Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 dwar proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (COM(2018)0526 – C8-0376/2018 – 2018/0276(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2018)0526),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt b, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0376/2018),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(1) dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea għal dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 78c u 108(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0451/2018),
1. Japprova l-awtorizzazzjoni għall-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika Dominicana mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.