Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0041/2019

Testi mressqa :

A8-0041/2019

Dibattiti :

PV 11/02/2019 - 16
CRE 11/02/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0076

Testi adottati
PDF 190kWORD 61k
It-Tlieta, 12 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati maċ-Ċittadinanza tal-UE
P8_TA(2019)0076A8-0041/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati maċ-ċittadinanza tal-UE (2018/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 9, 10, 11, 12, 21, 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 8, 9, 10, 15, 18, 20, 21, 22, 23, 24, 26, 45, 46, 47, 48, 153, 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-TUE, u d-dikjarazzjoni fl-Artikolu 10(3) li "kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-TUE li jistipula d-dritt tal-moviment liberu tal-persuni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2020-2027,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini"(3) għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP (COM(2018)0358),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE(8),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri (COM(2018)0383),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2009)0313),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2017 bit-titolu "It-tisħiħ tad-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku - Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE" (COM(2017)0030),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 dwar in-netwerks ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, it-trasparenza onlajn, il-protezzjoni kontra l-inċidenti ċibernetiċi u l-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (C(2018)5949),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(10) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (COM(2017)0482),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar "Iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ"(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar "It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel"(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu 2014-2020(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-suq intern(14),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Jannar 2013 dwar "Insaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE: il-promozzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-istudji li ġew ippubblikati fl-2016 mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament bit-titolu "Obstacles to the right of free movement and residence for EU citizens and their families" (L-ostakli għad-dritt tal-moviment liberu u r-residenza għaċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2018 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Making EU citizens' rights a reality: national courts enforcing freedom of movement and related rights" (Nagħmlu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE realtà: il-qrati nazzjonali jinfurzaw il-libertà ta' moviment u drittijiet relatati),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru 89/2018,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(15),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (l-"Att Elettorali")(16),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(17),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb li jkun hemm qbil(19).

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Għal kisba ta' elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti" (COM(2018)0637),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0041/2019),

A.  billi ċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet relatati tagħha ġew introdotti għall-ewwel darba fl-1992 bit-Trattat ta' Maastricht u ssaħħew aktar bit-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2009, iżda ġew implimentati biss b'mod parzjali;

B.  billi l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, li ġew enfasizzati fl-Artikoli 2 u 6 tat-TUE, ipoġġu liċ-ċittadin fil-qalba tal-proġett Ewropew; billi għalhekk id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa jimplika wkoll riflessjoni dwar il-qawwa tal-identità komuni tagħna;

C.  billi l-prinċipji tat-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, kif derivati mill-Artikoli 10 u 11 tat-TUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma elementi sostantivi tal-kunċett ta' ċittadinanza u huma essenzjali għall-bini u t-tisħiħ tal-kredibbiltà u l-fiduċja fl-Unjoni kollha kemm hi; billi r-rikors għal arranġamenti u strumenti ad hoc u intergovernattivi f'diversi oqsma ta' politika tal-UE, kif ukoll il-korpi informali ta' teħid ta' deċiżjonijiet, l-evitar u d-deistituzzjonalizzazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jirriskjaw li jdgħajfu tali prinċipji b'mod serju;

D.  billi l-UE kellha diffikultajiet biex tiffaċċja diversi kriżijiet b'konsegwenzi soċjoekonomiċi importanti li rriżultaw fl-emerġenza ta' ideoloġiji populisti u nazzjonalisti abbażi ta' identitajiet esklussivi u kriterji li jappoġġjaw is-supremazija li jikkontradixxu l-valuri Ewropej;

E.  billi l-ġestjoni insodisfaċenti tad-diversi kriżijiet żiedet id-diżappunt taċ-ċittadini f'xi wħud mir-riżultati tal-proġett ta' integrazzjoni tal-UE; billi huwa kruċjali li jiġi żgurat li ċ-ċittadinanza tal-UE titqies bħala privileġġ fost iċ-ċittadini, inkluż billi terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fil-proġett tal-UE, filwaqt li tingħata prijorità lill-promozzjoni tad-drittijiet kollha taċ-ċittadini, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi u soċjali fost oħrajn, it-titjib tal-kwalità tad-demokrazija fi ħdan l-Unjoni, it-tgawdija prattika tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-opportunità li kull ċittadin jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, filwaqt li jiġi pprovdut involviment akbar tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' implimentazzjoni;

F.  billi r-reviżjoni kurrenti tal-ECI għandha l-għan li ttejjeb l-effikaċja tagħha u ssaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza attiva;

G.  billi l-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE jinkiseb permezz tal-pussess taċ-ċittadinanza ta' Stat Membru, li huwa rregolat minn liġijiet nazzjonali; billi fl-istess ħin, id-drittijiet u d-dmirijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE huma stabbiliti mil-liġi tal-UE u ma jiddependux fuq l-Istati Membri, għalhekk ma jistgħux jiġu limitati b'mod mhux ġustifikat minnhom;

H.  billi fil-kuntest ta' aċċess għaċ-ċittadinanza nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji tad-dritt tal-UE, bħall-proporzjonalità, l-istat tad-dritt u n-nondiskriminazzjoni, li ġew elaborati bir-reqqa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

I.  billi l-prospett tal-Brexit enfasizza l-importanza tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, speċjalment fost iż-żgħażagħ Ewropej, u r-rwol tagħhom fil-ħajjiet ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE, u qajjem ukoll sensibilizzazzjoni fl-UE dwar it-telf potenzjali ta' tali drittijiet fuq iż-żewġ naħat;

J.  billi l-parteċipazzjoni medja fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-2014 kienet ta' 42,6 %; billi skont l-aktar stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru ppubblikat f'Mejju 2018, 19 % biss tal-Ewropej li ġew intervistati kienu jafu d-data tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss;

K.  billi ċ-ċittadini tal-UE kważi mhumiex konxji tal-eżistenza tal-uffiċċji tal-Europe Direct minkejja r-rwol ewlieni tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni;

L.  billi hemm aktar minn 400 Ċentru ta' Informazzjoni "Europe Direct" madwar l-UE li jikkontribwixxu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politiki tal-Unjoni Ewropea ta' interess dirett għaċ-ċittadini bl-għan li jkun hemm involviment maċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali;

M.  billi l-kunċett taċ-ċittadinanza jiddefinixxi r-relazzjoni taċ-ċittadini ma' komunità politika, inklużi d-drittijiet, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom; billi l-Artikolu 20 tat-TFUE ta liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom, bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-istat;

N.  billi ċ-ċittadini Ewropej huma direttament rappreżentati fil-Parlament Ewropew u kull ċittadin jeħtieġlu jingħata attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri billi jistipula li, "fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tinkoraġġixxi ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa";

O.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) stabbiliet f'għadd ta' kawżi li d-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE jistgħu jiġu invokati wkoll minn ċittadini ta' Stat Membru vis-à-vis dak l-istess stat(20);

P.  billi diversi Stati Membri joffru l-hekk imsejħa "programmi tal-viżi tad-deheb" u skemi għall-investituri bħala mezz biex jiksbu ċ-ċittadinanza tagħhom;

Q.  billi l-libertà ta' moviment tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE b'opportunitajiet biex jivvjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu u jgħixu f'pajjiżi oħra tal-UE; billi aktar minn 16-il miljun Ewropew igawdu mid-dritt tagħhom li jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE;

R.  billi d-dritt għal-libertà ta' moviment huwa ċentrali għaċ-ċittadinanza tal-UE u jikkomplementa l-libertajiet l-oħra tas-suq intern tal-UE; billi ż-żgħażagħ Ewropej huma partikolarment marbuta mal-moviment liberu, li huwa meqjus bħala l-aktar kisba pożittiva tal-UE wara l-iżgurar tal-paċi fl-Ewropa;

S.  billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE ltaqgħet ma' diffikultajiet prattiċi u l-Ewropej jafu xorta waħda jsibuha diffiċli biex jiċċaqilqu jew jgħixu fi Stat Membru ieħor minħabba d-diskriminazzjoni li tirriżulta miċ-ċittadinanza, mir-rekwiżiti ta' dħul u dawk ta' residenza; billi hemm ammont konsiderevoli ta' ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja maħsuba biex tikkjarifika l-kunċetti ewlenin għaċ-ċittadini mobbli tal-UE;

T.  billi d-dritt għal protezzjoni konsulari huwa ggarantit fl-Artikoli 20 u 23 tat-TFUE, u ċ-ċittadini tal-UE huma għalhekk, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom mhuwiex irrappreżentat, intitolati għal protezzjoni minn kwalunkwe Stat Membru ieħor bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-istat; billi l-emerġenzi, id-diżastri naturali jew l-avvenimenti bħal attakki terroristiċi jistgħu jaffettwaw liċ-ċittadini Ewropej li ġejjin minn Stat Membru mingħajr l-ebda rappreżentanza fil-pajjiż terz ikkonċernat;

U.  billi l-Kummissjoni wriet impenn fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2017 li torganizza kampanja ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni mal-UE kollha dwar iċ-ċittadinanza tal-UE sabiex tgħin liċ-ċittadini jifhmu aħjar id-drittijiet tagħhom; billi din ir-responsabbiltà biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu infurmati aħjar dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom jeħtieġ li tiġi kondiviża bejn l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili;

V.  billi, skont ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2017 tal-Kummissjoni, mill-2012 'il hawn, għadd dejjem akbar ta' nies irrappurtaw li ġarrbu xi sura ta' diskriminazzjoni;

W.  billi l-ħolqien taż-żona Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-UE saħħew ħafna l-libertà ta' moviment fl-UE u jikkostitwixxu wieħed mill-akbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

X.  billi l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea hija kisba tal-proġett Ewropew li għadha trid twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha; jenfasizza li din hija kostruzzjoni unika li ma tidher imkien ieħor fid-dinja;

1.  Iqis li mhux id-dispożizzjonijiet kollha li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-UE ġew implimentati biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, minkejja li dan jippermetti li tiġi kkonsolidata l-identità Ewropea; jenfasizza li l-ħolqien ta' ċittadinanza tal-Unjoni wera li tista' teżisti forma ta' ċittadinanza li ma tkunx iddeterminata minn nazzjonalità u li tifforma l-bażi ta' qasam politiku li minnu jirriżultaw id-drittijiet u d-dmirijiet, li jiġu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni Ewropea u mhux mill-Istat; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu l-implimentazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza kif ukoll tad-dispożizzjonijiet korrispondenti minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li ċ-ċittadini Ewropej mhumiex għal kollox konxji mid-drittijiet tagħhom li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni,

2.  Ifakkar li ċ-ċittadinanza tal-UE tissupplimenta ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru; jissottolinja li ċ-ċittadinanza tal-UE tippermetti l-komplementarjetà ta' identitajiet differenti għaċ-ċittadini, u li l-ideoloġiji nazzjonalisti u populisti jdgħajfu dik il-kapaċità; huwa tal-opinjoni li l-eżerċitar ta' ċittadinanza attiva u l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni ċivika huma essenzjali għat-tisħiħ tas-sens ta' appartenenza għal proġett politiku biex jitrawwem l-iżvilupp ta' sens kondiviż ta' identità Ewropea, fehim reċiproku, djalogu interkulturali u kooperazzjoni transnazzjonali u biex jinbnew soċjetajiet miftuħa, inklużivi, koeżivi u reżiljenti;

3.  Iqis li l-implimentazzjoni sħiħa, mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-promozzjoni attiva tad-drittijiet u l-prinċipji minquxa fiha, jirrappreżentaw lieva essenzjali għall-garanzija ta' involviment effettiv taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku tal-UE u biex tagħti sens ta' konkretezza lid-dispożizzjonijiet minquxa fl-Artikolu 20 tat-TFUE;

4.  Jenfasizza li l-korp ta' drittijiet u obbligi li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jistax jiġi limitat b'mod mhux iġġustifikat; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-prerogattiva tagħhom li jagħtu ċ-ċittadinanza fi spirtu ta' kooperazzjoni ġusta, inkluż f'każijiet ta' tfal ta' ċittadini tal-UE li jiffaċċjaw diffikultajiet biex jissodisfaw il-kriterji għaċ-ċittadinanza skont ir-regoli nazzjonali; jenfasizza li l-eżerċitar b'suċċess tad-drittijiet taċ-ċittadinanza jippresupponi li d-drittijiet u l-libertajiet kollha minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu protetti u promossi, inkluż għal persuni b'diżabbiltà li għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom bl-istess mod bħal kwalunkwe ċittadin ieħor, u li tiġi implimentata l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jgawdu b'mod sħiħ mid-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

5.  Ifakkar li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni estendiet ukoll l-implikazzjonijiet u tagħti drittijiet fil-qasam tal-parteċipazzjoni demokratika kif derivat mill-Artikoli 10 u 11 tat-TUE; jenfasizza li għall-eżerċizzju tad-dritt ta' parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin, u li għalhekk huwa fundamentali li jingħataw il-garanziji rilevanti dwar it-trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

6.  Jiddispjaċih dwar in-nonparteċipazzjonijiet eżistenti minn partijiet tat-Trattati minn xi Stati Membri, li jdgħajfu u jiġġeneraw de facto differenzi fid-drittijiet taċ-ċittadini li huma maħsuba biex ikunu ugwali skont it-Trattati;

7.  Jinnota li l-programm Erasmus+, il-programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, u l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" jagħtu liċ-ċittadini tal-UE u b'mod partikolari liż-żgħażagħ, benefiċċji kbar billi jqajmu sensibilizzazzjoni dwar l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE u jtejbu l-għarfien tagħhom dwar id-drittijiet li jirriżultaw minn dak l-istatus u l-valuri sottostanti tiegħu; huwa tal-opinjoni li l-programmi volontarji Ewropej bħas-Servizz Volontarju Ewropew u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jaqdu wkoll parti integrali biex tinbena ċ-ċittadinanza Ewropea; jissottolinja l-importanza kruċjali ta' tali programmi, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u jitlob li dawn jissaħħu finanzjarjament;

Drittijiet politiċi

8.  Jinsab imħasseb dwar it-tendenza ta' tnaqqis fl-għadd ta' votanti kemm fl-elezzjonijiet nazzjonali kif ukoll f'dawk tal-Parlament Ewropew, speċjalment fost iż-żgħażagħ; jinsab konvint li t-tisħiħ tal-isfera pubblika tal-UE u l-implimentazzjoni sħiħa taċ-ċittadinanza Ewropea għandhom il-potenzjal li jgħinu biex ireġġgħu lura dan it-tnaqqis billi jiżdied is-sens ta' appartenenza taċ-ċittadini f'komunità Ewropea u billi tingħata spinta lid-demokrazija rappreżentattiva;

9.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi programmi li jrawmu ċ-ċittadinanza Ewropea u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tad-drittijiet politiċi tagħhom; josserva, madankollu, il-progress limitat li sar fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 165 tat-TFUE bħala bażi ġuridika biex tiġi promossa d-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni taċ-ċittadini; iqis essenzjali li tiġi promossa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-UE u jemmen li l-iżvilupp tal-kurrikuli tal-UE fis-sistemi edukattivi għandu jkun prijorità biex ikompli jiġi żviluppat il-potenzjal taċ-ċittadinanza tal-UE;

10.  Jiddeplora għal darba oħra l-fatt li xi ċittadini tal-UE huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom u ma jistgħux jipparteċipaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom; jissottolinja l-fatt li t-telf tad-drittijiet elettorali li jirriżulta minn residenza fi Stat Membru ieħor jista' jiskoraġġixxi liċ-ċittadini milli jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor u għalhekk jista' jikkostitwixxi ksur potenzjali tal-Artikolu 18 tat-TFUE;

11.   Iqis li, f'sistema ta' demokrazija rappreżentattiva, huwa essenzjali li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġu protetti d-drittijiet politiċi kollha taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet miksuba mill-pussess tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE; jiddeplora l-fatt li mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Artikolu 15(3) tat-TFUE, li sar il-bażi legali għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jestendi r-regoli dwar l-aċċess għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji u l-uffiċċji kollha tal-Unjoni, għadu ma ġiex implimentat b'mod sħiħ; iqis li l-progress fl-adozzjoni tar-regolament il-ġdid ġie konsistentement ostakolat mill-Istati Membri;

Il-libertà ta' moviment

12.  Jilqa' l-benefiċċji li l-moviment liberu jġib miegħu għaċ-ċittadini tal-UE u għall-ekonomiji tal-Istati Membri; jirrimarka li d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri mhux dejjem huma rikonoxxuti u rrispettati, u dan iwassal għal ostakli għall-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom kif ukoll għal diskriminazzjoni kontrihom; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jipproteġu l-libertà ta' moviment, inkluża r-riunifikazzjoni tal-familja, għal konjuġi tal-istess sess;

13.  Jinsab imħasseb li l-interpretazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet u termini tad-Direttiva 2004/38/KE mill-qrati nazzjonali tvarja mhux biss fl-Istati Membri, iżda xi kultant anki fl-istess ġurisdizzjoni; jinnota bi tħassib li l-awtoritajiet nazzjonali mhux dejjem ikunu kompletament konxji mid-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont id-Direttiva 2004/38/KE;

14.  Jenfasizza l-problema tan-nuqqas ta' informazzjoni jew l-għoti ta' informazzjoni li ma tkunx korretta jew li toħloq konfużjoni dwar ir-rekwiżiti tal-viża għall-membri tal-familja jew dwar id-drittijiet ta' residenza; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tneħħija ta' ostakli bla bżonn għad-dritt ta' dħul/residenza, b'mod partikolari għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE;

15.  Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini biex jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom madwar l-Ewropa; jemmen li d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għenu jiffaċilitaw ir-rikonoxximent bejn l-Istati Membri; jemmen ukoll li r-rikonoxximent professjonali huwa essenzjali biex jiġi żgurat grad ogħla ta' mobbiltà kemm għall-istudenti kif ukoll għall-professjonisti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli t-tendenza li tiffaċilita kemm jista' jkun ir-rikonoxximent professjonali;

16.  Jinsab imħasseb ferm dwar is-sejbiet tar-riċerka li twettqet mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li identifikat id-diskriminazzjoni fit-tfittxija għal impjieg, fl-aċċess ta' servizzi varji bħall-kiri ta' karozza jew appartament jew ċerti servizzi bankarji, u fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-tassazzjoni; jenfasizza li d-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tista' toħloq ostakli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari biex jimmonitorjaw tali każijiet ta' diskriminazzjoni u jieħdu azzjonijiet deċiżivi biex jipprevenuhom;

17.  Jissottolinja r-rwol tal-mobbiltà fl-iżvilupp personali taż-żgħażagħ permezz tat-titjib fit-tagħlim u l-iskambju kulturali u tat-titjib fl-għarfien taċ-ċittadinanza attiva u l-prattika tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw il-programmi tal-UE li jippromwovu l-mobbiltà;

18.  Japprezza l-importanza tal-kultura, l-arti u x-xjenza bħala aspetti integrali taċ-ċittadinanza attiva tal-UE; jisħaq fuq ir-rwol tagħhom fit-tisħiħ tas-sens ta' appartenenza komuni taċ-ċittadini għall-Unjoni, li jagħti spinta lill-fehim reċiproku u jistimula d-djalogu interkulturali;

Il-protezzjoni konsulari

19.  Jinnota li kważi 7 miljun ċittadin tal-UE bħalissa jgħixu f'pajjiżi barra mill-UE, u li dan in-numru mistenni jiżdied għal mill-inqas 10 miljuni sal-2020;

20.  Iqis li d-dritt għal protezzjoni konsulari huwa ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE kollha, u jfakkar li d-Direttiva tal-Kunsill(UE) 2015/637 dwar il-protezzjoni konsulari tinterpreta l-protezzjoni konsulari fl-aktar sens wiesa' possibbli, jiġifieri bħala kwalunkwe tip ta' assistenza konsulari; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni dwar dawk id-drittijiet għadha limitata;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/637 u tniedi proċedimenti ta' ksur fejn applikabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw protokolli ta' emerġenza, billi jqisu ċ-ċittadini mhux rappreżentati, sabiex jittejbu l-komunikazzjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza f'koordinazzjoni ma' rappreżentanzi ta' Stati Membri u delegazzjonijiet tal-UE oħra; ifakkar fit-talba li għamel żmien twil ilu għat-tisħiħ tar-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi u jenfasizza l-valur miżjud mogħti min-netwerk diplomatiku tal-UE preżenti fil-post;

Petizzjoni lill-Parlament Ewropew u lment lill-Ombudsman Ewropew

22.  Jenfasizza l-importanza tad-dritt għal petizzjoni, kif stipulat mill-Artikolu 227 tat-TFUE u mill-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, rispettivament, u d-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman kif minqux fl-Artikolu 228 tat-TFUE u fl-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; ifaħħar il-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fil-ġlieda kontra l-amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet, fil-korpi u fl-aġenziji tal-Unjoni, u b'mod partikolari fil-qasam tat-trasparenza; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza għal funzjonament demokratiku u parteċipazzjoni demokratika xierqa fi ħdan l-Unjoni li jiġġeneraw il-fiduċja fost iċ-ċittadini; japprova f'dan ir-rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fir-Rapport Speċjali reċenti tagħha dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill;

Rakkomandazzjonijiet

23.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżerċita l-prerogattivi tagħha skont l-Artikolu 258 tat-TFUE biex titlob lill-QĠUE tiddeċiedi jekk it-tneħħija tad-drittijiet tal-vot minħabba residenza fi Stat Membru tal-UE ieħor għandhiex titqies bħala ksur tal-libertà ta' moviment u residenza; jistieden għal darb'oħra lill-Istati Membri jimplimentaw il-Kodiċi ta' Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tal-Kummissjoni ta' Venezja, inkluża l-abolizzjoni tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot tal-espatrijati fl-elezzjonijiet għall-parlamenti nazzjonali;

24.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tat-TFUE, testendi d-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2) tat-TFUE sabiex tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jagħżlu jekk jivvutawx fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza jew tar-residenza tagħhom u li dan jiġi estiż biex jinkludi l-elezzjonijiet kollha, f'konformità mal-possibbiltajiet kostituzzjonali ta' kull Stat Membru;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu għodod tad-demokrazija elettronika fil-livell lokali u nazzjonali, u jintegrawhom b'mod xieraq fil-proċess politiku, billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni demokratika kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għar-residenti;

26.  Iqis li r-reviżjoni tal-qafas legali li jirregola l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) tippreżenta opportunità biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tal-UE billi l-istrument isir inqas burokratiku u aktar aċċessibbli;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa prattiki aktar robusti fir-rigward tas-segwitu politiku u legali mogħti lill-ECIs ta' suċċess;

28.  Jinsisti fuq aktar riżorsi investiti fil-ħolqien ta' programmi u inizjattivi addizzjonali, u fuq l-istess ħolqien, li għandhom l-għan li jrawmu spazju pubbliku Ewropew fejn it-tgawdija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, il-benessri soċjali u t-twettiq tal-valuri Ewropej isiru l-mudell għall-identità taċ-ċittadini; jilqa' l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri bħala eżempju siewi tal-appoġġ attiv tal-Unjoni għall-valuri u d-drittijiet tagħha li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE u minquxa fit-Trattati, inkluż permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu u jipproteġu dawn id-drittijiet u l-valuri; jisħaq fuq l-importanza li jinżamm il-baġit kurrenti għall-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri; jopponi bil-qawwa t-tnaqqis fid-daqs tiegħu fil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-2021-2027 kif propost mill-Kummissjoni;

29.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-partiti politiċi Ewropej u lill-membri tal-partit tagħhom jiżguraw rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi ta' kandidati permezz ta' zipped lists jew metodi ekwivalenti oħrajn;

30.  Jipproponi li l-viżibbiltà tal-uffiċċji Europe Direct tiżdied b'mod sinifikanti; jissottolinja li dawn l-uffiċċji għandhom joperaw bħala intermedjarji li jikkooperaw mal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri u s-soċjetà ċivili (inklużi trejdunjins, assoċjazzjonijiet kummerċjali u korpi pubbliċi u privati) biex jinfurmaw b'mod attiv liċ-ċittadini Ewropej dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u jrawmu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-livell lokali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-entitajiet fil-livell reġjonali u lokali biex jikkooperaw b'mod attiv ma' dawn l-uffiċċji; jissottolinja l-fatt li dawn l-uffiċċji għandhom joħolqu sinerġiji ma' programmi bħal "L-Ewropa għaċ-Ċittadini"; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-uffiċċji jiċċentralizzaw l-informazzjoni rilevanti li tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE; jemmen li s-servizz SOLVIT għandu jiġi integrat ulterjorment u jaġixxi b'mod aktar effettiv fil-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE qabel ma dawn tal-aħħar ifittxu xi rimedju ġudizzjarju jew amministrattiv;

31.  F'dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta li ssaħħaħ kemm ir-rwol tal-Uffiċċji Europe Direct, kif ukoll l-eżerċizzju taċ-ċittadinanza tal-UE li tibni fuq id-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/54/UE, inklużi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għal protezzjoni mid-diskriminazzjoni, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tagħhom skont l-Artikolu 22 tat-TFUE, u d-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu skont l-Artikolu 21 tat-TFUE u d-Direttiva 2004/38/KE, u d-dritt għal-libertà ta' moviment li jgawdu l-membri tal-familji tagħhom;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod sistematiku fir-rigward tal-ksur tad-Direttiva 2004/38/KE mill-Istati Membri u jitlob li l-gwida tal-UE għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni li taffettwa liċ-ċittadini tal-UE tiġi mġedda sabiex tinkludi l-iżviluppi reċenti mill-QĠUE, u b'hekk jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jkun effettiv bis-sħiħ;

33.  Jitlob għall-implimentazzjoni konsistenti tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tal-UE, b'mod partikolari meta tiġi adottata leġiżlazzjoni jew meta jiġu implimentati politiki marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

34.  Ifakkar li l-Parlament ilu mill-2014, u f'okkażjonijiet varji, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li kwalunkwe skema nazzjonali li tinvolvi l-bejgħ dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE ddgħajjef il-kunċett proprju taċ-ċittadinanza Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja tali skemi u tipproduċi rapport dwar l-iskemi nazzjonali li jagħtu ċ-ċittadinanza tal-UE lill-investituri, kif ġie previst fir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza; tal-2017

35.  Jiddispjaċih li r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-2017 tal-Kummissjoni ma jagħmel l-ebda referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt ta' petizzjoni, id-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti jew id-dritt ta' appoġġ għal ECI; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni sħiħa lid-dispożizzjonijiet tal-Karta u tindirizza dawn in-nuqqasijiet fl-evalwazzjoni li jmiss;

36.  Jissottolinja li għadd dejjem akbar ta' ċittadini Ewropej sofrew attakki terroristiċi f'pajjiż li mhuwiex pajjiżhom, u għalhekk jitlob b'urġenza li jiġu stabbiliti protokolli fl-Istati Membri sabiex, f'każ ta' attakk terroristiku, jiġu megħjuna ċ-ċittadini Ewropej ta' pajjiż ieħor, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

37.  Jipproponi lill-Istati Membri li huma jistabbilixxu vaganza pubblika Ewropea fid-9 ta' Mejju sabiex jissaħħaħ is-sens ta' appartenenza Ewropew u jinħoloq spazju għal movimenti u attivitajiet ċiviċi;

38.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament dwar mekkaniżmu tal-UE rigward id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

39.  Jemmen b'mod qawwi li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa pedament taċ-ċittadinanza Ewropea u huwa kemm prinċipju ġenerali kif ukoll valur fundamentali tal-liġi tal-UE skont l-Artikolu 2 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi l-adozzjoni tad-Direttiva orizzontali tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, sabiex jiġu żgurati aktar id-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni konkreta tal-UE li timplimenta bis-sħiħ l-Artikoli 18 u 19 tat-TFUE f'approċċ orizzontali; jiddispjaċih dwar il-fatt li d-Direttiva Kontra d-Diskriminazzjoni għadha imblukkata mill-Kunsill, deċennju wara l-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni;

40.  Jinnota l-obbligu, stabbilit fit-Trattati, ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB); jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tiffinalizza l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, u għall-adeżjoni mal-Karta Soċjali Ewropea;

41.  Jenfasizza li edukazzjoni ċivika ta' kwalità għall-etajiet kollha (formali u informali) hija kruċjali għall-eżerċizzju kunfidenti tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini u l-funzjonament xieraq ta' soċjetà demokratika; jinnota li huwa biss l-isforz edukattiv kontinwu li jista' jiżgura parteċipazzjoni akbar fl-elezzjonijiet fil-livell Ewropew u jsaħħaħ il-fehim interkulturali u s-solidarjetà fl-Ewropa, kif ukoll jegħleb id-diskriminazzjoni, il-preġudizzju u l-inugwaljanza bejn is-sessi; jirrakkomanda l-użu tal-Artikoli 165, 166 u 167 tat-TFUE bħala bażi ġuridika għall-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ;

42.  Ifakkar fil-kontribut tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew "għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni" (l-Artikolu 10(4) tat-TUE); jitlob, għalhekk, li ċ-ċittadini individwali tal-UE jingħataw l-opportunità li japplikaw direttament għal sħubija f'partiti politiċi fil-livell Ewropew;

43.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi promossa d-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet parlamentari Ewropej bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-ħidma futura potenzjali tal-Parlament billi jiġi eżerċitat id-dritt tiegħu għal inizjattiva leġiżlattiva skont l-Artikolu 225 tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu d-drittijiet taċ-ċittadini fost iċ-ċittadini Ewropej, inklużi dawk relatati mad-drittijiet tal-vot; jissottolinja li informazzjoni aħjar u aktar iffokata dwar il-politiki Ewropej u l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini ttejjeb il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi promossa l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej billi tiżdied il-viżibbiltà tal-partiti politiċi Ewropej; itenni li l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej hija responsabbiltà kondiviża taċ-ċittadini, l-Istati Membri u l-UE; jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar ir-riforma riċenti tal-liġi elettorali u l-proċess Spitzenkandidat; jissottolinja l-importanza politika u s-simboliżmu ta' din il-figura f'termini ta' tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-UE;

44.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-Unjoni kollha kemm hi, u li għandu rwol essenzjali biex jiżgura l-leġittimità tal-istituzzjonijiet politiċi tal-UE billi jagħmilhom responsabbli billi jiżgura skrutinju parlamentari xieraq; jinsisti għalhekk, li s-setgħat leġiżlattivi u d-drittijiet ta' kontroll tal-Parlament iridu jiġu ggarantiti, ikkonsolidati u msaħħa;

45.  Ifakkar fil-gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali u l-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta' Settembru 2018 dwar l-iżgurar ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-Ewropa (COM(2018)0637); jitlob li jsir kull sforz sabiex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa minn kwalunkwe interferenza abbużiva; jissottolinja l-ħtieġa għal politika tal-UE definita sabiex tittratta l-propaganda anti-Ewropea u tindirizza l-informazzjoni falza;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika billi tintensifika d-djalogu tagħha maċ-ċittadini, issaħħaħ il-fehim taċ-ċittadini dwar ir-rwol tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, u tenfasizza d-dritt tagħhom li jivvutaw u joħorġu għall-elezzjoni fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta, f'dan ir-rigward, il-mezzi tax-xandir soċjali u l-għodod diġitali b'enfasi speċjali fuq iż-żieda tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tal-persuni b'diżabbiltà; jitlob l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' għodod ta' demokrazija elettronika, bħalma huma l-pjattaformi online, biex iċ-ċittadini jkunu involuti b'mod aktar dirett fil-ħajja demokratika tal-UE, u b'hekk titrawwem il-parteċipazzjoni tagħhom;

48.  Jappoġġja l-produzzjoni u t-tixrid ta' materjal multimedjali u tal-istampa bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE li jiffukaw fuq it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jinfurzaw dawn id-drittijiet b'mod effikaċi f'kull Stat Membru;

49.  Iqis li, minħabba l-impatt dejjem akbar tal-midja soċjali fuq il-ħajja taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom ikomplu jiżviluppaw mekkaniżmi ġodda u politiki pubbliċi mfassla biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-individwi fl-ambjent diġitali; jenfasizza l-ħtieġa ta' kondiviżjoni sigura, ġusta u trasparenti tad-data taċ-ċittadini; jenfasizza li l-midja ħielsa u l-aċċess għal pluralità ta' opinjonijiet huma parti indispensabbli ta' demokrazija b'saħħitha u li l-litteriżmu medjatiku huwa kruċjali u għandu jiġi żviluppat minn età bikrija;

50.  Iħeġġeġ l-użu tal-Artikolu 25 tat-TFUE biex jittieħdu miżuri li jistgħu jiffaċilitaw l-eżerċizzju taċ-ċittadinanza Ewropea ta' kuljum;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 25 tat-TFUE, biex tqis l-iżvilupp tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE fil-leġiżlazzjoni sekondarja u l-ġurisprudenza fir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza li jmiss, u biex tipproponi pjan direzzjonali biex tiġbor flimkien dawn l-avvanzi kollha ħalli jitqies b'mod formali l-iżvilupp tal-Unjoni f'dan il-qasam;

52.  Jissottolinja li l-objettiv finali ta' dan l-eżerċizzju, skont il-proċedura tal-Artikolu 25 tat-TFUE, ikun li jittieħdu inizjattivi konkreti favur il-konsolidazzjoni ta' drittijiet u libertajiet speċifiċi għaċ-ċittadini stabbiliti fl-Istatut taċ-Ċittadinanza tal-UE, simili għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, flimkien mad-drittijiet soċjali stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-valuri stabbiliti mill-Artikolu 2 tat-TUE bħala elementi li jiddefinixxu l-"ispazju pubbliku" Ewropew, inkluż fost l-oħrajn il-mudell ta' governanza rilevanti għal dak l-ispazju pubbliku, id-dinjità, il-libertà, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-pluraliżmu, it-tolleranza, il-ġustizzja u s-solidarjetà, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, li jiġu kkunsidrati f'riforma futura jew eventwali tat-Trattati;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill,

(1) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(2) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(3) ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3.
(4) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.
(5) ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.
(6) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(7) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.
(8) ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1.
(9) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(10) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 17.
(11) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 117.
(12) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 57.
(13) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 28.
(14) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 98.
(15) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 83.
(16) Testi adottati, P8_TA(2018)0282.
(17) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 89.
(18) Testi adottati, P8_TA(2018)0226.
(19) Testi Adottati, P8_TA(2018)0449.
(20) Pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Marzu 2011, Gerardo Ruiz Zambrano vs Office national de l'emploi (ONEM), C-34/09, ECLI:EU:C:2011:124, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 2010, Janko Rottman vs Freistaat Bayern, C-135/08, ECLI:EU:C:2010:104, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Mejju 2011, Shirley McCarthy vs Secretary of State for the Home Department, C-434/09, ECLI:EU:C:2011:277 u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Novembru 2011, Murat Dereci u Oħrajn v Bundesministerium für Inneres, C-256/11, ECLI:EU:C:2011:734.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza