Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0128/2019

Dibattiti :

PV 13/02/2019 - 20
CRE 13/02/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0130

Testi adottati
PDF 136kWORD 54k
Il-Ħamis, 14 ta' Frar 2019 - Strasburgu
Il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea
P8_TA(2019)0130RC-B8-0128/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea (2019/2574(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar l-Eliminazzjoni tal-Missili ta' Medda Intermedja u ta' Medda Iqsar tagħhom (minn hawn' il quddiem "it-Trattat INF"), iffirmat f'Washington fit-8 ta' Diċembru 1987 mill-President tal-Istati Uniti ta' dak iż-żmien, Ronald Reagan, u mill-mexxej tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbatchev(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2018 dwar iż-Żamma u l-Konformità mal-Ftehimiet u mal-Impenji dwar il-Kontroll tal-Armi, in-Nonproliferazzjoni, u d-Diżarm imħejji mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2018 mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li wissa dwar l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar 2019 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti dwar l-intenzjoni tal-Istati Uniti li jirtiraw mit-Trattat INF(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President Russu Vladimir Putin tat-2 ta' Frar 2019 li stqarr li r-Russja wkoll kienet sejra tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-Trattat INF maħruġa mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO fl-4 ta' Diċembru 2018(3),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea – Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha,

–   wara li kkunsidra l-preokkupazzjonijiet imqajma fl-2019 mill-Istati Uniti u min-NATO rigward in-nuqqas ta' konformità mat-Trattat INF min-naħa tar-Russja, b'referenza partikolari għas-sistema tal-missili ġdida 9M729 tagħha, l-aktar reċentement fid-dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2019 maħruġa mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana(4),

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fis-seba' Konferenza tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm, li saret fi Brussell fit-18 u d-19 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fi Brussell fl-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tan-NU għad-Diżarm(6),

–  wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 tan-NU, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress annwali tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva tat-18 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) tal-1968, bl-obbligi li jimponi fuq l-istati kollha li jaħdmu favur id-diżarm nukleari b'intenzjoni tajba u jtemmu t-tellieqa tal-armi nukleari,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari (TPNW) adottat fis-7 ta' Lulju 2017 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari(8),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (8079/15),

–  wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi tal-2017 mogħti lill-Kampanja Internazzjonali għall-Abolizzjoni tal-Armi Nukleari (ICAN), u d-dikjarazzjoni tagħha tat-1 ta' Frar 2019 intitolata "Irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat INF jqiegħed l-Ewropa (u d-dinja) f'riskju",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat INF, iffirmat fl-1987 mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Sovjetika, kien ftehim uniku fl-era tal-Gwerra l-Bierda, peress li obbliga liż-żewġ partijiet jeqirdu (u mhux biss jillimitaw) il-ħażniet tagħhom ta' missili terrestri ballistiċi u ta' kruċiera b'armi nukleari u konvenzjonali li jwasslu bejn 500 km u 5 500 km, filwaqt li pprojbixxielhom li jippossjedu, jipproduċu u jittestjaw it-titjir ta' dawn il-missili,

B.  billi, sa Mejju 1991, 2 692 missila kienu ġew eliminati skont it-termini tat-Trattat; billi mbagħad, fl-għaxar snin ta' wara, saru spezzjonijiet fil-post; billi, bis-saħħa tat-Trattat INF, fl-aħħar mill-aħħar tneħħew aktar minn 3 000 missila b'testati nukleari;

C.  billi t-Trattat INF ikkontribwixxa għat-trażżin tal-kompetizzjoni strateġika bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika, u sussegwentement il-Federazzjoni Russa, u għall-bini u t-tisħiħ tal-istabbiltà fl-era tal-Gwerra l-Bierda; billi l-Ewropa kienet il-benefiċjarju prinċipali tat-Trattat INF, li kellu rwol fundamentali fiż-żamma tas-sigurtà tagħha għal aktar minn tliet deċennji; billi t-Trattat għadu pilastru tal-paċi u tal-istabbiltà internazzjonali, b'mod partikolari bħala parti mill-arkitettura tas-sigurtà Ewropea;

D.  billi, fl-2014, l-amministrazzjoni ta' Obama stqarret li r-Russja kienet "fi ksur tal-obbligi tagħha skont it-Trattat INF li ma tippossjedix, ma tipproduċix u ma tittestjax fit-titjir missila ta' kruċiera terrestri (GLCM) li kapaċi twassal bejn 500 km u 5 500 km, jew li tipposjedi jew tipproduċi apparat li jispara tali missili"; billi rapporti sussegwenti, ippubblikati mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2018, tennew l-akkużi tal-Istati Uniti li r-Russja kienet baqgħet tikser it-Trattat;

E.  billi l-Istati Uniti u n-NATO darba wara l-oħra saqsew lir-Russja dwar l-attivitajiet tagħha ta' żvilupp tal-missili, b'mod partikolari rigward is-sistema tal-missili 9M729, li jqisu li tikser it-Trattat INF;

F.  billi, f'Diċembru 2017, fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tat-Trattat, l-amministrazzjoni tal-President Trump ħabbret "strateġija integrata" ta' miżuri diplomatiċi, militari u ekonomiċi, maħsuba biex treġġa' lir-Russja fil-konformità mat-Trattat; billi dawn il-miżuri kienu jinkludu sforzi diplomatiċi permezz tal-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika, il-varar ta' programm ta' riċerka u żvilupp militari, u miżuri ekonomiċi kontra entitajiet Russi involuti fl-iżvilupp u fil-produzzjoni tal-missila mhux konformi;

G.  billi l-Istati Uniti u r-Russja naqsu milli jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet reċiproċi tagħhom permezz ta' djalogu diplomatiku; billi l-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika stabbilita fil-qafas tat-Trattat biex tindirizza, fost affarijiet oħra, kwistjonijiet ta' konformità, ma tlaqqgħetx;

H.  billi, fl-20 ta' Ottubru 2018, il-President Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienu se jirtiraw mit-Trattat, minħabba n-nuqqas ta' konformità min-naħa tar-Russja u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni taċ-Ċina; billi, fl-4 ta' Diċembru 2018, wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Mike Pompeo, ħabbar li l-Istati Uniti kienu kkonstataw li r-Russja kienet fi ksur materjali tat-Trattat u li, b'effett fi żmien 60 jum, kienu se jissospendu l-obbligi tagħhom bħala rimedju, dment li r-Russja ma terġax lura għal konformità sħiħa u verifikabbli;

I.  billi, fl-1 ta' Frar 2019, l-Istati Uniti ħabbru, wara l-iskadenza ta' 60 jum mogħtija lir-Russja biex tirritorna għal konformità sħiħa, li kienu se jissospendu l-obbligi tagħhom skont it-Trattat INF u jibdew il-proċess tal-irtirar minnu, dment li r-Russja, li l-Istati Uniti tal-Amerka jemmnu li tinsab fi ksur materjali tat-Trattat, ma terġax lura għall-konformità mat-termini tat-Trattat fi żmien sitt xhur; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, appella lir-Russja biex tieħu vantaġġ mill-perjodu ta' sitt xhur offrut lilha mill-Istati Uniti sabiex terġa' lura għal konformità sħiħa;

J.  billi, fl-4 ta' Diċembru 2018, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO rrikonoxxew il-vjolazzjonijiet tat-Trattat INF min-naħa tar-Russja u talbu li r-Russja terġa' lura b'urġenza għal konformità sħiħa u verifikabbli mat-Trattat;

K.  billi, fit-2 ta' Frar 2019, ir-Russja ħabbret li kienet se tissospendi t-Trattat INF u tiżviluppa tipi ġodda ta' missili; billi l-awtoritajiet Russi ripetutament qajmu preokkupazzjonijiet dwar l-installazzjonijiet missilistiċi ta' difiża tan-NATO;

L.  billi ċ-Ċina, flimkien ma' pajjiżi oħra li mhumiex firmatarji tat-Trattat INF, wettqet proliferazzjoni mifruxa tal-ħażna ta' missili tagħha, b'mod li juri l-ħtieġa għal trattat ġdid li jorbot lill-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina;

M.  billi t-tmiem potenzjali tat-Trattat jista' jwassal għal eskalazzjoni tat-tensjonijiet fost l-istati nukleari, għal malintiżi u għal tellieqa tal-armi ġdida;

N.  billi t-Trattat INF huwa pedament biex jinżammu l-istabbiltà strateġika globali, il-paċi fid-dinja u s-sigurtà reġjonali; billi l-preservazzjoni tat-Trattat tikkontribwixxi għall-isforzi biex jiġu ppreservati ftehimiet eżistenti oħra dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm, kif ukoll toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għan-negozjati dwar il-limitazzjoni tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni; billi t-tħabbiriet ta' rtirar qed iqajmu dubji dwar il-probabbiltà li ma jiġux estiżi trattati ewlenin oħra dwar il-kontroll tal-armi, bħat-Trattat bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Federazzjoni Russa dwar Miżuri għal Aktar Tnaqqis u Limitazzjoni ta' Armi Offensivi Strateġiċi ("New START"), liema nuqqas ta' estensjoni jagħmel ħsara serja lir-reġim internazzjonali għall-kontroll tal-armi li pprovda għaxriet ta' snin ta' stabbiltà rigward l-armi nukleari, hekk li jħalli lid-dinja mingħajr ebda limitu vinkolanti bil-liġi u verifikabbli dwar l-arsenali nukleari;

O.  billi t-Trattat tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari ġie miftuħ għall-iffirmar mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Settembru 2017 u sal-lum ġie ffirmat minn 70 stat, li minnhom 21 saru Stati Partijiet permezz ta' ratifika, u billi wieħed minn dawn il-pajjiżi, l-Awstrija, huwa Stat Membru tal-UE, filwaqt li l-Irlanda aktarx tippreżenta l-istrumenti ta' ratifika tagħha lis-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-ftit xhur li ġejjin;

P.  billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi ICAN talbet li l-istati kollha jirratifikaw it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari;

1.  Jappoġġja l-konformità mat-Trattat INF, u l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tiegħu; ifakkar fil-kontribut vitali li għamel għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja u għad-diżarm u għan-nonproliferazzjoni globali;

2.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-ksur tat-Trattat, u t-tħabbiriet sussegwenti mill-Istati Uniti u mir-Russja dwar is-sospensjoni tal-obbligi tagħhom skont it-Trattat u dwar l-irtirar tagħhom minnu f'perjodu ta' sitt xhur; jissottolinja li dawn l-iżviluppi jirrappreżentaw theddida għall-interessi ta' sigurtà l-aktar vitali tal-Ewropa, kif ukoll għas-sigurtà u għall-paċi fl-Ewropa u fid-dinja; jibża' li dawn l-azzjonijiet jistgħu jirriżultaw f'kalkoli u f'perċezzjonijiet żbaljati li jwasslu għal deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja, eskalazzjoni tat-tensjonijiet, intensifikazzjoni tat-theddidiet u tar-riskji nukleari u militari, u ritorn possibbli ta' tlielaq tal-armi destabbilizzanti, li jkunu ta' ħsara għas-sigurtà u għall-istabbiltà strateġika tal-Ewropa;

3.  Jesprimi kundanna fil-konfront tar-Russja talli baqgħet tikser it-termini tat-Trattat;

4.  Jitlob li r-Russja, bħala risposta għall-ksur kontinwu tat-termini tat-Trattat min-naħa tagħha, terġa' lura għal konformità sħiħa u verifikabbli sabiex tindirizza l-preokkupazzjonijiet li qajmu l-Istati Uniti u n-NATO, u jħeġġeġ lir-Russja biex tikkommetti ruħha favur il-futur fit-tul tal-ftehim;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' trasparenza sħiħa u djalogu fl-interess tal-bini tal-fiduċja u tal-kunfidenza fl-implimentazzjoni tat-Trattat INF u ta' kwalunkwe ftehim ieħor li jirfed l-istabbiltà strateġika u s-sigurtà; fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jistieden kemm lir-Russja kif ukoll lill-Istati Uniti biex isolvu l-allegazzjonijiet rispettivi dwar il-konformità, jidħlu fi djalogu kostruttiv taħt l-awspiċji tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tal-Kummissjoni Speċjali ta' Verifika jew ta' fora xierqa oħra, bil-għan li jbaxxu t-tensjonijiet, fil-qies tal-interessi u tal-preokkupazzjonijiet taż-żewġ partijiet, u li jwettqu negozjati b'intenzjoni tajba biex jissalvagwardjaw it-Trattat INF qabel l-irtirar effettiv f'Awwissu 2019, filwaqt li jtejbu t-trasparenza u l-monitoraġġ reċiproku u jiksbu regoli u garanziji aktar b'saħħithom dwar il-kapaċitajiet tagħhom rigward il-missili u l-armi nukleari rispettivi tagħhom;

6.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex tutilizza t-tieqa ta’ sitt xhur ħalli tuża l-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħha bil-għan li tidħol fi djalogu mal-Istati Partijiet tal-INF sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja transfruntiera, filwaqt li toffri l-għarfien espert u l-esperjenza ta' medjazzjoni tal-UE, bil-ħsieb li jiġi evitat l-irtirar kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tar-Russja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex tirsisti favur il-preservazzjoni u l-iżvilupp tat-Trattat INF u tagħti bidu għal negozjati għal trattat multilaterali għal din il-kategorija ta’ missili; jitlob li l-VP/RGħ tiżgura li l-UE taġixxi bħala fornitur proattiv u kredibbli ta' sigurtà, inkluż għall-viċinat tagħha, u li tassumi rwol qawwi u kostruttiv biex tiżviluppa u ssaħħaħ l-isforzi globali tan-nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi u l-arkitettura ta' diżarm ibbażati fuq ir-regoli;

7.  Jenfasizza li l-futur inċert tat-Trattat INF ma għandux jipperikola ftehimiet oħra dwar il-kontroll tal-armi; iħeġġeġ, b’mod partikolari, lill-Istati Uniti u lir-Russja biex jestendu l-ftehim New START, li jillimita l-għadd ta’ testati strateġiċi skjerati fuq kull naħa għal-1 550, qabel ma jiskadi fl-2021;

8.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-preservazzjoni ta' reġimi internazzjonali effikaċi għall-kontroll tal-armi, għad-diżarm u għan-nonproliferazzjoni, bħala pedament tas-sigurtà dinjija u Ewropea; huwa tal-fehma li l-Ewropa jeħtiġilha tmexxi bl-eżempju sabiex tkun kredibbli u ġġib 'il quddiem dinja ħielsa mill-armi nukleari; jitlob li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu d-diżarm nukleari multilaterali prijorità tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE; ifakkar fl-impenn tiegħu favur politiki mfassla biex nimxu 'l quddiem bit-tnaqqis u bl-eliminazzjoni tal-ħażniet nukleari kollha;

9.  Jemmen li s-sigurtà Ewropea għandha tibqa' indiviżibbli; jitlob li l-Istati Membri kollha tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO jaġixxu b'mod konsegwenti; jitlob li l-VP/RGħ tiżviluppa valutazzjoni komuni tat-theddidiet li tanalizza l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tal-UE jekk jagħti l-każ li l-protezzjoni li t-Trattat INF jipprovdi lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha ma tibqax tapplika, u tirrapporta lura lill-Parlament fil-waqt, skont l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wara dan tiżviluppa strateġija ta’ diżarm nukleari kredibbli u ambizzjuża bbażata fuq multilateraliżmu effikaċi;

10.  Jitlob li l-VP/RGħ tressaq proposti biex timmobilizza fondi tal-UE u ssaħħaħ il-bażi ta' għarfien u kompetenza tal-Unjoni rigward in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kapaċitajiet umani biex tanalizza t-theddidiet li jirriżultaw mill-armi nukleari; jitlob li l-VP/RGħ tippreżenta pjanijiet prudenti għall-prevenzjoni tal-użu mhux intenzjonat jew aċċidentali tal-armi nukleari;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Membri tal-Kungress tal-Istati Uniti, lill-President tal-Federazzjoni Russa, u lill-Membri tad-Duma u tal-Kunsill Federali tar-Russja.

(1) https://treaties.un.org/doc/Publication/UNTS/Volume%201657/v1657.pdf
(2) https://www.state.gov/secretary/remarks/2019/02/288722.htm
(3) https://www.nato.int/cps/en/natohq/official_texts_161122.htm
(4) https://www.nato.int/cps/en/natohq/news_162996.htm
(5) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.
(6) https://front.un-arm.org/documents/SG+disarmament+agenda_1.pdf
(7) https://sustainabledevelopment.un.org/sdg16
(8) ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 77.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza