Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (COM(2016)0007 – C8-0012/2016 – 2016/0002(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, punt (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0012/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0219/2016),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI