Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (2019/2573(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, adottata fil-31 ta' Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar tali proposta,
– wara li kkunsidra l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2191(2017) tat-12 ta' Ottubru 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni intersesswali u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Lista ta' Azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni tal-2016 u tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Lista ta' Azzjonijiet biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tal-5 ta' Ġunju 2018 (Relu Adrian Coman et vs Inspectoratul General pentru Imigrări u Ministerul Afacerilor Interne)(3) u ġurisprudenza rilevanti oħra tal-QtĠ-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Mejju 2015 intitolat "The fundamental rights situation of intersex people" (Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Marzu 2017 intitolat "Current migration situation in the EU: Lesbian, gay, bisexual, transgender and intersex asylum seekers" (Is-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni fl-UE: il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali li jfittxu asil),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni intersesswali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2048(2015) tat-22 ta' April 2015 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024) (O-000006/2019 – B8-0014/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-persuni LGBTI għadhom qed ibatu minn diskriminazzjoni u vjolenza fl-Unjoni Ewropea; billi mhux l-Istati Membri kollha tal-UE jipprovdu protezzjoni legali għall-persuni LGBTI kontra d-diskriminazzjoni;
B. billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, stieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI;
C. billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016, stieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fir-rigward tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI;
D. billi l-Kummissjoni adottat oqfsa strateġiċi komprensivi dwar temi oħra relatati mad-drittijiet fundamentali, bħalma huma d-diżabilità u l-inklużjoni tar-Rom, iżda għad trid tieħu tali azzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI;
E. billi l-Lista ta' Azzjonijiet biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI, ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2015, hija strateġija mhux vinkolanti u mhux komprensiva;
F. billi r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Lista ta' Azzjonijiet biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza għal-LGBTI juru li ttieħdu passi sinifikanti, iżda għad fadal ħafna xi jsir biex tiġi żgurata l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha fl-UE, inklużi ċ-ċittadini LGBTI;
G. billi, għalkemm il-linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) ilhom jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha fl-azzjoni esterna tagħhom sa mill-2013, in-nuqqas ta' impenn komplementari intern min-naħa tal-UE huwa theddida għall-koeżjoni interna u esterna;
H. billi d-direttiva kontra d-diskriminazzjoni għadha mblukkata fil-Kunsill;
1. Itenni r-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE;
2. Jinnota li f'dawn l-aħħar snin fl-UE ġiet osservata reazzjoni negattiva kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'impatt dirett fuq il-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-impenn li tindirizza din ir-reazzjoni negattiva, tagħmel l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni qasam ta' prijorità u tiżgura li dan l-impenn ikun rifless fil-ħidma tal-Kummissjoni li jmiss, li se tieħu l-kariga aktar tard fl-2019;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-drittijiet tal-persuni LGBTI jingħataw prijorità fil-programm ta' ħidma tagħha għall-perjodu 2019-2024 u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost id-Direttorati Ġenerali differenti fl-oqsma fejn id-drittijiet tal-persuni LGBTI għandhom jiġu integrati, bħall-edukazzjoni u s-saħħa, kif stabbilit fil-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta dokument strateġiku ieħor biex trawwem l-ugwaljanza għall-persuni LGBTI;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tinforza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-miżuri maħsuba biex jiżguraw id-drittijiet tal-persuni LGBTI fl-oqsma kollha;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq it-temi diġà inklużi fil-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI futura tagħha;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bil-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni pubblika dwar il-persuni LGBTI u l-familji tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li ssir tali azzjoni fil-livelli kollha u li l-enfasi tkun fuq il-benefiċċji tad-diversità għas-soċjetà aktar milli fuq is-sempliċi normalizzazzjoni tal-persuni LGBTI;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom ta' programmi edukattivi ta' kwalità għolja u komprensivi dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet li jipprovdu informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati b'mod li jkun ħieles minn kull ġudizzju, li jkun imfassal b'mod pożittiv u li jkun inklużiv fil-konfront tal-persuni LGBTI;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiżgura l-libertà ta' moviment għall-familji kollha, inklużi l-familji LGBTI, f'konformità mal-kawża reċenti Coman tal-QtĠ-UE;
11. Jinnota li, għall-aċċess għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru, 8 Stati Membri jesiġu l-isterilizzazzjoni filwaqt li 18-il Stat Membru jesiġu dijanjożi tas-saħħa mentali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk tali esiġenzi humiex konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora perspettiva intersezzjonali fil-ħidma futura tagħha dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI, tieħu inkonsiderazzjoni l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni trasversali li jiltaqgħu magħhom il-persuni LGBTI emarġinati u tiżviluppa miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, inkluż billi tagħmel disponibbli finanzjament għal netwerks ta' appoġġ speċifiċi ta' gruppi LGBTI emarġinati;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri bil-għan li l-azzjonijiet futuri tagħha dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI jiġu implimentati;
14. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta' prattiki tajba dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tat-tfal LGBTI jingħataw rispett, promozzjoni u protezzjoni adegwati, inkluża protezzjoni sħiħa kontra d-diskriminazzjoni;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.