Ebda oġġezzjoni għal att delegat: id-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn CCP
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament delegat (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn CCP (C(2018)09118 – 2018/3003(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2018)09118),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2018, li fiha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se jqajjem oġġezzjonijiet għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-4 ta' Frar 2019 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2018 intitolata "Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019: Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza tal-Kummissjoni" (COM(2018)0890),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(5) u 82(6) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(4),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji (RTS) dwar in-novazzjoni ta' kuntratti bilaterali mhux soġġetti għal marġnijiet bilaterali sottomessi mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fis-27 ta' Novembru 2018 skont l-Artikolu 11(15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-att delegat fih regoli importanti relatati mat-tranżazzjonijiet konklużi bejn kontroparti stabbilita fir-Renju Unit u kontroparti stabbilita fl-UE-27 u li huwa parti mill-pakkett ta' miżuri ta' kontinġenza f'każ ta' Brexit ta' ebda ftehim;
B. billi l-Parlament jaqbel dwar l-importanza li l-awtoritajiet kompetenti u s-swieq finanzjarji jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn novazzjoni, għal perjodu limitat ta' 12-il xahar, jekk il-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit tinbidel għal kontroparti fi ħdan l-UE-27;
C. billi l-Parlament iqis li l-RTS adottati mhumiex "l-istess" bħall-abbozz tal-RTS ippreżentat mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) minħabba l-bidliet tal-Kummissjoni li ġew introdotti f'dan l-abbozz, u jqis li għandu tliet xhur ("il-perjodu ta' skrutinju") biex joġġezzjona għall-RTS; billi l-Parlament iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindika perjodu ta' skrutinju ta' xahar biss f'każijiet fejn il-Kummissjoni tkun adottat l-abbozzi tal-ASE mingħajr tibdil, jiġifieri fejn l-abbozz u l-istandards tekniċi regolatorji adottati jkunu "l-istess";
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.