Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2563(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0110/2019

Dibattiti :

PV 14/02/2019 - 8.2
CRE 14/02/2019 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2019)0116

Testi adottati
PDF 135kWORD 51k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Iż-Żimbabwe
P8_TA(2019)0116RC-B8-0110/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar iż-Żimbabwe (2019/2563(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE dwar l-elezzjonijiet armonizzati tal-2018 fiż-Żimbabwe u l-ittra maħruġa fl-10 ta' Ottubru mill-Kap Osservatur tal-MOE tal-UE lill-President Mnangagwa dwar il-konklużjonijiet ewlenin tar-Rapport Finali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-VP/RGħ tas-17 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-24 ta' Lulju 2018 u t-18 ta' Jannar 2019 tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fiż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta maħruġa wara l-Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Unjoni Afrikana fil-21 u t-22 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' monitoraġġ mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-bniedem taż-Żimbabwe wara "l-istay away" li kien hemm mill-14 ta' Jannar sas-16 ta' Jannar 2019 u l-inkwiet li nqala' wara,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Żimbabwena dwar il-vjolenza postelettorali tal-1 ta' Awwissu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tat-2 ta' Awwissu 2018 dwar l-elezzjonijiet fiż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Awwissu 2018 mill-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tul l-elezzjonijiet armonizzati taż-Żimbabwe li ddenunzjat il-forza eċċessiva li użaw il-pulizija u l-armata biex irażżnu l-protesti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta lokali tad-9 ta' Awwissu 2018 tad-Delegazzjoni tal-UE, il-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri tal-UE preżenti f'Harare u l-Kapijiet tal-Missjoni tal-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti dwar l-attakki mmirati fuq l-oppożizzjoni fiż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-22 ta' Jannar 2018 fid-dawl tat-tranżizzjoni politika li għaddejja fiż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/288 tal-17 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifika,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-poplu taż-Żimbabwe ilu jbati għal ħafna snin taħt reġim awtoritarju mmexxi mill-President Mugabe li sostna s-setgħa tiegħu permezz tal-korruzzjoni, il-vjolenza, elezzjonijiet mimlija irregolaritajiet u apparat ta' sigurtà brutali;

B.  billi fit-30 ta' Lulju 2018, iż-Żimbabwe kellu l-ewwel elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tiegħu wara r-riżenja ta' Robert Mugabe f'Novembru 2017; billi l-elezzjonijiet offrew lill-pajjiż l-opportunità li jtemm is-sensiela ta' elezzjonijiet kontenzjużi mmarkati mill-abbuż tad-drittijiet politiċi u tal-bniedem u minn vjolenza sponsorjata mill-istat;

C.  billi fit-3 ta' Awwissu 2018, il-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe (ZEC) iddikjarat lil Emmerson Mnangagwa bħala rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali b'50,8 % voti kontra l-44,3% tal-kandidat tal-oppożizzjoni Nelson Chamisa; billi r-riżultati kienu immedjatament ikkontestati mill-oppożizzjoni, li sostniet li l-elezzjonijiet kienu ġew immanipulati; billi l-Qorti Kostituzzjonali m'aċċettatx dawn l-allegazzjonijiet minħabba nuqqas ta' evidenza u l-President Mnangagwa nħatar uffiċjalment mill-ġdid għal mandat ieħor fis-26 ta' Awwissu;

D.  billi r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE jiddikjara li ċ-ċifri ppreżentati miż-ZEC kien fihom ħafna anomaliji u ineżattezzi u qajmu biżżejjed mistoqsijiet biex ikun hemm dubju dwar l-eżattezza u l-affidabbiltà tan-numri ppreżentati;

E.  billi l-għada tal-elezzjoni, id-dewmien fit-tħabbir tar-riżultati kien diġà wassal għal bidu ta' vjolenza post elettorali li ħalliet sitt persuni mejta u ħafna oħra midruba fi protesti msejħa mill-oppożizzjoni; billi l-osservaturi internazzjonali, inkluża l-UE, ikkundannaw il-vjolenza u l-użu eċċessiv tal-forza mill-armata u mill-forzi tas-sigurtà;

F.  billi l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe fl-10 ta' Awwissu 2018 ippubblikat dikjarazzjoni "dwar l-elezzjonijiet armonizzati tal-2018 u l-ambjent postelettorali", li tikkonferma li d-dimostranti ġew attakkati mill-forzi militari, fejn esprimiet tħassib serju dwar il-brutalità u l-imġiba vjolenti tal-pulizija u ddikjarat li nkisru d-drittijiet fundamentali tad-dimostranti; billi l-Kummissjoni talbet lill-gvern biex jistabbilixxi djalogu nazzjonali;

G.  billi meta ħa l-ġurament tal-ħatra f'Harare fis-26 ta' Awwissu 2018, il-President Emmerson Mnangagwa, wiegħed futur aħjar u kondiviż għall-poplu kollu taż-Żimbabwe, li jmur lil hinn mil-linji tal-partiti, bi gvern b'impenn sod lejn il-kostituzzjonalità, bit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudikatura u politiki li jattiraw kapital kemm domestiku kif ukoll globali;

H.  billi l-President Mnangagwa f'Settembru 2018, stabbilixxa kummissjoni ta' inkjesta li, f'Diċembru 2018, ikkonkludiet li l-protesti li kkawżaw ħsara estensiva lill-proprjetà u ħallew persuni midruba kienu ġew inċitati u organizzati kemm mill-forzi tas-sigurtà kif ukoll mill-Alleanza MDC, u li l-użu tal-militar kien ġustifikat u konformi mal-Kostituzzjoni; billi l-oppożizzjoni rrifjutat ir-rapport; billi l-kummissjoni appellat biex issir investigazzjoni fi ħdan il-forzi tas-sigurtà u li dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-liġi, u rrakkomandat kumpens għall-vittmi;

I.  billi t-tensjonijiet politiċi żdiedu b'mod drammatiku mill-elezzjoni 'l hawn, u qed jkomplu ħerġin rapporti ta' vjolenza li qed tpoġġi serjament f'riskju d-direzzjoni demokratika li nbdiet fil-pajjiż;

J.  billi l-falliment tal-ekonomija, in-nuqqas ta' aċċess għas-servizzi soċjali, u ż-żieda fil-prezz ta' ħafna prodotti bażiċi qed tinstiga rabja fin-nies; billi bejn l-14 u t-18 ta' Jannar 2019, iż-Żimbabwe ra żieda fil-protesti u fid-dimostrazzjonijiet matul l-hekk imsejjaħ "shutdown" nazzjonali bl-inizjattiva tal-Kungress tat-Trade Unions taż-Żimbabwe, wara żieda fil-prezz tal-fjuwil ta' 150 %; billi l-protesti kienu wkoll risposta għaż-żieda fil-faqar, l-istat fqir tal-ekonomija, u standard tal-għajxien li dejjem qed jonqos;

K.  billi quddiem dan il-moviment ta' protesta, fl-14 ta' Jannar 2019, il-gvern ikkundanna "pjan deliberat biex idgħajjef l-ordni kostituzzjonali" u assigura li hu "se jirrispondi b'mod adegwat kontra dawk li qed jikkonfoffaw biex jagħmlu sabutaġġ lill-paċi;

L.  billi l-pulizija ta' kontra l-irvellijiet irreaġixxiet bi vjolenza eċċessiva u bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom bl-użu ta' munizzjon attiv, arresti arbitrarji, ħtif, attakki fuq il-faċilitajiet mediċi li jittrattaw lill-vittmi tar-ripressjoni, aċċellerazzjoni tal-proċessi u proċessi tal-massa fil-konfront ta' dawk arrestati, tortura tal-persuni taħt arrest, każijiet ta' stupru u qerda ta' proprjetà privata u pubblika;

M.  billi l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem maħtura mill-gvern ippubblikat rapport li juri li s-suldati u l-pulizija kienu użaw tortura sistematika;

N.  billi nqatlu aktar minn 17-il persuna u ndarbu l-mijiet; billi madwar elf ruħ ġew arrestati, inklużi tfal ta' bejn id-9 u s-16-il sena, u madwar żewġ terzi ta' dawk arrestati ġew miċħuda l-ħelsien fuq pleġġ; billi ħafna għadhom qed jinżammu illegalment u allegatament ġew imsawta u attakkati waqt li kienu f'kustodja;

O.  billi l-evidenza turi li l-armata kienet fil-biċċa l-kbira tagħha responsabbli għall-atti ta' omiċidju, stupru u serq armat; billi mijiet ta' attivisti u uffiċjali tal-oppożizzjoni għadhom qed jinħbew;

P.  billi r-rispons tal-gvern għall-protesti ġie kkundannat b'mod diffuż bħala "sproporzjonat" u "eċċessiv" min-naħa tal-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi lokali u internazzjonali, inkluża l-UE;

Q.  billi l-interruzzjoni tat-telekomunikazzjonijiet saret għodda użata mir-reġim biex iwaqqaf il-koordinament tad-dimostrazzjonijiet organizzati fuq in-netwerks soċjali; billi l-komunikazzjonijiet mobbli u l-linji fissi, kif ukoll l-internet u l-mezzi tal-midja soċjali, kienu qed jiġu bblukkati ripetutament biex jiġi evitat l-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u sabiex jinħeba l-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istat kien qed iħejji biex iwettaq; billi l-Qorti Suprema taż-Żimbabwe ddikjarat li l-użu tal-Att dwar l-Interċettazzjoni tal-Komunikazzjonijiet għas-sospensjoni tal-komunikazzjonijiet online kien illegali;

R.  billi l-awtoritajiet organizzaw operazzjoni kbira ta' tiftix minn bieb sa bieb għal dimostranti, u kaxkru minn darhom dimostranti paċifiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti politiċi, mexxejja prominenti tas-soċjetà ċivili u l-qraba tagħhom;

S.  billi pajjiżi ġirien bħall-Afrika t'Isfel saru ċentru għaż-Żimbabweni li qed jaħarbu mill-oppressjoni politika u mit-tbatija ekonomika;

T.  billi l-pulizija kontinwament abbużaw mil-liġijiet eżistenti, bħall-Ordni Pubbliku u l-Att dwar is-Sigurtà (POSA), biex jiġġustifikaw ir-repressjoni fuq il-membri tal-oppożizzjoni u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jipprojbixxu dimostrazzjonijiet legali u paċifiċi;

U.  billi r-rekord taż-Żimbabwe għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huwa wieħed mill-agħar fid-dinja; billi l-poplu Żimbabwen u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom qed jissubixxu attakki, diskors ta' mibegħda, kampanji ta' malafama, atti ta' intimidazzjoni u fastidju, u kien hemm rapporti regolari ta' atti ta' tortura;

V.  billi l-President sejjaħ għal djalogu nazzjonali li beda fis-6 ta' Frar u stieden lill-partiti politiċi kollha biex jieħdu sehem, iżda l-Moviment għal Bidla Demokratika (MDC), il-partit prinċipali tal-oppożizzjoni, irrifjuta li jipparteċipa;

W.  billi ż-Żimbabwe huwa firmatarju tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE;

1.  Jissottolinja x-xewqa unanima tiegħu li ż-Żimbabwe jsir nazzjon paċifiku, demokratiku u prosperu li fih iċ-ċittadini kollha jiġu ttrattati tajjeb u b'mod ugwali għal dak li jikkonċerna l-liġi u fejn l-organi tal-istat jaġixxu f'isem iċ-ċittadini u mhux kontrihom;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li seħħet waqt il-protesti reċenti fiż-Żimbabwe; jemmen bis-sħiħ li l-protesti paċifiċi huma parti minn proċess demokratiku, u reazzjonijiet b'forza eċċessiva iridu jiġu evitati f'kwalunkwe ċirkostanza;

3.  Iħeġġeġ lill-President Mnangagwa biex jibqa' jżomm il-wegħdiet inizjali tiegħu, biex jaġixxi b'mod rapidu ħalli jieħu kontroll tas-sitwazzjoni u biex iqiegħed liż-Żimbabwe lura fi triq ta' rikonċiljazzjoni u rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jwaqqfu minnufih l-abbużi mill-forzi tas-sigurtà u jinvestigaw minnufih u b'mod imparzjali l-allegazzjonijiet kollha ta' użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija u mill-uffiċjali tal-istat sabiex jistabbilixxu responsabbiltajiet individwali, bil-għan li jiżguraw l-obbligu ta' rendikont; ifakkar li l-kostituzzjoni tal-pajjiż tistabbilixxi korp indipendenti biex jinvestiga lmenti ta' kondotta ħażina tal-pulizija u militari, iżda li l-gvern għad irid iwaqqaf tali korp;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern taż-Żimbabwe jirtira b'mod urġenti l-persunal militari kollu u l-milizzja taż-żgħażagħ skjerati madwar il-pajjiż li qed jitterrorizzaw lir-residenti bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe;

6.  Jemmen li l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma komponenti essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija; jenfasizza li d-dritt li wieħed jesprimi opinjoni b'mod mhux vjolenti jikkostitwixxi dritt kostituzzjonali għaċ-ċittadini kollha taż-Żimbabwe u jfakkar lill-awtoritajiet fl-obbligu tagħhom li jipproteġu d-dritt taċ-ċittadini kollha li jipprotestaw kontra d-deterjorament tal-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom; jistieden lill-gvern itemm l-attakki mmirati fil-konfront tal-mexxejja u l-membri tal-Kungress tat-Tradeunions taż-Żimbabwe (ZCTU);

7.  Jissottolinja r-rwol fundamentali li taqdi l-oppożizzjoni f' soċjetà demokratika;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jilliberaw minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha;

9.  Jitlob lill-Gvern taż-Żimbabwe jwaqqaf immedjatament il-fastidju u l-kriminalizzazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili u jirrikonoxxi r-rwol leġittimu tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jitlob lill-Gvern taż-Żimbabwe jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati miż-Żimbabwe;

11.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur irrapportat tal-proċess dovut permezz ta' proċessi rapidi u proċessi tal-massa; jinsisti li l-ġudikatura għandha tirrispetta l-istat tad-dritt u tiżgura li l-indipendenza tagħha u d-dritt għal proċess ġust jiġu rispettati fiċ-ċirkostanzi kollha; jikkundanna l-arresti kollha li saru mingħajr ma tressqu akkużi;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jwettqu investigazzjoni fil-pront, bir-reqqa, imparzjali u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-istupri u l-vjolenza sesswali mill-forzi tas-sigurtà, u biex jittieħdu passi kontra dawk responsabbli; jitlob li l-aċċess għas-servizzi mediċi jkun offrut b'mod universali lill-vittmi ta' tali vjolenza sesswali mingħajr biża' ta' retribuzzjoni;

13.  Jikkundanna l-għeluq tal-internet li ppermetta lill-awtoritajiet jaħbu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-armata u mill-forzi tas-sigurtà nazzjonali u jostakolaw rapportar u dokumentazzjoni indipendenti tal-abbużi matul it-trażżin u immedjatament wara l-elezzjoni; jenfasizza li l-aċċess għall-informazzjoni huwa dritt li għandu jiġi rrispettat mill-awtoritajiet skont l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tagħhom;

14.  Jikkundanna l-użu abbużiv u restrittiv tal-POSA, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Żimbabweni jallinjaw il-leġiżlazzjoni mal-istandards internazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jesprimi tħassib partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fiż-Żimbabwe; ifakkar li l-problemi ewlenin tal-pajjiż huma l-faqar, il-qgħad u l-malnutrizzjoni u l-ġuħ kroniċi; iqis li dawn il-problemi jistgħu jiġu solvuti biss permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki ambizzjużi dwar l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-agrikoltura;

16.  Jistieden lill-atturi politiċi kollha biex jeżerċitaw responsabilità u rażan, u b'mod partikolari biex joqogħdu lura milli jinċitaw il-vjolenza;

17.  Ifakkar lill-Gvern taż-Żimbabwe li l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-Ftehim ta' Cotonou, u kif ukoll fil-qasam tal-kummerċ, l-iżvilupp, u l-assistenza ekonomika, huwa kundizzjonali għar-rispett tal-istat tad-dritt u l-konvenzjonijiet u t-trattati internazzjonali li għalihom huwa parti;

18.  Ifakkar li l-appoġġ fit-tul jiddependi fuq riformi komprensivi aktar milli sempliċement wegħdiet; jitlob li l-impenn Ewropew maż-Żimbabwe jkun ibbażat fuq il-valuri u jkun sod fil-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet Żimbabweni;

19.  Iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta immedjatament ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-vjolenza ta' wara l-elezzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta' Inkjesta, b'mod partikolari l-promozzjoni tat-tolleranza politika u tat-tmexxija responsabbli, u t-twaqqif ta' djalogu nazzjonali li jsir b'mod kredibbli, inklużiv, trasparenti u responsabbli;

20.  Jieħu att tar-rieda tal-gvern li jwettaq l-impenji fir-rigward tar-riformi; jenfasizza, madankollu, li dawn ir-riformi għandhom ikunu politiċi kif ukoll ekonomiċi; iħeġġeġ lill-gvern, lill-oppożizzjoni, lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lill-mexxejja reliġjużi jimpenjaw ruħhom f'kundizzjonijiet ugwali fi djalogu nazzjonali li fih id-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati u mħarsa;

21.  Jistieden lill-gvern jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt u ambjent politiku inklużiv; jissottolinja l-għaxar rakkomandazzjonijiet ta' prijorità identifikati mill-MOE u stabbiliti fl-ittra tal-10 ta' Ottubru 2018 mill-Osservatur Prinċipali lill-President Mnangagwa – jiġifieri biex jinħolqu kundizzjonijiet pari għall-partiti politiċi kollha, biex jiġi żgurat qafas legali aktar ċar u koerenti; biex il-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe tissaħħaħ billi ssir tassew indipendenti u trasparenti, u b'hekk terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-proċess elettorali; biex jiġi żgurat li t-tisħiħ tal-indipendenza tal-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe jagħmilha ħielsa mill-kontroll tal-gvern fl-approvazzjoni tar-regolamenti tagħha; u biex jinħoloq proċess elettorali aktar inklużiv;

22.  Jitlob lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fiż-Żimbabwe biex ikomplu l-monitoraġġ mill-qrib tagħhom tal-iżviluppi fil-pajjiż u biex jużaw l-għodod xierqa kollha biex jappoġġaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins, biex jippromwovu l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u biex jappoġġaw il-movimenti favur id-demokrazija;

23.  Jitlob lill-UE biex iżżid id-djalogu politiku tagħha maż-Żimbabwe dwar id-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

24.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jirrevedi l-miżuri restrittivi tiegħu fil-konfront ta' individwi u entitajiet fiż-Żimbabwe, inklużi dawk il-miżuri li bħalissa huma sospiżi, fid-dawl tal-obbligu ta' rendikont għall-vjolenza reċenti tal-istat;

25.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-Unjoni Afrikana (UA), biex jagħtu aktar assistenza attiva liż-Żimbabwe biex tinstab soluzzjoni demokratika sostenibbli għall-kriżi attwali;

26.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali u jipproteġu dawk li qed jaħarbu mill-vjolenza fiż-Żimbabwe bl-għoti ta' asil, b'mod partikolari fi żmien qasir;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, lill-Gvern u l-Parlament taż-Żimbabwe, lill-gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u tal-Unjoni Afrikana, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.

(1) ĠU L 42, 18.2.2017, p. 11.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza