Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2100(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0419/2018

Testi mressqa :

A8-0419/2018

Dibattiti :

PV 15/01/2019 - 15
CRE 15/01/2019 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0030

Testi adottati
PDF 157kWORD 56k
L-Erbgħa, 16 ta' Jannar 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Unjoni Bankarja - Rapport annwali 2018
P8_TA(2019)0030A8-0419/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2019 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2018 (2018/2100(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni miftiehma mis-Summit tal-Euro fil-laqgħa tiegħu tad-29 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji mill-BĊE(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani (COM(2018)0339),

–  wara li kkunsidra l-konstatazzjonijiet tal-BĊE tat-23 ta' Frar 2018 li l-ABLV Bank u l-ABLV Bank Luxembourg kienu qed ifallu jew probabbilment se jfallu, b'konformità mar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-varar, fil-31 ta' Jannar 2018, mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), tat-test tal-istress tagħha madwar l-Ewropa kollha(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja ("il-Komunikazzjoni dwar il-Banek")(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Statistiku Annwali tal-ESMA dwar is-swieq tad-derivattivi tal-UE tat-18 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-BĊE tal-15 ta' Marzu 2018 dwar l-aspettattivi finanzjarji għal self improduttiv (NPLs) ġdid(6) u tal-11 ta' Lulju 2018 dwar passi ulterjuri fl-approċċ superviżorju tiegħu għall-istokk tal-NPLs(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) ta' Settembru 2018 intitolat "Approaching non-performing loans from a macroprudential angle" (Nindirizzaw is-self improduttiv minn angolu makroprudenzjali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BERS ta' Settembru 2018 intitolat "EU Shadow Banking Monitor N° 3" (Rapport ta' Monitoraġġ Nru 3 tas-Sistema Bankarja Parallela fl-UE),

–  wara li kkunsidra l-avviż ta' post vakanti għall-kariga ta' President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE mill-1 ta' Jannar 2019(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (COM(2017)0591),

–  wara li kkunsidra l-proposti biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (CRR) (COM(2016)0850) kif ukoll id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (CRD IV) (COM(2016)0854),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Novembru 2017 dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għal rekwiżiti kapitali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (CON/2017/46),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BERS ta' Lulju 2017 intitolat "Financial stability implications of IFRS 9" (L-implikazzjonijiet tal-IFRS 9 fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0419/2018),

A.  billi li l-għoti lill-BĊE tar-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti kien suċċess;

B.  billi s-superviżjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus ma jistgħux jiġu ttrattati b'mod separat;

C.  billi jeħtieġ li r-rwol tal-ABE jissaħħaħ b'mod sinifikanti sabiex il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus jiġu implimentati u kkontrollati b'mod effikaċi;

D.  billi huwa importanti li jiġi ċċarat it-trattament tal-għajnuna mill-Istat f'azzjonijiet minn skemi ta' garanzija tad-depożiti(9);

E.  billi l-istokk ta' NPLs u l-iskoperturi tal-livell 2 u l-livell 3 fis-sistemi bankarji ta' xi Stati Membri għadhom għoljin b'mod inkwetanti;

F.  billi l-għadd u l-proporzjonijiet ta' NPLs għadhom ivarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;

G.  billi l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro; billi s'issa l-ebda Stat Membru għadu ma ddeċieda li jipparteċipa fuq dik il-bażi; billi diversi Stati Membri qed jiddiskutu l-possibbiltà li jingħaqdu mal-Unjoni Bankarja; billi istituzzjonijiet finanzjarji differenti jaraw vantaġġi fil-fatt li jkunu jinsabu fi ħdan l-Unjoni Bankarja;

1.  Jieħu nota pożittiva tal-kisbiet u r-riżultati tal-Unjoni Bankarja biex tgħin fit-trawwim ta' suq tassew uniku, kundizzjonijiet ekwi, stabbiltà finanzjarja u aktar prevedibbiltà għall-atturi tas-suq; jissottolinja l-importanza tal-impenn favur il-proċess tal-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-ftuħ u t-trattament ugwali tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja; ifakkar li l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, inkluża Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti u garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, irid ikompli, kif ukoll l-adozzjoni ta' miżuri biex jinkiseb tnaqqis tar-riskju, li jikkontribwixxi għal żieda ulterjuri fl-istabbiltà finanzjarja u l-prospetti ta' tkabbir;

2.  Jisħaq fuq l-importanza tal-impenn favur il-proċess tal-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li jgħin biex jinbena suq kapitali uniku veru fl-UE, biex il-kreditu jiddaħħal fl-ekonomija reali, biex jippermetti aktar il-kondiviżjoni tar-riskji fil-qasam privat, biex inaqqas il-ħtieġa għall-kondiviżjoni tar-riskji fil-qasam pubbliku, jiffaċilita l-investimenti transfruntieri u jikkomplementa l-finanzjament permezz tal-banek;

3.  Ifakkar li l-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jissieħbu; jilqa' kwalunkwe pass meħud minn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro biex jissieħbu fl-Unjoni Bankarja billi dan jgħin biex l-Unjoni Bankarja tiġi allinjata mas-suq intern;

4.  Iqis li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Bankarja, minbarra l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja, għandu jkun, fost oħrajn, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità, li tħares id-diversità tal-mudelli bankarji sostenibbli tal-UE u li jiġi evitat li s-sistema bankarja Ewropea tiġi mmexxija lejn mudell uniku jew li jippenalizza b'mod sproporzjonat lill-banek iż-żgħar, peress li din id-diversità tippermetti li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti taċ-ċittadini u tal-proġetti tagħhom, filwaqt li taġixxi wkoll bħala għodda ta' diversifikazzjoni, karatteristika fundamentali biex jiġu assorbiti xokkijiet potenzjali;

5.  Jenfasizza li l-proposti li saru minn korpi internazzjonali għandhom isiru parti mid-dritt tal-Unjoni b'tali mod li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur bankarju Ewropew;

6.  Jenfasizza li b'mod partikolari l-istandards tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) m'għandhomx jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni kif inhuma mingħajr ma jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema bankarja Ewropea u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

7.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' sett ta' regoli koerenti u konċiżi għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Bankarja, filwaqt li titqies l-importanza tal-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tagħti prijorità lir-regolamenti minflok lid-direttivi bħala l-għodda leġiżlattiva għall-Unjoni Bankarja, u tagħmilha prijorità li tiżgura bis-sħiħ li l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tkun implimentata bis-sħiħ u b'mod korrett fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej, tidentifika u tneħħi l-ostakli għas-suq intern;

8.  Jemmen li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta' superviżjoni u riżoluzzjoni għandhom ikunu koerenti, spjegati sew, trasparenti u disponibbli pubblikament; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' superviżjoni u riżoluzzjoni jkunu restrittivi kemm jista' jkun fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettulhom jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti;

Superviżjoni

9.  Jieħu nota tal-valutazzjonijiet riċenti tal-BĊE dwar il-banek li qed ifallu jew probabbilment se jfallu, li saru fl-2018; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-ħinijiet tar-rispons tas-superviżjoni bankarja Ewropea; huwa mħasseb ħafna li wħud minn dawn il-każijiet qajmu kwistjonijiet rigward it-tisħiħ tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus fl-Unjoni Bankarja; jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' approċċ komuni tal-UE f'dan ir-rigward b'setgħat assenjati b'mod ċar; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-ABE fil-qasam tal-ħasil tal-flus;

10.  Jinnota r-riżultati tat-test tal-istress fl-UE kollha tal-ABE; jilqa' l-inklużjoni tal-istrumenti tal-livell 2 u tal-livell 3 fil-kamp ta' applikazzjoni tat-testijiet tal-istress tal-2018; jemmen li t-testijiet tal-istress għandhom jiġu interpretati flimkien ma' attivitajiet oħra li għaddejjin ta' monitoraġġ superviżorju; jistieden lill-MSU, lill-ABE u lill-BERS jużaw metodoloġiji konsistenti meta jiddefinixxu t-test tal-istress sabiex jiżguraw livell għoli ta' trasparenza dwar din il-proċedura u sabiex jipprevjenu distorsjonijiet possibbli;

11.  Ifakkar li hemm riskji assoċjati mad-dejn sovran; jieħu nota tal-ħidma li għaddejja tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) dwar ir-riskju sovran; huwa mħasseb ukoll mill-fatt li xi istituzzjonijiet finanzjarji għandhom skoperturi eċċessivament kbar għal dejn sovran maħruġ mill-gvernijiet tagħhom stess; jenfasizza li l-qafas regolatorju tal-UE dwar it-trattament prudenzjali tad-dejn sovran għandu jkun konsistenti mal-istandards internazzjonali;

12.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rwol tal-ABE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju; jistieden lill-koleġiżlaturi jadottaw il-proposta mingħajr dewmien bla bżonn u jinsisti fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni u kondiviżjoni tal-informazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali abbażi ta' standards komuni fi ħdan l-UE u soġġett għall-koordinazzjoni u l-appoġġ fil-livell tal-UE meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu mgħobbija żżejjed;

13.  Jibqa' mħasseb dwar każijiet riċenti ta' ħasil tal-flus f'banek Ewropej u dwar il-fatt li każijiet ta' ħasil tal-flus jistgħu jesponu l-ekonomija tal-UE għal instabbiltà finanzjarja u politika; jinnota li diversi minn dawn il-każijiet ġew irrapportati minn ġurisdizzjonijiet li mhumiex membri fl-UE; jappella għal approċċ unifikat rigward is-superviżjoni prudenzjali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; jinnota wkoll li kwistjonijiet li jikkonċernaw l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus ġew żvelati wkoll barra l-Unjoni Bankarja u li sħubija fl-Unjoni Bankarja tista' tkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet;

14.  Jissottolinja l-fatt li s-swieq finanzjarji huma interrelatati b'mod qawwi; jisħaq fuq l-importanza tat-tħejjija tas-superviżuri bankarji għall-eżiti kollha possibbli fin-negozjati tal-Brexit bejn l-UE-27 u r-Renju Unit, filwaqt li jitqies li din ma tissostitwix it-tħejjija tas-setturi privati nfushom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji jwettqu analiżi komprensiva tal-impatt tal-Brexit; jistieden lill-UE27 japprofondixxu r-regolamentazzjoni komuni u s-superviżjoni komuni filwaqt li jitkabbru l-firxa u l-portata tas-swieq kapitali fl-UE27;

15.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi kollha jaħdmu favur l-adozzjoni ta' pakkett leġiżlattiv bilanċjat u sostenibbli biex jitnaqqas ir-riskju fis-sistema bankarja qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2019; iħeġġeġ lill-Kunsill, b'mod partikolari, biex jinnegozja in bona fide, filwaqt li jikkunsidra b'mod xieraq id-diversità tal-mudelli bankarji tal-UE, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u l-pakkett bilanċjat adottat mill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod effikaċi l-problema "kbira wisq biex tfalli" flimkien mar-riskji ta' mudelli bankarji differenti fl-UE, filwaqt li jitqies id-daqs tagħhom fis-swieq rilevanti;

16.  Jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin dwar il-pakkett tal-NPLs; jinnota l-addendum tal-BĊE dwar l-NPLs u l-ħidma tal-ABE fuq linji gwida dwar il-ġestjoni tal-iskoperturi improduttivi u mrażżna; jilqa' t-tnaqqis fil-volum tal-NPLs matul l-aħħar snin; itenni t-tħassib tiegħu li l-għadd totali, u l-proporzjon, ta' self improduttiv u tal-istrumenti tal-livell 2 u tal-livell 3, għadhom ferm ogħla mill-medja f'xi Stati Membri; jenfasizza li r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja mill-NPLs għadu sinifikanti iżda, minkejja dan, huwa inqas milli kien ftit snin ilu; jaqbel mal-Kummissjoni li r-responsabbiltà ewlenija għat-tnaqqis tal-NPLs hija tal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta' liġijiet effiċjenti dwar l-insolvenza, u tal-banek infushom, iżda jenfasizza l-interess tal-UE li tnaqqas is-sehem tal-NPLs;

17.  Huwa mħasseb dwar l-użu wiesa' ta' mudelli interni mill-istituzzjonijiet bankarji; jistieden lill-MSU u lill-ABE jkomplu l-ħidma tagħhom fuq l-adegwatezza tal-użu ta' mudelli interni sabiex tiġi stabbilita l-kredibbiltà tagħhom u jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fl-istituzzjonijiet kollha;

18.  Jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin dwar is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF); jemmen li suq uniku jeħtieġ setgħat superviżorji xierqa fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-kompitu ewlieni tas-SESF huwa li tiżgura azzjoni superviżjoni effettiva;

19.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-FinTech; jagħraf il-potenzjal kbir ħafna tal-FinTech u l-ħtieġa li titħeġġeġ l-innovazzjoni; madankollu, jinnota l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni xierqa u superviżjoni adegwata li tipproteġi lill-konsumaturi u tiżgura l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll kundizzjonijiet ekwi għall-atturi tas-swieq finanzjarji; jemmen li l-kumpaniji tat-teknoloġija finanzjarja, li jwettqu l-istess attivitajiet bħal parteċipanti oħra fis-sistema finanzjarja, għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli operattivi; jissottolinja l-ħtieġa li titjieb kontinwament ir-reżiljenza ċibernetika tas-settur finanzjarju tal-UE;

20.  Għadu mħasseb dwar il-kobor tas-sistema bankarja parallela fl-UE; ifakkar li fi tmiem l-2017 kien stmat li kienet tammonta għal madwar 40 % tas-sistema finanzjarja tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet fil-livell nazzjonali, globali u tal-UE biex ikomplu jimmonitorjaw b'mod viġilanti r-riskji kkawżati minn dawn l-attivitajiet u biex jindirizzawhom malajr kemm jista' jkun sabiex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta, trasparenza u stabbiltà finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b'urġenza l-lakuni li fadal fir-regolamenti fis-seħħ;

21.  Ifakkar fid-dibattitu inizjali dwar ir-rwol tal-BĊE kemm bħala awtorità monetarja kif ukoll bħala awtorità superviżorja; iqis li, globalment, il-BĊE rnexxielu jżomm iż-żewġ rwoli separati; madankollu, jemmen li jenħtieġ aktar dibattitu biex jiġi evitat ir-riskju ta' kunflitt ta' interess bejn iż-żewġ kompiti; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-ABE bħala awtorità regolatorja u l-MSU bħala awtorità superviżorja fl-Unjoni Bankarja, filwaqt li jiġi rispettat it-tqassim tar-responsabbiltajiet;

22.  Iqis li aktar armonizzazzjoni tal-prattiki dwar il-valutazzjoni ta' jekk bank hux qed ifalli jew probabbilment se jfalli, kif ukoll distinzjoni aktar ċara bejn is-setgħat superviżorji u s-setgħat ta' intervent bikri jgħinu biex jagħmlu l-ġestjoni tal-kriżijiet mill-awtoritajiet kompetenti, qabel il-riżoluzzjoni, aktar effettiva;

Riżoluzzjoni

23.  Jinnota l-ftehim milħuq fil-laqgħa tas-Summit tal-Euro tad-29 ta' Ġunju 2018 li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) jipprovdi l-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (FUR) u li l-MES jiġi rriformat biex jipprovdi appoġġ effettiv għal-istabbiltà abbażi ta' kundizzjonijiet stretti li jiżguraw ir-responsabbiltà, l-obbligu ta' rendikont u l-prinċipju tal-evitar tal-periklu morali kif ukoll li jissalvagwardjaw il-prinċipju li l-kontribwenti mhumiex responsabbli għar-riskji bankarji; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li dan il-mekkaniżmu għandu jkun inkorporat bis-sħiħ fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni u jenfasizza l-ħtieġa ta' skrutinju demokratiku xieraq;

24.  Ifakkar li l-proċedimenti normali ta' insolvenza huma l-proċedura applikata meta azzjoni ta' riżoluzzjoni ma titqiesx li tkun fl-interess pubbliku; huwa konxju mill-fatt li d-diverġenzi fil-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza jirriflettu proċeduri nazzjonali stabbiliti sew; jinnota li l-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza tista' tibbenefika minn armonizzazzjoni akbar fl-Unjoni kollha sabiex jiġu żgurati regoli komuni u kundizzjonijiet ekwi għall-banek, l-investituri u l-kredituri kollha;

25.  Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li r-regoli għar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja jridu jiġu ċċarati; jinnota li r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja tista' tkun strument għall-ġestjoni tal-kriżijiet iżda jemmen li l-użu tagħha jrid jiġi limitat strettament għal każijiet eċċezzjonali meta l-bank ikun konformi mal-livelli tal-kapital regolatorji minimi armonizzati, u għalhekk solventi, u meta tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; ifakkar li l-għan tar-reġim ta' riżoluzzjoni tal-UE huwa li jiżgura li l-kontribwenti jiġu protetti, li l-kost tal-fallimenti tal-ġestjoni ta' bank jiġġarrab mill-azzjonisti u l-kredituri tiegħu, u li titħares l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja inġenerali; jenfasizza li r-regoli dwar r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jeħtieġ li jiġu applikati saħansitra aħjar;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu abbażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni teżamina r-regolament abbażi tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-applikazzjoni trasparenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-BRRD;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċess għal-likwidità għall-banek f'riżoluzzjoni, waqt u immedjatament wara l-proċedimenti ta' riżoluzzjoni; isegwi b'interess id-dibattiti li għaddejjin dwar għodda possibbli għall-għoti ta' likwidità fil-proċedura ta' riżoluzzjoni;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta regolarment jekk is-settur bankarju bbenefikax minn sussidji impliċiti u minn għajnuna mill-Istat minn meta bdiet il-kriżi s'issa, anke bl-għoti ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali, u tippubblika rapport f'dan ir-rigward; jissottolinja l-effett distortiv li l-għajnuna mill-Istat jista' jkollha fuq il-funzjonament tas-suq intern; ifakkar fir-rekwiżiti stretti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jerġa' jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid fuq bażi annwali jekk dawn ir-rekwiżiti għadhomx jiġu ssodisfati;

29.  Jilqa' l-konklużjoni tal-QEA, fir-rapport tagħha dwar l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji mill-BĊE, li l-istruttura organizzattiva tal-BĊE u l-allokazzjoni tar-riżorsi tiegħu għall-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru u s-superviżjoni tal-banek fi kriżi huma sodisfaċenti, filwaqt li jinnota li hemm kwistjonijiet pendenti rigward il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-effiċjenza; ifakkar li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet huma kruċjali għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri ta' riżoluzzjoni;

30.  Jilqa' l-memorandum ta' qbil rivedut bejn il-BĊE u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB); jenfasizza li skambju ta' informazzjoni ffaċilitat, u f'xi każijiet awtomatizzat, iżid l-effiċjenza u jgħin biex ikun żgurat li l-piż tar-rapportar fuq il-banek jinżamm żgħir kemm jista' jkun;

Assigurazzjoni tad-depożiti

31.  Jieħu nota tal-ftehim milħuq fil-laqgħa tas-Summit tal-Euro tad-29 ta' Ġunju 2018 li jikkonċerna l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS), kif ukoll tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar l-EDIS; jissottolinja li l-proċess biex tiġi stabbilita l-EDIS għandu jkompli għall-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja; jagħraf il-benefiċċji tal-kondiviżjoni tar-riskji u ta' tnaqqis ulterjuri tar-riskji;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0058.
(2) "Rapport Speċjali Nru 02/2018: L-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji mill-BĊE", Qorti Ewropea tal-Awdituri, 16 ta' Jannar 2018, https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=44556
(3) Stqarrija għall-istampa, "ECB determined ABLV Bank was failing or likely to fail" (Il-BĊE kkonstata li l-ABLV Bank kien qed ifalli jew probabbilment se jfalli), Bank Ċentrali Ewropew, 24 ta' Frar 2018, https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2018/html/ssm.pr180224.en.html
(4) Stqarrija għall-istampa, "EBA launches 2018 EU-wide stress test exercise" (L-ABE tvara l-eżerċizzju tat-test tal-istress fl-UE kollha għall-2018), Awtorità Bankarja Ewropea, 31 ta' Jannar 2018, http://www.eba.europa.eu/-/eba-launches-2018-eu-wide-stress-test-exercise
(5) ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
(6) Stqarrija għall-istampa, "ECB sets out its supervisory expectations for new NPLs" (Il-BĊE jistabbilixxi l-aspettattivi superviżorji tiegħu għal NPLs ġodda), Bank Ċentrali Ewropew, 15 ta' Marzu 2018, https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2018/html/ssm.pr180315.en.html
(7) Stqarrija għall-istampa, "ECB announces further steps in supervisory approach to stock of NPLs" (Il-BĊE jħabbar passi ulterjuri fl-approċċ superviżorju tiegħu għall-istokk tal-NPLs), Bank Ċentrali Ewropew, 11 ta' Lulju 2018, https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2018/html/ssm.pr180711.en.html
(8) ĠU C 248A, 16.7.2018, p. 1.
(9) Kawża T-98/16: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2016 – l-Italja vs Il-Kummissjoni (ĠU C 145, 25.4.2016, p. 34).

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza