Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi (2018/2152(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Settembru 2018 intitolat "Id-29 Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-Frodi – 2017" (COM(2018)0553) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh ((SWD(2018)0381), (SWD(2018)0382), (SWD(2018)0383), (SWD(2018)0384), (SWD(2018)0385), u (SWD(2018)0386)),
– wara li kkunsidra r-Rapport 2017 tal-OLAF(1) u r-Rapport ta' Attività 2017 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-22 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 883/2013 dwar l-OLAF Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet,
– wara li kkunsidra ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013(2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tiegħu, ippubblikata mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Ottubru 2017 (COM(2017)0589),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1939(4) tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2015 ikkummissjonat mill-Kummissjoni u intitolat "Studju biex jikkwantifika u janalizza d-distakk tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE-27" u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT intitolata "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu" (COM(2016)0148),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-105/14(6), proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-42/17(7), proċeduri kriminali kontra M.A.S u M.B.,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(8),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tat-12 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - strateġija komprensiva tal-UE ((COM(2013)0324) 6.6.2013))" (COM(2017)0235),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-rapport ikkoordinat mill-OLAF intitolat "Il-frodi fl-akkwist pubbliku – ġabra ta' senjalazzjonijiet ta' allarm u l-aħjar prattiki", ippubblikat fl-20 ta' Diċembru 2017, u l-manwal tal-2017 tal-OLAF dwar "Ir-Rapportar ta' irregolaritajiet fil-ġestjoni konġunta",
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi(10),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 9/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE(11),
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta' Ottubru 2018 intitolat "Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x'mar ħażin?",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0003/2019),
A. billi de jure l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni ta' 74 % tal-baġit tal-Unjoni għall-2017; billi de facto, madankollu, l-Istati Membri jonfqu dawk ir-riżorsi u l-Kummissjoni hija responsabbli għas-superviżjoni tagħhom permezz tal-mekkaniżmi ta' kontroll tagħha;
B. billi l-infiq pubbliku bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE biex iżidu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flushom jintużaw b'mod korrett u effikaċi;
C. billi l-Artikolu 310(6) tat-TFUE jiddikjara li "L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni";
D. billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba permezz ta' proċessi ta' simplifikazzjoni tinvolvi valutazzjoni regolari ta' inputs, outputs, eżiti u impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;
E. billi d-diversità fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri għandha tiġi indirizzata b'mod adegwat biex jingħelbu l-irregolaritajiet u tiġi miġġielda l-frodi; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effettiv u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u sodisfaċenti;
F. billi l-Artikolu 325(2) TFUE jiddikjara li "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";
G. billi l-UE għandha dritt ġenerali li taġixxi fil-qasam tal-politiki kontra l-korruzzjoni fil-limiti stabbiliti mit-TFUE; billi l-Artikolu 67 tat-TFUE jistipula l-obbligu tal-Unjoni li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, inkluż permezz tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; billi l-Artikolu 83 tat-TFUE jelenka l-korruzzjoni bħala wieħed mir-reati partikolarment gravi b'dimensjoni transkonfinali;
H. billi l-Artikolu 325(3) tat-TFUE jiddikjara li "l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti";
I. billi l-korruzzjoni hija mifruxa fost l-Istati Membri u tirrappreżenta theddida serja għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li min-naħa tagħha thedded il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika;
J. billi l-VAT hija sors ta' dħul importanti għall-baġits nazzjonali u billi r-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT kienu jikkostitwixxu 12.1 % tal-baġit totali tal-UE fl-2017;
K. billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 6902/05 tal-14 ta' April 2005 dwar politika komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni stiednet lill-Kummissjoni tikkunsidra l-opzjonijiet kollha vijabbli, bħall-parteċipazzjoni fi GRECO jew mekkaniżmu ta' valutazzjoni u ta' monitoraġġ tal-istrumenti tal-UE b'rabta mal-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni u monitoraġġ reċiproku;
L. billi l-każijiet sistematiċi u istituzzjonalizzati ta' korruzzjoni f'ċerti Stati Membri jagħmlu ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-UE filwaqt li jirrappreżentaw ukoll theddida għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
M. billi r-Rapport tal-Ewrobarometru Speċjali 470 dwar il-Korruzzjoni, ippubblikat f'Diċembru 2017, iddikjara li l-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni u l-attitudnijiet ġenerali lejha baqgħu stabbli meta mqabbla mal-2013, li jindika li ma ntwera ebda riżultat konkret f'termini ta' titjib ta' fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet tagħhom;
Identifikazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet
1. Jinnota b'sodisfazzjoni li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2017 (15 213-il każ) kien 20,8 % anqas milli fl-2016 (19 080 każ) u li l-valur tagħhom naqas bi 13 % (minn EUR 2,97 biljun fl-2016 għal EUR 2,58 biljun fl-2017);
2. Jindika li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji mwettqa;
3. Josserva li, meta mqabbel mas-sena preċedenti, l-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti niżel bi 19,3 %, fatt li kkonferma t-tendenza lejn 'l isfel li bdiet fl-2014; jittama li n-niżla tirrifletti tnaqqis reali tal-frodi u mhux tan-nuqqasijiet f'termini ta' detezzjoni;
4. Jikkunsidra li jkun aħjar li l-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib fir-rigward tal-iskambji ta' informazzjoni, kemm biex itejbu l-ġbir ta' data kif ukoll biex itejbu l-effikaċja tal-kontrolli;
5. Jiddeplora l-fatt li aktar minn nofs l-Istati Membri ma adottawx strateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS); jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li fadal jipproċedu għall-adozzjoni ta' NAFS;
6. Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;
7. Jirrimarka li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet u setturi transkonfinali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, bħall-kuntrabandu jew l-iffalsifikar tal-flus, qiegħed dejjem jikber;
8. Jesprimi tħassib dwar il-kontrolli relatati mal-istrumenti finanzjarji ġestiti minn intermedjarji u d-dgħufiji misjuba fil-verifika tal-uffiċċji rreġistrati tal-benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li l-iżburżar ta' self dirett u indirett ikun kondizzjonali għall-pubblikazzjoni ta' data fiskali u kontabbiltà għal kull pajjiż, u fuq l-iżvelar ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mill-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament;
Dħul ‒ riżorsi proprji
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu li skont l-istatistika tal-Kummissjoni, id-distakk tal-VAT fl-2016 kien jammonta għal EUR 147 biljun, li jirrappreżenta aktar minn 12 % tad-dħul totali mistenni mill-VAT, u li l-Kummissjoni tistma li l-każijiet ta' frodi tal-VAT intra-Komunitarju jiswew lill-Unjoni madwar EUR 50 biljun fis-sena;
10. Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT tas-7 ta' April 2016 immirat biex jirriforma l-qafas tal-VAT, u t-13-il proposta leġiżlattiva adottati mill-Kummissjoni minn Diċembru 2016 'l hawn li jindirizzaw il-bidla lejn skema definittiva tal-VAT, li tneħħi l-ostakli tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, tirrevedi l-iskema tal-VAT għall-SMEs, timmodernizza l-politika tar-rati tal-VAT u tindirizza d-distakk tal-VAT; jinnota li l-proposta ta' "sistema definittiva" tista' teqred il-Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), iżda ma tidħolx fis-seħħ qabel l-2022; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw malajr ir-riforma tas-sistema tal-VAT u jieħdu azzjonijiet aktar immedjati biex fil-frattemp jikkontrollaw il-ħsara, inkluż fil-qafas tal-Eurofisc, l-OLAF, l-EUROPOL u l-UPPE futur;
11. Jilqa' s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża M.A.S. (C-42/17), li teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li pieni kriminali effettivi u ta' deterrent jiġu adottati f'każijiet ta' frodi serji li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE fir-rigward tal-VAT, skont l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 325(1) u (2) tat-TFUE;
12. Jiddispjaċih li investigazzjoni mill-OLAF fil-frodi doganali fir-Renju Unit konkluża fl-2017 żvelat evażjoni sostanzjali tal-VAT b'konnessjoni ma' importazzjonijiet fir-Renju Unit permezz ta' abbuż tas-sospensjoni ta' ħlas tal-VAT, jew l-hekk imsejħa proċedura doganali 42 (CP42); jilqa' l-proċedura ta' qabel il-ksur kontra r-Renju Unit imnedija mill-Kummissjoni f'Mejju 2018; ifakkar li dan it-telf huwa stmat b'mod kumulattiv li huwa madwar EUR 3,2 biljun għall-perjodu 2013-2016, li jirrappreżenta wkoll telf għall-baġit tal-UE; huwa mħasseb li l-emendi adottati dan l-aħħar għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jsaħħu l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT(12) jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jegħlbu l-frodi tas-CP42 u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strateġiji ġodda sabiex tintraċċa oġġetti tas-CP42 fl-UE;
13. Jilqa' l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/20108, adottata fit-2 ta' Ottubru 2018, u jispera li kooperazzjoni msaħħa se tindirizza b'mod effiċjenti aspetti ewlenin ta' frodi transkonfinali fis-suq uniku, bħall-frodi tal-MTIC;
14. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva PIF, li tiċċara l-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali u ta' assistenza legali reċiproka bejn l-Istati Membri, l-Eurojust, l-UPPE u l-Kummissjoni fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT;
15. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, is-serjetà tas-sitwazzjoni attwali rigward il-frodi li tinvolvi n-nuqqas ta' ħlas tal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f'kull wieħed mill-oqsma ta' attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bl-għan li tiġi megħjuna l-ġlieda kontra l-frodi;
16. Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat f'diversi okkażjonijiet li l-VAT hija interess finanzjarju tal-Unjoni, l-aktar reċenti fil-każ Taricco (C-105/14); jinnota madankollu li l-OLAF rarament jagħmel investigazzjonijiet ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw il-VAT minħabba nuqqas ta' strumenti; jistieden lill-Istati Membri japprovaw il-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi strumenti ġodda lill-OLAF sabiex jittratta l-każijiet tal-VAT, bħal aċċess għall-Eurofisc, għall-VIES jew informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank;
17. Josserva l-andament stabbli tal-għadd ta' każijiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati marbuta mar-riżorsi proprji tradizzjonali (4 647 fl-2016 u 4 636 fl-2017), kif ukoll l-ammonti involuti (EUR 537 miljun fl-2016 u EUR 502 miljun fl-2017); jinnota madankollu d-distribuzzjoni irregolari tal-irregolaritajiet fost l-Istati Membri, bil-Greċja (7,17 %), Spanja (4,31 %) u l-Ungerija (3,35 %) ferm ogħla mill-medja tal-UE ta' 1,96 % relatata mar-riżorsi proprji tradizzjonali mhux miġbura;
18. Jinnota bi tħassib kbir li l-kuntrabandu tat-tabakk lejn l-UE intensifika f'dawn l-aħħar snin u, skont l-estimi, jirrappreżenta telf annwali ta' EUR 10 biljun fi dħul pubbliku għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin huwa sors kbir ta' kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu; jikkunsidra li huwa neċessarju li l-Istati Membru jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiġġieldu dawn l-attivitajiet illegali, pereżempju billi jtejbu l-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri;
19. Jemmen li kombinazzjoni ta' metodi ta' detezzjoni differenti (kontrolli tar-rilaxx, kontrolli ta' wara r-rilaxx, spezzjonijiet minn servizzi ta' kontra l-frodi u oħrajn) hija l-aktar effiċjenti għad-detezzjoni tal-frodi u li l-effiċjenza ta' kull metodu tiddependi fuq l-Istat Membru kkonċernat, il-koordinazzjoni effiċjenti tal-amministrazzjoni tiegħu u l-abbiltà tas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri li jikkomunikaw ma' xulxin;
20. Iqis bħala inkwetanti l-fatt li ċerti Stati Membri regolarment ma jirrapportaw l-ebda każ ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga s-sitwazzjoni, inkwantu tqis pjuttost baxxa l-probabbiltà li tali Stati Membri huma ġenna tal-art fejn il-frodi ma teżistix; jistieden lill-Kummissjoni twettaq kontrolli fuq il-post f'dawn il-pajjiżi;
21. Jinnota b'dispjaċir li r-rata medja ta' rkupru fil-każijiet irrapportati bħala frawdolenti fil-perjodu bejn l-1989 u l-2017 kienet biss 37 %; jistieden lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet biex ittejjeb din is-sitwazzjoni drammatika;
22. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrapporta ta' kull sena l-ammont tar-riżorsi proprji tal-UE rkuprati skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF, u tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati;
Programm ta' Kontra l-Frodi tal-UE
23. Jilqa' pożittivament il-ħolqien tal-Programm ta' Kontra l-Frodi tal-UE, li se jkun implimentat mill-OLAF f'mod ta' ġestjoni diretta (COM(2018)0386), u jitlob li l-għotjiet ikunu ġestiti f'format elettroniku permezz tas-sistema ta' ġestjoni eGrants tal-Kummissjoni, minn Ġunju 2019;
L-UPPE u r-relazzjoni futura tiegħu mal-OLAF
24. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' 22 Stat Membru li jipproċedu għall-istabbiliment tal-UPPE fil-qafas ta' kooperazzjoni msaħħa; jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-Istati Membri li s'issa sabuha bi tqila li jkunu parti mill-UPPE;
25. Jirrimarka li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni ċara tas-setgħat biex jiġu evitati strutturi doppji, kompetenzi konfliġġenti u lakuni legali li jinħolqu minn nuqqas ta' kompetenzi;
26. Jilqa' l-fatt li l-abbozz tal-baġit tal-UE għall-2019 jinkludi, għall-ewwel darba, approprjazzjonijiet għall-UPPE (EUR 4,9 miljun) u jinsisti fuq l-importanza ta' persunal u baġit suffiċjenti għall-UPPE; jinnota li hemm biss 37 kariga ppjanati, li jimplika li wara li jitnaqqsu l-karigi għal 23 Prosekutur Ewropew, 14-il kariga biss huma ppjanati għal kompiti amministrattivi; jikkunsidra li dan mhuwiex realistiku, b'mod partikolari fir-rigward taż-żewġ Stati Membri l-oħra li dan l-aħħar iddeċidew li jissieħbu fl-UPPE; jitlob, għalhekk, li ż-żieda ta' persunal ippjanata għall-2020 ssir minn qabel biex l-UPPE jkun jista' jopera b'mod sħiħ sa tmiem l-2020 kif previst mir-Regolament;
27. Jilqa' l-proposta mmirata tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, primarjament xprunata mill-istabbiliment tal-UPPE; jenfasizza li l-kooperazzjoni futura bejn l-OLAF u l-UPPE għandha tkun ibbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib, skambju effiċjenti ta' informazzjoni u komplementarjetà, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew kompetenzi konfliġġenti;
Ġlieda kontra l-korruzzjoni
28. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jenfasizza li sabiex tipprovdi valutazzjoni oġġettiva u sistematika, il-Kummissjoni għandha tippubblika regolarment valutazzjoni tat-theddid għall-istat tad-dritt, inklużi riskji ta' korruzzjoni sistemika, f'kull Stat Membru bbażata fuq sett ta' indikaturi u rapporti indipendenti;
29. Jenfasizza li wara l-ħolqien tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku uffiċċju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri li ddeċidew li ma jissiħbux fl-UPPE; jenfasizza li skont l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-OLAF ma ssolvix il-kwistjoni ta' nuqqas ta' effikaċja fl-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-OLAF jibqa' sieħeb b'saħħtu u funzjonali għalkollox għall-UPPE;
30. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni m'għadhiex tqis li huwa neċessarju li tippubblika r-rapport kontra l-korruzzjoni; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni fil-proċess ta' governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew; huwa tal-fehma li dan kompla naqqas il-monitoraġġ mill-Kummissjoni, b'data disponibbli għal ftit pajjiżi biss; jiddispjaċih ukoll li din il-bidla fl-approċċ tikkonċentra l-aktar fuq l-impatt ekonomiku tal-korruzzjoni u kważi tinjora għalkollox id-dimensjonijiet l-oħrajn li l-korruzzjoni tista' taffettwa, bħall-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni pubblika u anki fl-istrutturi demokratiċi tal-Istati Membri; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tippubblika r-rapporti tagħha kontra l-korruzzjoni; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha f'politika aktar komprensiva u koerenti tal-UE kontra l-korruzzjoni, inkluża valutazzjoni fil-fond tal-politiki kontra l-korruzzjoni f'kull Stat Membru;
31. Itenni li l-effett tal-"bieb idur" jista' jkun ta' detriment għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tal-interess; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw approċċ sistematiku u proporzjonat għal din l-isfida;
32. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma rawmitx il-parteċipazzjoni tal-UE fil-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO); jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati ma' GRECO mill-aktar fis possibbli sabiex tivvaluta fi żmien xieraq il-konformità tagħha mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u biex twaqqaf mekkaniżmu ta' valutazzjoni interna għall-istituzzjonijiet tal-UE;
33. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u kriterji uniformi applikabbli faċilment, ibbażati fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell ta' korruzzjoni fl-Istati Membri u biex tevalwa l-politiki tagħhom kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni sabiex tikklassifika lill-Istati Membri; huwa tal-fehma li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi soda li fuqha l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiż tagħha meta tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-UE;
34. Ifakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri bl-għan li jipprevjenu u jiġġieldu l-Frodi MTIC, magħrufa aħjar bħala l-frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tikkontrolla, tivvaluta aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-Eurofisc biex jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif irrakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex jagħtu lill-Kummissjoni aċċess għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabbiltà tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali;
Akkwist pubbliku
Diġitalizzazzjoni
35. Jinnota li parti konsiderevoli tal-investimenti pubbliċi tintefaq permezz tal-akkwist pubbliku (EUR 2 triljun fis-sena); jenfasizza l-benefiċċji tal-akkwist elettroniku fil-ġlieda kontra l-frodi, bħal iffrankar għall-partijiet kollha, żieda fit-trasparenza, u proċessi sempliċi u iqsar;
36. Jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;
37. Jiddispjaċih għall-fatt li ftit Stati Membri biss qegħdin jużaw teknoloġiji ġodda għall-fażijiet ewlenin kollha tal-proċess tal-akkwist (notifika elettronika, aċċess elettroniku għad-dokumenti tal-offerti, sottomissjoni elettronika ta' offerti, evalwazzjoni elettronika, għoti elettroniku, ordni elettronika, fatturar elettroniku, pagament elettroniku); jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-formoli kollha tal-proċess tal-akkwist pubbliku, kif ukoll reġistri ta' kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku, disponibbli online f'format li jinqara mill-magni sa Lulju 2019;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inċentivi biex toħloq profil elettroniku tal-awtoritajiet kontraenti għall-Istati Membri li fihom dawn il-profili mhumiex disponibbli;
39. Jilqa' l-iskeda ta' żmien tal-Kummissjoni għat-tnedija tal-akkwist elettroniku fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni ssegwiha;
Prevenzjoni u fażijiet inizjali tal-proċedura tal-offerti
40. Huwa tal-fehma li l-attivitajiet ta' prevenzjoni huma ferm importanti biex jonqos il-livell ta' frodi fl-infiq tal-flus tal-UE u li l-bdil għall-akkwist elettroniku jirrappreżenta pass importanti lejn il-prevenzjoni tal-frodi u l-promozzjoni tal-integrità u tat-trasparenza;
41. Jilqa' pożittivament il-ħolqien tas-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni (EDES) u jemmen li kombinazzjoni ta' metodi ta' identifikazzjoni (kontrolli) differenti fil-fażijiet inizjali tal-proċedura tal-offerti hija l-aktar effiċjenti għall-prevenzjoni tal-frodi, billi tippermetti li l-fondi jiġu orjentati mill-ġdid lejn proġetti oħrajn;
42. Jilqa' l-gwida mħejjija mill-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF) dwar is-senjalazzjonijiet ta' allarm u l-aqwa prattiki fl-akkwist pubbliku u r-rapportar tal-irregolaritajiet;
43. Jilqa' favorevolment is-simplifikazzjoni tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE u jemmen li simplifikazzjoni ulterjuri żżid l-effikaċja; jittama li benefiċjarji oħra ta' fondi tal-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw aktar minn għażliet simplifikati f'termini ta' kostijiet;
Proċeduri ta' importazzjoni
44. Josserva li d-dazji doganali jikkorrispondu għal 14 % tal-baġit tal-UE u jemmen li l-applikazzjoni ineffikaċi tagħhom u n-nuqqas ta' regoli armonizzati jolqtu negattivament l-interessi finanzjarji tal-UE;
45. Josserva li s-servizzi tad-dwana tad-diversi Stati Membri jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar il-każijiet suspetti ta' frodi, biex ikun żgurat ir-rispett tar-regolamentazzjoni doganali (assistenza reċiproka); jemmen li din il-komunikazzjoni hija aktar sempliċi fil-każijiet li fihom hija obbligatorja l-indikazzjoni tal-ispeditur fid-dikjarazzjoni dwar l-importazzjoni tad-dwana (SAD) u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel din l-indikazzjoni obbligatorja fl-Istati Membri kollha sa Lulju 2019;
46. Jesprimi tħassib fir-rigward tal-ispezzjonijiet doganali u l-ġbir relatat ta' dazji doganali, li huma riżorsa proprja għall-baġit tal-UE; jirrimarka li l-ispezzjonijiet biex jiġi vverifikat li l-importaturi qed jikkonformaw mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjonijiet isiru mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri stess, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ispezzjonijiet fil-fruntieri tal-UE jkunu xierqa u armonizzati, u b'hekk tiggarantixxi l-interessi ta' sikurezza, sigurtà u dawk ekonomiċi tal-Unjoni, u biex timpenja ruħha fil-ġlieda kontra l-kummerċ ta' oġġetti illegali u ffalsifikati b'mod partikolari;
47. Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT ġodda għall-Unjoni Doganali batiet minn serje ta' dewmien, li jfisser li wħud mis-sistemi ewlenin mhux se jkunu disponibbli sal-iskadenzi tal-2020 li ġew stabbiliti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni; jenfasizza li t-tranżizzjoni rapida għal ambjent doganali mingħajr karti hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet tad-dwana jaħdmu bħala entità waħda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu għat-tlestija u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta' informazzjoni doganali tal-UE;
48. Jilqa' l-11-il operazzjoni doganali konġunta tal-OLAF li mmiraw b'suċċess diversi theddidiet bħall-frodi tad-dħul, movimenti illeċiti ta' flus, prodotti foloz, kuntrabandu ta' sigaretti u narkotiċi; jilqa' wkoll id-detezzjoni ta' irregolaritajiet wara avviżi ta' assistenza reċiproka maħruġa mill-OLAF, b'mod speċjali l-frodi fil-pannelli solari;
49. Jenfasizza li huma meħtieġa kontrolli doganali armonizzati u standardizzati fil-punti kollha tad-dħul peress li żbilanċ fil-prestazzjoni tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri jxekkel il-funzjonament effettiv tal-unjoni doganali.
Nefqa
50. Jilqa' favorevolment it-tnaqqis sinifikanti tal-għadd ta' każijiet (minn 272 fl-2016 għal 133 fl-2017) irrapportati bħala frawdolenti fl-ambitu tal-iżvilupp rurali, u t-tnaqqis konsegwenti tal-valur tal-frodi minn EUR 47 miljun għal EUR 20 miljun: jinnota, madankollu, it-tendenza bil-maqlub li hemm fil-qasam tal-appoġġ dirett għall-agrikoltura, fejn il-valur tal-irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti żdied sew minn EUR 11-il miljun għal EUR 39 miljun, u l-valur finanzjarju medju għal kull każ żdied b'227 %; jittama li dan ma jirrappreżentax tendenza negattiva;
51. Jistenna li s-simplifikazzjoni ta' regoli amministrattivi mitluba fid-dispożizzjonijiet komuni li jkopru l-perjodu 2014-2020 tgħin biex jonqos in-numru ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti, jiġu identifikati l-każijiet frawdolenti u jittejjeb l-aċċess tal-benefiċjarji għall-fondi tal-UE;
52. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tistandardizza n-nomenklatura tal-iżbalji marbuta man-nefqa, peress li, skont dak li turi d-data, diversi Stati Membri jiddikjaraw l-istess żbalji f'kategoriji differenti (SWD(2018)0386);
53. Jissottolinja l-fatt li l-kapaċità ta' identifikazzjoni tirrappreżenta element fundamentali fil-kuntest taċ-ċiklu tal-ġlieda kontra l-frodi, li tikkontribwixxi għall-effikaċja u għall-effiċjenza tas-sistema għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE; jilqa' għaldaqstant b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri l-aktar attivi fl-identifikazzjoni u fir-rapportar ta' irregolaritajiet potenzjalment frawdolenti kienu l-Polonja, ir-Rumanija, l-Ungerija, l-Italja u l-Bulgarija, li lkoll f'daqqa rrappreżentaw 73 % tal-irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti fil-politika agrikola komuni fis-snin bejn l-2013 u l-2017; jisħaq, f'dan ir-rigward, li valutazzjoni numerika waħda tar-rapporti magħmula tista' twassal għal perċezzjoni żbaljata tal-effikaċja tal-kontrolli; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tkompli tappoġġa lill-Istati Membri bl-għan li tiżgura titjib kemm fil-kwalità kif ukoll fl-għadd ta' kontrolli, u li taqsam l-aħjar prattika fil-ġlieda kontra l-frodi;
54. Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet mhux irrapportati bħala frawdolenti fil-politiki ta' koeżjoni u tas-sajd (5 129 każ fl-2017) reġa' lura għal-livelli tal-2013 u tal-2014 (4 695 u 4 825 każ rispettivament), wara li għal sentejn sħaħ il-livelli laħqu l-aqwa tagħhom;
55. Jindika li hija essenzjali trasparenza totali fil-kontabbiltà tan-nefqa, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament minn fondi tal-UE jew minn strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-proġetti kofinanzjati;
56. Jikkonstata li l-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati fl-ambitu tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (PAA) kompla naqas fl-2017 u li, bl-eliminazzjoni gradwali tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni, l-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti qorob lejn iż-żero;
Problemi identifikati u miżuri meħtieġa
Kontrolli aħjar
57. Jappoġġja l-programm Hercule III, li huwa eżempju tajjeb tal-approċċ "l-aħjar użu minn kull euro"; jistenna li l-programm suċċessur tiegħu wara l-2020 ikun saħansitra aktar effikaċi;
58. Jittama li r-regolament mistenni l-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, fl-ambitu tal-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir għall-kontroll doganali, se jkompli jtejjeb il-koordinament u jqawwi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi l-oħra fil-qasam tal-finanzjamenti permezz ta' sħubija aħjar fil-livell tal-UE;
Frodi transnazzjonali
59. Jenfasizza li sistema li tippermetti lill-awtoritajiet jiskambjaw informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika ta' rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar biex tiġi evitata l-frodi transkonfinali fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, u b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' nfiq ta' fondi tal-UE fejn ma sar ebda provvediment għal dan;
60. Huwa inkwetat dwar iż-żieda fit-theddid u fl-okkorrenza ta' frodi transnazzjonali identifikata mill-OLAF; jilqa' l-adozzjoni tar-Rapport tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi, u l-klawżola kontra l-frodi introdotta b'suċċess fil-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun; jistieden lill-Kummissjoni tiġġeneralizza l-prattika li żżid klawżoli kontra l-frodi fil-ftehimiet iffirmati bejn l-UE u pajjiżi terzi;
Informaturi
61. Jilqa' pożittivament il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (COM(2018)0218); jittama li din ittejjeb konsiderevolment is-sigurtà tal-informaturi fl-Unjoni, u b'hekk jinkiseb titjib kbir fil-protezzjoni finanzjarja tal-UE u fl-istat tad-dritt; jittama li din tidħol fis-seħħ fil-futur qarib; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE sabiex jimplimentaw malajr kemm jista' jkun l-istandards stabbiliti fid-direttiva fil-politiki interni tagħhom stess sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentawha fis-sistema legali nazzjonali tagħhom bl-aktar kamp ta' applikazzjoni wiesgħa possibbli;
62. Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi fil-prevenzjoni tal-frodi, id-detezzjoni u r-rapportar u l-ħtieġa li jiġu protetti;
Ġurnaliżmu investigattiv
63. Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jaqdi rwol essenzjali fit-trawwim tal-livell meħtieġ ta' trasparenza fl-UE u fl-Istati Membri, u li jrid jiġi inkoraġġit u appoġġat kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE;
Tabakk
64. Huwa mħasseb li skont l-estimi tal-OLAF, il-kummerċ illeċitu fis-sigaretti jikkawża telf finanzjarju annwali ta' aktar minn EUR 10 biljun għall-baġits tal-Unjoni u tal-Istati Membri;
65. Jilqa' d-dħul fis-seħħ, fil-25 ta' Settembru 2018, tal-Protokoll tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk wara l-41 ratifika tiegħu, fis-27 ta' Ġunju 2018; jilqa' l-fatt li l-ewwel Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll saret bejn it-8 u l-10 ta' Ottubru 2018; madankollu, iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni taqdi rwol attiv bl-għan li tipproduċi rapport komprensiv li jistabbilixxi prattiki tajbin u timplimenta esperimenti rigward is-sistemi ta' traċċar u rintraċċar fl-Istati Partijiet; jistieden lill-Istati Membri li ffirmaw il-Protokoll iżda li għadhom ma rratifikawhx, biex jagħmlu dan;
66. Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-ftehim PMI, li skada fid-9 ta' Lulju 2016; ifakkar li fid-9 ta' Marzu 2016, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex ma ġġeddidx, testendi jew tinnegozjah mill-ġdid lil hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu; jemmen li t-tliet ftehimiet l-oħrajn mal-kumpaniji tat-tabakk (BAT, JTI, ITL) m'għandhomx jiġu mġedda, estiżi jew innegozjati mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport sa tmiem l-2018 dwar il-fattibbiltà li jitwaqqfu t-tliet ftehimiet li fadal;
67. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ malajr bil-pjan ta' azzjoni ġdid u strateġija komprensiva tal-UE għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk, li kienet ippjanata għall-aħħar tas-sajf 2018;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema ta' traċċar u l-miżuri ta' sigurtà li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri sal-20 ta' Mejju 2019 għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim u sal-20 ta' Mejju 2024 għall-prodotti l-oħrajn kollha tat-tabakk (bħal sigarri, cigarillos u prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux) ikunu konsistenti mal-linji gwida ta' indipendenza tal-Protokoll tad-WHO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk li l-Unjoni Ewropea rratifikat fl-24 ta' Ġunju 2016;
69. Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa r-riskji moħbija tal-ikklonjar ta' marki individwali mill-industrija tat-tabakk għall-iskop ta' forniment lis-suq parallel;
70. Jinnota bi tħassib li r-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF ftit li xejn ġew implimentati fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi ttollerata u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u jistabbilixxu regoli li jiffaċilitaw l-ammissibbiltà tal-evidenza misjuba mill-OLAF;
Investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF
71. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti s-setgħa lill-OLAF biex jinvestiga kwistjonijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċertu livell ta' trasparenza tar-rapporti u tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF wara l-għeluq tal-proċeduri Ewropej u nazzjonali kollha; huwa tal-fehma li wara l-adozzjoni tal-bidliet meħtieġa għar-Regolament dwar l-OLAF relatati mal-istabbiliment tal-UPPE, il-Kummissjoni għandha tħejji qafas tal-OLAF modern aktar dettaljat u komprensiv;
72. Jiddeplora n-nuqqas ta' konsistenza fit-terminoloġija tar-rapporti tal-OLAF, bħal investigazzjonijiet magħluqa u konklużi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-OLAF jimplimentaw terminoloġija konsistenti biex tkun żgurata l-komparabbiltà matul is-snin b'rabta mar-rapportar u r-rimedjar ta' każijiet ta' frodi;
73. Jieħu nota tal-kwistjonijiet li għaddejjin bħalissa bil-Bażi tad-Data l-ġdida tal-Ġestjoni tal-Kontenut (OCM) tal-OLAF; jiddeplora b'mod partikolari li ntilfu każijiet fil-bażi tad-data l-ġdida; jilqa' l-fatt li l-problema hija suġġett ta' prijorità ewlenija; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament b'evalwazzjoni dettaljata tal-proġett tal-IT tal-OCM, b'mod partikolari rigward id-disinn tal-proġett, il-kostijiet sħaħ, l-implimentazzjoni, l-esperjenza tal-utenti u lista tal-kwistjonijiet li nqalgħu, skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF(13);
74. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod konġunt jiżguraw li l-investigazzjonijiet mill-OLAF u mill-Istati Membri jikkomplementaw lil xulxin, li l-OLAF igawdi minn setgħat investigattivi ugwali f'kull Stat Membru, inkluż aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet tal-bank, u li l-evidenza miġbura mill-OLAF tkun ammessa bħala evidenza kriminali mill-qrati tal-Istati Membri kollha, peress li hija essenzjali għas-segwitu effettiv tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;
o o o
75. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u lill-Kumitat Superviżorju tal-Uffiċju Ewropew Kontra l-Frodi.