Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Jannar 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm "Fiscalis" għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2018)0443 – C8-0260/2018 – 2018/0233(COD))(1)
Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitati responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A8-0421/2018).
* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-programm "Fiscalis" għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 197 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-programm Fiscalis 2020, li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) u huwa implimentat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membru u l-pajjiżi assoċjati, u l-predeċessuri tiegħu kkontribwew b'mod sinifikanti biex jiffaċilitaw u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni. Il-valur miżjud ta' dawk il-programmi, anke fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-kontribwenti, ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti. L-isfidi identifikati għad-deċennju li ġej ħafna drabi ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effettiv jekk l-Istati Membri ma jħarsux lil hinn mill-fruntieri tat-territorji amministrattivi tagħhom u jikkooperaw b'mod intensiv mal-kontroparti tagħhom.
(2) Il-programm Fiscalis 2020 joffri lill-Istati Membri qafas tal-Unjoni biex jiżviluppaw dawk l-attivitajiet ta' kooperazzjoni, u li jkun aktar kosteffettiv milli kieku kull Stat Membru kellu jistabbilixxi oqfsa ta' kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali, kemm jekk bejniethom kemm jekk ma' pajjiżi terzi li l-Unjoni tikkoopera mill-qrib magħhom fil-qasam tat-tassazzjoni. Għaldaqstant ikun xieraq li tiġi żgurata t-tkomplija ta' dak il-programm billi jiġi stabbilit programm ġdid fl-istess qasam, il-programm Fiscalis (''il-Programm'').
(2a) Il-programm jenħtieġ li jippermetti li jiġu msaħħa l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, inkluż permezz tal-assistenza teknika għat-taħriġ tar-riżorsi umani u l-iżvilupp tal-istrutturi amministrattivi. Jenħtieġ li din l-assistenza tingħata b'mod trasparenti;
(3) Billi jipprovdi qafas għal azzjonijiet li jappoġġa s-suq uniku, irawwem il-kompetittività ġusta fl-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u n-nontassazzjoni doppja; għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv bla bżonn għaċ-ċittadini u n-negozji fi tranżazzjonijiet transfruntiera; għall-appoġġ ta' sistemi tat-taxxa aktar ġusti u effiċjenti; għall-kisba tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u t-trawwim tal-kompetittività ġusta fl-Unjoni kif ukoll għall-appoġġ ta' approċċ konġunt tal-Unjoni f'fora internazzjonali.
(4) Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
(5) Sabiex jappoġġa l-proċess ta' adeżjoni u ta' assoċjazzjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Programm ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni kemm tal-pajjiżi aderenti u tal-pajjiżi kandidati kif ukoll tal-kandidati potenzjali u tal-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Jista' jkun miftuħ ukoll għal pajjiżi terzi oħra, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jkopru l-parteċipazzjoni tagħhom għal kwalunkwe programm tal-Unjoni.
(5a) Il-Parlament Ewropew iddefinixxa xi prijoritajiet.In-nuqqas kurrenti ta' riżorsi finanzjarji huwa xkiel għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew għall-qafas finanzjarju pluriennali wara l-2020 [2017/2052(INI)].Kooperazzjoni aktar effettiva fil-qasam tat-taxxa tista' twassal għal ġbir aktar effettiv tar-riżorsi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali futur.
(6) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) (ir-''Regolament Finanzjarju'') japplika għal dan il-Programm. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku u rimborżi ta' esperti esterni.
(7) L-azzjonijiet li kienu japplikaw taħt il-programm Fiscalis 2020 wrew li kienu adegwati u għaldaqstant jenħtieġ li jinżammu. Sabiex jipprovdu aktar sempliċità u flessibbiltà fit-twettiq tal-Programm u b'hekk jintlaħqu aħjar l-għanijiet tiegħu, jenħtieġ li l-azzjonijiet jiġu definiti biss f'termini ta' kategoriji ġenerali b'lista ta' eżempji illustrattivi ta' attivitajiet konkreti. Madankollu, jenħtieġ li l-azzjonijiet ikollhom l-għan li jindirizzaw suġġetti ta' prijorità li jipproteġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li l-programm Fiscalis jippromwovi u jappoġġa wkoll l-użu u l-isfruttament tal-innovazzjoni biex ikompli jtejjeb il-kapaċitajiet li jintlaħqu l-prijoritajiet ewlenin tat-tassazzjoni, permezz tal-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità.
(8) Meta jitqiesu l-mobbiltà dejjem tikber tal-kontribwenti, l-għadd ta' tranżazzjonijiet transfruntiera u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u r-riskju ikbar li jirriżulta ta' frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa u ippjanar aggressiv tat-taxxa, li jmorru lil hinn sew mill-fruntieri tal-Unjoni, l-adattamenti tas-sistemi elettroniċi Ewropej għal pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew l-estensjoni tagħhom, jistgħu jkunu ta' interess għall-Unjoni jew għall-Istati Membri. B'mod partikolari, dawn kieku jevitaw il-piż amministrattiv u l-kostijiet implikati billi jiżviluppaw u joperaw żewġ sistemi elettroniċi simili għall-iskambji ta' informazzjoni tal-Unjoni u dawk internazzjonali, rispettivament. Għaldaqstant, meta jkunu ġġustifikati kif xieraq b'dan l-interess, jenħtieġ li l-adattamenti jew l-estensjonijiet tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, ikunu l-kostijiet eliġibbli taħt il-Programm. Dment li suġġetti ta' prijorità jkunu ġew iffinanzjati bis-sħiħ, l-azzjonijiet speċifiċi li jinvolvu l-pajjiżi l-anqas żviluppati, speċjalment dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, jenħtieġ li jiġu mħeġġa wkoll fl-ambitu tal-Programm meta dan ikun xieraq.
(9) Meta jitqiesu l-importanza tal-globalizzazzjoni u l-importanza tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, jenħtieġ li l-Programm ikompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu involuti esperti esterni skont it-tifsira tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju. Jenħtieġ li l-għażla ta' esperti tkun trasparenti u bbażata fuq il-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom li jkunu rilevanti għall-azzjoni speċifika, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għal dik l-azzjoni. Jenħtieġ li jiġi żgurat li dawk l-esperti jkunu imparzjali u li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta' interess mar-rwol professjonali tagħhom. Jenħtieġ li tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernti rilevanti kollha.
(9a) Fid-dawl tal-adozzjoni riċenti tad-Direttivi tal-Kunsill 2014/107/UE(5);(UE)2015/2376(6);(UE) 2016/881(7);(UE) 2016/2258(8);(UE) 2018/822(9) u n-negozjati li għaddejjin fir-rigward ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK), il-Programm jenħtieġ li jkollu bħala għan it-taħriġ tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva ta' dawn id-direttivi.
(10) B'konformità mal-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta' finanzjament, stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Ottubru 2010 intitolata ''Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE'’(10), jenħtieġ li r-riżorsi jinqasmu ma' strumenti oħra ta' finanzjament tal-Unjoni jekk l-azzjonijiet previsti taħt il-Programm ikollhom għanijiet li huma komuni għal diversi strumenti ta' finanzjament, bl-esklużjoni tal-finanzjament doppju. Jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt il-Programm jiżguraw il-koerenza fl-użu tar-riżorsi tal-Unjoni li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa.
(10a) Għal raġunijiet ta' kosteffettività, il-programm Fiscalis jenħtieġ li jisfrutta s-sinerġiji possibbli flimkien ma' miżuri oħrajn tal-Unjoni f'oqsma relatati, bħall-Programm għad-Dwana, il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi, il-Programm tas-Suq Uniku u l-Programm ta' Appoġġ għal Riforma.
(10b) L-inizjattivi nazzjonali individwali kontra l-frodi potenzjalment jistgħu jittrasferixxu l-frodi lejn Stati Membri oħra, ħafna drabi dawk ġirien, u joħolqu piż amministrattiv sproporzjonat fuq in-negozji konformi kif ukoll nuqqas ta' ċertezza legali fil-kummerċ internazzjonali.Għalhekk huwa ta' importanza kruċjali li l-Kummissjoni tallinja l-miżuri nazzjonali ta' kontra l-frodi permezz tal-koordinazzjoni tal-aħjar prattiki nazzjonali fil-livell tal-Unjoni.
(11) L-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni (IT) huma stabbiliti biex jattiraw sehem konsiderevoli tal-baġit taħt il-Programm. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi jiddeskrivu l-komponenti komuni u nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej, rispettivament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni tal-azzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jkun hemm interoperabbiltà bla xkiel fost l-elementi komuni u nazzjonali tas-sistemi u tas-sinerġiji elettroniċi Ewropej mas-sistemi elettroniċi l-oħra tal-programmi rilevanti tal-Unjoni.
(12) Attwalment, ma jeżisti l-ebda rekwiżit biex jitfassal Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni (''MASP-T'') għall-ħolqien ta' ambjent elettroniku koerenti u interoperabbli għat-tassazzjoni fl-Unjoni. Sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità fl-IT, jenħtieġ li l-Programm jipprevedi l-ħolqien ta' dan il-MASP-T.
(13) Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat bi programmi ta' ħidma. Fid-dawl tan-natura fuq terminu medju sa twil tal-għanijiet segwiti u abbażi tal-esperjenza miksuba matul iż-żmien, jenħtieġ li l-programmi ta' ħidma jkunu kapaċi jkopru diversi snin. Il-bidla mill-programmi ta' ħidma annwali għal dawk pluriennali se tnaqqas il-piż amministrattiv kemm fuq il-Kummissjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri, iżda jenħtieġ li, fi kwalunkwe ċirkostanza, ma tagħtix lok għal telf ta' informazzjoni jew trasparenza għall-kontribwenti; Il-programmi ta' ħidma pluriennali jenħtieġ li jirriflettu l-informazzjoni rilevanti kollha prodotta fil-kuntest ta' rapporti annwali jew eżerċizzji ta' mmappjar kif imsemmija f'dan ir-Regolament. Dawk ir-rapporti annwali jenħtieġ li jkunu disponibbli pubblikament sabiex jinfurmaw lill-kontribwenti dwar l-aħjar prattiki, it-tagħlimiet miksuba, l-isfidi u l-ostakli li jkun għad baqa’ identifikati fi ħdan il-programm.
(14) Sabiex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' programmi ta' ħidma.
(15) Skont il-paragrafu 22 u l-paragrafu 23 tal-ftehim Interistituzzjonali għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016(11), hemm il-ħtieġa li dan il-Programm jiġi evalwat fuq il-bażi ta' informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari għall-Istati Membri, u b'hekk jiġi kkunsidrat ukoll ir-REFIT. Dawn ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jenħtieġ li jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi biex jiġu evalwati l-effetti tar-Regolamenti fil-post. Ir-riżultati ta' dak il-monitoraġġ jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rapport annwali konsolidat, prodott mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-input ipprovdut mill-Istati Membri. Jenħtieġ li jinkludi mmappjar tal-ostakli li fadal fl-Istati Membri fit-twettiq tal-għanijiet tal-Programm fl-Artikolu 3 u l-indirizzar tas-suġġetti ta' prijorità fl-Artikolu 7(2a) kif ukoll suġġerimenti għall-aħjar prattiki.Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipproduċi evalwazzjoni interim u finali tal-Programm.Kemm ir-rapporti annwali kif ukoll ir-rapporti ta' evalwazzjoni jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku fuq sit tal-internet dedikat.
(15a) Jenħtieġ li jitlaqqa seminar darbtejn fis-sena mill-Kummissjoni li jinkludi żewġ rappreżentanti tal-Istati Membri benefiċjarji, sabiex jaqsmu l-kwistjonijiet problematiċi u jiġi ssuġġerit titjib potenzjali marbut mat-temi tal-programm u b'mod partikolari l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa.Il-parteċipanti għas-seminar għandhom ikunu rispettivament rappreżentant tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u rappreżentant tat-trade unions tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, kif ukoll rappreżentant tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(16) Sabiex ikun hemm tweġiba xierqa għall-bidliet fil-prijoritajiet tal-politika tat-tassazzjoni, jenħtieġ li s-setgħa ta' adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta' indikaturi li jkejlu l-kisba tal-għanijiet speċifiċi tal-Programm. Hu tassew importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, anke fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(17) Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u r-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95(13), (Euratom, KE) Nru 2185/96(14) u (UE) 2017/1939(15), jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet u ta' frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. B'mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista' jinvestiga u jressaq każijiet ta' frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(18) Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist pubbliku, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-ġestjoni finanzjarja tajba u l-finanzjament effettiv mill-UE.
(19) Jenħtieġ li t-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni taħt dan ir-Regolament jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u li jilħqu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jitqies l-użu ta' somom sħaħ, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll il-finanzjament mhux marbut mal-kostijiet imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju. Il-kopertura tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar jenħtieġ li tkun prijorità sabiex tkun żgurata l-parteċipazzjoni tal-esperti nazzjonali fl-azzjonijiet konġunti.
(20) Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwali, iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
(21) Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għalhekk jenħtieġ li jitħassar,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm ''Fiscalis'' għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (''Programm'').
2. Jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 2021-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' dan it-tip ta' finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ''tassazzjoni'' tfisser kwistjonijiet, inkluż it-tfassil, l-amministrazzjoni, l-infurzar u l-konformità, relatati mat-taxxi u d-dazji li ġejjin:
(a) it-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE(17);
(b) it-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE(18);
(c) id-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE(19);
(d) it-taxxi fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE(20);
(e) taxxi u dazji oħra msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE(21), inklużi t-taxxi korporattivi, sa fejn ikunu rilevanti għas-suq uniku u għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri;
(2) ''awtoritajiet tat-taxxa'' tfisser l-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra li huma responsabbli mit-tassazzjoni jew minn attivitajiet relatati mat-taxxa;
(3) ''sistemi elettroniċi Ewropej'' tfisser sistemi elettroniċi meħtieġa għat-tassazzjoni u biex jitwettqu l-missjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa;
(4) ''pajjiż terz'' tfisser pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni.
(4 a) ‘pajjiż l-anqas żviluppat’ tfisser pajjiż terz b'introjtu baxx li qiegħed jaffaċċja ostakli strutturali sinifikanti għall-iżvilupp sostenibbli kif definit min-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 3
Għanijiet tal-programm
1. Il-Programm għandu l-għan ġenerali li jappoġġa l-awtoritajiet tat-taxxa u t-tassazzjoni biex isaħħaħ il-funzjonament tas-suq uniku, irawwem il-kompetittività ġusta fl-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż mill-frodi tat-taxxa, mill-evażjoni tat-taxxa u mill-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u jtejjeb il-ġbir tat-taxxi.
2. Il-Programm għandu l-għan speċifiku li jappoġġa l-politika tat-taxxa u l-implimentazzjoni xierqa tagħha, irawwem il-kooperazzjoni dwar it-taxxa, l-iskambju tal-informazzjoni dwar it-taxxa u l-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kompetenza umana, u l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej, kif ukoll il-modernizzazzjoni progressiva tal-għodod ta' rapportar, awditjar u ta' softwer li għandhom jiġu applikati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Il-Programm għandu jgħin ukoll lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jiffaċilitaw u jtejbu l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni dwar it-tassazzjoni, u biex iħarrġu l-persunal tagħhom f'dak ir-rigward.
Artikolu 4
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-2021-2027 għandu jkun ta' EUR 300 biljun fil-prezzijiet tal-2018 jew EUR 339 biljun fil-prezzijiet kurrenti.
2. L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jkopri inter alia spejjeż ta' preparazzjoni, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu, ta' evalwazzjoni u ta' attivitajiet oħra għall-ġestjoni tal-Programm u għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-għanijiet tiegħu. Barra minn hekk jista' jkopri l-ispejjeż relatati mal-istudji u materjal miktub rilevanti ieħor, mal-laqgħat ta' esperti, ma' azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, sa fejn ikunu relatati mal-għanijiet tal-Programm, kif ukoll spejjeż marbuta ma' netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni, inklużi l-għodod ta' teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b'rabta mal-ġestjoni tal-Programm.
Artikolu 5
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi terzi li ġejjin:
(a) il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;
(b) il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi sakemm dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta' approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-metodi amministrattivi rilevanti għal dawk tal-Unjoni;
(c) pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dak il-ftehim:
— jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;
— jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat b'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
— ma jagħtix lill-pajjiż terz, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-Programm;
— jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.
Sakemm ikunu ġew iffinanzjati bis-sħiħ is-suġġetti ta' prijorità, il-pajjiżi l-anqas żviluppati għandhom jitħeġġu jipparteċipaw fil-Programm skont il-prinċipji tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u l-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehimiet speċifiċi bejn dawn il-pajjiżi u l-Unjoni li jkopru l-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-Programm. Minkejja l-punt (c) tal-paragrafu 1, il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-Programm għandha tkun mingħajr spejjeż għalihom u għandha tiffoka fuq il-kisba tal-għanijiet ta' taxxa internazzjonali, bħall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-taxxa. Il-ftehim speċifiku għandu jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.
Artikolu 6
Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-UE
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Programm jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-għotjiet, il-premjijiet, l-akkwist pubbliku u r-rimborż ta' spejjeż ta' vjaġġar u sussistenza mġarrba mill-esperti esterni.
KAPITOLU II
ELIĠIBBILTÀ
Artikolu 7
Azzjonijiet eliġibbli
1. L-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.
2. L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:
(a) laqgħat u avvenimenti simili ad hoc;
(b) kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti, inklużi spezzjonijiet fuq il-post u awditi konġunti;
(c) azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità fl-IT, b'mod partikolari l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej jew azzjonijiet għall-iżvilupp ta' reġistri komuni;
(d) azzjonijiet ta' bini tal-kompetenza u tal-kapaċità umana;
(e) appoġġ u azzjonijiet oħra, inklużi:
(1) studji u materjal miktub rilevanti ieħor;
(2) attivitajiet ta' innovazzjoni, b'mod partikolari l-inizjattivi dwar il-provi tal-kunċett, il-proġetti pilota u l-prototipi;
(3) azzjonijiet ta' komunikazzjoni żviluppati b'mod konġunt;
(4) kwalunkwe azzjoni prevista fil-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 13, li tkun meħtieġa biex jinkisbu jew bħala appoġġ tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
Il-forom possibbli ta' azzjoni rilevanti msemmija fil-punti (a), (b) u (d) huma ppreżentati f'lista mhux eżawrjenti fl-Anness 1.
2a. L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru l-lista li ġejja ta' suġġetti ta' prijorità:
(a) l-għeluq tal-lakuni fl-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE(22), kif emendata;
(b) l-iskambju effettiv ta' informazzjoni, inkluż it-talbiet ta' gruppi, u l-iżvilupp ta' formati li jistgħu jintużaw li jqisu l-inizjattivi fil-livell internazzjonali;
(d) it-tneħħija ta' ostakli għall-aċċessibilità għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, kif emendata;
(e) il-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera tal-VAT;
(f) l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-irkupru tat-taxxi, inklużi t-taxxi mhux imħallsa skont id-Direttiva Ewropea dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil(EUSTD);
(g) l-implimentazzjoni ta' għodod tal-IT unifikati fil-livell nazzjonali bil-ħsieb li jiġu żviluppati interfaċċi komuni li jippermettu l-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali tal-IT;
3. L-azzjonijiet li jikkonsistu fl-iżvilupp u l-operat ta' adattamenti jew ta' estensjonijiet tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament meta jkunu ta' interess għall-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa, li jistgħu jipprevedu għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-partijiet terzi kkonċernati minn dawn l-azzjonijiet.
4. Meta azzjoni ta' bini tal-kapaċità fl-IT imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 tikkonċerna l-iżvilupp u l-operat ta' sistema elettronika Ewropea, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm il-kostijiet relatati biss mar-responsabbiltajiet fdati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2). L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-kostijiet relatati mar-responsabbiltajiet fdati lilhom skont l-Artikolu 11(3).
Artikolu 8
Il-parteċipazzjoni ta' esperti esterni
1. Jekk ikunu ta' benefiċċju biex jinkisbu l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke dawk minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm skont l-Artikolu 5, u fejn rilevanti, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ta' organizzazzjonijiet oħra rilevanti, tal-operaturi ekonomiċi u tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili, jistgħu jieħdu sehem bħala esperti esterni għall-azzjonijiet organizzati taħt il-Programm. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, fost l-oħrajn, l-imparzjalità ta' dawn l-esperti esterni, u għandha tiżgura li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta' interessi mar-responsabbiltajiet professjonali tagħhom u għandha tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fuq bażi ad hoc, abbaża tal-ħtiġijiet.
2. Il-kostijiet imġarrba mill-esperti esterni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu eliġibbli għal rimborż taħt il-Programm skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju.
3. L-esperti esterni għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni, wara proċedura trasparenti u bbilanċjata, abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom għall-azzjoni speċifika, u l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għal dik l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Hija għandha tiċċara jekk l-esperti esterni jipparteċipawx f'isimhom jew f'isem organizzazzjoni jew operatur ekonomiku ieħor. Il-lista tal-esperti esterni li jintervjenu għandha tkun disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
KAPITOLU III
GĦOTJIET
Artikolu 9
Għoti, komplementarjetà u finanzjament ikkombinat
1. L-għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm, sakemm il-kontribuzzjoni ma tkoprix l-istess kostijiet. Ir-regoli ta' kull programm ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż it-total tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkolat fuq bażi prorata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.
3. Skont l-Artikolu 198(f) tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet għandhom jingħataw mingħajr sejħa għal proposti meta l-entitajiet eliġibbli jkunu awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu.
Artikolu 10
Rata ta' kofinanzjament
1. B'deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, il-Programm jista' jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli ta' azzjoni.
2. Ir-rata ta' kofinanzjament applikabbli meta l-azzjonijiet ikunu jeħtieġu l-għoti ta' għotjiet, għandha tiġi stabbilita fil-programmi ta' ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 13.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-AZZJONIJIET TA' BINI TAL-KAPAĊITÀ FL-IT
Artikolu 11
Responsabbiltajiet
1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mod konġunt l-iżvilupp u l-operat, inkluż it-tfassil, l-ispeċifikazzjoni, l-ittestjar tal-konformità, l-użu, iż-żamma, l-evoluzzjoni, is-sigurtà, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità tas-sistemi elettroniċi Ewropej elenkati fil-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fl-Artikolu 12.
2. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura dan li ġej:
(a) l-iżvilupp u l-operat tal-komponenti komuni kif stabbiliti taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni previst fl-Artikolu 12;
(b) il-koordinazzjoni ġenerali tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb tal-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu u l-implimentazzjoni sinkronizzata tagħhom;
(c) il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb li jiġu promossi u implimentati fil-livell nazzjonali;
(d) il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej rigward l-interazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, bl-esklużjoni ta' azzjonijiet imfassla biex jissodisfaw rekwiżiti nazzjonali;
(e) il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma' azzjonijiet oħra rilevanti relatati mal-gvern elettroniku fil-livell tal-Unjoni.
(ea) il-koordinazzjoni ta' miżuri kontra l-frodi applikati fil-livell nazzjonali permezz tal-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki nazzjonali fil-livell tal-UE u l-informazzjoni dwarhom;
3. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
(a) l-iżvilupp u l-operat tal-komponenti nazzjonali kif stabbiliti taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni previst fl-Artikolu 12;
(b) il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-operat tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali;
(c) il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma' azzjonijiet oħra rilevanti relatati mal-gvern elettroniku fil-livell nazzjonali;
(d) il-provvista regolari ta' informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex l-awtoritajiet jew l-operaturi ekonomiċi rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sistemi elettroniċi Ewropej;
(e) l-implimentazzjoni ta' sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali.
Artikolu 12
Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni (MASP-T)
1. Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni li jelenka l-kompiti kollha rilevanti għall-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej u tikklassifika kull sistema jew parti minnha, bħala:
(a) komponent komuni: komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell tal-Unjoni, li huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha jew identifikat bħala komuni mill-Kummissjoni għal raġunijiet ta' effiċjenza, sigurtà u razzjonalizzazzjoni;
(b) komponent nazzjonali: komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell nazzjonali, li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħoloq dan il-komponent jew li kkontribwixxa għall-ħolqien konġunt tiegħu;
(c) jew taħlita tat-tnejn.
2. Il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni għandu jinkludi wkoll azzjonijiet pilota u innovattivi kif ukoll appoġġ għall-metodoloġiji u l-għodod relatati mas-sistemi elettroniċi Ewropej.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull darba li jlestu kompitu allokat lilhom taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fil-paragrafu 1. Dawn għandhom ukoll jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-kompiti tagħhom relatati mal-Programm kollu.
4. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni b'rapporti ta' progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel. Dawk ir-rapport annwali għandhom ikunu bbażati fuq format stabbilit minn qabel. Fir-rapporti ta' progress annwali, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar l-ostakli fit-twettiq tal-għanijiet tal-Programm kif stabbilit fl-Artikolu 3 u fl-indirizzar tas-suġġetti ta' prijorità msemmija fl-Artikolu 7(2a) u jagħmlu suġġerimenti għall-aħjar prattiki.
5. Abbażi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 4 u sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport konsolidat li jivvaluta l-progress magħmul mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 kif ukoll il-progress li sar fil-kisba tal-għanijiet tal-Programm imsemmija fl-Artikolu 3 u s-suġġetti ta' prijorità msemmija fl-Artikolu 7(2a). Biex tivvaluta l-progress miksub, il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport annwali konsolidat tagħha mmappjar tal-ostakli li fadal fl-Istati Membri fit-twettiq tal-għanijiet tal-Programm kif stabbilit fl-Artikolu 3 u fl-indirizzar tas-suġġetti ta' prijorità msemmija fl-Artikolu 7(2a) u tagħmel suġġerimenti għall-aħjar prattiki. Ir-rapporti annwali konsolidati tal-Kummissjoni għandhom isiru pubblikament disponibbli fuq paġna web ddedikata tal-Kummissjoni u għandhom iservu ta' bażi għall-programmi ta' ħidma pluriennali futuri msemmija fl-Artikolu 13 kif ukoll ir-rapporti ta' evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 15.
KAPITOLU V
PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL
Artikolu 13
Programm ta' ħidma
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-programmi ta' ħidma pluriennali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' att delegati. Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17.
Artikolu 14
Monitoraġġ u rapportar
1. L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, huma stabbiliti fl-Anness 2.
2. Biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 ħalli temenda l-Anness 2, biex fejn jitqies meħtieġ jiġu riveduti jew ikkumplementati l-indikaturi u biex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b'dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.
3. Is-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-programm tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, u f'waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rapportar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.
Artikolu 15
Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f'waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-evalwazzjonijiet għandhom ikunu ppubblikati mill-Kummissjoni fuq paġna web dedikata.
2. L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.
3. Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm mill-Kummissjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 16
Awditi u investigazzjonijiet
Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm b'deċiżjoni taħt il-ftehim internazzjonali jew bis-saħħa ta' kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).
KAPITOLU VI
EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA U PROĊEDURA ta' KUMITAT
Artikolu 17
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 13(2) u 14(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 13(2) u 14(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 13(2) u 14(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 18
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat imsejjaħ il-''Kumitat tal-Programm Fiscalis''. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 19
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-midja u lill-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tagħha. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni ▌dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 20
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 huwa mħassar b’effett mill-1 ta' Jannar 2021.
Artikolu 21
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, taħt ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013, li għandu jkompli japplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.
2. Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati taħt il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013.
3. Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta' Diċembru 2027.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS 1
Lista mhux eżawrjenti ta' forom possibbli ta' azzjonijiet
imsemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2)
L-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:
(a) Fir-rigward ta' laqgħat u avvenimenti simili ad hoc:
– Seminars u sessjonijiet ta' ħidma li ġeneralment jattendu għalihom l-pajjiżi kollha u li fihom isiru preżentazzjonijiet u l-parteċipanti jieħdu sehem f'diskussjonijiet intensivi u f'attivitajiet dwar suġġett partikolari;
– Żjarat ta' ħidma, organizzati biex l-uffiċjali jiksbu jew iżidu l-kompetenza jew l-għarfien tagħhom dwar il-politika tat-tassazzjoni;
– Preżenza fl-uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni fl-inkjesti amministrattivi;
(b) Fir-rigward ta' kollaborazzjoni strutturata:
– Grupp ta' proġett, magħmul ġeneralment minn għadd limitat ta' pajjiżi, li jkun operattiv għal perjodu ta' żmien limitat biex jintlaħaq għan predefinit b'riżultat definit b'mod preċiż li jinkludi l-koordinazzjoni jew il-valutazzjoni komparattiva;
– Task force, jiġifieri forom strutturati ta' kooperazzjoni, ta' natura permanenti jew mhux permanenti, li tiġbor flimkien il-kompetenzi biex jitwettqu kompiti f'oqsma speċifiċi jew attivitajiet operazzjonali, possibbilment bl-appoġġ ta' servizzi ta' kollaborazzjoni onlajn, ta' assistenza amministrattiva u ta' faċilitajiet ta' infrastruttura u tagħmir;
– Kontroll multilaterali jew simultanju li jikkonsisti fil-verifika kkoordinata tas-sitwazzjoni tat-taxxa ta' persuna taxxabbli waħda jew aktar konnessi flimkien, organizzata minn żewġ pajjiżi jew aktar, u li jinkludi mill-inqas żewġ Stati Membri b'interessi komuni jew komplementari;
– Awditu konġunt li jikkonsisti fil-verifika konġunta tas-sitwazzjoni tat-taxxa ta' persuna taxxabbli waħda jew aktar konnessi flimkien, organizzat minn tim tal-awditu wieħed magħmul minn żewġ pajjiżi jew aktar, u li jinkludi mill-inqas żewġ Stati Membri b'interessi komuni jew komplementari;
– Kwalunke forma oħra ta' kooperazzjoni amministrattiva stabbilita bid-Direttiva 2011/16/UE, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010, ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 jew id-Direttiva 2010/24/UE;
(d) Fir-rigward tal-azzjonijiet ta' tisħiħ tal-kompetenza umana u tal-kapaċità:
– Taħriġ komuni jew żvilupp tat-tagħlim elettroniku biex jappoġġaw il-ħiliet u l-għarfien professjonali meħtieġa fil-qasam tat-taxxa;
– Appoġġ tekniku, bil-għan li jtejjeb il-proċeduri amministrattivi, isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u jtejjeb il-funzjonament u l-operat tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa billi jniedi u jaqsam il-prattiki tajba.
ANNESS 2
Indikaturi
Għan speċifiku: appoġġ għall-politika tat-tassazzjoni, il-kooperazzjoni tat-taxxa u l-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kompetenza umana, u l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej.
1. Bini tal-Kapaċità (kapaċità amministrattiva, umana u fl-IT):
1. Indiċi tal-applikazzjoni u tal-implimentazzjoni tad-dritt u tal-politika tal-Unjoni (Għadd ta' azzjonijiet rilevanti għall-Programm organizzati f'dan il-qasam u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa b'segwitu għal dawk l-azzjonijiet)
2. Indiċi tat-tagħlim (moduli tat-tagħlim użati; għadd ta' uffiċjali mħarrġa; punteġġ ta' kwalità għal kull parteċipant)
3. Disponibbiltà tas-sistemi elettroniċi Ewropej (f'perċentwal ta' ħin)
4. Disponibbiltà tan-Netwerk Komuni ta' Komunikazzjoni (f'perċentwal ta' ħin)
5. Proċeduri simplifikati tal-IT għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-operaturi ekonomiċi (għadd ta' operaturi ekonomiċi rreġistrati, għadd ta' applikazzjonijiet u għadd ta' konsultazzjonijiet fis-sistemi elettroniċi differenti ffinanzjati mill-Programm)
2. Kondiviżjoni tal-għarfien u netwerking:
6. Indiċi tar-robustezza tal-kollaborazzjoni (grad ta' netwerking iġġenerat, għadd ta' laqgħat wiċċ imb wiċċ, għadd ta' gruppi ta' kollaborazzjoni onlajn)
7. Indiċi tal-aħjar prattiki u tal-linji gwida (għadd ta' azzjonijiet rilevanti għall-Programm organizzati f’dan il-qasam; perċentwal ta' amministrazzjonijiet tat-taxxa li użaw prattika tax-xogħol/linja gwida żviluppata bl-appoġġ tal-Programm)
2a. Indikaturi Addizzjonali
1. Id-dħul li jinġabar fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa waqt awditi konġunti
2. L-għadd ta' talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva u ġudizzjarja magħmula, riċevuti u mwieġba għal kull Stat Membru
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta' azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25).
Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).
Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1).
Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 146, 3.6.2016, p. 8).
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/2258 tas-6 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 1).
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli, (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).
Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.95, p. 1).
Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.96, p. 2).
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (''l-UPPE'') (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta' Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).
Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).
Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).