Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Dominique Bilde (2018/2267(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Dominique Bilde, imressqa fid-19 ta' Ottubru 2018 mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża fuq il-bażi ta' talba li saret mill-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi, u mħabbra fis-seduta plenarja tat-12 ta' Novembru 2018, b'rabta ma' kawża pendenti quddiem il-Maġistrati Inkwirenti dwar inkjesta ġudizzjarja għal motivi tar-reati allegati ta' ksur ta' fiduċja, ħabi ta' ksur ta' fiduċja, frodi minn grupp organizzat, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti falsifikati, u xogħol moħbi permezz tal-ħabi ta' impjegati, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-assistenti parlamentari,
– wara li sema' lil Jean-François Jalkh, li kien qed jissostitwixxi lil Dominique Bilde, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0166/2019),
Α. billi l-Maġistrati Inkwirenti fil-Qorti Reġjonali ta' Pariġi talbu t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Dominique Bilde sabiex jisimgħuha b'rabta mar-reati allegati;
Β. billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Dominique Bilde hija relatata ma' reati allegati ta' ksur ta' fiduċja, ħabi ta' ksur ta' fiduċja, frodi minn grupp organizzat, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti falsifikati, u xogħol moħbi permezz tal-ħabi ta' impjegati, b'rabta mal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta' assistenti tal-Membri tal-Parlament Ewropew affiljati mal-Front National;
C. billi fil-5 ta' Diċembru 2016 inbdiet investigazzjoni ġudizzjarja wara investigazzjoni preliminari mibdija wara denunzja mill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien tad-9 ta' Marzu 2015 dwar ċertu numru ta' assistenti parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew affiljati mal-Front National;
D. billi waqt perkwiżizzjoni li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Front National fi Frar 2016, ġew issekwestrati għadd ta' dokumenti fl-uffiċċju tat-teżorier tal-Front National, li taw prova tax-xewqa ta' dan il-partit li "jnaqqas l-ispejjeż" bis-saħħa tal-ħlas mill-Parlament Ewropew tar-remunerazzjoni ta' impjegati tal-partit abbażi tal-kariga tagħhom ta' assistenti parlamentari; billi, f'dan l-istadju tal-investigazzjoni, irriżulta li 8 assistenti parlamentari ma wettqu kważi l-ebda xogħol ta' assistenza parlamentari jew wettquh biss f'proporzjon żgħir ħafna mit-totalità ta' dmirijiethom;
E. billi rriżulta li l-assistent parlamentari ta' Dominique Bilde mill-1 ta' Ottubru 2014 sal-31 ta' Lulju 2015 kien wieħed mill-assistenti li ma kellu kważi l-ebda xogħol ta' assistenza parlamentari; billi fl-organigramma tal-Front National ippubblikata fi Frar 2015, it-titlu tal-kariga tal-assistent parlamentari ta' Dominique Bilde kien "uffiċjal nazzjonali għall-pjanifikazzjoni" u kien jaħdem fl-Unità tal-Monitoraġġ u l-Pjanifikazzjoni tal-Politika taħt ir-responsabbiltà ta' Membru ieħor tal-Parlament Ewropew; billi l-kuntratt tiegħu bħala assistent parlamentari kien segwit minn żewġ kuntratti oħra relatati mal-attivitajiet tal-Front National għall-perjodu li beda minn Awwissu 2015 sal-31 ta' Diċembru 2016; billi matul il-perjodu kopert mill-kuntratt tiegħu bħala assistent parlamentari, huwa kien wettaq ukoll il-kompiti li ġejjin: Segretarju Ġenerali tal-grupp Collectif Marianne, Segretarju Ġenerali tal-grupp Collectif Mer et Francophonie u kandidat għall-elezzjonijiet dipartimentali f'Marzu 2015 fid-dipartiment ta' Doubs;
F. billi l-Parlament Ewropew issospenda l-ħlas tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari relatati mal-kuntratt tal-assistent parlamentari ta' Dominique Bilde;
G. billi l-Maġistrati Inkwirenti jqisu li huwa meħtieġ li jisimgħu lil Dominique Bilde;
H. billi Dominique Bilde rrifjutat li twieġeb għall-mistoqsijiet tal-investigaturi meta nstemgħet minnhom f'Awwissu 2017 u rrifjutat li tidher quddiem il-Maġistrati Inkwirenti għall-smigħ preparatorju, li kellu jsir fl-24 ta' Novembru 2017, għall-akkuża tagħha ta' abbuż ta' fiduċja, billi invokat l-immunità parlamentari tagħha;
I. billi bil-ħsieb li ssir l-interrogazzjoni ta' Dominique Bilde b'rabta mal-akkużi miġjuba kontriha, l-awtorità kompetenti ressqet rikors biex l-immunità tagħha titneħħa;
J. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;
K. billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża tiddikjara li "L-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jiġi arrestat jew soġġett għal kwalunkwe miżura oħra li tneħħilu l-libertà jew tirristrinġilu dik il-libertà għal delitt kriminali serju jew reat serju ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea li tagħha jkun membru. Din l-awtorizzazzjoni mhijiex meħtieġa fil-każ ta' delitt serju jew reat serju ieħor imwettaq in flagrante delicto jew meta kundanna tkun saret definittiva";
L. billi ma hemm l-ebda evidenza ta' kwalunkwe motiv biex wieħed jissuspetta fumus persecutionis;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Dominique Bilde;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Dominique Bilde.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.