Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija (2019/2564(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1), dik tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi, l-Arabja Sawdija(2), dik tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3), dik tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(4) u dik tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul(5),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-29 ta' Mejju 2018 tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-arresti reċenti fl-Arabja Sawdija u tal-31 ta' Lulju 2018 dwar id-detenzjonijiet arbitrarji ta' difensuri u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, inklużi attivisti tad-drittijiet tan-nisa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2018 ta' diversi Rapporteurs Speċjali tan-NU li fiha jappellaw għall-ħelsien immedjat tad-difensuri kollha tad-drittijiet tan-nisa,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW), kif ukoll is-sħubija tagħha fil-Kunsill Eżekuttiv tas-CSW sa minn Jannar 2019,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-Kummissarju Christos Stylianides, f'isem il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fid-dibattitu tal-4 ta' Lulju 2017 fil-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Arabja Sawdija bħala membru tas-CSW,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-ftuħ tal-VP/RGħ fil-5 laqgħa ministerjali UE-Lega tal-Istati Għarab li jgħid: "u ppermettuli ngħid li l-kooperazzjoni bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija qatt ma kienet daqshekk importanti u, fil-fehma tiegħi, qatt ma kienet daqshekk meħtieġa",
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tad-9 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa rigward it-tielet u r-raba' rapporti perjodiċi dwar l-Arabja Sawdija, ippreżentati flimkien,
– wara li kkunsidra r-rapport tad-Detention Review Panel dwar l-attivisti nisa detenuti fl-Arabja Sawdija,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' liġi kontra l-fastidju approvat mill-Kunsill Shura tal-Arabja Sawdija fit-28 ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Arabja Sawdija ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 ta' Reporters Mingħajr Fruntieri li jikklassifika lis-Sawdi Arabja fil-169 post minn total ta' 180 pajjiż,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-attivisti li ġew arrestati mill-awtoritajiet Sawdin għall-attiviżmu tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa għadhom detenuti mingħajr akkuża; billi l-attivisti jinkludu lil Loujain al-Hathloul, Aziza al-Yousef, Eman al-Nafjan, Nouf Abdulaziz, Mayaa al-Zahrani, Samar Badawi, Nassima al-Sada, Shadan al-Anezi, Abir Namankani, Amal al-Harbi u Hatoon al-Fassi, li lkoll huma attivisti tad-drittijiet tan-nisa, kif ukoll sostenituri rġiel tal-moviment, inkluż Mohammed al-Rabea; billi dawn l-attivisti huma magħrufa għall-kampanja tagħhom kontra l-projbizzjoni fuq is-sewqan imposta fuq in-nisa u għall-appoġġ tagħhom għat-tneħħija tas-sistema ta' tutela mill-irġiel; billi dawn ġew arrestati qabel it-tneħħija tal-projbizzjoni fuq is-sewqan imposta fuq in-nisa, prevista għall-24 ta' Ġunju 2018; billi, skont ma ġie rrapportat, uħud minnhom se jiġu riferuti għal proċess quddiem il-Qorti Kriminali Speċjalizzata li oriġinarjament ġiet stabbilita biex tissottoponi għal proċess lil detenuti miżmuma b'rabta ma' reati ta' terroriżmu;
B. billi d-difensura tad-drittijiet tal-bniedem Israa al-Ghomgham, mir-reġjun ta' Qatif, għadha qed tiffaċċja detenzjoni arbitrarja; billi l-piena tal-mewt li ġiet imposta fuqha dan l-aħħar ġiet irtirata, iżda xorta għadha soġġetta għal akkużi mhux speċifikati kontriha; billi hemm tħassib dwar il-benesseri fiżiku u mentali tas-Sa al-Ghomgham;
C. billi r-rapporti jsostnu li l-interrogaturi Sawdin ittorturaw, immaltrattaw u abbużaw sesswalment tal-anqas tlieta mill-attivisti nisa detenuti f'Mejju 2018; billi l-familjari tal-attivisti nisa, bħall-ġenituri ta' Loujain al-Hathloul, huma soġġetti għal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
D. billi l-Ministeru tal-Midja tal-Arabja Sawdija ċaħad l-allegazzjonijiet ta' tortura fil-konfront tad-detenuti fir-Renju u qieshom bħala rapporti infondati;
E. billi l-attivista Loujain al-Hathloul ilha detenuta sa minn Marzu 2018 wara li attendiet sessjoni ta' eżami tas-sitwazzjoni fl-Arabja Sawdija tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa; billi hija tqiegħdet f'iżolament bejn Mejju u Settembru 2018, perjodu li matulu l-ġenituri tagħha rrapportaw li ġiet ittorturata;
F. billi delegazzjoni mill-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Arabja Sawdija żaret lil Loujain al-Hathloul wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar it-tortura li għaddiet minnha; billi tali delegazzjoni ma setgħetx tiggarantixxi l-protezzjoni tagħha; billi sussegwentement prosekutur pubbliku mar iżurha biex jiġbor ix-xhieda tagħha;
G. billi Loujain al-Hathloul ġiet innominata għall-Premju Nobel għall-Paċi tal-2019;
H. billi l-Arabja Sawdija għad għandha wħud mill-aktar restrizzjonijiet ibsin imposti fuq in-nisa, minkejja r-riformi governattivi li saru dan l-aħħar biex jissaħħu d-drittijiet tan-nisa fis-settur tal-impjiegi; billi s-sistema politika u soċjali Sawdija għadha diskriminatorja u lin-nisa fil-verità tittrattahom bħala ċittadini tat-tieni klassi, billi ma tippermetti l-ebda libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, billi tiddiskrimina serjament kontra l-ħafna ħaddiema barranin fil-pajjiż u billi trażżan severament kwalunkwe vuċi dissidenti;
I. billi l-Arabja Sawdija għandha sensiela ta' liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet ġuridiċi marbuta mal-istatus personali, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti nisa, il-Kodiċi tal-Istatus Ċivili, il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Att dwar in-Nazzjonalità u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, li abbażi tagħha t-tgawdija min-nisa tal-biċċa l-kbira ta' drittijiethom fil-qafas tas-CEDAW hija soġġetta għall-awtorizzazzjoni minn tutur raġel;
J. billi, taħt is-sistema ta' tutela mill-irġiel, in-nisa Sawdin huma mċaħħda saħansitra mill-aktar kontroll bażiku fuq ħajjithom; billi l-liġijiet diskriminatorji relatati maż-żwieġ u d-divorzju għadhom fis-seħħ u billi l-liġi tesiġi min-nisa li jiksbu l-permess ta' tutur raġel biex jinkitbu fl-edukazzjoni għolja, ifittxu impjieg, jivvjaġġaw jew jiżżewġu; billi n-nisa Sawdin li huma miżżewġin irġiel barranin, għall-kuntrarju tal-kontropartijiet irġiel tagħhom, ma jistgħux jgħaddu ċ-ċittadinanza tagħhom lil uliedhom jew lil żwieġhom;
K. billi r-riżerva ġenerali tal-Arabja Sawdija fil-konfront tas-CEDAW, skont il-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, hija inkompatibbli mas-suġġett u l-iskop tal-Konvenzjoni u mhijiex permessa skont l-Artikolu 28 tagħha;
L. billi, minn mindu l-Prinċep Eredi Mohammed bin Salman Al Saud tela' fil-poter f'Ġunju 2017, ħafna difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti u kritiċi li fissru l-opinjonijiet tagħhom fl-apert ġew detenuti arbitrarjament jew ġew ikkundannati inġustament għal perjodi twal ta' priġunerija sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;
M. billi l-aġenda ta' riforma "Vision 2030", li għandha l-għan li ġġib magħha t-trasformazzjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiż, inkluż permezz tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa, kellha tkun opportunità reali għan-nisa Sawdin biex jiżguraw l-emanċipazzjoni ġuridika tagħhom, li hija assolutament kruċjali għat-tgawdija sħiħa ta' drittijiethom fil-qafas tas-CEDAW; billi, madankollu, il-mewġa reċenti ta' arresti u ta' allegata tortura tal-attivisti tad-drittijiet tan-nisa tmur kontra dan l-għan u għandha mnejn tfixkel l-aġenda ta' riforma; billi d-digriet "Vision 2030" huwa nieqes minn qafas ġuridiku xieraq;
N. billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma prekundizzjonijiet kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter;
O. billi l-Arabja Sawdija għandha waħda mill-ogħla rati ta' eżekuzzjonijiet fid-dinja; billi, bejn l-2014 u l-2017, in-numru medju ta' eżekuzzjonijiet fis-sena kien mill-anqas 126; billi l-awtoritajiet jimponu l-piena tal-mewt għal reati mhux vjolenti, bħall-kuntrabandu tad-droga, it-tradiment u l-adulterju; billi reati bħall-apostasija, li skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ma għandhomx jiġu kriminalizzati, irriżultaw ukoll fl-applikazzjoni tal-piena tal-mewt;
P. billi l-valur tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU għall-Arabja Sawdija għall-2018 huwa ta' 0,853, u għalhekk hija kklassifikata fid-39 post minn total ta' 188 pajjiż u territorju; billi l-Arabja Sawdija għandha valur tal-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi tan-NU ta' 0,234, u għalhekk hija kklassifikata fid-39 post minn total ta' 189 pajjiż fl-indiċi tal-2017; billi l-pajjiż għandu Indiċi għall-Iżvilupp tas-Sessi tan-NU ta' 0,877 (ikklassifikat fid-39 post fid-dinja);
1. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem li għamlu kampanja biex titneħħa l-projbizzjoni fuq is-sewqan, kif ukoll id-difensuri kollha paċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti, u jesprimi x-xokk tiegħu għar-rapporti kredibbli ta' tortura sistematika fil-konfront ta' diversi minnhom, inkluża Loujain al-Hathloul;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin biex jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawn id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, il-ġurnalisti u priġunieri oħra minħabba t-twemmin tagħhom li ġew detenuti u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u għall-ħidma paċifika tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, u biex jippermettu lil osservaturi internazzjonali indipendenti jiltaqgħu mad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem li huma detenuti;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jiffaċilitaw l-aċċess ta' tobba indipendenti għad-detenuti; jenfasizza li t-trattament tad-detenuti kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, waqt li jkunu detenuti, irid ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija adottat permezz tar-Riżoluzzjoni 43/173 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Diċembru 1988;
4. Jinsisti li l-osservaturi indipendenti għandhom jinkludi osservaturi mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Arabja Sawdija jew mill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll detenturi ta' mandat tan-NU rigward id-drittijiet tal-bniedem, bħar-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, jew NGOs internazzjonali;
5. Jinsisti li l-awtoritajiet Sawdin itemmu l-forom kollha ta' fastidju, anke fil-livell ġudizzjarju, fil-konfront ta' Loujain al-Hathloul, Aziza al-Yousef, Eman al-Nafjan, Nouf Abdulaziz, Mayaa al-Zahrani, Samar Badawi, Nassima al-Sada, Shadan al-Anezi, Abir Namankani, Amal al-Harbi, Hatoon al-Fassi, Israa Al-Ghomgham, Mohammed al-Rabea u d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr xkiel mhux ġustifikat jew biża' ta' rappreżalji fil-konfront tagħhom u tal-familji tagħhom;
6. Jikkundanna r-repressjoni u t-tortura li qed iseħħu bħalissa fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, fl-Arabja Sawdija, li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-proċess ta' riforma fil-pajjiż; jiddenunzja d-diskriminazzjoni sistemika kontinwa fil-konfront tan-nisa u l-bniet fl-Arabja Sawdija;
7. Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija tiggarantixxi pubblikament is-sikurezza tal-attivisti detenuti kollha, tippermetti lin-nisa detenuti aċċess għall-avukati u l-membri tal-familja, tipprovdi evidenza tal-benesseri tagħhom, u teħles lil dawk li qed jinżammu l-ħabs sempliċement talli tkellmu b'mod paċifiku favur riforma;
8. Ifaħħar u jappoġġja lid-difensuri Sawdin tad-drittijiet tan-nisa li qed jippruvaw jiksbu trattament ekwu u ġust fis-soċjetà tagħhom, u lil dawk li ddefendew id-drittijiet tal-bniedem minkejja d-diffikultajiet li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom;
9. Huwa mħasseb ferm dwar il-prevalenza ta' vjolenza sessista fl-Arabja Sawdija, li fil-biċċa l-kbira tagħha għadha mhijiex rappurtata u dokumentata biżżejjed, u li ġiet iġġustifikata b'raġunijiet retrogradi bħall-ħtieġa li n-nisa jiġu dixxiplinati taħt it-tutela tal-irġiel; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva biex jiddefinixxu u jikkriminalizzaw b'mod speċifiku l-forom kollha ta' vjolenza sessista fil-konfront tan-nisa, b'mod partikolari l-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-istupru, inkluż l-istupru fiż-żwieġ, l-attakki sesswali u l-fastidju sesswali, u jneħħu l-ostakli kollha li n-nisa jħabbtu wiċċhom magħhom fl-aċċess tagħhom għall-ġustizzja; jesprimi inkwiet kbir dwar ir-rapporti ta' prassi prevalenti ta' żwieġ tat-tfal;
10. Jiddeplora l-eżistenza tas-sistema ta' tutela mill-irġiel, li għadha tipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel f'numru ta' oqsma, inklużi l-vjaġġi internazzjonali, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għażla tar-residenza, iż-żwieġ, it-tressiq ta' lmenti fis-sistema ġudizzjarja u t-tluq minn ċentri ta' akkoljenza tal-istat għan-nisa abbużati u t-tluq miċ-ċentri ta' detenzjoni; jissottolinja li din is-sistema hija riflessjoni tas-sistema patrijarkali b'għeruq b'saħħithom li tiddomina fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern Sawdi jabolixxi minnufih is-sistema ta' tutela mill-irġiel u jħassar liġijiet oħra li jiddiskriminaw kontra n-nisa u l-bniet;
11. Jinnota l-adozzjoni reċenti ta' liġi li taħtha n-nisa Sawdin jistgħu jiġu nnotifikati permezz ta' messaġġ bil-mobile jekk il-konjuġi tagħhom jiddeċiedi li jiddivorzja, u dan biex jiġu protetti mill-fatt li ż-żwieġ tagħhom jista' jintemm mingħajr ma jkunu jafu; jenfasizza li din il-liġi ma tagħmel xejn biex tindirizza l-fatt li n-nisa Sawdin jistgħu jieħdu d-divorzju biss f'każijiet limitati ferm, bħal bil-kunsens tal-żewġhom jew jekk żewġhom ikun immaltrattahom;
12. Jesprimi tħassib dwar is-servizzi web tal-gvern li permezz tagħhom it-tuturi rġiel jistgħu jsegwu l-movimenti tan-nisa, jispeċifikaw meta u kif jistgħu jaqsmu l-fruntieri Sawdin, u jirċievu aġġornamenti bl-SMS kważi f'ħin reali meta jivvjaġġaw;
13. Jilqa' t-tneħħija tal-projbizzjoni tas-sewqan għan-nisa fir-Renju bħala parti mill-aġenda "Vision 2030";
14. Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jirrevedu l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fondazzjonijiet ta' Diċembru 2015 sabiex jippermettu lill-attivisti nisa jorganizzaw ruħhom u jaħdmu b'mod liberu u indipendenti mingħajr indħil indebitu min-naħa tal-awtoritajiet; iħeġġeġ ukoll ir-reviżjoni tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu, tal-Liġi Kontra l-Kriminalità Ċibernetika u tal-Liġi dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet, li jintużaw ripetutament biex jinbdew proċeduri kriminali kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet preżenti fis-sistema ġuridika, inkluż f'oqsma bħall-wirt;
15. Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jirratifikaw l-ICCPR, ineħħu r-riżervi li għandhom għas-CEDAW u jirratifikaw l-Protokoll Fakultattiv għas-CEDAW, sabiex in-nisa Sawdin ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet minquxa fil-Konvenzjoni, u jtemmu ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ furzat u l-kodiċi tal-ilbies obbligatorju għan-nisa; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija toħroġ stedina permanenti biex il-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jkunu jistgħu jżuru l-pajjiż;
16. Jenfasizza li l-eżerċizzju tad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea u l-assoċjazzjoni paċifika huwa protett mid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jippermettu stampa u media indipendenti u jiżguraw il-libertà tal-espressjoni online u offline, kif ukoll il-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin ineħħu r-restrizzjonijiet fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li jipprojbuhom milli jitkellmu fil-media soċjali u lill-media internazzjonali;
17. Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi li ppreċedewhom kienu konformi mal-istandards internazzjonali;
18. Jirrakkomanda li tintbagħat delegazzjoni ad hoc mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI) u mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) qabel tmiem il-mandat kurrenti fl-Arabja Sawdija sabiex iżżur lin-nisa li qegħdin il-ħabs u biex isiru l-laqgħat meħtieġa mal-awtoritajiet Sawdin;
19. Jieħu nota tad-djalogu bejn l-UE u l-Arabja Sawdija u jħeġġeġ it-tkomplija tiegħu;
20. Jiddispjaċih dwar id-dikjarazzjonijiet ineffiċjenti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Istati Membri dwar il-każijiet tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem li ilhom detenuti minn Mejju tal-2018;
21. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jqajmu l-każijiet ta' Loujain al-Hathloul, Eman al-Nafjan, Aziza al-Yousef, Samar Badawi, Nassima al-Sada u tad-difensuri nisa l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fid-djalogi tagħhom mal-awtoritajiet Sawdin, u jitolbu l-ħelsien tagħhom; jinsisti li, sakemm jinħelsu, membri tal-korp diplomatiku tal-UE għandhom jistiednu lill-awtoritajiet Sawdin biex jiggarantixxu s-sikurezza tagħhom u jwettqu investigazzjonijiet sħaħ dwar ir-rapporti ta' tortura;
22. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Parlament jeżaminaw in-nuqqas ta' elenkar tal-Arabja Sawdija fir-reġistru tat-trasparenza tal-UE;
23. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jqajmu l-każijiet ta' Israa al-Ghomgham, żewġha Mousa al-Hashim u l-erba' koakkużati Ahmed al-Matrood, Ali Ouwaisher, Khalid al-Ghanim u Mujtaba al-Muzain fid-djalogi tagħhom mal-awtoritajiet Sawdin, u jitolbu l-ħelsien tagħhom; barra minn hekk, jitlob li jitqajjem il-każ ta' Sheikh Salman al-Awda u li jintalab il-ħelsien tiegħu;
24. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jistabbilixxu pożizzjoni unifikata biex jiżguraw li s-servizzi diplomatiċi Ewropej fl-Arabja Sawdija jużaw b'mod sistematiku l-mekkaniżmi previsti fil-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi d-dikjarazzjonijiet pubbliċi, d-démarches diplomatiċi, il-monitoraġġ tal-proċessi u taż-żjarat il-ħabs, b'rabta mad-difensuri Sawdin tad-drittijiet tan-nisa li ilhom detenuti minn Mejju tal-2018;
25. Jitlob li titressaq riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li jmiss u fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija tal-istati b'rekords dubjużi rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tipproponi l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Arabja Sawdija;
26. Jistieden, għal darb'oħra, lill-awtoritajiet Sawdin iwaqqfu s-swat ulterjuri ta' Raif Badawi, u jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; jinsisti li r-rappreżentanti għoljin kollha tal-UE, b'mod partikolari l-VP/RGħ u l-Kummissarji kollha, iqajmu b'mod sistematiku l-każ ta' Raif Badawi fil-kuntatti tagħhom mal-kontropartijiet Sawdin tagħhom, u jitolbu li jiltaqgħu miegħu matul iż-żjarat tagħhom fil-pajjiż; jimpenja ruħu li jżid l-isforzi tiegħu b'appoġġ għall-ħelsien tiegħu; jistieden lill-President iżur Riyadh sabiex iqajjem il-każ tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov direttament mal-awtoritajiet;
27. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jestendu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà bejn l-Istati Membri u r-reġim Sawdi;
28. Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jilħaq pożizzjoni komuni sabiex jimponi, fil-livell tal-UE, embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, u biex jirrispetta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(6); jappella għal embargo fuq l-esportazzjoni ta' sistemi ta' sorveljanza u oġġetti oħra ta' użu dupliċi li jistgħu jintużaw fl-Arabja Sawdija għall-finijiet ta' repressjoni taċ-ċittadini tagħha, inklużi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem; huwa preokkupat dwar l-użu ta' dawn l-armi u ta' teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika mill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija; ifakkar lill-Istati Membri li t-tkomplija tal-ftehimiet tagħhom dwar l-armi mal-Arabja Sawdija tmur kontra l-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-esportazzjonijiet ta' armi; jitlob lis-SEAE jipproponi, u lill-Kunsill jadotta, l-użu ta' miżuri restrittivi fil-konfront tal-Arabja Sawdija b'reazzjoni għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet tal-viżi;
29. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jkollu djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet Sawdin, inklużi d-deputati parlamentari, dwar l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal skambju ta' għarfien espert dwar il-ġustizzja u kwistjonijiet ġuridiċi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fl-Arabja Sawdija;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija u lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.
Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).