Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2509(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0098/2019

Testi mressqa :

B8-0098/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.14
CRE 12/02/2019 - 9.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0075

Testi adottati
PDF 135kWORD 55k
It-Tlieta, 12 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Strateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom
P8_TA(2019)0075B8-0098/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom wara l-2020 u li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu (2019/2509(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 intitolata "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020" (COM(2011)0173) u r-rapporti sussegwenti ta' implimentazzjoni u evalwazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward ir-rikonoxximent tar-Rom bħala grupp li jeħtieġ protezzjoni speċjali kontra d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa 2153 (2017) dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom u tat-Travellers,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri(2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016 dwar l-aċċellerar tal-proċess ta' integrazzjoni tar-Rom u tat-13 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 14/2016,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fil-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2016 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) kif ukoll l-istħarriġ EU-MIDIS I u II u diversi rapporti u stħarriġiet oħrajn tal-FRA dwar ir-Rom,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack", irreġistrata fit-3 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili Rom, l-NGOs u l-istituzzjonijiet tar-riċerka,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-anti-Żingariżmu(6) huwa forma speċifika ta' razziżmu, ideoloġija bbażata fuq is-superjorità razzjali, forma ta' diżumanizzazzjoni u razziżmu istituzzjonali li tieħu s-saħħa tagħha minn diskriminazzjoni storika, li hija espressa, fost l-oħrajn, permezz tal-vjolenza, id-diskors ta' mibegħda, l-isfruttament, l-istigmatizzazzjoni u l-aktar forma sfaċċata ta' diskriminazzjoni(7);

B.  billi r-Rom(8) għadhom qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom fl-Ewropa;

C.  billi s-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020 (COM(2018)0785) jenfasizzaw li "l-qafas kien kruċjali għall-iżvilupp tal-istrumenti u strutturi tal-UE u dawk nazzjonali li għandhom l-għan li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, iżda l-ambizzjoni ta' 'tasal fi tmiemha l-esklużjoni tar-Rom' ma ntlaħqitx";

D.  billi l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni turi li l-istrateġiji ta' inklużjoni jridu jindirizzaw l-għanijiet differenti b'mod simultanju u f'approċċ komprensiv b'enfasi aktar qawwija fuq il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; billi mal-erba' għanijiet ta' inklużjoni tar-Rom (l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u s-saħħa) għandhom jiżdiedu għan speċifiku ta' nondiskriminazzjoni u għanijiet fil-qasam tal-inklużjoni tar-Rom;

E.  billi l-progress miksub fl-inklużjoni tar-Rom huwa globalment limitat; billi ġie osservat titjib fit-tluq bikri mill-iskola u fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, iżda kien hemm deterjorament fis-segregazzjoni skolastika; billi kien hemm titjib fil-perċezzjoni li r-Rom għandhom tal-istatus tas-saħħa tagħhom, iżda dawn għad għandhom kopertura medika limitata; billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ġie osservat l-ebda titjib fl-aċċess għall-impjiegi, u s-sehem tar-Rom żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ saħansitra żdied; billi hemm tħassib serju dwar l-akkomodazzjoni u ftit li xejn sar progress rigward il-faqar; billi l-anti-Żingariżmu u l-manifestazzjonijiet tiegħu, bħar-reati ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda, kemm online u offline, qed ikomplu jqajmu tħassib serju; billi ġie kkunsidrat li l-azzjoni tal-UE tipprovdi valur miżjud importanti lill-politiki nazzjonali dwar ir-Rom u lill-implimentazzjoni tagħhom f'oqsma politiċi, ta' governanza u finanzjarji;

F.  billi l-evalwazzjoni tirrapporta n-nuqqasijiet fit-tfassil inizjali tal-qafas u l-effettività limitata tiegħu matul l-implimentazzjoni;

G.  billi l-evalwazzjoni tixħet dawl fuq il-ħtieġa li l-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom jiġu żgurati permezz ta' miżuri speċifiċi; billi l-emanċipazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet tar-Rom u tal-NGOs huma kruċjali;

H.  billi l-evalwazzjoni turi li l-qafas tal-UE ma qagħadx biżżejjed attent biex ikun immirat lejn gruppi speċifiċi fost ir-Rom, li d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali għandha tiġi indirizzata u li hemm bżonn li l-istrateġiji jinkludu dimensjoni qawwija tas-sessi u approċċ iċċentrat fuq it-tfal;

I.  billi il-qafas tal-UE fil-preżent ma għandux objettivi ċari u miri li jistgħu jitkejlu; billi ma hemmx biżżejjed proċeduri ta' monitoraġġ kwalitattivi u kwantitattivi, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ma humiex vinkolanti; billi ma huwiex qed isir sforz biżżejjed biex tiġi indirizzata l-parteċipazzjoni limitata ta' individwi u komunitajiet Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas u fl-evalwazzjoni tal-miżuri, il-programmi u l-proġetti dwar ir-Rom;

J.  billi l-biċċa l-kbira tal-programmi prinċipali ma humiex inklużivi fil-konfront tar-Rom, u billi l-azzjonijiet fil-mira koperti mill-Fondi Strutturali naqsu milli jagħmlu bidliet pożittivi sostenibbli fil-ħajja tal-aktar Rom żvantaġġati;

K.  billi l-Istati Membri għandhom responsabbiltà ċara li jieħdu miżuri korrettivi kontra prattiki li jiddiskriminaw kontra r-Rom;

L.  billi l-kwistjoni tal-bini tal-fiduċja bejn ir-Rom u dawk li ma humiex Rom hija essenzjali biex ittejjeb il-ħajja u l-opportunitajiet fil-ħajja tar-Rom; billi l-fiduċja hija essenzjali għas-soċjetà kollha kemm hi;

1.  Itenni l-pożizzjoni, is-sejħiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu mressqa u adottati fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; jiddispjaċih li ttieħdet azzjoni limitata dwar ir-rakkomandazzjonijiet imressqa f'din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni:

   i. taġixxi fuq is-sejħiet magħmula mill-Parlament, mill-Kunsill u minn bosta NGOs u esperti u tipproponi Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom għall-perjodu ta' wara l-2020 b'sett usa' ta' oqsma ta' prijorità, b'miri, skedi ta' żmien u indikaturi ċari u vinkolanti maħsuba biex jissorveljaw u jindirizzaw l-isfidi speċifiċi u jirriflettu d-diversità tal-komunitajiet Rom, u bl-allokazzjoni ta' fondi pubbliċi sostanzjali għal dan il-għan;
   ii. tinvolvi biżżejjed ir-rappreżentanti tar-Rom, l-NGOs u n-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet) fit-tfassil tal-Qafas Strateġiku tal-UE, inkluż permezz ta' proċedura ta' konsultazzjoni viżibbli u aċċessibbli, u tippermetti l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tiegħu, u b'hekk issaħħaħ is-sjieda tagħhom;
   iii. tqiegħed il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-qalba tal-Qafas Strateġiku tal-UE, inkluż billi żżid għan speċifiku kontra d-diskriminazzjoni, flimkien ma' għanijiet oħra, bħall-inklużjoni tar-Rom f'soċjetà ambjentalment sostenibbli u diġitali, u r-rappreżentanza ekwa tagħhom fl-isferi kollha tal-ħajja, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji speċifiċi u azzjonijiet konkreti għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, flimkien ma' waħda mill-manifestazzjonijiet tiegħu, l-esklużjoni soċjali u ekonomika;
   iv. tiżgura li d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi u approċċ sensittiv għat-tfal jiġu indirizzati kif xieraq fil-Qafas Strateġiku tal-UE;
   v. tiżgura li talloka riżorsi umani u finanzjarji adegwati sabiex ikun hemm il-kapaċitajiet meħtieġa għall-monitoraġġ, l-appoġġ u l-għoti ta' gwida f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom, inkluża gwida għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom;
   vi. issaħħaħ l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) f'termini tal-mandat, il-kapaċità istituzzjonali, ir-riżorsi umani u l-baġit tagħha sabiex tkun tista' tgħin fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom;
   vii. tadotta strateġija ta' diversità u inklużjoni tal-ħaddiema biex tiffavorixxi l-parteċipazzjoni tar-Rom fil-forza tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-UE;
   viii. toqgħod attenta għal gruppi speċifiċi fi ħdan il-popolazzjoni Rom fil-Qafas Strateġiku tal-UE, bħar-Rom tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u r-Rom fil-pajjiżi fil-fażi tal-adeżjoni;
   ix. tinkludi proċess ta' verità, rikonoxximent u rikonċiljazzjoni fil-Qafas Strateġiku tal-UE għal raġunijiet ta' bini tal-fiduċja u tenfasizza miżuri u inizjattivi kulturali u strutturali konkreti, appoġġjati mill-fondi tal-UE;
   x. tkompli tiċċekkja l-inklużività tal-politiki pubbliċi prinċipali tal-Istati Membri fl-ambitu tas-Semestru Ewropew fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, u żżomm rabta b'saħħitha bejn ir-riformi strutturali inklużivi, it-twettiq tal-għanijiet tal-inklużjoni tar-Rom u l-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri;

3.  Jistieden lill-Istati Membri:

   i. iħejju l-Istrateġiji Nazzjonali Strateġiċi għall-Inklużjoni tar-Rom tagħhom għall-perjodu ta' wara l-2020 b'sett wiesa' ta' oqsma ta' prijorità u b'miri, skedi ta' żmien u indikaturi ċari u vinkolanti maħsuba biex jissorveljaw u jindirizzaw l-isfidi speċifiċi u jirriflettu d-diversità tal-komunitajiet Rom, u jallokaw fondi pubbliċi sostanzjali għal dan il-għan;
   ii. isegwu approċċ minn isfel għal fuq u jinvolvu r-rappreżentanti tar-Rom, il-komunitajiet, l-NGOs u l-korpi tal-ugwaljanza fit-tfassil tal-Istrateġiji Nazzjonali Strateġiċi għall-Inklużjoni tar-Rom tagħhom (minn hawn 'il quddiem "l-Istrateġiji"), u jippermettu l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' dawn l-Istrateġiji;
   iii. iqiegħdu l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu fil-qalba tal-Istrateġiji tagħhom, flimkien ma' waħda mill-manifestazzjonijiet tal-anti-Żingariżmu, l-esklużjoni soċjali u ekonomika; jiżviluppaw strateġiji speċifiċi u azzjonijiet konkreti għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, bħall-investigazzjoni ta' attakki razzisti li qed isiru bħalissa jew li saru fil-passat kontra r-Rom; u jinkoraġġixxu r-rappreżentanza ekwa tar-Rom fl-isferi kollha tal-ħajja, inkluż fil-midja, fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fil-korpi politiċi;
   iv. jiżguraw li d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi u approċċ sensittiv għat-tfal jiġu indirizzati kif xieraq fl-Istrateġiji tagħhom;
   v. jikkunsidraw b'mod espliċitu t-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw l-istrateġiji ta’ integrazzjoni Nazzjonali Strateġiċi tagħhom għar-Rom; itenni l-importanza tal-ħarsien u l-promozzjoni ta' aċċess ugwali għad-drittijiet kollha għat-tfal Rom;
   vi. isaħħu l-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom f'termini tal-mandat, il-kapaċità istituzzjonali, ir-riżorsi umani u l-baġit tagħhom u jiżguraw il-pożizzjonament xieraq ta' tali Punti ta' Kuntatt Nazzjonali fi ħdan l-istruttura tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom permezz ta' koordinament transsettorjali effettiv;
   vii. joqogħdu attenti għal gruppi speċifiċi fi ħdan il-popolazzjoni Rom fl-Istrateġiji tagħhom, bħar-Rom tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, inklużi r-Rom mill-pajjiżi fil-fażi tal-adeżjoni;
   viii. jinkludu proċess ta' verità, rikonoxximent u rikonċiljazzjoni fl-Istrateġiji tagħhom għal raġunijiet ta' bini tal-fiduċja u jenfasizzaw miżuri u inizjattivi kulturali u strutturali konkreti, appoġġjati mill-fondi pubbliċi;
   viiii. jiżguraw u jissalvagwardaw l-inklużività effettiva tal-politiki pubbliċi prinċipali tagħhom u jużaw il-Fondi Strutturali tal-UE disponibbli biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-opportunitajiet tal-ħajja tar-Rom b'mod trasparenti u responsabbli; jinvestigaw l-użu ħażin li sar u li qed isir mill-fondi rilevanti u jieħdu azzjoni legali kontra l-awturi tar-reati; jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw l-assorbiment tal-fondi kollha mmirati lejn il-komunitajiet Rom, inkluż sa tmiem il-QFP attwali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kumitat tar-Reġjuni, biex iqassamha lill-parlamenti u lill-kunsilli sottonazzjonali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(4) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 171.
(5) ĠU C 328, 6.9.2016, p. 4.
(6) Xi drabi, fl-Istati Membri differenti, għall-kunċett tal-"anti-Żingariżmu" jintużaw termini kemxejn differenti, bħal "Antiziganismus" bil-Ġermaniż.
(7) Ir-rakkomandazzjoni ta' politika ġenerali nru 13 tal-ECRI (Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza) dwar il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom.
(8) Il-kelma "Rom" tintuża bħala terminu ġenerali li jinkludi gruppi relatati differenti fl-Ewropa kollha, kemm jekk sedentarji u kemm jekk ma humiex, bħalma huma l-komunitajiet Rom, Traveller, Sinti, Manouche, Kalé, Romanichel, Boyash, Ashkali, Eġizzjani, Yéniche, Dom u Lom, li jistgħu jkunu differenti f'dawk li huma kultura u stil ta' ħajja.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza