Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2096(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0420/2018

Testi mressqa :

A8-0420/2018

Dibattiti :

PV 17/01/2019 - 7
CRE 17/01/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.15
CRE 17/01/2019 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0045

Testi adottati
PDF 142kWORD 54k
Il-Ħamis, 17 ta' Jannar 2019 - Strasburgu
Inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE
P8_TA(2019)0045A8-0420/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE (2018/2096(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-dispożizzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(7) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2.6 u 2.7 tal-Kontribuzzjoni tal-LIX COSAC, adottata waqt il-laqgħa plenarja tiegħu f'Sofija fis-17-19 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fuq l-investigazzjoni strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0420/2018),

A.  billi l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 3 tal-Istatut tal-Ombudsman jipprevedu li l-Ombudsman tagħmel stħarriġ li taħseb li jkun ġustifikat, sew fuq inizjattiva tagħha stess sew abbażi ta' lmenti;

B.  billi l-Artikoli 1 u 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxu li d-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni jridu jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin;

C.  billi l-Parlament Ewropew, bħala l-istituzzjoni li tirrappreżenta direttament liċ-ċittadini, u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta lill-Istati Membri, huma ż-żewġ komponenti tal-leġiżlatura Ewropea li jikkostitwixxu l-għajn dupliċi tal-leġittimità tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-Parlament Ewropew jaħdem bi grad għoli ta' trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva tiegħu, inkluż fil-fażi tal-kumitati, b'hekk liċ-ċittadini, lill-midja u lill-partijiet ikkonċernati jkunilhom possibbli jidentifikaw b'mod ċar id-diversi pożizzjonijiet fi ħdan il-Parlament u l-oriġini tal-proposti speċifiċi, kif ukoll isegwu l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali;

E.  billi skont l-Artikolu 16(8) tat-TUE, il-Kunsill jiltaqa' fil-pubbliku meta jiddelibera u jivvota dwar abbozz ta' att leġiżlattiv.

F.  billi l-Kunsill jieħu l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet li jistgħu jsiru b'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (VMK) b'kunsens u mingħajr vot formali;

G.  billi l-Ombudsman tat bidu għal investigazzjoni fir-rigward tat-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, u ressqet 14-il mistoqsija lill-Kunsill fl-10 ta' Marzu 2017 u nediet konsultazzjoni pubblika;

H.  billi b'segwitu għall-investigazzjoni, l-Ombudsman sabet li n-nuqqas ta' trasparenza mill-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u l-prattiki attwali tal-Kunsill fir-rigward tat-trasparenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet – speċifikament matul il-fażi preparatorja fil-livell tal-Coreper u fil-livell tal-grupp ta' ħidma – jikkostitwixxu amministrazzjoni ħażina;

I.  billi fid-9 ta' Frar 2018 l-Ombudsman għamlet sitt suġġerimenti għal titjib u fformulat tliet rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kunsill rigward it-trasparenza tal-korpi preparatorji tiegħu, u talbet tweġiba mingħand il-Kunsill;

J.  billi l-Kunsill ma tax tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet li jinstabu fir-rapport tal-Ombudsman fl-iskeda ta' żmien ta' tliet xhur preskritta b'mod legali u, fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni tat-trasparenza leġiżlattiva, l-Ombudsman iddeċidiet li ma tagħti l-ebda estensjoni lill-Kunsill lil hinn mill-iskadenza, u ppreżentat ir-rapport lill-Parlament Ewropew;

1.  Jinsab tassew imħasseb li l-Unjoni Ewropea qed tiġi kkritikata b'mod komuni li hija defiċjenti mill-aspett demokratiku; jenfasizza, għalhekk, li t-teħid ta' deċiżjonijiet minn waħda mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tagħha mingħajr it-trasparenza li hija mistennija minn stabbiliment demokratiku huwa ta' detriment għal dan il-proġett ambizzjuż Ewropew;

2.  Jinsab tassew konvint li t-teħid demokratiku u trasparenti ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropew huwa indispensabbli biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew u fl-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju 2019, u għaldaqstant huwa determinat li jsaħħaħ l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

3.  Jaqbel mal-Ombudsman dwar il-fatt li l-garanzija li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu, isegwu fid-detall u jipparteċipaw fil-progress tal-leġiżlazzjoni huwa rekwiżit ġuridiku konformi mat-Trattati u rekwiżit bażiku għal demokrazija moderna;

4.  Jenfasizza li grad għoli ta' trasparenza tal-proċess leġiżlattiv huwa essenzjali biex iċ-ċittadini, il-midja u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jżommu lir-rappreżentanti eletti tagħhom u lill-gvernijiet tagħhom responsabbli ta' għemilhom;

5.  Jemmen li livell għoli ta' trasparenza jagħmilha ta' garanzija kontra l-ħolqien ta' spekulazzjoni, aħbarijiet foloz u teoriji tal-konfoffa, billi jipprovdi bażi fattwali għar-rifjut pubbliku ta' dawn it-talbiet;

6.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b'mod miftuħ u trasparenti, kif ikkonfermat mill-Ombudsman, u jieħu nota tal-progress li sar mill-Kummissjoni fit-titjib tal-istandards ta' trasparenza tagħha; jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma jsegwix standards paragunabbli;

7.  Jindika li x-xogħol tal-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiġifieri l-Kumitati tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper I + II) u 'l fuq minn 150 grupp ta' ħidma, huwa parti integrali tal-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill;

8.  Jiddeplora l-fatt li, bil-maqlub tal-laqgħat tal-kumitati fi ħdan il-Parlament Ewropew, il-laqgħat tal-korpi preparatorji tal-Kunsill kif ukoll il-maġġoranza tad-dibattiti fil-Kunsill isiru bil-magħluq; jemmen li ċ-ċittadini, il-midja u l-partijiet ikkonċernati għandu jkollhom aċċess b'mezzi xierqa għal-laqgħat tal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu, anke permezz ta' livestreaming u xandir dirett fuq l-internet, kif ukoll li l-minuti ta' dawn il-laqgħat għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' trasparenza fil-proċess leġiżlattiv fiż-żewġ komponenti tal-leġiżlatura Ewropea; jenfasizza li, skont il-prinċipju tal-leġittimità demokratika, il-pubbliku jeħtieġlu jkun jista' jżomm iż-żewġ komponenti tal-leġiżlatura responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma jippubblikax b'mod proattiv il-biċċa l-kbira tad-dokumenti relatati mal-fajls leġiżlattivi, u dan jipprevjeni liċ-ċittadini milli jkunu jafu liema dokumenti fil-fatt jeżistu, u għaldaqstant jillimita l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jitolbu aċċess għad-dokumenti; jiddispjaċih li l-informazzjoni disponibbli dwar dokumenti leġiżlattivi hija ppreżentata mill-Kunsill f'reġistru li mhuwiex komplet u faċli biex jintuża; jistieden lill-Kunsill jelenka fir-reġistru pubbliku tiegħu d-dokumenti kollha relatati mal-fajls leġiżlattivi, irrispettivament mill-format u l-klassifikazzjoni tagħhom; jinnota, f'dan ir-rigward, l-isforzi li saru mill-Kummissjoni, mill-Parlament u mill-Kunsill biex tinħoloq bażi ta' data konġunta għall-fajls leġiżlattivi u jenfasizza li t-tliet istituzzjonijiet kollha għandhom responsabbiltà biex jiffinalizzaw malajr dan ix-xogħol;

10.  Iqis li l-prattika tal-Kunsill, skont liema d-dokumenti mqassma fil-korpi preparatorji tiegħu relatati ma' fajls leġiżlattivi jiġu kklassifikati sistematikament bħala "LIMITE", hija ksur tal-ġurisprudenza(6) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tar-rekwiżit ġuridiku li għandu jkun hemm l-aċċess pubbliku l-aktar wiesa' possibbli għad-dokumenti leġiżlattivi; jistieden lill-Kunsill jimplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-QĠUE u jabolixxi l-inkonsistenzi eżistenti u l-prattiki diverġenti; ifakkar li l-klassifikazzjoni ''LIMITE'' ma għandha l-ebda bażi ġuridika soda u jqis li l-linji gwida interni tal-Kunsill għandhom jiġu riveduti sabiex jiġi garantit li d-dokumenti jkunu kklassifikati biss bħala "LIMITE" f'każijiet debitament ġustifikati li jkunu konformi mal-ġurisprudenza tal-QĠUE;

11.  Jiddeplora l-fatt li wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Access Info Europe fl-2013, COREPER iddeċieda li bħala regola, l-awtur tad-dokument għandu jirreġistra l-ismijiet tal-Istati Membri fid-dokumenti relatati ma' proċeduri leġiżlattivi li jinsabu għaddejjin "fejn xieraq"; iqis bħala inaċċettabbli li l-pożizzjonijiet fil-korpi preparatorji tal-Kunsill li jieħdu l-Istati Membri individwali ma huma la ppubblikati u lanqas sistematikament irreġistrati, b'hekk ikun impossibbli għaċ-ċittadini, għall-mezzi tal-komunikazzjoni u għall-partijiet ikkonċernati jagħmlu skrutinju effikaċi tal-imġiba tal-gvernijiet eletti tagħhom;

12.  Jindika li dan in-nuqqas ta' informazzjoni jxekkel ukoll il-kapaċità tal-parlamenti nazzjonali li jikkontrollaw l-azzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali fil-Kunsill, li hija l-funzjoni essenzjali tal-parlamenti nazzjonali fil-proċedura leġiżlattiva tal-UE, u jippermetti lill-membri tal-gvernijiet nazzjonali jitbiegħdu, fl-isfera nazzjonali, mid-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu fil-livell Ewropew li jkunu sawru u ħadu huma stess; iqis li din il-prattika tmur kontra l-ispirtu tat-Trattati u huwa irresponsabbli li l-membri tal-gvernijiet nazzjonali jimminaw il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea billi "jwaħħlu fi Brussell" għad-deċiżjonijiet li huma stess kienu involuti fihom; jargumenta li rekord sistematiku tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-korpi preparatorji tal-Kunsill jaġixxi bħala diżinċentiv għal din il-prattika u jrid jitwaqqaf immedjatament; jinnota li din il-prattika hija għall-vantaġġ ta' politikanti li jfittxu li jnaqqsu l-leġittimità tal-UE fl-għajnejn tal-pubbliku;

13.  Iqis bħala inkompatibbli mal-prinċipji demokratiċi l-fatt li, fin-negozjati interistituzzjonali bejn il-koleġiżlaturi, in-nuqqas ta' trasparenza fil-Kunsill iwassal għal żbilanċ fir-rigward tal-informazzjoni disponibbli u b'hekk għal vantaġġ strutturali tal-Kunsill fuq il-Parlament Ewropew; itenni l-appell tiegħu għat-titjib fl-iskambju tad-dokumenti u tal-informazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill u għall-għoti ta' aċċess lir-rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-korpi tiegħu, partikolarment fil-każ tal-leġiżlazzjoni, b'mod ekwivalenti għal dak li bih il-Parlament jagħti aċċess lill-Kunsill għal-laqgħat tiegħu;

14.  Ifakkar li wara l-inkjesta strateġika mill-Ombudsman dwar it-trasparenza tat-trilogi, ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx adottati, l-aktar minħabba r-riluttanza tal-Kunsill; jemmen li, minħabba li t-trilogi saru prattika komuni biex jintlaħqu ftehimiet dwar fajls leġiżlattivi, għandu japplika għalihom livell għoli ta' trasparenza; iqis li dan għandu jinkludi pubblikazzjoni proattiva tad-dokumenti rilevanti, id-definizzjoni ta' kalendarju interistituzzjonali u regola ġenerali skont liema n-negozjati jistgħu jibdew biss wara l-adozzjoni ta' mandati pubbliċi, f'konformità mal-prinċipji ta' pubbliċità u trasparenza inerenti fil-proċess leġiżlattiv tal-UE;

15.  Jesiġi li l-Kunsill, bħala wieħed miż-żewġ komponenti tal-leġiżlatura Ewropea, jallinja l-metodi ta' ħidma tiegħu mal-istandards ta' demokrazija parlamentari u parteċipatorja kif meħtieġ skont it-Trattati, pjuttost milli jaġixxi ta' forum diplomatiku, li mhuwiex il-funzjoni maħsuba tiegħu;

16.  Huwa tal-opinjoni li l-gvernijiet tal-Istati Membri jċaħħdu liċ-ċittadini mid-dritt tagħhom għall-informazzjoni u jevitaw standards ta' trasparenza kif ukoll kontroll demokratiku xieraq billi jħejju jew jiddeterminaw minn qabel deċiżjonijiet ekonomiċi u finanzjarji estensivi f'formati informali bħall-Grupp tal-Euro u s-Summit taż-Żona tal-Euro; jinsisti li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti tiġi applikata mingħajr dewmien lill-korpi informali u lill-korpi preparatorji fi ħdan il-Kunsill, b'mod partikolari l-Grupp tal-Euro, il-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro, il-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju; jitlob li l-Grupp tal-Euro jiġi formalizzat b'mod sħiħ fir-reviżjoni li jmiss tat-Trattati sabiex jiġu ggarantiti aċċess pubbliku u skrutinju parlamentari xierqa;

17.   Itenni t-talba tiegħu li l-Kunsill jiġi ttrasformat f'kamra leġiżlattiva reali, biex b'hekk tinħoloq sistema leġiżlattiva ġenwinament bikamerali li tinvolvi lill-Kunsill u lill-Parlament, fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala l-eżekuttiv; jissuġġerixxi l-involviment tal-konfigurazzjonijiet leġiżlattivi speċjalizzati tal-Kunsill bħala korpi preparatorji għal Kunsill leġiżlattiv wieħed, li jiltaqa' fil-pubbliku, b'mod simili għall-funzjonament tal-kumitati fil-Parlament Ewropew, u d-deċiżjonijiet leġiżlattivi finali kollha jittieħdu fil-Kunsill leġiżlattiv wieħed;

18.  Iqis il-vot pubbliku bħala karatteristika fundamentali tat-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod demokratiku; iħeġġeġ lill-Kunsill jirrikorri għall-possibbiltà tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (VMK), u jastjeni, meta possibbli, mill-prattika skont liema jieħu d-deċiżjonijiet b'kunsens u mingħajr vot formali pubbliku;

19.  Japprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li fformulat l-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill u jħeġġeġ lill-Kunsill, almenu, jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jimplimenta mill-aktar fis possibbli r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, u speċifikament:

   a) jirreġistra b'mod sistematiku l-identità tal-gvernijiet tal-Istati Membri meta jesprimu pożizzjonijiet f'korpi preparatorji;
   b) jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli pubblikament għal kif jikklassifika d-dokumenti tiegħu bħala "LIMITE", f'konformità mad-dritt tal-UE;
   c) jirrevedi b'mod sistematiku l-istatus "LIMITE" tad-dokumenti fi stadju bikri, qabel l-adozzjoni finali ta' att leġiżlattiv, inkluż qabel ma jibdew in-negozjati informali fit-trilogi, f'liema punt il-Kunsill ikun laħaq pożizzjoni inizjali dwar il-proposta;

20.  Iqis li ma jistgħux jintużaw referenzi għal segretezza professjonali biex id-dokumenti jinżammu b'mod sistematiku milli jiġu rreġistrati jew ddivulgati;

21.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni li saret mill-Presidenza Awstrijaka lill-kumitat konġunt għall-Affarijiet Kostituzzjonali u għall-Petizzjonijiet, fejn indikat il-ħtieġa li l-Parlament Ewropew jinżamm infurmat dwar il-progress tar-riflessjonijiet li għaddejjin bħalissa tal-Kunsill dwar kif għandhom jitjiebu r-regoli u l-proċeduri tiegħu fir-rigward tat-trasparenza leġiżlattiva u fejn espremiet r-rieda tagħha li tinvolvi ruħha mal-Parlament fil-livell xieraq f'riflessjoni konġunta dwar dawn is-suġġetti li jeħtieġu koordinazzjoni interistituzzjonali u jiddispjaċih li sa issa ma ġie ppreżentat l-ebda kontribut lill-Parlament Ewropew.

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(2) ĠU C 66, 21.2.2018, p. 23.
(3) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(4) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 120.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0225.
(6) Għall-prinċipju tal-aċċess pubbliku l-aktar wiesa' possibbli, ara: Il-Kawżi Magħquda C-39/05 P u C-52/05 P L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill [2008] ECLI:EU:C:2008:374, para. 34; il-Kawża C-280/77 P Il-Kunsill vs Access Info Europe [2013] ECLI:EU:C:2013:671, para. 27; u l-Kawża T-540/15 De Capitani vs Il-Parlament [2018] ECLI:EU:T:2018:167, para. 80.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza