Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2017)0637 – C8-0379/2017 – 2015/0288(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2015)0635) u l-proposta emendata (COM(2017)0637),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0379/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mis-Senat Franċiż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016(1) u tal-15 ta' Frar 2018(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-6 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0043/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE