Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2089(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0051/2019

Testi mressqa :

A8-0051/2019

Dibattiti :

PV 11/02/2019 - 16
CRE 11/02/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0079

Testi adottati
PDF 180kWORD 58k
It-Tlieta, 12 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-qafas istituzzjonali tal-UE
P8_TA(2019)0079A8-0051/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-qafas istituzzjonali tal-UE (2017/2089(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7, 9, 10, 11, 21, 23 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 67(1), 258, 263, 267 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Opinjonijiet u l-Lista ta' Kontroll tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-konformità tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: metodoloġija għal monitoraġġ strett u sistematiku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2005 bit-titolu "Ir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti ta' liġi tal-Kummissjoni – Metodoloġija għal kontroll sistematiku u rigoruż" (COM(2005)0172),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-29 ta' April 2009 dwar it-tħaddim fil-prattika tal-metodoloġija għal monitoraġġ sistematiku u rigoruż tal-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (COM(2009)0205),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 intitolata "Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea" (COM(2010)0573),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2011, bit-titolu "Operational Guidance on taking account of Fundamental rights in Commission Impact Assessments" (Gwida Operazzjonali dwar il-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni)(SEC(2011)0567),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Id-Drittijiet tal-bniedem u demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE – Lejn approċċ aktar effettiv" (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-"Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija" tal-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-20 ta' Jannar 2015 dwar passi metodoloġiċi li għandhom jittieħdu biex tiġi vverifikata l-kompatibilità tad-drittijiet fundamentali fil-korpi preparatorji tal-Kunsill",

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-korpi preparatorji tal-Kunsill intitolati "kompatibilità mad-drittijiet fundamentali",

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-seminar tal-Presidenza tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni ta' politika nazzjonali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 dwar l-analiżi tal-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi politiċi marbuta mal-kummerċ,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Kollokji Annwali tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tal-20 ta' Settembru 2016, fil-Kawżi Magħquda C‑8/15 P sa C‑10/15 P, Ledra Advertising Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)(8),

–  wara li kkunsidra s-Sentenza tal-QĠUE tas-6 ta' Novembru 2018, fil-Kawżi Magħquda C-569/16 u C-570/16, Stadt Wuppertal vs Maria Elisabeth Bauer u Volker Willmeroth vs Martina Broßonn(9),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/13 tal-QĠUE tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali(10),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 4/2018 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-24 ta' Settembru 2018 bit-titlu "Sfidi u opportunitajiet għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali",

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali dwar id-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Manwal tal-FRA ta' Ottubru 2018 bit-titlu "L-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-dritt u t-tfassil tal-politika fil-livell nazzjonali - Gwida",

–  wara li kkunsidra l-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar, b'mod partikolari l-Għodda Nru 28 "Drittijiet fundamentali u drittijiet tal-bniedem",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 38 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-2 ta' Diċembru 2016 dwar l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea biex jiġi stabbilit Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra d-dokument tad-delegazzjoni Netherlandiża tal-COSAC dwar it-trasparenza tal-UE ta' Novembru 2017 bit-titlu "Niftħu l-bibien magħluqa: Biex l-UE ssir aktar trasparenti għaċ-ċittadini tagħha", u l-ittra tad-Delegazzjonijiet tal-COSAC lill-Istituzzjonijiet tal-UE fl-20 ta' Diċembru 2017 dwar it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali politiku fi ħdan l-UE,

–  wara li kkunsidra l-istudji bl-isem "L-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-qafas istituzzjonali tal-UE", "L-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: id-dilemma ta' applikazzjoni aktar stretta jew usa' tal-Karta għal miżuri nazzjonali", u "Il-Karta Soċjali Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE", ippubblikati mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fit-22 ta' Novembru 2016, fil-15 ta' Frar 2016 u fit-12 ta' Jannar 2016 rispettivament(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0051/2019),

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona ta l-istatus ta' dritt primarju lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta") fi ħdan il-qafas legali tal-UE, u b'hekk din għandha l-istess saħħa ġuridika tat-Trattati;

B.  billi dan ir-rapport ma jevalwax kull dritt individwali li jinsab fil-Karta, iżda, pjuttost janalizza l-implimentazzjoni tal-Karta bħala strument tal-liġi primarja;

C.  billi d-dispożizzjonijiet soċjali huma parti kruċjali mill-Karta u mill-istruttura legali tal-Unjoni; billi huwa importanti li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali madwar l-Unjoni u li tiġi enfasizzata l-importanza tagħhom;

D.  billi, skont il-QĠUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta huma fil-qalba tal-istruttura ġuridika tal-UE, u r-rispett għalihom huwa prekundizzjoni neċessarja għal-legalità ta' kwalunkwe att tal-UE;

E.  billi l-Karta tinkludi, f'konformità mar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Artikolu 51 tagħha, kemm obbligi negattivi (mhux ksur) kif ukoll pożittivi (promozzjoni attiva) li għandhom jiġu ssodisfati ugwalment sabiex jingħata karattru operattiv sħiħ lid-dispożizzjonijiet tagħha;

F.  billi l-Artikolu 51 tal-Karta jiċċirkoskrivi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li jqis il-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u tar-rispett tal-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati;

G.  billi l-Artikolu 51(2) tal-Karta jagħmilha ċara li l-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati;

H.  billi l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni huma kontinwament marbuta mill-Karta, anke meta dawn jaġixxu barra l-qafas legali tal-UE;

I.  billi, bis-saħħa tal-Artikolu 51, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni; billi, madankollu, il-limiti inċerti ta' tali rekwiżit jagħmluha diffiċli biex jiġi ddeterminat jekk il-Karta tapplikax b'mod konkret u kif tapplika b'mod konkret;

J.  billi l-potenzjal tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi stabbiliti fil-Karta ma ġiex sfruttat biżżejjed s'issa; billi, filwaqt li jfakkar fl-opinjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-rispett tad-drittijiet soċjali mhux biss huwa imperattiv etiku u obbligu ġuridiku, iżda wkoll ħtieġa ekonomika;

K.  billi l-Artikolu 6 tat-TUE jenfasizza wkoll li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB, iridu jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;

L.  billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jirreferi għad-drittijiet soċjali fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea;

M.  billi l-istudju tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titlu "L-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-qafas istituzzjonali tal-UE"(12) jikkunsidra, inter alia, ir-rilevanza tal-Karta għall-attivitajiet tal-Kummissjoni fl-ambitu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (it-Trattat dwar il-MES) u fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; billi ftit li xejn qed tingħata attenzjoni lid-drittijiet soċjali stabbiliti fil-Karta fil-governanza ekonomika tal-Unjoni; billi dawn id-drittijiet għandhom jitqiesu bħala drittijiet fundamentali ġenwini;

N.  billi l-impenn fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tat-twassil ta' drittijiet ġodda u iktar effettivi għaċ-ċittadini fl-oqsma ta' opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali tkompli ttejjeb id-drittijiet minquxa fil-Karta;

O.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa valur fundamentali tal-UE, u huwa minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta; billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jistipula li, "Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tinkoraġġixxi ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa";

P.  billi t-trasparenza tal-proċessi leġiżlattivi u deċiżjonali tal-UE toriġina mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta, u prekundizzjoni essenzjali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvalutaw u jimmonitorjaw kif xieraq l-implimentazzjoni tal-Karta mill-istituzzjonijiet tal-UE;

Q.  billi l-promozzjoni mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni tal-firxa wiesgħa ta' drittijiet previsti fil-Karta – li jvarjaw minn drittijiet ċivili u politiċi għal dawk soċjali, ekonomiċi u tat‑-tielet ġenerazzjoni – tikkostitwixxi impetu kruċjali għall-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea u għall-espressjoni konkreta tal-kunċett ta' ċittadinanza Ewropea u tad-dimensjoni parteċipattiva tal-UE minquxa fit-Trattati;

R.  billi l-FRA ifformulat għadd ta' rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta fl-opinjonijiet tagħha "Improving access to remedy in the area of business and human rights at the EU level" (It-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tad-drittijiet tan-negozju u tal-bniedem fil-livell tal-UE)(13) u "Challenges and opportunities for the implementation of the Charter of Fundamental Rights"(L-isfidi u l-opportunitajiet għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(14);

S.  billi l-Artikolu 24 tal-Karta jistabbilixxi d-drittijiet tat-tfal, filwaqt li jobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-istituzzjonijiet privati jpoġġu l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja;

T.  billi l-Artikolu 14 tal-Karta jenfasizza d-dritt ta' kull tifel/tifla għal edukazzjoni b’xejn;

It-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Karta fil-proċess leġiżlattiv u l-proċess deċiżjonali

1.  Jemmen bil-qawwa li l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea (COM(2010)0573) kienet sforz inizjali wara d-dħul fis-seħħ tal-Karta, iżda jeħtieġ li tiġi aġġornata b'mod urġenti; jilqa' r-rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta mill-Kummissjoni, u jitlob li ssir reviżjoni ta' din l-istrateġija, li tfasslet fl-2010, sabiex tiġi aġġornata biex tqis l-isfidi l-ġodda u r-realtà istituzzjonali, b'mod partikolari wara l-Brexit;

2.  Jirrikonoxxi d-diversi passi importanti li saru mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jintegraw il-Karta fil-proċessi leġiżlattivi u deċiżjonali tal-UE; jinnota li r-rwol prinċipali tal-Karta huwa li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun għalkollox konformi mad-drittijiet u l-prinċipji minquxin fiha, u jirrikonoxxi d-diffikultajiet involuti fil-promozzjoni attiva tagħhom u fl-iżgurar tat-twettiq tagħhom;

3.  Jenfasizza li huwa importanti li l-proposti kollha għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta;

4.  Ifakkar li l-proċeduri stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jivvalutaw il-kompatibilità tal-proposti leġiżlattivi mal-Karta huma prinċipalment ta' natura interna; jitlob l-opportunità li jiġu pprovduti forom msaħħa ta' konsultazzjoni, valutazzjonijiet tal-impatt, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi għall-ġeneru, u skrutinju legali bl-involviment ta' esperti indipendenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kooperazzjoni strutturata u regolata ma' korpi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-FRA, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-korpi rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam, kull meta fajl leġiżlattiv potenzjalment jippromwovi jew jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet fundamentali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament jirrevedu r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 biex il-FRA tkun tista' tagħti opinjonijiet mhux vinkolanti dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-UE fuq inizjattiva tagħha stess, u biex jippromwovu konsultazzjonijiet sistematiċi mal-Aġenzija;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri jikkonsultaw l-FRA meta jkunu involuti d-drittijiet fundamentali;

7.  Jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-FRA fil-valutazzjoni tal-konformità mal-Karta u jilqa' l-ħidma li wettqet l-Aġenzija; iħeġġeġ lill-FRA tkompli tagħti pariri u tappoġġa lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tat-titjib tal-kultura tad-drittijiet fundamentali madwar l-Unjoni; jilqa' l-Istrateġija tal-FRA 2018-2022, li ġiet adottata reċentement;

8.  Jieħu nota tal-għodda interattiva online CLARITY żviluppata mill-FRA sabiex tkun tista' ssir identifikazzjoni faċli tal-aktar korp mhux ġudizzjarju xieraq b'mandat tad-drittijiet tal-bniedem għal kwistjoni partikolari dwar id-drittijiet fundamentali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi permezz ta' evalwazzjoni bbilanċjata tal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali u reviżjoni tad-deċiżjoni tagħha li taqsam il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet fundamentali fit-tliet kategoriji attwali– effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali – u toħloq żewġ kategoriji speċifiċi bit-titli "Effetti fuq id-drittijiet fundamentali" u "Valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi", sabiex tiżgura li l-aspetti kollha tad-drittijiet fundamentali jiġu evalwati;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sistematika fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu rispettati u ssodisfati d-dispożizzjonijiet tal-Karta, u biex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni huwa adattat biex iqis l-iżviluppi ġuridiċi u ġurisprudenzjali tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; itenni wkoll, f'dan ir-rigward, l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta li tagħti effett lir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(15) li jippermetti l-iskrinjar sistematiku tal-iżviluppi fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u fl-Istati Membri li jeħtieġu azzjoni biex jiġu protetti u ssodisfati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji tal-Karta; jissuġġerixxi, b'mod partikolari, li l-kundizzjonijiet stipulati fil-kriterji ta' Copenhagen dwar id-drittijiet fundamentali ma għandhomx jintużaw sempliċement darba bħala prekundizzjonijiet għall-adeżjoni, iżda li l-Istati Membri jiġu vvalutati minn żmien għal żmien biex titkejjel il-konformità magħhom;

11.  Jinnota li l-Ombudsman għandha wkoll rwol rilevanti x'taqdi fl-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-Karta, mhux biss b'rabta mal-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala tali, iżda billi jitqies ukoll il-fatt li tali amministrazzjoni tajba hija pedament f'termini ta' garanzija ta' drittijiet fundamentali oħra; ifakkar il-ħidma eżemplari tal-Ombudsman, fost l-oħrajn fil-qasam tat-trasparenza u tal-libertà tal-informazzjoni, kif ukoll ir-Rapport Speċjali dwar il-Frontex(16) matul din il-leġiżlatura parlamentari b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta' lment mill-persuni li jfittxu asil u mill-migranti;

12.  Jifhem li l-ġurisprudenza se jkollha impatt fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta u li dan irid jittieħed inkunsiderazzjoni;

13.  Jitlob lil-leġiżlaturi tal-UE jirrikonoxxu l-konklużjonijiet tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta' Marzu 2018 (Kawża T-540/15) dwar l-aċċess għad-dokumenti tat-trilogi(17) , u biex jaġixxu skont dan; jinsisti dwar in-neċessità li jissaħħu t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex tkun żviluppata kooperazzjoni interistituzzjonali iktar effikaċi, inkluża r-responsabbiltà dwar il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jindirizza malajr it-tħassib imqajjem fir-rigward tat-trasparenza tal-proċess deċiżjonali tiegħu u l-aċċess għad-dokumenti b'mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Ombudsman Ewropew;

L-integrazzjoni tal-Karta fil-politiki tal-UE

14.  Ifakkar li t-tfassil tal-politika tal-UE jiddependi fuq il-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tat-TUE, filwaqt li jsostni u japplika bis-sħiħ ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet b'applikazzjoni ġenerali tat-Titolu II, Parti I tat-TFUE;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perpettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet kollha tal-UE sabiex jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

16.  Jafferma mill-ġdid li l-atti legali kollha adottati mill-Unjoni jridu jikkonformaw b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, inklużi d-dispożizzjonijiet soċjali tagħha; jenfasizza l-importanza li jiġu inkorporati referenzi espliċiti għall-Karta fi ħdan il-qafas legali li jirregola l-politika ekonomika u monetarja tal-UE; jenfasizza li r-rikors għal arranġamenti intergovernattivi ma jeħlisx lill-istituzzjonijiet tal-UE mill-obbligi tagħhom li jivvalutaw il-kompatibilità ta' tali strumenti mad-dritt tal-UE, inkluża l-Karta;

17.  Iqis li huwa kruċjali li l-Unjoni tieħu passi deċiżi sabiex issaħħaħ l-impenji tagħha stess biex tiżgura t-tgawdija tad-drittijiet kollha ta-Karta, inklużi d-drittijiet soċjali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċess tas-Semestru Ewropew, inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, u r-rakkomandazzjonijiet annwali tal-istħarriġ dwar it-tkabbir, jikkonformaw mal-komponenti normattivi tad-drittijiet soċjali tal-Karta;

19.  Jappoġġa l-introduzzjoni ta' klawżoli b'saħħithom u konsistenti relatati mad-drittijiet fundamentali fit-testi operattivi tal-abbozzi ta' regolamenti li jistabbilixxu l-fondi tal-UE.

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu d-deċiżjonijiet makroekonomiċi wara li jikkunsidraw kif xieraq il-valutazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ibbażati fuq il-firxa sħiħa ta' drittijiet ċivili, politiċi u soċjali ggarantiti mill-istrumenti tad-dritt Ewropew u dak internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina x'passi huma meħtieġ għall-adeżjoni mill-Unjoni Ewropea għall-Karta Soċjali Ewropea, u tipproponi qafas ta' żmien biex jinkiseb dak l-objettiv;

22.  Ifakkar li, fuq il-bażi tas-setgħat stabbiliti fit-Trattati, hija primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri li jqiegħdu l-politika soċjali fil-prattika, u għalhekk li jagħtu effettività u espressjoni tanġibbli lid-dispożizzjonijiet soċjali minquxa fil-Karta; itenni, madankollu, il-proposta tiegħu, fil-kuntest ta' reviżjoni possibbli tat-Trattati, biex jiġi inkorporat fihom protokoll soċjali sabiex jissaħħu d-drittijiet soċjali fundamentali fir-rigward tal-libertajiet ekonomiċi;

23.  Jieħu nota tar-rwol, de facto kruċjali, iżda informali, tal-Grupp tal-Euro fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro, u tal-impatt li d-deċiżjonijiet tiegħu jista' jkollhom biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika, mingħajr ma jiġi kkontrobilanċjat minn mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità demokratika u kontroll ġudizzjarju; ifakkar lill-membri tiegħu dwar l-obbligi orizzontali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 6 tat-TUE u mill-Karta;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew jikkonformaw bis-sħiħ mal-Karta fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, inklużi l-prattiki ta' self fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QĠUE.

25.  Ifakkar li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji minquxa fl-Artikolu 21(1) tat-TUE; huwa konvint li r-rispett sħiħ u l-promozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta fl-UE jirrappreżentaw punt ta' riferiment għall-valutazzjoni tal-leġittimità u l-kredibilità tal-imġiba tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha, inkluż fil-qafas tal-proċess ta' tkabbir skont l-Artikolu 49 tat-TUE;

26.  Jinnota l-ġurisdizzjoni limitata tal-QĠUE fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), u jwissi kontra kwalunkwe limitazzjoni potenzjali tad-drittijiet għal rimedju effettiv kif stabbilit fil-Karta;

27.  Ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta, anki fil-qasam tal-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi fuq id-drittijiet tal-bniedem qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe negozjar kummerċjali, billi tagħmel referenza għall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

28.  Ifakkar li kemm it-Trattati kif ukoll il-Karta jagħmlu referenza għall-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa; jitlob li jittieħdu passi amministrattivi konkreti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex il-gvernijiet nazzjonali jiġu mħeġġa jsibu soluzzjonijiet sostenibbli u jippromwovu l-kultura tad-diversità lingwistika fl-Istati Membri tagħhom, lil hinn mil-lingwi uffiċjali tal-UE;

29.  Ifakkar fl-obbligu ta' adeżjoni mal-KEDB stabbilit fl-Artikolu 6 tat-TUE; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi meħtieġa biex telimina l-ostakli legali li jipprevjenu l-konklużjoni tal-proċess ta' adeżjoni, u biex tippreżenta abbozz ta' ftehim ġdid għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB li jipprovdi soluzzjonijiet pożittivi għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-QEDB fl-Opinjoni 2/13 tat-18 ta' Diċembru 2014; jikkunsidra li t-tlestija tiegħu tintroduċi salvagwardji ulterjuri li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u tar-residenti tal-Unjoni u tipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-possibilità ta' tressiq ta' lment quddiem il-QEDB fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta minn min-naħa ta' istituzzjoni tal-UE jew ta' Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, li jaqa' fil-mandat tal-KEDB; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-każistika tal-QEDB għalhekk ser tipprovdi kontribut għall-azzjoni attwali u futura tal-UE għar-rispett għal, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-oqsma tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern, minbarra l-każistika tal-QĠUE f'dan il-qasam;

30.  Jitlob li l-adozzjoni tad-Direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni(18) tiġi konkluża mingħajr dewmien, sabiex jiġu ggarantiti ulterjorment id-drittijiet fundamentali fl-UE permezz ta' leġiżlazzjoni konkreta tal-UE;

Il-Karta u l-Aġenziji tal-UE

31.  Jenfasizza l-potenzjal ta' ċerti aġenziji tal-UE li joffru appoġġ lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Karta, billi spiss jaġixxu bħala rabta operazzjonali bejn l-isferi tal-UE u dawk nazzjonali; jirrimarka li dan il-kompitu jista' jitwettaq biss bl-iżvilupp ta' prattika sħiħa tad-drittijiet fundamentali fl-aġenziji li joperaw fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u/jew f'dawk li l-attivitajiet tagħhom jista' jkollhom impatt fuq id-drittijiet u l-prinċipji derivati mill-Karta, filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet interni u esterni tal-protezzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

32.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE rilevanti jintensifikaw il-ħidma biex jimplimentaw il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri minquxa fil-Karta, inkluż billi jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE kollha jsegwu politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-forom kollha ta' vjolenza sessista u fastidju fiżiku jew psikoloġiku; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-UE kollha sabiex jimplimentaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(19);

33.  Jieħu nota tal-firxa differenzjata ta' politiki u strumenti żviluppati mid-diversi aġenziji biex iwettqu l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b'livelli differenti ta' implimentazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE kif ukoll djalogi strutturati ma' esperti indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-aħjar prattiki eżistenti jintużaw bħala bażi, sabiex jiġi żviluppat qafas komuni u msaħħaħ tad-drittijiet tal-bniedem;

34.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE li joperaw fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u/jew dawk li l-attivitajiet tagħhom jista' jkollhom impatt fuq id-drittijiet u l-prinċipji li ġejjin mill-Karta sabiex jadottaw strateġiji interni tad-drittijiet fundamentali u sabiex jippromwovu sessjonijiet regolari ta' taħriġ dwar id-drittijiet fundamentali u dwar il-Karta għall-persunal tagħhom fil-livelli kollha;

35.  Jiddispjaċih min-nuqqas, f'ħafna regolamenti fundaturi tal-aġenziji tal-UE, ta' referenza espliċita għall-Karta; jistieden lill-koleġiżlaturi biex jimlew dan in-nuqqas, fejn meħtieġ, kull meta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet li jistabbilixxu aġenziji jiġu abbozzati jew riveduti, u jipprovdu mekkaniżmi operattivi addizzjonali li jiżguraw konformità mal-Karta, filwaqt li jqisu l-mandat u l-ispeċifiċitajiet ta' kull aġenzija individwali;

Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Karta fil-livell nazzjonali

36.  Ifakkar li d-dimensjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali tal-Karta huma marbuta b'mod inseparabbli u jikkumplimentaw lil xulxin biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Karta jiġu applikati b'mod konsistenti fi ħdan il-qafas legali ġenerali tal-UE;

37.  Jenfasizza n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni persistenti rigward il-Karta, il-kamp ta' applikazzjoni u l-livell ta' applikazzjoni tagħha kemm fost id-detenturi tad-drittijiet li jibbenefikaw mill-protezzjoni tagħha kif ukoll fost l-esperti legali u tad-drittijiet tal-bniedem, u jiddeplora l-iskarsezza ta' azzjoni nazzjonali intiża biex tirrimedja nuqqas bħal dan;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħha dwar il-Karta, bl-involviment sħiħ ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tippromwovi u tiffinanzja moduli ta' taħriġ immirati lejn il-Karta għall-imħallfin nazzjonali, għall-prattikanti legali kif ukoll għall-impjegati taċ-ċivil, immirati wkoll biex itejbu l-għarfien tal-politiki tal-Unjoni u tad-dritt tal-Unjoni, inklużi inter alia d-dritt sostantiv u proċedurali, l-użu ta' strumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, il-każistika rilevanti tal-QĠUE, il-lingwa legali u d-dritt komparattiv; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tipprovdi lill-Istati Membri b'linji gwida prattiċi li jappoġġjawhom fl-implimentazzjoni tal-Karta fil-livell nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tagħti viżibilità lill-Manwal tal-FRA, li għadu kemm ġie ppubblikat, dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-dritt u t-tfassil tal-politika fil-livell nazzjonali,

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiskambjaw informazzjoni u esperjenza b'mod regolari dwar l-użu, l-applikazzjoni u s-sorveljanza tal-Karta, u biex jintegraw l-eżempji tal-aqwa prattika diġà żviluppati fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrevedu r-regoli proċedurali tagħhom dwar l-iskrutinju legali u l-valutazzjonijiet tal-impatt ta' abbozzi ta' liġi mill-perspettiva tal-Karta; jinnota li tali proċeduri għandhom jirreferu b'mod espliċitu għall-Karta, bl-istess mod kif jirreferu għal strumenti nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jonqos ir-riskju li l-Karta tiġi injorata;

40.  Jinnota li l-lakuni fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri jista' jkollhom impatt ġenwin fuq it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tal-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati, u li b'hekk finalment – jekk mhux primarjament – jagħmilha responsabbli għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali, inkluż permezz ta' proċeduri ta' ksur, jekk ikun meħtieġ; jitlob f'dan ir-rigward tmexxija aktar determinata biex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

Lejn interpretazzjoni aktar konsistenti tal-Karta

41.  Huwa konvint li l-interpretazzjonijiet differenti li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE u tal-Istati Membri, huma ta' detriment għall-valur miżjud li ġġib magħha l-Karta, li tirrappreżenta serje ta' standards minimi komuni ta' protezzjoni li għandhom jiġu applikati b'mod orizzontali għall-atturi istituzzjonali u l-politiki u l-attivitajiet kollha marbuta mal-isfera tal-UE;

42.  Jenfasizza li l-inkorporazzjoni tal-Karta fil-liġi primarja tal-UE, filwaqt li ma testendix il-kompetenzi tal-Unjoni u hi konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 51 tagħha, toħloq responsabilitajiet ġodda għall-istituzzjonijiet ta' implimentazzjoni u teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, u li d-dispożizzjonijiet tal-Karta għalhekk saru infurzabbli direttament mill-qrati Ewropej u nazzjonali;

43.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jippermettu applikazzjoni aktar sempliċi tal-Karta inġenerali;

44.  Jiddispjaċih li sal-lum, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit għadhom ma ddeċidewx li jirtiraw mill-Protokoll Nru 30 tat-Trattati;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill,

(1) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.
(2) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 229.
(3) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(4) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(5) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 120.
(6) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(7) ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.
(8) ECLI:UE:C:2016:701.
(9) ECLI:UE:C:2018:871.
(10) ECLI:UE:C:2014:2454.
(11) Studju bit-titlu "L-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-qafas istituzzjonali tal-UE", il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment tal-Politika C, 22 ta' Novembru 2016; studju bit-titlu "L-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: id-dilemma ta' applikazzjoni aktar stretta jew usa' tal-Karta għal miżuri nazzjonali" id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment Tematiku C, il-15 ta' Frar 2016 u studju bit-titlu "Il-Karta Soċjali Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE" tat-12 ta' Jannar 2016.
(12) "The Implementation of the Charter of Fundamental Rights in the EU institutional framework", (L-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-qafas istituzzjonali tal-UE), il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment tal-Politika C – Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, it-22 ta' Novembru 2016.
(13) FRA Opinjoni 1/2017, l-10 ta' April 2017.
(14) FRA Opinjoni 4/2018, l-24 ta' Settembru 2018.
(15) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(16) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew dwar l-istħarriġ fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ dwar il-Frontex, ĠU C 399, 24.11.2017, p. 2.
(17) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-22 ta' Marzu 2018, Emilio de Capitani vs il-Parlament Ewropew, T-540/05, ECLI:EU:T:2010:167;
(18) Proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426).
(19) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza