Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (2018/2108(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(1),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(2),
— wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(3),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-6 ta' Ġunju 2011 dwar il-mixja lejn sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli(4),
– wara li kkunsidra l-programmi pluriennali tas-saħħa għall-perjodi 2003-2008(5), 2008-2013(6) u 2014-2020(7) rispettivament,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2015 u tal-21 ta' Settembru 2018 dwar l-operat tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (COM(2015)0421, COM(2018)0651),
– - wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali; l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha (COM(2018)0233),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2018 dwar id-data tal-Istati Membri dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali tal-pazjenti fis-sena 2016(8),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/890/UE tat-22 ta' Diċembru 2011 li tipprovdi r-regoli għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-Netwerk ta' awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-Saħħa elettronika(9),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020, b'mod partikolari d-dimensjoni transkonfinali espliċita (COM(2012)0736),
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 (COM(2017)0586),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2008 dwar mard rari (COM(2008)0679) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 dwar azzjoni fil-qasam tal-mard rari(10),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2014 dwar il-komunikazzjoni tagħha dwar mard rari (COM(2014)0548),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet dwar in-Netwerks Ewropej ta' Referenza għall-Mard Rari tal-Kumitat ta' Esperti tal-UE dwar il-Mard Rari (EUCERD) tal-31 ta' Jannar 2013 u l-addendum tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE ta' Mejju 2018(11),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" (COM(2017)0534),
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0046/2019),
A. billi sistemi tas-saħħa affordabbli għal kulħadd fl-UE u fl-Istati Membri tagħha huma kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta' saħħa pubblika, protezzjoni soċjali, koeżjoni soċjali u ġustizzja soċjali, billi jiġi ppreservat u ggarantit l-aċċess universali, u billi l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti hija rikonoxxuta bħala komponent importanti tal-valutazzjoni tal-kosteffikaċja tal-kura tas-saħħa;
B. billi d-Direttiva 2011/24/UE (minn issa 'l quddiem "id-direttiva"), skont l-Artikolu 168(7) tat-TFUE tirrispetta l-libertà ta' kull Stat Membru li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa dwar il-kura tas-saħħa u ma tfixkilx jew timmina l-għażliet etiċi fundamentali tal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; billi hemm differenzi fis-servizzi rispettivi pprovduti mill-Istati Membri kif ukoll fil-mod kif inhuma ffinanzjati; billi d-direttiva tipprovdi għażliet oħra ta' kura tas-saħħa liċ-ċittadini Ewropej minbarra dawk disponibbli f'pajjiżhom stess;
C. billi s-saħħa tista' titqies bħala dritt fundamentali skont l-Artikolu 2 (dwar id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 35 (dwar il-kura tas-saħħa) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
D. billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE qed jiffaċċjaw sfidi minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-restrizzjonijiet baġitarji, iż-żieda fl-inċidenza ta' mard kroniku u rari, diffikultajiet biex tiġi żgurata kura tas-saħħa bażika f'żoni rurali u l-prezzijiet għoljin tal-mediċini; billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżviluppaw u jżommu katalgu aġġornat tal-iskarsezzi tal-mediċini u jiskambjaw informazzjoni f'dan ir-rigward minn naħa għal oħra tal-fruntiera sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' mediċini essenzjali;
E. billi l-kura tas-saħħa li ċ-ċittadini jeħtieġu kultant tista' tiġi pprovduta bl-aħjar mod fi Stat Membru ieħor, minħabba l-prossimità, il-faċilità tal-aċċess, in-natura speċjalizzata tal-kura jew in-nuqqas ta' kapaċità, bħan-nuqqas ta' mediċini essenzjali, fl-Istat Membru tagħhom stess;
F. billi r-riżultati tar-rapport dwar it-tħaddim tad-direttiva juru li fl-2015 mhux l-Istati Membri kollha implimentaw id-direttiva b'mod komplut jew korrett;
G. billi s-settur tas-saħħa huwa parti vitali mill-ekonomija tal-UE, u jammonta għal 10 % tal-PDG tagħha - ċifra li minħabba fatturi soċjoekonomiċi tista' titla' għal 12,6 % sal-2060;
H. billi, skont l-Artikolu 20 tad-direttiva, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li kull tliet snin tippreżenta rapport ta' implimentazzjoni dwar it-tħaddim tad-direttiva; billi l-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod kostanti u regolarment tippreżenta informazzjoni dwar il-flussi tal-pazjenti, dwar id-dimensjonijiet amministrattivi, soċjali u finanzjarji tal-mobilità tal-pazjenti u dwar il-funzjonament tan-Netwerks ta' Referenza Ewropej (ERNs) u l-punti ta' kuntatt nazzjonali;
I. billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2018 dwar it-tħaddim tad-direttiva, għadu diffiċli għaċ-ċittadini li jiskopru kif jistgħu jużaw id-drittijiet tagħhom f'termini tal-kura tas-saħħa transkonfinali; billi hemm bżonn ta' aktar ċarezza u trasparenza dwar il-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-fornituri tal-kura tas-saħħa sabiex tiġi żgurata l-mobilità sikura tal-pazjenti;
J. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa elettronika tal-25 ta' April 2018 tinnota li s-sistemi tas-saħħa u tal-kura jirrikjedu riformi u soluzzjonijiet innovattivi biex isiru aktar reżiljenti, aċċessibbli u effettivi; billi għalhekk l-użu ta' teknoloġiji ġodda u għodod diġitali għandu jissaħħaħ sabiex jittejbu l-kwalità u s-sostenibbiltà tas-servizzi tal-kura tas-saħħa;
K. billi d-direttiva tipprovdi bażi legali ċara għall-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni Ewropea fir-rigward tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (HTA), is-Saħħa elettronika, il-mard rari u l-istandards ta' sikurezza u kwalità tas-servizzi u l-prodotti tal-kura tas-saħħa;
L. billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jaċċessaw kura speċjalizzata fl-Istat Membru tagħhom stess; billi, madankollu, l-għadd ta' pazjenti li jibbenefikaw mid-dritt tagħhom għal kura transkonfinali, kif previst skont id-direttiva, inklużi testijiet mediċi, skens u kontrolli tas-saħħa preventivi, qed jiżdied bil-mod ħafna;
M. billi l-programmi tat-tilqim mhumiex koperti mid-direttiva, anke jekk jingħaddu fost il-politiki l-aktar effettivi tal-UE u billi jitqiesu d-diffikultajiet li n-nies f'xi Stati Membri għandhom biex jaċċessawhom;
N. billi mhux l-Istati Membri kollha setgħu jfornu data jew informazzjoni dwar pazjenti li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u billi l-ġbir tad-data mhux dejjem jista' jitqabbel minn Stat Membru għal ieħor;
O. billi 83 % tan-nies mistħarrġa f'konsultazzjoni riċenti tal-Kummissjoni approvaw l-iżvelar ta' data medika bil-għan li ssir riċerka u jittejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-pazjenti(13); billi kwalunkwe integrazzjoni futura tas-sistemi tas-saħħa trid, mill-aspett diġitali, tiggarantixxi li s-sistemi tas-saħħa u l-pazjenti jkunu l-gwardjani aħħarin u l-ġestjonarji ta' din l-informazzjoni kkonċernata, sabiex tiġi żgurata l-ekwità, is-sostenibbiltà u s-sikurezza tal-pazjenti;
P. billi l-mobilità tal-pazjenti fl-UE koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għadha relattivament baxxa u ma kellhiex impatt baġitarju sinifikanti fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali;
Q. billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jipprovdu l-aċċess għall-kura tas-saħħa li jeħtieġu n-nies u jiżguraw li l-ispejjeż rilevanti kollha jiġu rimborżati; billi s-servizzi tal-kura tas-saħħa nazzjonali tal-Istati Membri huma responsabbli għall-istabbiliment tal-kriterji li jippermettu li ċ-ċittadini jirċievu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor; billi f'numru konsiderevoli ta' Stati Membri, l-ostakli li l-pazjenti jiltaqgħu magħhom meta jittrattaw is-sistemi tas-saħħa jibqgħu sinifikanti; billi l-piżijiet amministrattivi jistgħu joħolqu dewmien fir-rimborżi; billi dan iżid biss il-frammentazzjoni tal-aċċess għas-servizzi, u għalhekk għandu jittejjeb permezz ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;
R. billi l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) hija rregolata mir-regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u l-implimentazzjoni tagħha tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor; billi implimentazzjoni uniformi tal-EHIC u koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri hija essenzjali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eżistenti u biex jiġi ggarantit rimborż rapidu u mingħajr diskriminazzjoni għall-pazjenti, filwaqt li jiġi ggarantit il-moviment liberu għaċ-ċittadini tal-UE;
S. billi l-pazjenti għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet prattiċi u legali meta jużaw ir-riċetti mediċi fl-Istati Membri kollha;
T. billi r-rwol tal-punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) huwa li jiżguraw li l-pazjenti jirċievu l-informazzjoni korretta biex jieħdu deċiżjoni infurmata;
U. billi l-NCPs għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed mill-pubbliku, fatt li għandu impatt fuq l-effettività tagħhom; billi l-effiċjenza u l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni tal-NCPs jiddependu fuq l-appoġġ li jirċievu kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri, fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni, l-iskambju ta' prattiki tajba u ta' informazzjoni, inkluża informazzjoni ta' kuntatt, u l-linji gwida għar-riferiment tal-pazjenti;
V. billi hemm varjazzjonijiet kbar bejn id-diversi NCPs fir-rigward tal-funzjonament, l-aċċessibbiltà, il-viżibbiltà u l-allokazzjoni tar-riżorsi, kemm f'termini ta' kwalità kif ukoll ta' kwantità;
W. billi, skont Stħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2015(14), il-pazjenti mhumiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet transkonfinali tagħhom fil-qasam tal-kura tas-saħħa, b'inqas minn 20 % taċ-ċittadini jħossuhom infurmati tajjeb;
X. billi l-kura tas-saħħa transkonfinali se tkun effettiva biss jekk il-pazjenti, il-persuni li jieħdu ħsieb, il-professjonisti fil-kura tas-saħħa u partijiet interessati oħra jkunu infurmati tajjeb dwarha u r-regoli li jirregolawha jkunu faċilment disponibbli u jkunu jinftiehmu faċilment;
Y. billi l-pazjenti, il-persuni li jieħdu ħsieb u l-professjonisti fil-kura tas-saħħa għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' informazzjoni rigward id-drittijiet tal-pazjenti inġenerali u b'mod partikolari dawk previsti mid-direttiva;
Z. billi l-professjonisti fil-kura medika jittrattaw kwistjonijiet ta' pazjenti sensittivi ħafna, li jeħtieġu komunikazzjoni ċara u li tinftiehem; billi l-ostakli lingwistiċi jistgħu jfixklu t-trasferiment ta' informazzjoni bejn il-professjonisti tal-kura medika u l-pazjenti tagħhom;
AA. billi hemm lok konsiderevoli għal titjib u simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' rimborż f'għadd ta' Stati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċetti mediċi, mediċini orfni, prodotti mediċinali farmaċewtikalment komposti u terapija u proċeduri ta' segwitu;
AB. billi, attwalment, sitt Stati Membri u n-Norveġja ma għandhom fis-seħħ l-ebda sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel, li tagħti lill-pazjenti l-libertà tal-għażla u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi;
AC. billi hemm għadd ta' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u r-reġjuni ġirien li jistgħu jservu ta' bażi għall-aħjar prattiki eċċellenti biex tkompli tiġi żviluppata l-kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE kollha;
L-implimentazzjoni
1. Jilqa' l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-Istati Membri ttrasponewx id-Direttiva b'mod korrett;
2. Jinnota l-benefiċċji tad-direttiva biex jiġu ċċarati r-regoli dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali u biex jiġi żgurat l-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali sigura u ta' kwalità għolja fl-Unjoni, kif ukoll biex tinkiseb il-mobilità tal-pazjenti f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja; jesprimi d-diżappunt tiegħu li għadd sinifikanti ta' Stati Membri ma implimentawx b'mod effettiv ir-rekwiżiti li jiggarantixxu d-drittijiet tal-pazjenti; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tagħha, u jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika li tikkontribwixxi għat-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan is-suq intern;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bir-rapporti ta' evalwazzjoni ta' kull tliet snin tagħha dwar it-tħaddim tad-Direttiva u tissottomettihom lill-Parlament u lill-Kunsill kif xieraq; jenfasizza l-importanza li tinġabar informazzjoni, għal skopijiet ta' statistika, dwar pazjenti li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal trattament u li jiġu analizzati r-raġunijiet li għalihom il-pazjenti jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika, kull meta jkun fattibbli u fuq bażi annwali, it-tqassim tas-servizzi pprovduti u l-ammonti totali mħallsa minn kull Stat Membru għall-għoti ta' kura tas-saħħa transkonfinali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u r-riżultati tal-kura fl-evalwazzjoni tagħha tal-kosteffiċjenza tal-implimentazzjoni tad-direttiva;
5. Ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni assistenza u l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha u t-tħejjija r-rapporti msemmija qabel;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida għall-implimentazzjoni, speċjalment f'dawk l-oqsma fejn id-direttiva u r-regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jinteraġixxu, u tiżgura koordinazzjoni aħjar, f'dak ir-rigward, fost il-partijiet interessati rilevanti kollha fi ħdan l-istituzzjonijiet;
7. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-direttiva b'mod korrett sabiex jiżguraw kura tas-saħħa transkonfinali ta' kwalità għolja u aċċessibbli għall-pazjenti, f'konformità sħiħa tal-iskadenzi tal-implimentazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni; jirrikonoxxi li jista' jsir titjib speċifiku fir-rigward tal-aċċess għal mediċini preskritti u l-kontinwità tat-trattament; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex tinkludi l-programmi tat-tilqim;
8. Jinnota b'sodisfazzjon l-impatt pożittiv ta' inizjattivi bħall-EHIC, li tingħata mingħajr ħlas u tippermetti lil kull min huwa assigurat minn skema tas-sigurtà soċjali statutorja jew li jkun kopert minn waħda, li jirċievi trattament mediku fi Stat Membru ieħor mingħajr ħlas jew bi spiża mnaqqsa; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ta' suċċess bejn l-istituzzjonijiet sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tal-EHIC;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza u t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-fornituri tal-kura tas-saħħa; jissottolinja l-importanza li l-fornituri u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkollhom assigurazzjoni professjonali tar-responsabbiltà ċivili, kif previst fid-direttiva kif ukoll fid-Direttiva 2005/36/KE, sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u tiżdied il-protezzjoni tal-pazjenti;
Il-finanzjament
10. Ifakkar li l-finanzjament tal-kura tas-saħħa transkonfinali jaqa' fuq l-Istati Membri, li jħallsu lura l-ispejjeż skont ir-regolament stabbilit; ifakkar li l-Kummissjoni permezz tal-programmi tas-saħħa tappoġġa l-kooperazzjoni li tinsab fil-kapitolu IV tad-direttiva;
11. Jesprimi tħassib serju, f'dan ir-rigward, dwar it-tnaqqis propost fil-finanzjament għall-programm tas-saħħa; itenni s-sejħa tiegħu biex il-programm tas-saħħa jerġa' jsir programm awtonomu robust b'aktar finanzjament fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss (2021-2027), sabiex jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) dwar is-saħħa pubblika, is-sistemi tas-saħħa u l-problemi marbuta mal-ambjent, u tiġi żgurata politika tas-saħħa ambizzjuża, li tiffoka fuq l-isfidi transkonfinali, inklużi, b'mod partikolari, żieda konsiderevoli fl-isforzi komuni tal-UE fil-ġlieda kontra l-kanċer, il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-ġestjoni ta' mard kroniku u rari, inklużi mard ġenetiku u pandemiku u l-kanċer rari, fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi u fl-iżgurar ta' aċċess aktar faċli għall-kura tas-saħħa transkonfinali;
12. Jenfasizza l-importanza tal-Fond Soċjali Ewropew, tal-Fond Strutturali u ta' Investiment Ewropew għas-saħħa u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inkluż il-Programm Interreg, biex jittejbu s-servizzi tas-saħħa u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa bejn ir-reġjuni u l-gruppi soċjali madwar l-Istati Membri; jitlob li l-fondi strutturali u ta' koeżjoni jintużaw ukoll biex tittejjeb u tiġi ffaċilitata l-kura tas-saħħa transkonfinali fil-QFP li jmiss;
Il-mobilità tal-pazjenti
13. Jinnota li r-raġunijiet għall-mobilità baxxa tal-pazjenti huma erbgħa: i) xi Stati Membri kienu pjuttost tard biex jimplimentaw id-direttiva; ii) l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet ġenerali tagħhom għar-rimborż huwa verament baxx, iii) ċerti ostakli li jillimitaw il-kura tas-saħħa transkonfinali, bħall-piżijiet amministrattivi, inbnew minn xi Stati Membri, u iv) informazzjoni dwar pazjenti li jkunu qed ifittxu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi tad-direttiva hija nieqsa jew mhux kompluta;
14. Jinnota li ċerti sistemi ta' awtorizzazzjoni minn qabel jidhru impenjattivi żżejjed u/jew restrittivi fir-rigward tal-għadd ta' talbiet ikkonċernati kull sena; jitlob lill-Kummissjoni tkompli d-djalogi strutturati mal-Istati Membri, sabiex tiġi pprovduta aktar ċarezza fir-rigward ta' każijiet fejn hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel u l-kundizzjonijiet assoċjati għar-rimborż;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-Istati Membri sabiex in-nies ikunu jistgħu, jekk tkun stabbilita awtorizzazzjoni minn qabel, iqabblu l-kura barra mill-pajjiż mal-kura disponibbli fl-Istat Membru tagħhom stess, u l-kosteffettività għall-pazjenti jitqies bħala l-prinċipju ta' gwida;
16. Ifakkar lill-Istati Membri li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-applikazzjoni tad-direttiva, bħar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni minn qabel jew limitazzjonijiet fuq ir-rimborż, għandha tkun neċessarja u proporzjonata u m'għandhiex tagħti lok għal diskriminazzjoni arbitrarja jew soċjali, ma tridx tpoġġi ostakli għall-moviment liberu tal-pazjenti u s-servizzi u m'għandhiex tpoġġi piż eċċessiv fuq is-sistemi nazzjonali tas-saħħa pubblika. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw id-diffikultajiet tal-pazjenti bi dħul baxx f'sitwazzjoni ta' pagament minn qabel f'każijiet transkonfinali; billi s-sistemi tal-awtorizzazzjoni minn qabel huma maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri jippjanaw u jipproteġu lill-pazjenti minn kuri li jqajmu tħassib serju u speċifiku relatat mal-kwalità jew is-sikurezza tal-kura;
17. Jinnota bi tħassib li f'ċerti Stati Membri l-kumpaniji tal-assigurazzjoni ddiskriminaw arbitrarjament jew ħolqu ostakoli mhux ġustifikati għall-moviment ħieles tal-pazjenti u s-servizzi, b'konsegwenzi finanzjarji negattivi għall-pazjenti;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tintroduċi limitazzjonijiet rigward ir-rimborż tal-ispejjeż skont l-Artikolu 7 (9) tad-direttiva, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għal dan l-għemil;
19. Jiddispjaċih dwar il-fatt li xi Stati Membri xi drabi jagħtu livelli aktar baxxi ta' rimborż għall-kura tas-saħħa transkonfinali pprovduta minn fornituri tal-kura tas-saħħa privati jew mhux kuntrattati fit-territorji tagħhom stess milli għal kura tas-saħħa transkonfinali fornuta minn fornituri tal-kura tas-saħħa pubbliċi jew kuntrattati; iqis li għandu jiġi garantit ir-rimborż għall-kura tas-saħħa privata fl-istess livell bħal dak tal-kura tas-saħħa pubblika, dment li jkunu jistgħu jiġu żgurati l-kwalità u s-sikurezza tal-kura;
20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jivvalutaw, jallinjaw mill-ġdid u jissimplifikaw il-proċeduri ta' rimborż għall-pazjenti li jirċievu kura transkonfinali, inkluż billi jiġi kkjarifikat ir-rimborż tal-kura u l-proċeduri ta' segwitu, u jistabbilixxu front offices ta' koordinazzjoni li jkunu punt uniku ta' kuntatt mal-assiguraturi tal-kura tas-saħħa rilevanti;
21. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-applikazzjoni tad-direttiva dwar it-"telemediċina" – servizzi ta' saħħa pprovduti mill-bogħod – wasslet għal ċertu nuqqas ta' kjarifika fir-rigward tal-iskemi tar-rimborż, peress li xi Stati Membri jirrimborżaw jew jipprovdu konsultazzjoni ma' prattikanti mediċi ġenerali jew speċjalizzati mill-bogħod, filwaqt li xi oħrajn ma jagħmlux dan; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-użu tar-regoli dwar ir-rimborż, skont l-Artikoli 7(1) u 4 (1), sabiex dawn japplikaw ukoll għat-telemediċina, fejn xieraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw l-approċċi tagħhom mar-rimborż tat-telemediċina;
Ir-reġjuni tal-fruntiera
22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-fruntiera biex japprofondixxu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, b'mod effiċjenti u finanzjarjament sostenibbli, inkluż billi jipprovdu informazzjoni aċċessibbli, suffiċjenti u li tinftiehem, sabiex tiġi żgurata l-aħjar kura possibbli għall-pazjenti; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa u tistimula skambju strutturali tal-aħjar prattiki fost ir-reġjuni tal-fruntiera; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw dawn l-aħjar prattiki biex itejbu wkoll il-kura tas-saħħa f'reġjuni oħra;
23. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-koeżjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntiera bl-indirizzar ta' wħud mill-ostakli legali u amministrattivi li jiffaċċjaw, permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu transkonfinali tal-UE;
L-informazzjoni għall-pazjenti
24. Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-NCPs meta jipprovdu informazzjoni lill-pazjenti u jgħinuhom jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar it-tiftix tal-kura tas-saħħa barra minn pajjiżhom fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-iżvilupp u fil-promozzjoni ta' NCPs aċċessibbli u viżibbli b'mod ċar u pjattaformi tas-Saħħa elettronika għall-pazjenti, li għandhom jipprovdu informazzjoni faċli għall-utent, aċċessibbli b'mod diġitali u mingħajr ostakli lill-pazjenti u lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa f'diversi lingwi;
25. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, tiżviluppa linji gwida dwar il-funzjonament tal-NCPs, sabiex tkompli tiffaċilita u sinifikament ittejjeb il-modi kif huma jiskambjaw b'mod sistematiku l-informazzjoni u l-prattiki, bl-għan li jipproduċu proċeduri, formoli jew manwali armonizzati, issimplifikati u favur il-pazjenti u tistabbilixxi rabta bejn l-NCPs u s-sorsi ta' informazzjoni u ta' kompetenza preżenti fl-Istati Membri;
26. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament suffiċjenti lill-NCPs tagħhom biex ikunu jistgħu jiżviluppaw informazzjoni komprensiva, u jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni fost l-NCPs fl-Unjoni kollha;
27. Jenfasizza l-potenzjal tas-Saħħa elettronika biex jittejjeb l-aċċess tal-pazjenti għall-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' kura tas-saħħa transkonfinali u dwar id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva;
28. Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tal-kura tas-saħħa u lill-isptarijiet biex lill-pazjenti jipprovdulhom minn qabel stima preċiża u aġġornata tal-kost tal-kura barra mill-pajjiż, inklużi l-mediċini, l-onorarja, l-iljieli u t-tariffi supplimentari;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, għall-benefiċċju tal-esperti nazzjonali u permezz ta' kampanji ta' informazzjoni, il-kumplessità tas-sitwazzjoni legali attwali li tirriżulta mill-interazzjoni bejn id-direttiva u r-regolament li jirregolaw il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;
30. Jitlob lill-Kummissjoni torganizza, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-NCPs, l-ERNs, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u n-netwerks tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, kampanji ta' informazzjoni pubbliċi komprensivi, anke billi tisfrutta opportunitajiet diġitali ġodda, li għandhom jitfasslu biex irawmu l-għarfien strutturali tad-drittijiet u l-obbligi tal-pazjenti skont id-direttiva;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-proċeduri li permezz tagħhom il-pazjenti jkunu jistgħu jressqu lment f'każijiet fejn id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva ma jkunux ġew irrispettati jew saħansitra jkunu nkisru;
32. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar it-tip ta' informazzjoni li għandhom jagħtu l-NCPs, speċjalment il-lista ta' kura li hija soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel u dik li mhijiex, il-kriterji applikati u l-proċeduri fis-seħħ;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-ħtieġa li jiddefinixxu r-raġunijiet għaliex l-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali jenħtieġ li jkun disponibbli b'tali mod li jiggarantixxi l-moviment liberu iżda l-kura tas-saħħa mhijiex għan fiha nnifisha filwaqt li s-sistemi tas-saħħa huma kompetenza nazzjonali;
34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri b'mod ġenerali, u mhux biss permezz tal-NCPs, u biex tivvaluta aktar il-benefiċċji tal-inizjattivi eżistenti għall-kooperazzjoni, speċjalment fir-reġjuni transkonfinali, filwaqt li tiggarantixxi aċċess għal kura tas-saħħa sikura, ta' kwalità għolja u effiċjenti għaċ-ċittadini;
Il-mard rari, il-kanċer rari u n-Netwerks Ewropej ta' Referenza (ERNs)
35. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha biex jiġi żgurat l-akkomunament effiċjenti tal-għarfien, l-informazzjoni u r-riżorsi għall-indirizzar effettiv ta' mard rari u kroniku, inkluż il-kanċer rari, fl-UE kollha; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, tappoġġa l-istabbiliment ta' ċentri speċjalizzati għal mard rari fl-UE, li għandhom ikunu integrati bis-sħiħ fl-ERNs;
36. Jirrakkomanda li titkompla l-ħidma fuq il-passi li diġà ttieħdu biex jiżdiedu l-fehim u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku rigward mard rari u kanċer rari, u biex jiżdied il-finanzjament għar-R&Ż; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiggarantixxi l-aċċess għall-informazzjoni, il-mediċini u l-kura medika għall-pazjenti ta' mard rari fl-UE kollha u biex tagħmel sforz biex jittejjeb l-aċċess għal dijanjożi bikrija u preċiża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza r-rata baxxa ta' reġistrazzjoni tal-mard rari u tkompli tiżviluppa u tippromwovi standards komuni għall-kondiviżjoni u l-iskambju tad-data fir-reġistri tal-mard rari;
37. Jenfasizza l-ħtieġa kritika li jittejbu l-mudelli ta' aderenza tal-pazjenti, li għandhom ikunu bbażati fuq l-aktar sejbiet affidabbli minn metaanaliżijiet u studji empiriċi fuq skala kbira, u għandhom jirriflettu r-realtajiet tal-prattika medika u joffru rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb id-dedikazzjoni tal-pazjenti għall-kura tagħhom, b'mod partikolari fil-ġestjoni tal-mard kroniku – barometru essenzjali biex jitkejlu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tal-kura tas-saħħa;
38. Jissottolinja l-importanza u l-valur miżjud tal-mobilità madwar l-UE tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, matul l-edukazzjoni u l-karrieri professjonali tagħhom, u tar-rwol tagħhom fit-titjib tal-għarfien u tal-kompetenza esperta dwar il-mard rari;
39. Jipproponi li l-Kummissjoni għandha tiftaħ sejħa ġdida għall-iżvilupp ta' ERNs ġodda u tkompli tappoġġa l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-mudell tal-ERN b'mod li jitnaqqsu d-disparitajiet ġeografiċi u n-nuqqasijiet fl-għarfien espert; jinsisti madankollu dwar il-fatt li estensjoni tal-ERN jenħtieġ li ma theddidx il-funzjonament tal-ERNs eżistenti, fil-fażi inizjali tagħhom;
40. Jiddispjaċih dwar l-inċertezza marbuta mal-prinċipji operattivi tal-ERNs u l-interazzjoni tagħhom mas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali u ma' programmi oħra tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tappoġġa lill-Istati Membri u l-ERNs fl-istabbiliment ta' regoli ċari u trasparenti għar-riferiment tal-pazjenti u biex jintlaħaq ftehim dwar il-forma ta' appoġġ li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ERNs;
41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta pjan ta' azzjoni, permezz tal-Programm Konġunt Ewropew dwar Mard Rari, għall-iżvilupp u l-finanzjament sostenibbli ulterjuri tal-ERNs u n-netwerks tal-pazjenti li jappoġġawhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw lill-fornituri tal-kura tas-saħħa fi ħdan l-ERNs u jintegraw l-ERNs fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom, jadattaw l-oqfsa legali u regolatorji tagħhom u jirreferu għall-ERNs fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar il-mard rari u l-kanċer;
42. Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pazjenti, speċjalment dawk fiż-żoni tal-fruntieri, biex jiżguraw l-aċċess għall-mediċini fi Stati Membri oħra u r-rimborż tagħhom, minħabba d-disponibbiltajiet u r-regoli differenti madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tas-saħħa rispettivi tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjonijiet legali u prattiċi li qed ixekklu r-rikonoxximent reċiproku tar-riċetti mediċi madwar l-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ta' appoġġ f'dan ir-rigward;
43. Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pazjenti biex jiżguraw l-aċċess għall-mediċini fi Stati Membri oħra u r-rimborż tagħhom, minħabba d-disponibbiltajiet u r-regoli differenti madwar l-UE;
44. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan ta' azzjoni sabiex tindirizza sistematikament il-prezzijiet tal-mediċini li huma eċċessivament għoljin u d-diskrepanzi kbar tagħhom bejn l-Istati Membri differenti;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li r-riċetti maħruġa minn ċentri ta' kompetenza konnessi ma' ERN huma aċċettati għar-rimborż fl-Istati Membri kollha;
46. Jilqa' l-appoġġ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) bħala parti mill-isforzi biex jiġu żviluppati b'suċċess il-proġetti pilota attwali dwar l-iskambju ta' riċetti elettroniċi u sommarji tal-pazjenti u jwittu t-triq għal Stati Membri oħra biex jagħmlu l-istess sal-2020; jinsisti li dan l-appoġġ għandu jitkompla fil-QFP li jmiss;
Is-Saħħa elettronika
47. Jirrikonoxxi li s-Saħħa elettronika tista' tgħin biex tiżgura li s-sistemi tas-saħħa jkunu sostenibbli, billi jitnaqqsu ċerti spejjeż, u tista' tkun parti importanti mir-reazzjoni tal-UE għall-isfidi tal-kura tas-saħħa tal-lum; jenfasizza li l-interoperabbiltà tas-Saħħa elettronika għandha tkun prijorità, sabiex jittejbu r-rekords globali tal-pazjenti u l-kontinwità tal-kura, filwaqt li tiġi garantita l-privatezza tal-pazjenti; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-għoti ta' aċċess faċli għall-kura lill-pazjenti kollha, mhux l-anqas l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jieħdu passi biex jinvestu fil-litteriżmu diġitali taċ-ċittadini u biex iżidu soluzzjonijiet ġodda għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, filwaqt li jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li tiġi evitata l-esklużjoni permezz tad-diġitalizzazzjoni;
48. Jilqa' l-ħolqien tal-Infrastruttura Ewropea ta' Servizzi Diġitali tas-Saħħa Elettronika (eHDSI), li se trawwem l-iskambju transkonfinali tad-data dwar is-saħħa, b'mod speċifiku r-riċetti elettroniċi u s-sommarji tal-pazjenti;
49. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rapida biex iqabbdu s-sistemi tas-saħħa tagħhom mal-eHDSI permezz ta' NCP iddedikat għas-Saħħa elettronika, f'konformità mal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess, u jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita dan il-proċess;
50. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtiġijiet tas-saħħa diġitali fl-Istati Membri bħala kwistjoni ta' prijorità; jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni li tagħti riżorsi finanzjarji sostnuti biex jiġu żgurati strateġiji nazzjonali b'saħħithom għas-saħħa diġitali u jinħoloq qafas xieraq għal azzjonijiet komuni fil-livell tal-UE biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi żgurat l-iskambju tal-aħjar prattiki għal użu usa' tat-teknoloġija diġitali fl-Istati Membri;
51. Jitlob lill-Istati Membri jintensifikaw aktar il-kooperazzjoni madwar l-Ewropa bejn l-awtoritajiet tas-saħħa, sabiex id-data tas-Saħħa elettronika u r-rekords personali jitqabbdu mal-għodod tal-Preskrizzjoni elettronika, sabiex il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jagħtu kura personalizzata u infurmata tajjeb lill-pazjenti tagħhom u jrawmu l-kooperazzjoni fost it-tobba, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiffaċilita tali azzjonijiet;
52. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) sabiex jissalvagwardjaw id-data tal-pazjenti użati fl-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika u jenfasizza l-importanza, b'attenzjoni partikolari għas-saħħa, tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern(15); jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw id-data dwar is-saħħa tagħhom stess, skont il-prinċipji stabbiliti fil-GDPR;
Il-Brexit
53. Jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim solidu mar-Renju Unit wara l-Brexit dwar is-saħħa, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika lid-drittijiet transkonfinali għall-pazjenti u l-funzjonament tal-ERNs;
54. Jilqa' l-intenzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li twettaq awditu dwar l-effikaċja tal-implimentazzjoni tad-direttiva, u li teżamina b'mod partikolari l-monitoraġġ u s-superviżjoni mill-Kummissjoni ta' din l-implimentazzjoni, ir-riżultati miksuba s'issa fl-għoti tal-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali, u l-effettività tal-qafas ta' finanzjament tal-UE fir-rigward tal-azzjoni ffinanzjata;
55. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw, kif xieraq u b'kooperazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva;
o o o
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1.
Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013), ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE, ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.
Ir-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni tagħha bit-titolu "Transformation Health and Care in the Digital Single Market" (Trasformazzjoni tas-Saħħa u l-Kura fis-Suq Uniku Diġitali), 2018, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/2018_consultation_dsm_en.pdf