Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2002(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0165/2019

Testi mressqa :

A8-0165/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0135

Testi adottati
PDF 124kWORD 49k
It-Tlieta, 12 ta' Marzu 2019 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Monika Hohlmeier
P8_TA(2019)0135A8-0165/2019

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Monika Hohlmeier (2019/2002(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Monika Hohlmeier, imressqa fis-27 ta' Novembru 2018 mill-Uffiċju tal-Prosekutur Ġenerali ta' Cobourg b'rabta ma' proċediment ta' inkjesta preliminari, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Monika Hohlmeier għad-dritt għal smigħ tagħha, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0165/2019),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali ta' Cobourg bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Monika Hohlmeier, Membru tal-Parlament Ewropew għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rigward ksur fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż; b'mod partikolari, il-proċediment jikkonċerna reat ta' ħarba;

B.  billi fl-4 ta' Settembru 2018, madwar it-tlieta ta' filgħaxija, Monika Hohlmeier ippruvat tipparkja l-karozza tagħha f'post ta' parkeġġ f'Lichtenfels (il-Ġermanja); billi l-parti ta' quddiem tal-karozza laqtet il-wara ta' karozza oħra li kienet ipparkjata, u dan ikkawża danni għall-karozza l-oħra li ġew stmati li jammontaw għal madwar EUR 287,84; billi Monika Hohlmeier sussegwentement telqet mis-sit tal-inċident, mingħajr ma għamlet arranġament biex tħallas għad-danni;

C.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju nazzjonali, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tal-pajjiż tagħhom;

D.  billi l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiddisponi li għal att li għalih hija prevista sanzjoni, membru jista' jinżamm responsabbli jew jiġi arrestat biss wara l-awtorizzazzjoni tal-Bundestag, ħlief jekk jinqabad in flagrante delicto jew l-għada tal-ġurnata li fiha ikun wettaq dan l-att;

E.  billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Membru biex jieħu d-deċiżjoni dwar jekk ineħħix l-immunità tiegħu(2);

F.  billi r-reat allegat la għandu rabta diretta jew evidenti mal-qadi minn Monika Hohlmeier tal-funzjonijiet tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-qadi tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett fondat u preċiż biżżejjed li l-kawża tressqet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Monika Hohlmeier;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Monika Hohlmeier.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, EU:T:2008:440, punt 28.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza