Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0403M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0023/2019

Testi mressqa :

A8-0023/2019

Dibattiti :

PV 12/02/2019 - 20
CRE 12/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/02/2019 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0093

Testi adottati
PDF 161kWORD 56k
L-Erbgħa, 13 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Singapore (riżoluzzjoni)
P8_TA(2019)0093A8-0023/2019

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapore, min-naħa l-oħra (15375/2018 – C8-0026/2019 – 2018/0403M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (15375/2018),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u Singapore, min-naħa l-oħra (08224/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 212, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0026/2019),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u Singapore, li ġie ffirmat fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u Singapore, li ġew iffirmati fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ASEAN-KEE, iffirmat f'Marzu 1980, li jikkostitwixxi l-qafas legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ASEAN(1),

–  wara li kkunsidra t-12-il Summit bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEM), li sar fi Brussell fit-18 u d-19 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-10 laqgħa interparlamentari bejn l-UE u Singapore, fit-23 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, ppubblikata mil-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE fl-Asja tal-Lvant, approvati mill-Kunsill fil-15 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2018 dwar il-kooperazzjoni msaħħa tal-UE fis-sigurtà fl-Asja u mal-Asja,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja, li hija bbażata fuq il-kunċett ta' konnettività sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-ASEAN, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN(2) u tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-13 ta’ Frar 2019(4) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0023/2019),

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u Singapore jmorru lura għexieren ta' snin, u huma mibnija fuq storja twila ta' ħbiberija u rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi mill-qrib; billi s-sħubija bilaterali hija msejsa fuq valuri komuni u impenn lejn dinja paċifika u għanja;

B.  billi ż-żewġ partijiet tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u Singapore jaffermaw mill-ġdid ir-rispett tagħhom lejn il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali applikabbli oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi Singapore huwa membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li ċċelebrat l-40 anniversarju tagħha fl-2017;

D.  billi matul il-Presidenza tiegħu tal-ASEAN fl-2018, bil-motto "Reżiljenti u Innovattivi", Singapore ospita żewġ Summits tal-ASEAN u ppromwova l-unità, is-sigurtà u l-kooperazzjoni ekonomika tal-ASEAN, u vara inizjattivi bħall-ASEAN Youth Fellowship;

E.  billi Singapore huwa alleat mill-qrib tal-Istati Uniti, li miegħu kkonkluda Ftehim ta' Kummerċ Ħieles fl-2003, u li huwa jqis bħala indispensabbli għas-sigurtà, l-istabbiltà u l-bilanċ reġjonali fir-reġjun Asja-Paċifiku;

F.  billi Singapore jinsab fid-disa' post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2017 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti;

G.  billi Singapore jinsab fis-sitt post fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2017 ta' Transparency International, b'hekk huwa wieħed mill-pajjiżi l-inqas korrotti fid-dinja;

H.  billi l-ewwel Forum tal-Mexxejja Żgħażagħ UE-ASEAN sar fi Frar 2018;

I.  billi Singapore esperjenza livelli rekord ta' tniġġis tal-arja b'riżultat ta' nirien fil-foresti f'pajjiżi ġirien, l-aktar minħabba l-ħruq intenzjonat bil-għan li l-art titwitta sabiex tintuża għall-kultivazzjoni ta' pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u tal-injam;

J.  billi l-Kostituzzjoni ta' Singapore tiggarantixxi d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, li madankollu huma ristretti bil-kbir għal raġunijiet ta' sigurtà, protezzjoni tal-ordni pubbliku, moralità, privileġġ parlamentari, u armonija razzjali u reliġjuża; billi Singapore huwa kklassifikat fil-151 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018; billi l-liġijiet ta' Singapore dwar id-disprezz, is-sedizzjoni u l-libell huma użati biex jirrestrinġu l-vuċijiet kritiċi fost l-attivisti, il-bloggers u l-midja;

K.  billi Singapore għadu japplika l-piena tal-mewt; billi wara perjodu qasir ta' ebda eżekuzzjoni, l-għadd ta' eżekuzzjonijiet ilu jiżdied sa mill-2014;

L.  billi d-drittijiet tal-komunità LGBTI ta' Singapore huma ristretti bil-kbir; billi relazzjoni sesswali kunsenswali bejn żewġ irġiel hija illegali u ġġorr piena sa sentejn ħabs; billi r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess mhumiex rikonoxxuti skont id-dritt ta' Singapore;

M.  billi Singapore għadu ma rratifikax żewġ konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni;

Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni UE-Singapore

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), li huwa ta' importanza strateġika u se jipprovdi qafas legali għar-relazzjonijiet bilaterali fit-tul u impenn għat-tisħiħ u t-twessigħ tal-kooperazzjoni fil-fora reġjonali u internazzjonali, u f'oqsma bħall-protezzjoni tal-ambjent, l-istabbiltà internazzjonali, il-ġustizzja, is-sigurtà u l-iżvilupp;

2.  Jenfasizza l-opportunitajiet pprovduti mill-FSK għall-oqsma ġodda ta' kooperazzjoni, bħad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u nonproliferazzjoni ta' armi nukleari, u għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika f'oqsma bħall-enerġija, l-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tar-riżorsi naturali u t-trasport, b'mod partikolari t-trasport marittimu u bl-ajru;

3.  Jilqa' l-kooperazzjoni fir-rabtiet interpersonali, fis-soċjetà tal-informazzjoni, fl-oqsma awdjoviżivi u tal-midja, fl-edukazzjoni u l-iskambji kulturali, fl-impjiegi u l-affarijiet soċjali, fis-saħħa u fl-istatistika li se jgħinu biex jiġi evalwat il-progress tal-ftehim;

4.  Iqis li l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-ftehim qafas, huwa politikament assoċjat mill-qrib u jikkomplementa l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment; ifakkar li l-Artikolu 44 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni jippermetti li l-ftehimiet ma jiġux eżegwiti f'każijiet ta' ksur sistematiku u serju ta' elementi essenzjali, inklużi l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-21 ta' Ġunju 2017, Singapore ffirma l-Ftehim Multilaterali tal-Awtorità Kompetenti Multilaterali (MCAA) għall-implimentazzjoni tal-istandard globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal finijiet ta' taxxa, u n-notifika tiegħu lill-OECD fit-30 ta' Ġunju 2017 dwar l-intenzjoni tiegħu li jattiva skambji awtomatiċi skont dak il-ftehim mal-Istati Membri kollha tal-UE peress li ma kien hemm l-ebda ftehim bilaterali fis-seħħ dwar l-istess għan; iħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa fil-FSK;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

6.  Jafferma mill-ġdid l-impenn u l-involviment meħtieġa fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u tal-ħidma flimkien f'dan ir-rigward; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-awtoritajiet ta' Singapore jiżguraw, f'kull ċirkostanza, ir-rispett tad-dritt internazzjonali, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, f'konformità mal-Karta tan-NU u mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jqis li l-UE għandha tkompli tipprovdi appoġġ lil Singapore għall-inklużjoni soċjali, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u għall-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà u tar-riforma ġudizzjarja; jilqa' d-dibattitu pubbliku miftuħ dwar ir-reviżjoni tal-liġi li mhijiex infurzata dwar il-kastig ta' relazzjoni kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, u jistieden lill-Gvern ta' Singapore jħares bis-sħiħ id-drittijiet tal-komunità LGBTI; jinsisti li l-Gvern ta' Singapore jabolixxi l-liġijiet li jippenalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali bejn persuni tal-istess ġeneru; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa, u jħeġġeġ lill-Gvern ta' Singapore jiffaċilita l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali;

7.  Jappella lill-UE tidħol fi djalogu mal-Gvern ta' Singapore bil-għan li jiġi introdott moratorju immedjat fuq il-piena kapitali bħala pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

8.  Jistieden lill-Gvern ta' Singapore jħares il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, peress li dawn huma elementi fundamentali ta' demokrazija li tiffunzjona sew;

9.  Jistieden lill-UE tinvolvi ruħha fi djalogu mal-awtoritajiet ta' Singapore bil-għan li tiġi ffaċilitata r-ratifika min-naħa ta' dan il-pajjiż tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; jirrikonoxxi li Singapore għadu ma rratifikax il-konvenzjonijiet dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u dwar id-Diskriminazzjoni, u ddenunzja l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat; jistenna li Singapore jkompli jinvolvi ruħu mal-ILO bil-għan li jagħmel progress lejn allinjament sħiħ mal-kontenut ta' dawn il-konvenzjonijiet, u fl-aħħar mill-aħħar biex iwettaq ir-ratifika tagħhom;

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Singapore

10.  Jenfasizza li l-konklużjoni tal-FSK jipprovdi impetu qawwi għal involviment akbar bejn l-UE, Singapore u r-reġjun tax-Xlokk tal-Asja b'mod ġenerali;

11.  Jenfasizza l-valur politiku ta' relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment b'saħħithom bejn Singapore u l-UE;

12.  Jissottolinja l-esperjenza partikolari tal-UE fil-bini tal-istituzzjonijiet, fis-suq uniku, fil-konverġenza regolatorja, fil-ġestjoni tal-kriżijiet, fl-assistenza umanitarja u l-għajnuna f'każ ta' diżastru, u fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza li l-UE għandha tintensifika d-djalogi politiċi u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet fundamentali u kwistjonijiet ta' tħassib komuni, inkluż l-istat tad-dritt u s-sigurtà u l-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni;

13.  Jilqa' l-fatt li l-FSK jappoġġa l-iskambji interpersonali, bħall-mobbiltà akkademika fl-ambitu tal-Programm Erasmus Mundus, u jiffaċilita l-iżvilupp ulterjuri ta' skambji kulturali sabiex jiżdiedu l-fehim u l-għarfien reċiproku tal-kulturi rispettivi;

14.  Jissottolinja r-rwol tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF) ibbażata f'Singapore, bħala l-istrument ewlieni għall-iskambji kulturali bejn l-Asja u l-Ewropa; jilqa' r-rwol tagħha fl-inklużjoni tat-tħassib tas-soċjetà ċivili bħala komponent vitali għad-deliberazzjonijiet fl-ASEM;

15.  Jenfasizza li ċ-Ċentru tal-Unjoni Ewropea f'Singapore, li ġie stabbilit fl-2009 bi sħubija mal-Università Nazzjonali ta' Singapore u l-Università Teknoloġika ta' Nanyang, jippromwovi l-għarfien u l-fehim tal-UE u l-politiki tagħha u huwa parti min-netwerk globali ta' Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE;

16.  Iħeġġeġ lir-riċerkaturi Singaporjani jwettqu riċerka u proġetti ta' innovazzjoni b'mod konġunt mal-entitajiet tal-UE fl-ambitu tal-inizjattivi ta' riċerka tal-UE bħall-programm Orizzont 2020, u jindirizzaw sfidi globali komuni relatati mat-tibdil fil-klima, l-ambjent, il-bijoteknoloġija, is-saħħa, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-enerġija, ir-riżorsi naturali u s-sikurezza alimentari;

Kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali

17.  Iqis li Singapore huwa sieħeb ewlieni fir-reazzjoni għad-diżastri umanitarji fix-Xlokk tal-Asja, kif ukoll attur importanti għall-istabbiltà politika fir-reġjun kollu;

18.  Jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-klima li se jkollu impatt kbir fuq Singapore u fuq ir-reġjun ASEAN; jilqa' l-kontribut pożittiv ta' Singapore lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jilqa' r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi minn Singapore fil-21 ta' Settembru 2016, u jistenna li Singapore jilħaq il-miri ppjanati ta' tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030; għandu l-ħsieb li jaħdem flimkien ma' Singapore u mal-ASEAN biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata assistenza lil Singapore u lill-bqija tal-pajjiżi tal-ASEAN sabiex jissaħħu l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, b'mod partikolari tal-iskolli tal-qroll, u r-riabilitazzjoni sistematika tal-ekosistemi tal-foresti; jilqa' r-rwol ta' Singapore dwar il-kwistjoni reġjonali tat-tnaqqis tad-deforestazzjoni; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn l-UE u Singapore biex jitrażżnu b'mod effikaċi n-nirien fil-foresti u biex jiġu adottati teknoloġiji li huma aktar ekoloġiċi għat-trasport u l-bini;

19.  Jemmen li jista' jkun hemm skop, interess u ħtieġa għall-UE u għall-ASEAN li jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw strateġija konġunta fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari;

20.  Jilqa' l-ħolqien tal-Forum Forum tal-Mexxejja Żgħażagħ UE-ASEAN, li se jippermetti lill-mexxejja żgħażagħ mill-UE u mill-pajjiżi tal-ASEAN jiskambjaw ideat u jibnu relazzjonijiet sabiex jappoġġaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN;

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-FSK se jagħti lill-UE l-opportunità li tikkonsolida l-kontribut tagħha fl-implimentazzjoni tal-objettivi komuni fiż-żona Indo-Paċifika; jappella għal sforzi konġunti msaħħa għal reġjun Indo-Paċifiku liberu u miftuħ;

22.  Jappella għal kooperazzjoni ma' Singapore fl-insegwiment ta' interessi komuni relatati mal-implimentazzjoni tal-politiki ta' konnettività tal-ASEAN u tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' kollaborazzjoni dwar l-Inizjattiva One Belt One Road sabiex issir ħidma lejn l-implimentazzjoni tal-miri u l-kriterji ta' konnettività li ġew maqbula matul is-Summit li sar dan l-aħħar bejn l-UE u ċ-Ċina; itenni l-ħtieġa li tiġi promossa l-governanza multilaterali;

23.  Jenfasizza li Singapore huwa favur il-multilateraliżmu reġjonali fix-Xlokk tal-Asja; jieħu nota tar-rwol ta' Singapore fid-diplomazija interreġjonali u d-djalogi ekonomiċi u istituzzjonali bejn l-UE u l-ASEAN, u jissottolinja l-appoġġ ta' Singapore għall-integrazzjoni reġjonali fix-Xlokk tal-Asja;

24.  Jinnota li Singapore jinsab f'pożizzjoni strateġika; jieħu nota tal-kontribut ta' Singapore lejn is-sigurtà reġjonali u globali; jilqa' s-Summit annwali dwar is-Sigurtà tal-Asja, magħruf ukoll bħala d-Djalogu ta' Shangri-La, li ilu jsir fil-Lukanda ta' Shangri-La f'Singapore mill-2002;

25.   Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tensjonijiet dejjem jikbru fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jistieden lill-ASEAN tħaffef il-konsultazzjonijiet dwar Kodiċi ta' Kondotta għar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim u l-kontroversji f'din iż-żona u lill-UE biex tappoġġa dan il-proċess; jinsisti li l-kwistjoni għandha tiġi solvuta skont id-dritt internazzjonali abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); jinsab kuntent li Singapore, pajjiż mhux rikorrent, ħeġġeġ lill-partijiet jiġġestixxu d-differenzi b'mod paċifiku u skont id-dritt internazzjonali, inkluża l-UNCLOS;

26.  Jappella, flimkien ma' Singapore, għal-libertà ta' navigazzjoni u ta' titjiriet fiż-żona, u jenfasizza li l-UE għandha interess qawwi li tippromwovi l-istabbiltà fix-Xlokk tal-Asja; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Forum Reġjonali tal-ASEAN u tas-Summit tal-Asja tal-Lvant fil-promozzjoni ta' djalogi dwar is-sigurtà bejn is-setgħat reġjonali u extra-reġjonali taċ-Ċina u tal-Istati Uniti;

27.  Jilqa' l-Programm ta' Kapaċità Ċibernetika tal-ASEAN varat fl-inizjattiva ta' Singapore, li għandu l-għan li jassisti lin-nazzjonijiet tal-ASEAN biex jidentifikaw theddidiet ċibernetiċi u jirrispondu għalihom; jifhem li l-ASEAN ma għandha l-ebda normi reċiproċi għall-protezzjoni ċibernetika, li jista' jimpedixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika fir-reġjun; jappella lill-UE tikkondividi l-esperjenzi tagħha dwar kif tindirizza theddidiet ċibernetiċi u ibridi u tappoġġa l-bini ta' kapaċità tal-ASEAN f'dan il-qasam;

28.  Ifaħħar lil Singapore għall-iskjerament ta' truppi u materjal tiegħu biex jappoġġa l-koalizzjoni multinazzjonali fl-Iraq mill-2003 sal-2008 u l-kontribut sussegwenti tiegħu għall-operazzjonijiet kontra l-ISIS fl-Iraq u s-Sirja;

29.  Jirrikonoxxi li Singapore huwa lest li jospita u jiżvolġi r-rwol tiegħu bħala ospitant ta' laqgħat ta' summits organizzati biex jippromwovu l-paċi u l-bini ta' fiduċja fl-Asja u lil hinn minnha;

Qafas istituzzjonali fl-ambitu tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni

30.  Jilqa' l-istabbiliment, fl-ambitu tal-FSK, ta' Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti miż-żewġ naħat f'livell għoli xieraq, biex jiżgura l-funzjonament korrett u l-implimentazzjoni korretta tal-ftehim, jistabbilixxi prijoritajiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jiġu promossi l-objettivi tal-ftehim;

31.  Jappella sabiex ikun hemm skambji regolari bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Parlament, b'mod li dan tal-aħħar ikun jista' jsegwi l-implimentazzjoni tal-FSK u l-kisba tal-objettivi tiegħu;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament ta' Singapore.

(1) ĠU L 144, 10.6.1980, p. 2.
(2) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 44.
(3) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 75.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0092.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza