Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-Baħar Baltiku, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) 509/2007 u (KE) 1300/2008 (COM(2018)0149– C8-0126/2018– 2018/0074(COD)
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0149),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0126/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra n-notifika uffiċjali tad-29 ta' Marzu 2017 mill-gvern tar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-12 ta' Diċembru 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0310/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament u l-Kunsill annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu pubblikati fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fil-25 ta' Ottubru 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0425).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Frar 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2019/472.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEGISLATTIVA
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom l-intenzjoni li jirrevokaw l-għoti tas-setgħat għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament meta jadottaw regolament ġdid dwar miżuri tekniċi li jinkludi għoti ta' setgħa li jkopri l-istess miżuri.