Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 li testendi l-Artikolu 159 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sal-aħħar tad-disa' leġiżlatura (2019/2545(RSO))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1 tal-Kunsill, tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005(2) u (UE, Euratom) 2015/2264(3)
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Multilingwiżmu adottat mill-Bureau fis-16 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014(4) li testendi l-applikabilità tal-Artikolu 159 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sa tmiem it-tmien leġiżlatura u d-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Bureau li jestendu d-deroga mill-Artikolu 158 sal-aħħar ta' din il-leġiżlatura,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-Artikolu 158, id-dokumenti kollha tal-Parlament għandhom jitfasslu fil-lingwi uffiċjali, u l-Membri kollha għandhom id-dritt li fil-Parlament jitkellmu bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom, b'interpretazzjoni pprovduta fil-lingwi uffiċjali l-oħra;
B. billi, skont l-Artikolu 159, huwa permess li jingħataw derogi mill-Artikolu 158 sa tmiem it-tmien leġiżlatura jekk, u wara li, minkejja t-teħid ta' prekawzjonijiet xierqa, il-lingwisti meħtieġa għal lingwa uffiċjali ma jkunux disponibbli fl-għadd meħtieġ; billi, fir-rigward ta' kull lingwa uffiċjali li għaliha deroga hija kkunsidrata meħtieġa, il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-arranġamenti speċjali temporanji adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tat-Trattati li jikkonċernaw l-abbozzar ta' atti legali, huwa meħtieġ jivverifika jekk il-kundizzjonijiet humiex issoddisfati u jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu kull sitt xhur;
C. billi r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 u (UE, Euratom) 2015/2264 jipprevedu restrizzjoni gradwali tad-deroga fir-rigward tal-Irlandiż u, fin-nuqqas ta' Regolament ieħor tal-Kunsill li jiddikjara mod ieħor, l-iskadenza ta' dik id-deroga mill-1 ta' Jannar 2022;
D. billi, minkejja l-prekawzjonijiet kollha xierqa, il-kapaċità tal-Irlandiż u tal-Malti mhijiex mistennija li tkun tali li tippermetti servizz sħiħ ta' interpretazzjoni f'dawk il-lingwi mill-bidu tad-disa' leġiżlatura;
E. billi, minkejja sforzi istituzzjonali bla heda u kontinwi u progress sinifikanti, in-numru ta' tradutturi għall-Irlandiż għadu mistenni li jkun tant limitat li, sa fejn wieħed jista' jbassar, ma tistax tiġi żgurata kopertura sħiħa ta' dik il-lingwa skont l-Artikolu 158; billi, skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 u (UE, Euratom) 2015/2264, numru dejjem jikber ta' atti legali għandu jiġi tradott bl-Irlandiż, li jnaqqas il-possibbiltà li dokumenti parlamentari oħra jiġu tradotti f'dik il-lingwa;
F. billi l-Artikolu 159(4) jipprevedi li abbażi ta' rakkomandazzjoni motivata mill-Bureau, il-Parlament jista' jiddeċiedi, fl-aħħar tal-leġiżlatura, li jestendi dak l-Artikolu;
G. billi, fid-dawl tal-informazzjoni ta' hawn fuq, il-Bureau rrakkomanda li l-Artikolu 159 jiġi estiż sal-aħħar tad-disa' leġiżlatura;
1. Jiddeċiedi li jestendi l-Artikolu 159 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sal-aħħar tad-disa' leġiżlatura;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li jintroduċi miżuri derogatorji temporanji għal dawk ir-Regolamenti (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3).
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264 tat-3 ta' Diċembru 2015 li jestendi u li jelimina gradwalment il-miżuri derogatorji temporanji tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 1).