Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0038/2019

Testi mressqa :

A8-0038/2019

Dibattiti :

PV 11/02/2019 - 16
CRE 11/02/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.16
CRE 12/02/2019 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0077

Testi adottati
PDF 163kWORD 57k
It-Tlieta, 12 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-kooperazzjoni msaħħa
P8_TA(2019)0077A8-0038/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-kooperazzjoni msaħħa (2018/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-kooperazzjoni msaħħa, u b'mod partikolari l-Artikoli 20, 42(6), 44, 45 u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 82, 83, 86, 87, 187, 188, 326, 327, 328, 329, 330, 331, 332, 333 u 334 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar forom eżistenti oħra ta' integrazzjoni differenzjata, u b'mod partikolari l-Artikoli 136, 137 u 138 tat-TFUE dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-ewro,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll 14 dwar il-Grupp tal-Euro u l-Protokoll 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli fl-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-integrazzjoni differenzjata(5),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 (COM(2017)2025) u l-ħames karti ta' riflessjoni sussegwenti, (COM(2017)0206), (COM(2017)0240), (COM(2017)0291), (COM(2017)0315), (COM(2017)0358),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0038/2019),

A.  billi l-Unjoni għandha interess partikolari fl-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni msaħħa f'ċerti oqsma ta' kompetenzi mhux esklussivi tal-UE, sabiex tmexxi 'l quddiem il-proġett Ewropew u tiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini;

B.  billi, skont l-Artikolu 20(2) tat-TUE, il-kooperazzjoni msaħħa hija intenzjonata li tkun miżura tal-aħħar istanza, meta l-objettivi ta' tali kooperazzjoni ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni kollha kemm hi;

C.  billi l-kooperazzjoni msaħħa m'għandhiex titqies bħala strument ta' esklużjoni jew ta' diviżjoni tal-Istati Membri, iżda bħala soluzzjoni prammatika għall-avvanz tal-integrazzjoni Ewropea;

D.  billi n-natura sensittiva ta' ċerti oqsma ta' politika tagħmilha diffiċli li tiġi segwita l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, mhux biss minħabba r-rekwiżit ta' unanimità iżda wkoll minħabba l-prattika stabbilita fil-Kunsill li dejjem ifittex kunsens fost l-Istati Membri, anke meta maġġoranza kwalifikata tkun biżżejjed biex tittieħed deċiżjoni;

E.  billi, għajr għat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-inizjattivi kollha ta' integrazzjoni msaħħa setgħu ġew adottati mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata (VMK), kieku din kienet ir-regola applikabbli minflok l-unanimità;

F.  billi jeżistu għadd ta' każijiet ta' sottogruppi ta' Stati Membri li jwettqu kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali bejniethom barra mill-qafas tat-Trattat, pereżempju f'oqsma bħad-difiża; billi l-pressjoni eżerċitata mill-kriżi ekonomika u monetarja biex jittieħdu deċiżjonijiet b'rapidità u biex jingħeleb ir-rekwiżit ta' unanimità f'ċerti oqsma wasslet għall-adozzjoni ta' strumenti intergovernattivi lil hinn mill-qafas legali tal-UE, bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG jew il- "Patt Fiskali");

G.  billi l-kooperazzjoni msaħħa hija proċedura li permezz tagħha minimu ta' disa' Stati Membri jitħallew jistabbilixxu kooperazzjoni avvanzata f'qasam fi ħdan l-istrutturi tal-UE, iżda mingħajr l-involviment tal-Istati Membri l-oħrajn; billi l-kooperazzjoni msaħħa tippermetti lill-Istati Membri parteċipanti jiksbu għan jew inizjattiva komuni u jegħlbu ffriżar fin-negozjati jew imblukkar minn Stat Membru ieħor jew iktar minn wieħed meta tkun meħtieġa l-unanimità; billi skont l-Artikolu 20(4) tat-TUE l-atti adottati fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa għandhom jorbtu biss lill-Istati Membri parteċipanti; billi l-kooperazzjoni msaħħa hija limitata għal oqsma li fihom l-UE m'għandhiex kompetenzi esklużivi;

H.  billi skont l-Artikolu 328(1) tat-TFUE, "il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'koperazzjoni msaħħa għandhom jassiguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri";

I.  billi l-esperjenza turi li l-kooperazzjoni msaħħa wasslet għal riżultati sodisfaċenti fil-liġi tad-divorzju(6), u toffri prospetti interessanti fir-rigward tar-regoli tar-reġim tal-proprjetà(7), il-privattiva unitarja Ewropea u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

J.  billi l-esperjenzi inizjali tal-kooperazzjoni msaħħa enfasizzaw id-diffikultajiet assoċjati mal-applikazzjoni ta' dan il-kunċett, minħabba d-dispożizzjonijiet limitati disponibbli fit-Trattati dwar l-implimentazzjoni prattika tiegħu u n-nuqqas ta' segwitu suffiċjenti mwettaq mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

K.  billi l-analiżi ta' mudelli federali differenti użati fl-Istati Membri tal-UE u l-federazzjonijiet barra mill-Unjoni żvelat li l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni flessibbli sikwit jintużaw minn entitajiet subfederali f'oqsma ta' interess komuni;

L.  billi mingħajr ir-rikors għal klawsoli passerelle biex tgħaddi mill-unanimità għall-VMK fil-Kunsill, u fin-nuqqas ta' riforma profonda tat-Trattati, jidher possibbli li fil-futur, l-Istati Membri jkollhom jirrikorru għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni msaħħa sabiex jindirizzaw problemi komuni u jilħqu għanijiet komuni;

M.  billi huwa importanti għall-applikazzjoni bla xkiel tal-kooperazzjoni msaħħa li tiġi stabbilita lista ta' mistoqsijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati u li jiġi pprovdut pjan direzzjonali għall-funzjonament effettiv tal-kooperazzjoni msaħħa fl-ittra u fl-ispirtu tat-Trattati;

Osservazzjonijiet prinċipali

1.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għalkemm il-kooperazzjoni msaħħa toffri soluzzjoni għal problema komuni, billi tieħu vantaġġ mill-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u b'hekk tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-Istati Membri parteċipanti, xorta waħda ma eliminatx għalkollox il-ħtieġa ta' rikors għal forom ta' soluzzjonijiet ta' sottogruppi intergovernattivi barra mit-Trattati, li għandhom impatt negattiv fuq kemm huwa applikat b'mod konsistenti l-qafas legali tal-UE u għalhekk iwasslu għal nuqqas ta' skutinju demokratiku xieraq;

2.  Jemmen li l-qafas istituzzjonali uniku tal-UE għandu jiġi ppreservat sabiex jinkisbu l-objettivi komuni tagħha u jiġi ggarantit il-prinċipju ta' ugwaljanza taċ-ċittadini kollha; jinsisti li għandu jinżamm il-metodu Komunitarju jew tal-Unjoni;

3.  Jenfasizza li għall-kuntrarju tat-Trattati intergovernattivi, il-kooperazzjoni msaħħa tipprovdi għodda għas-soluzzjoni tal-problemi li mhux biss hija legali iżda hija wkoll konvenjenti, għax hi bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u topera fi ħdan l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni;

4.  Jirrimarka li għalkemm il-kooperazzjoni msaħħa, minħabba n-natura tagħha ta' miżura tal-aħħar istanza, ma ntużatx b'mod estensiv mill-bidu tagħha fit-Trattat ta' Amsterdam, jidher li qed issir aktar importanti u tagħti riżultati tanġibbli;

5.  Jinnota li, abbażi tal-esperjenza eżistenti, il-kooperazzjoni msaħħa sikwit titfaċċa f'oqsma regolati minn proċedura leġiżlattiva speċjali li teħtieġ l-unanimità, u b'mod predominanti intużat fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni;

6.  Jirrimarka li s'issa, il-proċedura għall-bidu u l-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni msaħħa kienet pjuttost twila, partikolarment minħabba d-definizzjoni mhux ċara ta' perjodu raġonevoli biex jiġi aċċertat li l-limitu ta' voti meħtieġ ma jistax jintlaħaq u n-nuqqas ta' rieda politika b'saħħitha biex timxi 'l quddiem b'rata aktar mgħaġġla;

7.  Jinnota li n-nuqqas ta' linji gwida operattivi ċari għall-ħolqien u l-amministrazzjoni ta' kooperazzjoni msaħħa, pereżempju l-liġi applikabbli għall-istituzzjonijiet komuni jew proċeduri għall-irtirar minn kooperazzjoni li diġà teżisti, seta' għamel il-konklużjoni ta' kooperazzjoni msaħħa inqas probabbli;

8.  Ifakkar li għalkemm il-kooperazzjoni msaħħa tibbenefika mill-ordinament istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni, l-integrazzjoni awtomatika tagħha fl-acquis mhijiex prevista;

9.  Jemmen li għalkemm il-kooperazzjoni msaħħa hija meqjusa bħala t-tieni l-aħjar xenarju, xorta waħda għadha għodda vijabbli biex jissolvew il-problemi fil-livell tal-Unjoni u għodda biex jingħelbu wħud mis-sitwazzjonijiet ta' staġnar istituzzjonali;

10.  Huwa tal-opinjoni li l-istess sett ta' mistoqsijiet jeħtieġ li jitwieġbu sabiex il-kooperazzjoni msaħħa tiġi implimentata u organizzata b'mod effettiv, irrispettivament mill-qasam ta' politika li tikkonċerna jew il-forma li tieħu;

Rakkomandazzjonijiet

11.  Jipproponi, għalhekk, li jeħtieġ li jitwieġbu għadd ta' mistoqsijiet u li jiġi segwit pjan direzzjonali kif stabbilit hawn taħt sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel u effettiva ta' kooperazzjoni msaħħa;

Proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet

12.  Jirrimarka li l-ispinta politiku għall-kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi mill-Istati Membri, iżda d-diskussjonijiet dwar il-kontenut tagħha għandhom ikunu bbażati fuq proposta tal-Kummissjoni;

13.  Ifakkar li l-Artikolu 225 tat-TFUE jagħti lill-Parlament id-dritt ta' inizjattiva kważi leġiżlattiva, li għandha tiġi interpretata bħala l-possibbiltà għall-Parlament li jagħti bidu għal kooperazzjoni msaħħa abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni li ma jirnexxilhiex tilħaq ftehim permezz tal-proċedura regolari tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-mandat ta' żewġ presidenzi konsekuttivi tal-Kunsill;

14.  Jemmen li l-objettivi ta' każ ta' kooperazzjoni għandhom jitqiesu li ma jistgħux jintlaħqu mill-Unjoni kollha kemm hi, f'konformità mar-rekwiżit fl-Artikolu 20 tat-TUE, jekk matul perjodu li jkopri żewġ presidenzi konsekuttivi tal-Kunsill, ma jkun sar l-ebda progress sostanzjali fil-Kunsill;

15.  Jirrakkomanda li t-talbiet tal-Istati Membri li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom għandhom, fil-prinċipju, ikunu bbażati fuq objettivi li huma tal-inqas ambizzjużi daqs dawk ippreżentati mill-Kummissjoni, qabel ma jiġi stabbilit li l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu mill-Unjoni kollha kemm hi f'perjodu ta' żmien raġonevoli;

16.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-klawsola passerelle speċjali minquxa fl-Artikolu 333 tat-TFUE tiġi attivata biex tinbidel minn unanimità għal VMK, u minn proċedura leġiżlattiva speċjali għal waħda ordinarja, immedjatament wara li l-Kunsill japprova ftehim dwar il-bidu ta' kooperazzjoni msaħħa, sabiex jiġu evitati imblokki ġodda jekk l-għadd ta' Stati Membri parteċipanti jkun sinifikanti;

17.  Iqis li huwa meħtieġ li d-deċiżjoni li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa għandha tispeċifika l-qafas għar-relazzjonijiet mal-Istati Membri li ma jipparteċipawx; iqis li l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f'tali kooperazzjoni msaħħa għandhom madankollu jkunu involuti bis-sħiħ fid-deliberazzjonijiet dwar is-suġġett ta' din il-kooperazzjoni msaħħa;

18.  Ifakkar li kemm il-Kummissjoni kif ukoll is-segretarjati tal-Kunsill għandhom rwol importanti fl-iżgurar li l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f'kooperazzjoni msaħħa ma jitħallewx barra b'mod li jrendi diffiċli l-parteċipazzjoni tagħhom fi stadju aktar tard;

Amministrazzjoni

19.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni jkollha rwol attiv fl-istadji kollha ta' kooperazzjoni msaħħa mill-proposta permezz tad-deliberazzjonijiet sal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa;

20.  Jafferma li l-unità tal-istituzzjonijiet tal-UE għandha tinżamm u li l-kooperazzjoni msaħħa m'għandhiex twassal għall-ħolqien ta' arranġamenti istituzzjonali paralleli, iżda tista' tippermetti li jiġu stabbiliti korpi speċifiċi fejn xieraq fi ħdan il-qafas legali tal-UE u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u r-rwol tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni;

Skrutinju Parlamentari

21.  Ifakkar li l-Parlament huwa responsabbli għall-kontroll parlamentari tal-kooperazzjoni msaħħa; jitlob involviment aktar b'saħħtu mill-parlamenti nazzjonali, u f'dawk l-Istati Membri fejn dan ikun rilevanti, mill-parlamenti reġjonali, flimkien mal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju demokratiku tal-kooperazzjoni msaħħa jekk tikkonċerna oqsma ta' politika ta' kompetenza kondiviża; jenfasizza l-possibbiltà li jiġi stabbilit forum interparlamentari simili, pereżempju, għall-Konferenza Interparlamentari fis-sens tal-Artikolu 13 tat-TSKG u l-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), fejn ikun meħtieġ u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri li jipparteċipaw f'kooperazzjoni msaħħa jinkludu dawk ir-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi fi kwistjonijiet li jaffettwawhom, bil-ħsieb li tiġi rispettata d-diviżjoni interna tas-setgħat u tissaħħaħ il-leġittimità soċjali ta' tali kooperazzjoni msaħħa;

23.  Jirrakkomanda li l-Parlament ikollu rwol aktar b'saħħtu fil-kooperazzjoni msaħħa billi jissuġġerixxi lill-Kummissjoni forom ġodda ta' kooperazzjoni permezz tal-Artikolu 225 tat-TFUE, u permezz ta' proposti ta' monitoraġġ jew kooperazzjoni eżistenti; jesprimi l-konvinzjoni li l-Parlament għandu jkun involut f'kull stadju tal-proċedura, aktar milli sempliċiment ikun mistenni jagħti l-approvazzjoni tiegħu, u li għandu jirċievi rapporti regolari u jkun jista' jikkummenta dwar l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa;

24.  Jistieden lill-Kunsill jimpenja ruħu mal-Parlament fi proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa futura possibbli qabel it-talba għall-approvazzjoni tal-Parlament dwar it-test finali, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni massima bejn il-koleġiżlaturi tal-Unjoni;

25.  Jiddispjaċih, madankollu, li minkejja l-approċċ kostruttiv u meqjus tal-Parlament għall-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa, il-Kunsill ma tantx wera interess li jinvolvi ruħu formalment mal-Parlament qabel ma ssir it-talba għall-approvazzjoni tal-Parlament dwar it-test innegozjat finali;

26.  Iqis li huwa neċessarju li l-Parlament itejjeb l-organizzazzjoni interna tiegħu fir-rigward tal-kooperazzjoni msaħħa; jemmen, għal dan l-għan, li kull każ ta' kooperazzjoni msaħħa għandu jiġi segwit mill-kumitat permanenti rilevanti u jirrakkomanda li r-regoli ta' proċedura tal-Parlament għandhom għalhekk jawtorizzaw it-twaqqif ta' sottokumitati ad hoc li fihom is-sħubija sħiħa tingħata primarjament lil dawk il-Membri tal-PE eletti fl-Istati Membri li qed jipparteċipaw f'tali kooperazzjoni msaħħa;

Baġit

27.  Huwa tal-fehma li n-nefqa operattiva marbuta mal-kooperazzjoni msaħħa għandha titħallas mill-Istati Membri parteċipanti, u jekk din l-ispiża tinġarr mill-baġit tal-UE, l-Istati Membri mhux parteċipanti għandhom jiġu rimborżati, sakemm il-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament, ma jiddeċidix, skont l-Artikolu 332 tat-TFUE li tali kooperazzjoni għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-UE, u b'hekk din in-nefqa ssir parti minn dan tal-aħħar u għalhekk tkun soġġetta għall-proċedura baġitarja annwali;

28.  Iqis li jekk l-attività regolata mill-kooperazzjoni msaħħa tiġġenera dħul, dan id-dħul għandu jiġi assenjat biex ikopri n-nefqa operattiva marbuta mal-kooperazzjoni msaħħa;

Ġurisdizzjoni

29.  Jemmen li l-kooperazzjoni msaħħa għandha taqa' taħt il-ġurisdizzjoni diretta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tiġi stabbilita proċedura ta' arbitraġġ jew qorti ta' prim'istanza għas-soluzzjoni ta' tilwim li tista' tkun meħtieġa għall-funzjonament ta' każ partikolari ta' kooperazzjoni msaħħa, sakemm it-Trattat ma jipprevedix mod ieħor, li f'dan il-każ għandu jiġi indikat fl-att legali li jistabbilixxi l-kooperazzjoni msaħħa;

30.  Jirrimarka li jekk każ ta' kooperazzjoni msaħħa jirrikjedi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' arbitraġġ speċjali jew qorti speċjali, il-korp ta' arbitraġġ finali dejjem għandu jkun il-QĠUE;

Aġġustamenti għall-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni

31.  Jipproponi l-ħolqien ta' unità speċjali tal-kooperazzjoni msaħħa fil-Kummissjoni, taħt it-tmexxija ta' Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, biex tikkoordina u tissimplifika l-istabbiliment istituzzjonali ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni msaħħa;

32.  Iqis li huwa neċessarju li r-rwol tas-segretarjati kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Kunsill ikun aktar proattiv fil-kuntest tal-kooperazzjoni msaħħa, u għalhekk jipproponi li huma jfittxu b'mod attiv, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u, b'mod partikolari, mal-pjattaforma tiegħu tar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), oqsma fejn il-kooperazzjoni msaħħa tista' tkun utli għall-avvanz tal-proġett Ewropew jew oqsma li jmissu ma' forom eżistenti ta' kooperazzjoni msaħħa sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew il-kontradizzjonijiet;

Irtirar jew tkeċċija ta' Stati Membri

33.  Jirrimarka li m'hemm l-ebda dispożizzjoni fit-Trattati dwar il-possibbiltajiet għall-Istati Membri li jirtiraw, jew li jiġu mkeċċija, minn każijiet eżistenti ta' kooperazzjoni msaħħa, bl-eċċezzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO);

34.  Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari fil-każijiet kollha ta' kooperazzjoni msaħħa dwar l-irtirar ta' Stat Membru li ma jkunx jixtieq ikompli jipparteċipa u dwar it-tkeċċija ta' Stat Membru li ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kooperazzjoni msaħħa; jirrakkomanda li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-irtirar jew it-tkeċċija possibbli ta' Stat Membru għandhom jiġu speċifikati fl-att li jistabbilixxi l-kooperazzjoni msaħħa;

Rakkomandazzjonijiet għall-evoluzzjoni futura tal-kooperazzjoni msaħħa

35.  Iqis li jeħtieġ li titfassal proċedura għall-awtorizzazzjoni rapida tal-kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma ta' interess politiku kbir, li għandha titwettaq f'perjodu ta' żmien iqsar mit-tul ta' żewġ presidenzi konsekuttivi tal-Kunsill;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa biex jaħdmu biex il-kooperazzjoni msaħħa tiġi integrata fl-acquis communautaire;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regolament, abbażi tal-Artikolu 175, it-tielet subparagrafu, jew l-Artikolu 352 tat-TFUE, sabiex tissimplifika u tgħaqqad il-qafas legali rilevanti għall-kooperazzjoni msaħħa (pereżempju, il-prinċipji ta' gwida dwar il-liġi applikabbli għall-istituzzjonijiet komuni jew l-irtirar ta' Membru), u b'hekk tiġi ffaċilitata l-konklużjoni ta' tali kooperazzjoni;

38.  Jissuġġerixxi li r-reviżjoni li jmiss tat-Trattati għandha tesplora l-possibbiltà li reġjuni jew entitajiet subnazzjonali jkollhom rwol fil-kooperazzjoni msaħħa meta din tal-aħħar tkun relatata ma' qasam ta' kompetenza esklużiva tal-livell inkwistjoni, b'rispett xieraq għall-kostituzzjonijiet nazzjonali;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.
(2) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.
(3) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 235.
(4) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 125.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0044.
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10.
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali, ĠU L 183, 8.7.2016, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza