Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (2018/2684(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (O-000135/2018 – B8-0005/2019),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 153 (dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa), 10 u 19 (dwar in-nondiskriminazzjoni) u 6, 9 u 168 (dwar is-saħħa) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu, li jistabbilixxu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 21 (dwar in-nondiskriminazzjoni), 23 (dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel) u 35 (dwar il-protezzjoni tas-saħħa) tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing ta' Settembru 1995 u l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp ta' Settembru 1994 (il-Konferenza tal-Kajr) u l-Programm ta' Azzjoni tagħha, kif ukoll l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami rispettivi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kollokju Annwali 2017 dwar id-Drittijiet Fundamentali, "Id-Drittijiet tan-Nisa fi Żminijiet Imqanqla", organizzat mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi rigressjoni tista' tiġi definita bħala reżistenza għat-tibdil soċjali progressiv, passi lura fir-rigward tad-drittijiet miksuba jew iż-żamma ta' status quo mhux ugwalitarju, u billi r-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija partikolarment inkwetanti; billi tali reżistenza tista' tiġi eżerċitata irrispettivament mill-isfond soċjali jew l-età ta' individwu, tista' tkun ta' natura kemm formali kif ukoll informali, u tista' tinvolvi strateġiji passivi jew attivi biex jitwaqqaf progress ulterjuri permezz ta' tibdil fil-liġijiet jew il-politiki li, fl-aħħar mill-aħħar, jillimitaw id-drittijiet miksuba taċ-ċittadini; billi din ġiet akkumpanjata mit-tixrid ta' aħbarijiet foloz u ta' twemmin stereotipiku ta' ħsara;
B. billi d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem;
C. billi l-livell ta' ugwaljanza bejn is-sessi spiss ikun indikattiv u jservi bħala l-ewwel twissija tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet u tal-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija u l-istat tad-dritt, f'soċjetà partikolari; billi l-isforzi biex id-drittijiet tan-nisa jiġu limitati jew imdgħajfa ħafna drabi huma sinjal ta' kunflitt soċjetali usa';
D. billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet taħt id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tan-nisa;
E. billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għat-trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati li għandu jiġi applikat fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;
F. billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jgħid li: "Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa."; billi r-responsabbiltà ewlenija għall-kompitu li jiġu eliminati dawn l-inugwaljanzi hija tal-Istati Membri;
G. billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi juri li jeżistu inugwaljanzi persistenti u li mill-2005 sal-2015 sar biss progress marġinali; billi għadu meħtieġ titjib sinifikanti fl-Istati Membri kollha sabiex jinħolqu soċjetajiet b'ugwaljanza bejn is-sessi li fihom in-nisa u l-irġiel ikunu rappreżentati, rispettati u sikuri b'mod ugwali fl-oqsma kollha tal-ħajja u tax-xogħol; billi kulħadd jibbenefika mill-effetti tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li għandhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà kollha kemm hi; billi jekk ma jibqax isir progress rigward kwistjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, se nerġgħu mmorru lura fejn konna;
H. billi l-iżvilupp ta' politiki dwar l-ugwaljanza għandu jkun ibbażat fuq l-aċċess għal opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel, waqt li fl-istess ħin jingħata appoġġ lin-nisa u lill-irġiel fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja tagħhom;
I. billi l-progress fl-ugwaljanza bejn is-sessi u fl-avvanz tad-drittijiet tan-nisa mhuwiex awtomatiku jew lineari; billi l-protezzjoni u l-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi jirrikjedu sforzi kostanti;
J. billi d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tista' tieħu diversi forom, inkluża d-diskriminazzjoni strutturali, fil-post tax-xogħol u ekonomika, li tista' tkun moħbija u siekta proprju għaliex tkun mifruxa ferm;
K. billi fid-deċennju preżenti qed naraw attakk viżibbli u organizzat f'livell globali u Ewropew kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, anke fl-UE, u li huwa partikolarment viżibbli f'għadd ta' Stati Membri;
L. billi din ir-rigressjoni tidher ukoll fil-livell tal-UE, u l-fatt li fil-bidu tal-leġislatura preżenti l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li kienet qed timplimenta sal-lum għadu kwistjoni ta' dispjaċir;
M. billi l-miri ewlenin ta' din ir-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi jidher li huma komuni fil-pajjiżi kollha u jinkludu l-oqsma prinċipali tal-qafas istituzzjonali u politiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, bħall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, il-protezzjoni soċjali u tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, id-drittijiet LGBTI+, il-preżenza tan-nisa f'pożizzjonijiet politiċi ta' teħid tad-deċiżjonijiet, u l-finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet u l-movimenti tad-drittijiet tan-nisa u ta' drittijiet tal-bniedem oħra; billi wħud mill-attivisti u l-organizzazzjonijiet kontra d-drittijiet tal-bniedem għandhom l-għan, permezz tal-istrateġiji tagħhom, li jirrevokaw liġijiet eżistenti dwar drittijiet tal-bniedem bażiċi relatati ma': is-sesswalità u r-riproduzzjoni, inkluż id-dritt tal-aċċess għal forom moderni ta' kontraċezzjoni, teknoloġiji ta' riproduzzjoni assistita jew abort sikur; l-ugwaljanza għal persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru jew intersesswali (LGBTI+); l-aċċess għal riċerka dwar iċ-ċelloli staminali; u d-dritt ta' persuna li tbiddel il-ġeneru jew is-sess tagħha mingħajr biża' ta' riperkussjonijiet legali;
N. billi n-nisa huma partikolarment affettwati mix-xogħol prekarju u minn diversi forom ta' xogħol atipiku; billi r-rati tal-qgħad żdiedu ħafna fil-perjodu 2008-2014 minħabba l-kriżi ekonomika profonda li xterdet mal-UE kollha, u fl-2014 ir-rata tal-qgħad tan-nisa (10,4 %) kienet għadha ogħla minn dik tal-irġiel (10,2 %); billi l-kriżi ekonomika kellha impatt fuq l-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li ż-żoni rurali b'mod speċjali qed jesperjenzaw livelli devastanti ta' qgħad, faqar u depopolazzjoni, li jolqtu lin-nisa b'mod partikolari;
O. billi, fl-aħħar deċennju, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi tan-nisa kif ukoll id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa aġixxew bħala katalizzaturi u mexxejja tal-iżviluppi leġiżlattivi u politiċi fir-rigward tal-progress u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tan-nisa; billi qed jesperjenzaw sfidi sinifikanti fl-aċċess għall-fondi minħabba kriterji restrittivi u piżijiet amministrattivi, kif ukoll ambjent dejjem aktar ostili li m'għadux jippermettilhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom ta' interess pubbliku b'mod effikaċi;
P. billi ħafna Stati Membri għadhom la rratifikaw u lanqas ittrasponew il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u billi jeżistu restrizzjonijiet mill-istat rigward l-aċċess għad-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-Unjoni Ewropea;
Q. billi fl-ewwel sitt xhur tal-2018 seħħet rigressjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul f'diversi Stati Membri, u dan wassal għal diskors ta' mibegħda speċjalment kontra persuni LGBTI+; billi qatt ma kien hemm oppożizzjoni għal din ir-reazzjoni, la fil-Kunsill u lanqas fil-Kunsill Ewropew;
R. billi fl-2017 il-Kunsill tal-Ewropa wissa li d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa kienu mhedda wara li diversi membri tiegħu ħadmu bl-intent li jillimitaw il-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għall-abort u l-kontraċezzjoni; billi, bl-istess mod, f'Awwissu 2018 il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Kumitat dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha enfasizzaw li l-aċċess għal abort sikur u legali, kif ukoll għal servizzi u informazzjoni relatati, huma aspetti essenzjali tas-saħħa riproduttiva tan-nisa, filwaqt li ħeġġew lill-pajjiżi jwaqqfu r-rigressjoni rigward id-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-bniet, billi dan jhedded is-saħħa u l-ħajja tagħhom; billi l-Parlament irrikonoxxa li ċ-ċaħda tal-aċċess iggarantit u legali għall-abort tikkostitwixxi vjolenza kontra n-nisa;
S. billi f'xi Stati Membri, organizzazzjonijiet li jopponu b'mod attiv id-drittijiet sesswali u riproduttivi għan-nisa jingħataw l-appoġġ sħiħ tal-gvernijiet fil-forma ta' fondi pubbliċi, li jippermettilhom jorganizzaw attivitajiet koordinati f'livell Ewropew u internazzjonali;
T. billi edukazzjoni dwar ir-relazzjonijiet, is-sesswalità u l-ugwaljanza bejn is-sessi li tikkonforma mal-Istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Edukazzjoni Sesswali u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva ma tiġix ipprovduta fl-Istati Membri kollha, u dan ifisser li ma jiġux issodisfati l-linji gwida internazzjonali; huwa inkwetat minħabba r-reżistenza li qed tikber għal tali edukazzjoni u l-istigmatizzazzjoni ta' dawk li jieħdu sehem fiha min-naħa ta' ċerti movimenti politiċi, reżistenza li spiss tkun dovuta għal kampanji ta' diżinformazzjoni dwar il-kuntest tal-edukazzjoni sesswali f'bosta Stati Membri li jostakolaw l-għoti ta' tali edukazzjoni informattiva, importanti u inklużiva għal kulħadd;
U. billi strutturi patrijarkali li ilhom jeżistu sekli sħaħ fid-dinja kollha jservu biex irażżnu lin-nisa u d-drittijiet tan-nisa u jipperpetwaw l-inugwaljanza bejn is-sessi; billi t-tneħħija ta' dawn l-istrutturi tinvolvi kunflitt ma' diversi pożizzjonijiet u mekkaniżmi ta' poter fid-dinja kollha;
V. billi l-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-investiment fin-nisa huma ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha, peress li n-nisa li jkollhom ir-riżorsi ekonomiċi u opportunitajiet ta' tmexxija jinvestu fis-saħħa, fin-nutrizzjoni, fl-edukazzjoni u fil-benesseri tat-tfal u tal-familji tagħhom;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati bis-sħiħ u jagħtu prijorità lill-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTI+, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi l-aktar vulnerabbli; ifakkar lill-Istati Membri kollha fl-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tan-nisa u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jappella għad-denunzja estensiva ta' dawk id-diskorsi u l-miżuri li jdgħajfu d-drittijiet, l-awtonomija u l-emanċipazzjoni tan-nisa f'kull qasam; jinnota li mod importanti kif tiġi miġġielda r-rigressjoni huwa bl-avvanz proattiv tal-ugwaljanza tas-sessi abbażi tad-drittijiet u tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali;
2. Jinnota li n-natura, l-intensità u l-effetti tar-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa varjaw minn pajjiż għal ieħor u minn reġjun għal ieħor, u f'xi każijiet baqgħu fil-livell tar-retorika filwaqt li f'oħrajn ġew ikkonkretizzati f'miżuri u inizjattivi; billi, madankollu, dan il-fenomenu jidher fi kważi fl-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li r-rigressjoni hija msawra wkoll mid-dibattitu u l-għażliet politiċi;
3. Jinnota li l-indipendenza tan-nisa permezz tal-emanċipazzjoni soċjali u ekonomika tirrikjedi politiki mmirati lejn il-post tax-xogħol, li jgħinu biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni ewlenin fuq il-post tax-xogħol u jiżguraw pagi aħjar u regolamentazzjoni aħjar tax-xogħol u l-ħin tax-xogħol, flimkien ma' miżuri li jiġġiledu u jipprojbixxu kull forma ta' impjieg prekarju u jiddefendu d-dritt għal negozjar kollettiv;
4. Jinnota li l-persuni l-aktar vulnerabbli għal rigressjoni huma n-nisa fi gruppi ta' minoranza, inklużi l-minoranzi tal-ġeneru u sesswali, etniċi u reliġjużi;
5. Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi ma tistax tinkiseb jekk mhux in-nisa kollha jiksbu drittijiet ugwali, inklużi n-nisa minn gruppi ta' minoranza reliġjuża u etnika li jiffaċċjaw inugwaljanza intersettorjali;
6. Jikkundanna r-riinterpretazzjoni u riorjentament tal-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f'termini ta' politika dwar il-familja u l-maternità li qed iseħħu f'xi Stati Membri; jinnota li dan japplika biss għal ċerti gruppi u ma jikkostitwix approċċ inklużiv; jinnota wkoll li din il-politika m'għandhiex l-għan ta' bidla strutturali sostenibbli li twassal għal titjib sostenibbli fid-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
7. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBTI+ jiġu protetti u rikonoxxuti bħala prinċipji ta' ugwaljanza fil-qafas tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; iqis, madankollu, li l-inklużjoni tad-drittijiet tan-nisa fil-liġi mhijiex biżżejjed biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u li din ma tistax tinkiseb jekk l-Istati Membri ma jittrasponux, ma jadottawx u, finalment, ma jimplimentawx u ma jinfurzawx il-liġijiet ikkonċernati sabiex id-drittijiet tan-nisa jiġu protetti bis-sħiħ; jiddispjaċih li d-drittijiet tan-nisa mhumiex trattati b'mod olistiku bħala prinċipju ta' gwida tal-politiki pubbliċi nazzjonali u Ewropej kollha, flimkien mal-baġit korrispondenti; iqis li huwa essenzjali li jsir investiment fil-prevenzjoni tar-rigressjoni permezz tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-importanza u l-benefiċċji għas-soċjetà tas-salvagwardja tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi, kif ukoll ikomplu jappoġġjaw l-iżvilupp u t-tixrid ta' riċerka u informazzjoni bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa;
8. Jistieden lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom favur u jirrispettaw it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali kkonċernati, kif ukoll il-prinċipji minquxa fil-liġijiet fundamentali tagħhom, bħala mezz biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi u tan-nisa u jsaħħuhom, inklużi d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali;
9. Jenfasizza li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-prattiki tradizzjonali ta' ħsara u l-vjolenza sessista, għadhom jiffaċċjaw bosta sfidi; huwa mħasseb dwar il-forom differenti ta' vjolenza li intensifikaw, bħad-diskors ta' mibegħda sessista u kontra l-persuni LGBTI, il-misoġinija u l-vjolenza online, inklużi l-fastidju u l-istalking, kif ukoll il-vjolenza fil-konfront tan-nisa fil-post tax-xogħol jew fil-kuntest tat-traffikar u l-prostituzzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri preventivi u protettivi għan-nisa u l-bniet minħabba l-vjolenza sessista, u li dawk responsabbli jitressqu l-qorti, filwaqt li jkun żgurat li d-djar ta' kenn għan-nisa jkollhom livell adegwat ta' fondi, persunal u appoġġ. ifakkar l-importanza fundamentali tal-implimentazzjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi, tad-direttiva dwar ordni Ewropea ta' protezzjoni u d-direttiva kontra t-traffikar; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' data komparabbli sabiex min ifassal il-politika jkun infurmat sew dwar dawn l-iżviluppi ġodda; jappella biex kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u domestika jibqgħu jiġu varati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;
10. Jistieden lill-Membri tiegħu jħaddnu politika ta' tolleranza żero fir-rigward ta' diskors ta' mibegħda sessista matul is-sessjonijiet parzjali billi jemendaw ir-Regoli ta' Proċedura biex jinkludu projbizzjoni ta' diskors bħal dan;
11. Itenni l-appell għall-implimentazzjoni fil-Parlament Ewropew tal-aktar miżuri effikaċi possibbli biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali sabiex tinkiseb ugwaljanza bejn is-sessi reali; jappella għall-implimentazzjoni ta' awditjar estern biex jiġu enfasizzati l-aqwa regoli operattivi sabiex jiddaħħal taħriġ obbligatorju dwar "Ir-rispett u d-dinjità fil-post tax-xogħol" għall-persunal kollu tal-Parlament, inklużi l-Membri, wara r-rikostituzzjoni taż-żewġ kumitati responsabbli għall-indirizzar tal-fastidju sabiex jinkludu esperti indipendenti u jirrispettaw l-ugwaljanza;
12. Iqis li l-ħidma mal-irġiel hija parti importanti fl-avvanz tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;
13. Jikkundanna l-kampanja kontra l-Konvenzjoni ta' Istanbul, li għandha l-għan li tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, u l-interpretazzjoni ħażina tagħha; huwa preokkupat dwar ir-rifjut tal-liġi dwar it-tolleranza żero għall-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista, li għaliha jeżisti kunsens internazzjonali qawwi; jindika li qed jitqajmu dubji dwar l-essenza proprja tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, l-awtonomija u d-dinjità; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jħeġġeġ ir-ratifika tagħha mill-Istati Membri kollha;
14. Jinnota li l-vjolenza domestika hija meqjusa bħala l-forma ta' vjolenza l-aktar mifruxa f'xi Stati Membri, u jesprimi tħassib dwar in-numru jiżdied ta' nisa li jesperjenzaw il-vjolenza domestika;
15. Jesprimi l-istmellija assoluta tiegħu fil-konfront taż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa, kif rifless b'mod brutali fl-għadd allarmanti ta' omiċidji;
16. Jinnota li l-vittmi tal-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, spiss ikollhom aċċess limitat għall-ġustizzja u għal protezzjoni xierqa, minkejja l-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza, u li l-liġijiet mhumiex implimentati u infurzati sew; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi kollha tal-vjolenza sessista u tal-vjolenza domestika jingħataw assistenza legali sensittiva għas-sessi sabiex jiġu evitati r-rivittimizzazzjoni u l-impunità u biex tittejjeb l-inċidenza tar-rappurtar ta' tali reati;
17. Jirrimarka dwar it-tendenza preokkupanti tal-ispazju dejjem jonqos għas-soċjetà ċivili fid-dinja u anke fl-Ewropa, u taż-żieda fil-kriminalizzazzjoni, il-burokratizzazzjoni u r-restrizzjoni tal-fondi għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-organizzazzjonijiet u l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa;
18. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-inizjattivi mifruxa, u s-solidarjetà tiegħu magħhom, inklużi l-inizjattivi ta' bażi, li jappellaw għall-ugwaljanza bejn is-sessi promossa mill-organizzazzjonijiet u l-movimenti tan-nisa; jissottolinja l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju kontinwu biex ikun żgurat li l-ħidma tagħhom tista' tkompli; għalhekk, jappella għal żieda fil-fondi mill-Istati Membri u mill-UE għall-istrumenti finanzjarji disponibbli għal dawn l-organizzazzjonijiet; jinsisti li l-aċċess għal dawn il-fondi jrid jinvolvi anqas burokrazija u m'għandux ikun diskriminatorju fir-rigward tal-objettivi u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet;
19. Għalhekk, huwa mħasseb dwar l-aħbar ta' tnaqqis fir-riżorsi disponibbli għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u d-djar ta' kenn għan-nisa f'ħafna Stati Membri;
20. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jiġu implimentati strumenti biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza, u b'mod partikolari l-vjolenza kontra n-nisa;
21. Jirrimarka dwar it-tendenza f'xi Stati Membri li jiġi stabbilit kuntest parallel ta' NGOs li jikkonsisti minn individwi u organizzazzjonijiet favur il-gvern; jissottolinja l-importanza ta' kuntest kritiku u varjat ta' NGOs għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-iżvilupp tas-soċjetà kollha kemm hi;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-mekkaniżmi tagħhom għad-distribuzzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-finanzjament u jiżguraw li jkunu sensittivi għas-sessi u adattati għall-problemi li organizzazzjonijiet u movimenti speċifiċi, speċjalment dawk ta' daqs żgħir u medju, jiffaċċjaw fi żmien ta' rigressjoni, u japplikaw tali għodod bħal valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi u bbaġitjar skont is-sessi meta jkun rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-fondi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, fl-UE u fid-dinja;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju dirett u sinifikanti lill-organizzazzjonijiet tan-nisa f'dawk il-pajjiżi li qed jesperjenzaw definanzjament sistemiku u attakki minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi interrotti li jipproteġu u jappoġġaw lin-nisa u lid-drittijiet tagħhom, u twettaq ħarsa ġenerali tal-finanzjament biex tiżgura li t-tixrid tal-fondi tal-UE min-naħa tal-Istati Membri jappoġġa lil organizzazzjonijiet li l-attivitajiet u s-servizzi tagħhom huma nondiskriminatorji, inklużivi u ċċentrati fuq is-superstiti, u li ma jipperpetwawx l-isterjotipi tas-sessi, ir-rwoli tradizzjonali tas-sessi jew l-intolleranza;
24. Iqis il-prostituzzjoni bħala forma serja ta' vjolenza u sfruttament;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali rigward il-prostituzzjoni fl-UE, li n-netwerk ta' traffikanti tagħha jibbenefika mis-suq uniku, u talloka riżorsi finanzjarji lil programmi li jippermettu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tal-isfruttament sesswali jaħarbu mill-prostituzzjoni;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-promozzjoni u t-titjib tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-Istrateġija dwar is-Saħħa Pubblika li jmiss;
27. Jistieden lill-Istati Membri jtemmu u jreġġgħu lura t-tnaqqis li japplikaw għall-programmazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-servizzi pubbliċi u, b'mod partikolari, l-għoti ta' kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
28. Jiddispjaċih li f'xi Stati Membri t-tul tal-leave tal-maternità huwa determinat mill-qasam ekonomiku, mingħajr ma jitqiesu l-fatturi soċjali u tas-saħħa li jaffettwaw kemm lin-nisa kif ukoll lit-tfal; ifakkar li s-salvagwardja tad-drittijiet tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri timxi id f'id mal-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol u s-sigurtà tal-impjiegi;
29. Ifakkar li l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u tad-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa għandhom benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikanti għall-familji u s-soċjetajiet;
30. Jappella għal inizjattivi mmirati għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u biex jiġu indirizzati s-segregazzjoni tas-sessi u l-aċċess tan-nisa għas-swieq tax-xogħol, b'mod partikolari fl-oqsma tal-intraprenditorija tan-nisa, id-diġitalizzazzjoni u l-iSTEM, sabiex jiġi miġġieled id-distakk diġitali bejn l-irġiel u n-nisa;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa u li jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tmexxija sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi negattivi;
32. Jitlob li tittieħed azzjoni reali biex tonqos id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li għandha impatt negattiv fuq il-pożizzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa; jenfasizza li s-salvagwardja u l-implimentazzjoni attiva tan-negozjar kollettiv, il-promozzjoni tal-pagi, il-projbizzjoni tal-forom kollha ta' xogħol prekarju u r-regolamentazzjoni tad-drittijiet tax-xogħol huma passi kruċjali biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;
33. Jenfasizza li l-ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi jeħtieġ li jittejjeb aktar f'oqsma bħall-impjiegi informali, l-intraprenditorija u l-aċċess għall-fondi, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-vjolenza kontra n-nisa u x-xogħol mingħajr ħlas; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tintuża data u evidenza ta' kwalità għal tfassil ta' politika infurmat u bbażat fuq l-evidenza;
34. Jiddispjaċih li l-ibbaġitjar skont is-sessi ma ġiex rikonoxxut bħala prinċipju orizzontali fir-regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, u jistieden lill-Kunsill jemenda dak ir-regolament b'urġenza, biex b'hekk jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw approċċi sensittivi għal kwistjonijiet ta' sessi għall-ibbaġitjar b'mod li jiġi identifikat b'mod espliċitu liema proporzjon ta' fondi pubbliċi huma allokati għan-nisa, kif ukoll jiġġieldu kontra r-rigressjoni fir-rigward tas-sessi billi jiżguraw li l-politiki kollha għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-allokazzjoni tan-nefqa jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;
35. Jinnota li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi hija parti minn strateġija globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jenfasizza, għaldaqstant, li l-impenn tal-istituzzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam huwa fundamentali; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li ma ġiet adottata ebda strateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2020, filwaqt li l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi issa sar biss dokument ta' ħidma tal-persunal; jafferma mill-ġdid l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta Strateġija tal-UE għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
36. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka d-direttiva dwar il-bilanċ tas-sessi fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża (l-hekk imsejħa direttiva dwar in-nisa fil-bordijiet), sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ konsiderevoli bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-ogħla livell;
37. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka d-direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali barra s-suq tax-xogħol, irrispettivament mill-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin reliġjuż, li għandha l-għan li testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni permezz ta' approċċ orizzontali;
38. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol(1), riformulata, u jħeġġeġ segwitu leġiżlattiv adegwat ibbażat fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza rigward il-pagi, bil-għan li tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;
39. Jiddeplora l-fatt li l-ħidma fuq id-direttiva dwar il-leave tal-maternità ġiet sospiża;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali koerenti u komprensiv għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni tad-drittijiet ugwali għan-nisa, inkluża l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-promozzjoni u l-istatus tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri l-aktar milquta, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-qafas istituzzjonali, politiku u leġiżlattiv;
42. Jesprimi tħassib li dawk li jopponu ruħhom għad-drittijiet riproduttivi u l-awtonomija tan-nisa kellhom influwenza sinifikanti fuq id-dritt u l-politika nazzjonali, b'mod partikolari f'xi Stati Membri, u ħadmu bl-intent li jdgħajfu d-drittijiet tas-saħħa u riproduttivi tan-nisa, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-ippjanar tal-familja u l-kontraċezzjoni kif ukoll ta' tentattivi biex jiġi limitat jew biex jispiċċa d-dritt għal terminazzjoni volontarja tat-tqala; itenni l-ħtieġa li jiġu adottati politiki għall-protezzjoni tal-maternità u tal-istat ta' ġenitur, filwaqt li jiġi ggarantit appoġġ sod fil-post tax-xogħol u f'benefiċċji, flimkien ma' politiki li jipprovdu infrastrutturi ta' appoġġ għall-familji, faċilitajiet ta' qabel l-iskola u kura d-dar għall-morda jew l-anzjani;
43. Jikkritika l-użu ħażin tal-femminiżmu u tal-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa għall-inċitament għar-razziżmu;
44. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li tingħata edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet liż-żgħażagħ kollha; jemmen li strateġiji edukattivi usa' huma għodda fundamentali biex jiġu evitati l-forom kollha ta' vjolenza, b'mod partikolari l-vjolenza sessista, speċjalment fl-adolexxenza;
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.