaqqas il-piż tar-regolamenti l-ġodda;
44. Jistieden lill-BĊE jżid il-monitoraġġ tiegħu rigward l-iżvilupp tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT) u ż-żieda fir-riskji relatati maċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija finanzjarja;
45. Jinnota li l-BĊE jaqbel li huwa importanti li jiġu studjati r-rilevanza u l-implikazzjonijiet tal-ħruġ ta' munita diġitali mill-bank ċentrali (jew flus b'bażi diġitali, DBM) għall-pubbliku ġenerali; iħeġġeġ lill-BĊE jwettaq u jippubblika tali studju;
46. Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-IT għas-settur finanzjarju u għas-sistema tal-pagamenti; jistieden lill-BĊE jkompli jagħti attenzjoni mill-qrib lil din il-kwistjoni, jenfasizza l-importanza tiegħu fil-fora internazzjonali, u jkompli jikkoopera mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;
47. Jaqbel mal-BĊE dwar l-importanza tal-flus fiżiċi bħala valuta legali, peress li ż-żona tal-euro hija l-unika valuta legali fi ħdan iż-żona tal-euro, u jfakkar lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li l-aċċettazzjoni tal-muniti u l-karti tal-euro jenħtieġ li jkunu r-regola fi tranżazzjonijiet bl-imnut, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' dawk l-Istati Membri li jintroduċu limiti massimi għal pagament bi flus kontanti bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali, u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
48. Jirrifletti l-pożizzjonijiet espressi mill-membri tal-Bord Eżekuttiv dwar l-importanza li jiġu żviluppati sistemi tal-ħlas tassew Ewropej li ma jiġux affettwati minn tfixkil estern bħal dak ta' natura politika;
49. Jiġbed l-attenzjoni għat-talba tal-President Juncker fid-diskors tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni biex jiġi indirizzat ir-rwol internazzjonali tal-euro u l-ħtieġa li din taqdi r-rwol sħiħ tagħha fix-xena internazzjonali;
50. Jenfasizza l-importanza li l-BĊE jkollu obbligu ta' rendikont lejn il-Parlament; jilqa', f'dan ir-rigward, id-djalogu permanenti bejn il-BĊE u l-Parlament, kif ukoll il-fatt li b'mod regolari l-President tal-BĊE u, meta jkun applikabbli, membri oħra tal-Bord Eżekuttiv jidhru quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u quddiem il-plenarja; iħeġġeġ lill-BĊE jkompli dan id-djalogu; jenfasizza li l-BĊE tejjeb il-komunikazzjoni tiegħu; jemmen li dan jenħtieġ li jkompli l-isforzi tiegħu sabiex jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu disponibbli għaċ-ċittadini kollha u b'mod li dawn ikunu jistgħu jifhmuhom, kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet fiż-żona tal-euro u għalhekk tiġi ppreservata l-kapaċità tal-akkwist tal-munita komuni;
51. Jifraħ lill-BĊE għall-perkors li sar s'issa li żied it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej u tal-Parlament;
52. Jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji sabiex jieħu azzjoni biex ittejjeb l-istruttura tad-djalogu monetarju mal-President tal-BĊE;
53. Jilqa' l-feedback imtejjeb, taqsima b'taqsima u sostanzjali mogħti mill-BĊE għall-kontribut tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2016; jistieden lill-BĊE jkompli dan l-impenn għall-obbligu ta' rendikont u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;
54. Ifakkar li fix-xhur li ġejjin se jsiru bidliet importanti fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE, peress li diversi Membri tal-Bord Eżekuttiv, inkluż il-President, se jtemmu l-mandat tagħhom; iqis li dawn il-bidliet jenħtieġ li jitħejjew b'attenzjoni u f'trasparenza sħiħa mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; iħeġġeġ lill-Kunsill jfassal lista mqassra bbilanċjata ta' mill-inqas tliet kandidati għall-postijiet vakanti kollha li ġejjin, u b'hekk jippermetti lill-Parlament jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; itenni l-pożizzjoni tiegħu li huwa meħtieġ titjib fil-bilanċ bejn is-sessi, kemm fil-Bord Eżekuttiv kif ukoll fil-persunal tal-BĊE b'mod aktar ġenerali; jenfasizza li l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jeħtiġilhom jinħatru unikament abbażi tal-istatura rikonoxxuta u l-esperjenza professjonali tagħhom fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji;
55. Jaqbel mal-argument li għamel il-President Draghi fid-diskors tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 li l-għadd eċċessiv ta' dikjarazzjonijiet inkonsistenti li saru u li mbagħad ma ġewx segwiti fix-xhur reċenti wasslu biex fl-Italja kien hemm żieda fir-rendiment tal-bonds tal-gvern u għal twessigħ tal-firxa, b'konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi u għall-unitajiet domestiċi;
o o o
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.