Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2175(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0116/2019

Testi mressqa :

A8-0116/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.12

Testi adottati :

P8_TA(2019)0253

Testi adottati
PDF 139kWORD 53k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2017: Baġit Ġenerali tal-UE - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
P8_TA(2019)0253A8-0116/2019
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2018/2175(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0326/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0116/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 28.02.2017.
(2) ĠU C 348, 28.09.2018, p. 1.
(3) ĠU C 357, 4.10.2018, p. 1.
(4) ĠU C 357, 4.10.2018, p. 9.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(6) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2018/2175(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0116/2019),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni (PBB) u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li skontha l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;

2.  Jinnota li fir-rapport annwali għall-2017, il-Qorti ma osservat ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-attivitajiet ta' akkwist tal-KEPD;

3.  Jiddispjaċih madankollu li, skont ir-rapport annwali tal-attività tal-KEPD, fl-2017 il-Qorti eżaminat pagament wieħed biss; huwa tal-fehma li anke jekk il-KEPD mhuwiex aġenzija tal-Unjoni deċentralizzata u l-baġit tiegħu jirrappreżenta perċentwal żgħir ħafna tal-baġit tal-Unjoni, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet tal-KEPD għandhom madankollu jiġu eżaminati kif xieraq mill-Qorti, mill-2018 'il quddiem, peress li t-trasparenza hija vitali għall-funzjonament xieraq ta' dan il-korp tal-Unjoni; jitlob, għaldaqstant, li l-Qorti tippubblika rapporti annwali tal-attività separati dwar il-kontijiet annwali ta' dan il-korp importanti tal-Unjoni;

4.  Jinnota li fl-2017, il-KEPD kellu baġit allokat b'total ta' EUR 11 324 735, li jirrappreżenta żieda ta' 21.93 % meta mqabbel mal-baġit tal-2016, u li l-implimentazzjoni tal-baġit f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għall-2017 ammontat għal EUR 10 075 534; jinnota bi tħassib li r-rata ta' implimentazzjoni kompliet tonqos minn 94.66 % fl-2015 u 91.93 % fl-2016 għal 89 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli fl-2017; jinnota li l-implimentazzjoni tal-baġit f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' pagament ammontat għal EUR 9 368 686,15 li jikkorrispondi għal 77 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli; jaċċentwa f'dan ir-rigward it-Titoli I u III b'rati ta' approprjazzjoni ta' 88,24 % u 73,10 %; jappella lill-KEPD jżid l-isforzi tiegħu u jiddefinixxi l-estimi baġitarji tiegħu b'mod prudenti;

5.  Jinnota li l-baġit tal-KEPD kien influwenzat sew minn żewġ bidliet leġiżlattivi prinċipali (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(1) u d-Direttiva għall-Protezzjoni tad-Data fis-Setturi tal-Pulizija u tal-Ġustizzja(2)); jinnota li l-parti l-kbira tar-riżorsi addizzjonali ġew allokati lill-KEPD biex jiġi stabbilit is-segretarjat tal-bord li għadu kemm inħoloq, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD);

6.  Jinnota l-ħidma li għaddejja tal-KEPD dwar l-introduzzjoni ta' proċeduri għal PBB u jappella għal implimentazzjoni rapida ta' dawn il-prinċipji; jinnota li l-KEPD evalwa l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) tiegħu biex jikkunsidra l-objettivi u l-prijoritajiet ġodda tiegħu abbażi tal-Istrateġija tal-KEPD għall-2015-2019; jilqa' l-fatt li l-istrateġija qiegħda fit-triq it-tajba, bil-valuri tal-maġġoranza tal-KPIs jissodisfaw jew jaqbżu l-miri rispettivi tagħhom;

7.  Jinnota li l-baġit tal-KEPD fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa amministrattiv, b'parti kbira minnu użata għan-nefqa relatata ma' persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-KEPD li jippubblika r-rapporti ta' attività annwali tiegħu sal-31 ta' Marzu bil-ħsieb li l-proċedura ta' kwittanza tkun ottimizzata u titlesta aktar malajr;

9.  Jissottolinja r-rwol dejjem aktar importanti tal-KEPD biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni; jilqa' l-attivitajiet tal-KEPD, inkluż l-għadd dejjem akbar ta' opinjonijiet dwar proposti tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni tad-data u mal-kwistjonijiet ta' privatezza, l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex iħejju għar-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data, il-parteċipazzjoni fl-ewwel rieżami konġunt tat-Tarka tal-Privatezza UE-US, u s-superviżjoni tal-Europol; jinkoraġġixxi lill-KEPD biex ikompli jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri biex tiġi żgurata superviżjoni koordinata effikaċi u biex jikkoopera fit-tħejjija għall-qafas legali ġdid;

10.  Jilqa' l-implimentazzjoni mill-KEPD ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal fil-pjan ta' stabbiliment tiegħu u jinnota li l-Qorti ma kellha ebda rimarka ulterjuri f'dan ir-rigward;

11.  Jilqa' l-inklużjoni tal-missjonijiet dettaljati li saru mill-membri tal-KEPD kif mitlub fl-aħħar riżoluzzjoni ta' kwittanza;

12.  Jilqa' l-kooperazzjoni interistituzzjonali bħal pereżempju permezz tal-Ftehimiet dwar il-Livell ta' Servizz bejn il-KEPD u Istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, l-assistenza tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet finanzjarji, kontabilistiċi u baġitarji jew il-parteċipazzjoni f'diversi sejħiet interistituzzjonali għall-offerti, b'mod partikolari fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Amministrazzjoni;

13.  Jilqa' ċ-ċarts fir-rapport ta' attività annwali li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-għadd ta' missjonijiet, id-durata medja u l-ispiża medja tal-persunal tal-KEPD u tal-Membri tiegħu; jinnota l-inklużjoni ta' tabella komparattiva dwar l-akkwist kif mitlub fir-rapport ta' kwittanza tal-2016;

14.  Jiddispjaċih li l-KEPD m'għandux sistema awtomatika biex joħroġ informazzjoni relatata mar-riżorsi umani; jinkoraġġixxi lill-KEPD jilħaq malajr ftehim mal-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament tal-għodda tal-IT, SYSPER għall-ġestjoni tar-riżorsi umani tiegħu;

15.  Jilqa' l-komunikazzjoni intensifikata għaċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati kif ukoll iż-żieda kostanti tas-segwaċi fi ħdan il-pjattaformi tal-midja soċjali; jilqa' wkoll it-tnedija li saret f'Marzu 2017 tas-sit web ġdid tal-KEPD;

16.  Jinnota li l-KEPD ingħata aktar spazju għax-xogħol biex ilaħħaq mal-għadd dejjem akbar ta' persunal u l-ħolqien tal-BEPD;

17.  Jilqa' l-proporzjon kbir ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali u l-miżuri biex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fl-istituzzjoni; jinnota, madankollu, li 32 % tal-persunal totali biss kienu rġiel; jissottolinja li l-miżuri li jippromwovu bilanċ bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-ġeneri kollha;

18.  Jilqa' l-ħidma tal-konsulent kunfidenzjali u l-miżuri għas-sensibilizzazzjoni dwar il-fastidju fost il-persunal tal-KEPD; iħeġġeġ lill-KEPD jimmonitorja mill-qrib l-effiċjenza tal-politika tiegħu f'dan ir-rigward, ikompli jqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u jrawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju;

19.  Jinnota li t-80 membru tal-persunal ġejjin minn total ta' 16-il Stat Membru differenti; jappella lill-KEPD biex ifittex li jkun hemm rappreżentanza proporzjonata tal-Istati Membri fl-għamla tal-persunal;

20.  Jinnota li l-kwistjoni ta' "revolving doors" ġiet ittrattata fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-Membri tal-KEPD; jilqa' l-fatt li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-KEPD huma disponibbli fuq is-sit web tal-istituzzjoni; jinkoraġġixxi lill-KEPD jiżgura li jkun trasparenti fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu u jkollu skambju tal-aħjar prattiki ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

21.  Jilqa' l-informazzjoni disponibbli dwar il-miżuri ta' kontroll intern; jilqa' s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern li jirriżulta mill-Awditu Intern Annwali għall-2016 u li t-tliet rakkomandazzjonijiet pendenti dalwaqt ser jingħalqu;

22.  Jilqa' l-qafas tal-Etika tal-KEPD li jikkonċerna lill-Kontrollur u l-membri kollha tas-Segretarjat fir-relazzjonijiet tagħhom ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni u ma' partijiet ikkonċernati oħra; jilqa' l-istabbiliment formali tal-pożizzjoni tal-Uffiċjal tal-Etika tal-KEPD; jinkoraġġixxi l-isforzi tal-KEPD sabiex jallinja l-Kodiċi ta' Kondotta ma' xejriet ġodda u mal-aħjar prattiki;

23.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni dwar proċeduri interni għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta pprovduta mill-KEPD fil-kuntest tal-Kwittanza 2017; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-proċeduri neċessarji jkunu fis-seħħ u li l-persunal kollu jiġi informat b'mod xieraq dwar id-drittijiet tiegħu, sabiex tinbena kultura ta' fiduċja fi ħdan l-istituzzjoni;

24.  Jinnota li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea mhu ser ikollha ebda impatt dirett fuq l-organizzazzjoni finanzjarja, umana jew strutturali tal-KEPD; jilqa' d-deċiżjoni tal-KEPD li jżomm l-erba' membri Brittaniċi tal-persunal tiegħu.

(1) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(2) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza