Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2210(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0140/2019

Testi mressqa :

A8-0140/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.13

Testi adottati :

P8_TA(2019)0254

Testi adottati
PDF 174kWORD 62k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu
Kwittanza 2017: Rapport dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll
P8_TA(2019)0254A8-0140/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll (2018/2210(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2018)0545),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri(1) dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3), u b'mod partikolari l-Artikoli 68 u  70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 110 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0140/2019),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni fiha, għal kull korp fis-sens tal-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046, osservazzjonijiet trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza skont l-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u t-Taqsima V tal-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

B.  billi r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali (IIWG2) dwar ir-riżorsi tal-aġenziji deċentralizzati ġew approvati mill-Konferenza tal-Presidenti fit-18 ta' Jannar 2018; ifakkar fis-sitt rakkomandazzjonijiet li ħarġu taħt il-mandat tiegħu, b'mod speċifiku fir-rigward tal-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal, it-trattament ta' kompiti ġodda, l-evalwazzjoni regolari tal-aġenziji, il-kondiviżjoni tas-servizzi, l-evalwazzjoni ta' aġenziji b'diversi postijiet u l-aġenziji ffinanzjati mit-tariffi;

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza, l-effikaċja, l-ekonomija u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jenfasizza li l-aġenziji għandhom viżibilità għolja ħafna fl-Istati Membri u għandhom influwenza sinifikanti fuq it-tfassil tal-politiki, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta' programmi f'oqsma ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini Ewropej, bħal pereżempju s-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa, ir-riċerka, l-affarijiet ekonomiċi, l-ambjent, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-enerġija, it-trasport, il-libertà u l-ġustizzja; itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; ifakkar li r-raġunijiet ewlenin għall-istabbiliment tal-aġenziji kienu għall-fini tat-tħaddim tas-sistemi tal-Unjoni, għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Ewropew u biex iwettqu valutazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi indipendenti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-prestazzjoni ġenerali effikaċi tal-aġenziji u l-progress li sar fit-tisħiħ tal-viżibilità tagħhom għaċ-ċittadini Ewropej;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ("il-Qorti") dwar l-aġenziji tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), il-Qorti ħarġet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha; josserva li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO); jinnota b'dispjaċir li fir-rigward tal-pagamenti tal-EASO, il-Qorti ħarġet opinjoni avversa;

3.  Jinnota li għat-32 aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, il-baġits tal-2017 ammontaw għal madwar EUR 2,35 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, jiġifieri żieda ta' madwar 13,36 % meta mqabbla mal-2016, u għal EUR 2,24 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, jiġifieri żieda ta' 10,31 % meta mqabbla mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li mit-EUR 2,24 biljun, madwar EUR 1,62 biljun ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, u dan jirrappreżenta 72,08 % tal-finanzjament totali tal-aġenziji fl-2017 (meta mqabbel ma' 69,81 % fl-2016); jirrikonoxxi, barra minn hekk, li madwar EUR 627 miljun ġew iffinanzjati minn tariffi u imposti u minn kontribuzzjonijiet diretti mill-pajjiżi parteċipanti;

4.  Ifakkar fit-talba tiegħu li l-proċedura ta' kwittanza tiġi ssimplifikata u aċċellerata bl-għan li d-deċiżjoni dwar l-għoti ta' kwittanza tittieħed fis-sena immedjatament wara dik li għaliha tingħata l-kwittanza, filwaqt li l-proċedura tingħalaq fi żmien sena wara s-sena kontabilistika inkwistjoni; jilqa' f'dan ir-rigward l-isforzi pożittivi mwettqa u l-kooperazzjoni tajba man-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea ("in-Netwerk") u l-aġenziji individwali, u b'mod partikolari l-Qorti, fatt li juri potenzjal ċar għas-semplifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċedura min-naħa tagħhom; japprezza l-progress li sar s'issa u jistieden lill-atturi rilevanti kollha jkomplu bl-isforzi tagħhom favur il-progress ulterjuri tal-proċedura;

Riskji ewlenin identifikati mill-Qorti

5.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għall-affidabbiltà tal-kontijiet huwa wieħed baxx għall-aġenziji kollha, billi l-kontijiet tal-aġenziji huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà aċċettati internazzjonalment, u fid-dawl tal-fatt li fil-passat kien hemm biss ftit żbalji materjali;

6.  Jinnota li skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa wieħed medju, li jvarja minn baxx sa għoli għal titoli speċifiċi tal-baġit; jinnota li r-riskju għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) huwa ġeneralment baxx, għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) ir-riskju hu meqjus li huwa wieħed medju, u għat-Titolu III (nefqa operattiva) ir-riskju huwa meqjus li jvarja minn baxx għal għoli, skont l-aġenziji u n-natura tan-nefqa operattiva tagħhom; jirrimarka li normalment s-sorsi ta' riskju jirriżultaw mill-akkwist u l-pagamenti tal-għotjiet;

7.  Josserva li skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riskju għal ġestjoni finanzjarja tajba huwa wieħed medju u prinċipalment huwa identifikat fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informatika (IT) u tal-akkwist pubbliku; jiddispjaċih li l-IT u l-akkwist pubbliku għadhom oqsma suxxettibbli għall-iżbalji;

8.  Jenfasizza li, minn perspettiva usa', l-għadd ta' aġenziji żgħar, kull waħda bl-istrutturi u l-proċeduri amministrattivi proprja, jikkostitwixxi riskju ta' ineffiċjenza amministrattiva u jaf iwassal għal trikkib ta' metodi inkoerenti, sakemm ma tiġix żgurata l-armonizzazzjoni u sakemm ir-riżorsi ma jiġux kondiviżi b'mod effiċjenti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

9.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2017, l-għadd ta' osservazzjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti naqas għal tmienja, minn 11 fl-2016, u dan juri l-isforzi kontinwi tal-aġenziji biex jikkonformaw mar-Regolament Finanzjarju;

10.  Jappella lill-Kummissjoni, lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali biex jaħdmu flimkien u jipprovdu feedback kostruttiv matul in-negozjati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020, u biex jesploraw sorsi ġodda ta' finanzjament għall-aġenziji flimkien mal-kontribuzzjonijiet eżistenti mill-baġit tal-Unjoni; jinsisti li d-deċiżjonijiet futuri dwar ir-riżorsi m'għandhomx isiru fuq bażi globali, iżda minflok għandhom jintrabtu mal-kompiti li l-aġenziji huma inkarigati jwettqu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-kooperazzjoni u r-raggruppamenti tematiċi tal-aġenziji skont l-oqsma ta' politika;

11.  Jinnota li r-rapporti awditjati tal-implimentazzjoni baġitarja ta' ċerti aġenziji huma differenti mil-livell ta' dettall ipprovdut mill-parti l-kbira tal-aġenziji l-oħra, u dan juri li hemm ħtieġa ta' linji gwida ċari dwar ir-rappurtar tal-baġit mill-aġenziji; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-preżentazzjoni u r-rapportar tal-kontijiet; josserva diskrepanzi f'xi informazzjoni u dokumenti żvelati mill-aġenziji, speċjalment fir-rigward ta' ċifri relatati mal-persunal, inkluż f'rapporti dwar it-tabella tal-persunal (postijiet mimlija, jew postijiet massimi awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni); jirrimarka li fir-rapporti tagħhom xi aġenziji ma ddikjarawx b'mod ċar l-indikaturi tal-prestazzjoni baġitarja użati u li l-aġenziji mhux dejjem ikkalkolaw l-ammonti u l-perċentwali rispettivi b'mod koerenti bl-użu tal-istess elementi għall-kalkolu; jappella lill-Kummissjoni, lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jaħdmu fuq indikaturi simplifikati u armonizzati u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex fis-snin li ġejjin tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza, b'mod awtomatiku, il-baġit uffiċjali (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament) u ċ-ċifri tal-persunal (tabella tal-persunal, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati fil-31 ta' Diċembru tas-sena inkwistjoni) tat-32 aġenzija deċentralizzata;

12.  Ifakkar fil-proposta min-Netwerk fir-rigward tar-rappurtar tar-riporti kkanċellati li jkunu ogħla minn 5 % tal-baġit totali tas-sena preċedenti; jemmen madankollu li r-rapportar tas-sehem ta' riporti kkanċellati fuq l-ammont totali riportat mis-sena N-2 għas-sena N-1 jikkostitwixxi indikatur aktar rilevanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' annwalità tal-baġit; jenfasizza li l-livell ta' kanċellazzjonijiet ta' riporti huwa indikattiv ta' kemm l-aġenziji antiċipaw b'mod korrett il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom; jistieden lill-Qorti u lill-Kummissjoni jipproponu u jiddefinixxu formula konsistenti għall-kalkolu tar-riporti kkanċellati u jappella lill-aġenziji jinkludu din l-informazzjoni fir-Rapporti Annwali Kkonsolidati tal-Attività rispettivi tagħhom għas-snin finanzjarji li ġejjin;

13.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari tar-riporti aċċettabbli sabiex jiġi ssimplifikat ir-rapportar tal-Qorti u tal-aġenziji dwar din il-kwistjoni kif ukoll biex l-awtorità tal-kwittanza tkun tista' tiddistingwi bejn ir-riporti li jindikaw ippjanar baġitarju ta' livell baxx, u r-riporti użati bħala għodda baġitarja li jsostnu lill-programmi pluriennali u l-ippjanar tal-akkwist;

Prestazzjoni

14.  Iħeġġeġ lill-aġenziji u lill-Kummissjoni biex japplikaw il-prinċipju ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, biex b'mod konsistenti jfittxu l-aktar modi effikaċi li jagħtu valur miżjud, u biex jesploraw aktar il-possibbiltà ta' titjib fl-effiċjenza fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-aġenziji stabbilew in-Netwerk bħala pjattaforma ta' kooperazzjoni interaġenzjali biex tiżdied il-viżibilità tal-aġenziji, tiġi identifikata u promossa l-possibbiltà ta' titjib fl-effiċjenza u biex jissaħħaħ il-valur miżjud; jirrikonoxxi l-valur miżjud tan-Netwerk fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament u jilqa' l-isforzi tiegħu fil-koordinazzjoni, fil-ġbir u l-konsolidazzjoni ta' azzjonijiet u fl-informazzjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; japprezza, barra minn hekk, il-gwida li jipprovdi n-Netwerk lill-aġenziji fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kapaċità biex jippjanaw, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar ir-riżultati, il-baġit u r-riżorsi użati;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li xi aġenziji jikkooperaw skont il-gruppi tematiċi tagħhom, bħalma huma l-aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni(5) u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej(6); jinkoraġġixxi wkoll lil aġenziji oħrajn biex jikkooperaw aktar ma' xulxin meta jkun possibbli, mhux biss biex jistabbilixxu sinerġiji u servizzi komuni, iżda anki fl-oqsma ta' politika komuni tagħhom; jilqa' l-format aggregat il-ġdid tar-rapport tal-Qorti li jippreżenta lill-aġenziji skont l-intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u għaldaqstant jiġborhom skont l-oqsma ta' politika;

17.  Jenfasizza li għandha titqies l-effiċjenza meta l-aġenziji jiġu (ri)lokati fl-Istati Membri; jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-eżitu miksub f'dan ir-rigward tal-IIWG dwar l-aġenziji deċentralizzati, billi ma ġiet żviluppata ebda proposta speċifika biex l-aġenziji li jikkonċentraw fuq oqsma ta' politika relatati jingħaqdu jew jiġu kolokati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien, evalwazzjoni ta' dawk l-aġenziji li għandhom aktar minn sede waħda, kif rakkomandat mill-IIWG, kif ukoll proposti għall-possibbiltà ta' fużjonijiet, għeluq u/jew trasferimenti ta' kompiti lill-Kummissjoni, abbażi ta' analiżi bir-reqqa u fil-fond u bl-użu ta' kriterji ċari u trasparenti, kif kien previst fit-termini ta' referenza tat-IIWG iżda li fir-realtà qatt ma ġew eżaminati sew minħabba n-nuqqas ta' proposti f'dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni;

18.  Jiddispjaċih li, filwaqt li l-aġenziji żiedu l-użu ta' sistemi simili għall-kontabilità u l-ġestjoni tal-baġits, dawn għadhom jużaw varjetà kbira ta' soluzzjonijiet tal-IT f'oqsma ewlenin oħra, bħall-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-kuntratti u l-akkwisti; huwa tal-istess fehma bħall-Qorti li l-armonizzazzjoni ulterjuri tas-soluzzjonijiet tal-IT f'dawn l-oqsma ttejjeb il-kosteffiċjenza, tnaqqas ir-riskji ta' kontroll intern u ssaħħaħ il-governanza tal-IT;

Politika dwar il-persunal

19.  Jinnota li fl-2017, it-32 aġenzija deċentralizzata impjegaw 7 324 uffiċjal, aġent temporanju, aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat (6 941 fl-2016), u dan jirrappreżenta żieda ta' 5,52 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

20.  Jinnota li sabiex jiġġestixxu kompiti ġodda b'mod xieraq, ifittxu titjib kontinwu fl-effiċjenza, jimlew il-postijiet tax-xogħol vakanti b'mod rapidu u effikaċi kif ukoll isaħħu l-abbiltà tagħhom li jattiraw l-esperti, l-aġenziji għandhom kontinwament jimmonitorjaw u jivvalutaw il-livelli tal-persunal u l-ħtiġijiet tal-aġenziji nfushom f'termini ta' riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, u fejn meħtieġ jagħmlu talbiet rilevanti sabiex ikunu jistgħu jwettqu korrettament il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom;

21.  Ifakkar li matul il-laqgħa ta' segwitu tal-IIWG2 li saret fit-12 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat nota dwar l-evoluzzjoni tal-għadd ta' postijiet tat-tabella tal-persunal fejn qieset li t-tnaqqis tal-persunal b'5 % kien intlaħaq; jirrimarka li din il-konklużjoni ġiet appoġġjata mill-Parlament;(7)

22.  Jenfasizza li l-IIWG2 eżamina wkoll il-każ pilota EASA għall-aġenziji ffinanzjati minn tariffi; jiddikjara li anke jekk l-aġenziji jkunu kompletament iffinanzjati minn tariffi, xorta waħda jkollhom l-obbligu ta' rendikont sħiħ quddiem l-awtorità ta' kwittanza meta jitqiesu r-riskji għar-reputazzjoni li hemm involuti; jenfasizza li l-finanzjament minn tariffi għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu; jisħaq li l-finanzjament minn tariffi jista' jwassal għal kunflitti ta' interess, fluss imprevedibbli ta' introjtu u li jkun hemm ħtieġa għal indikaturi ta' kwalità tajba;

23.  Jinnota li l-Kummissjoni applikat imposta annwali addizzjonali ta' 1 % matul il-perjodu ta' ħames snin bejn l-2014 u l-2018 biex toħloq "grupp ta' ridistribuzzjoni" li minnu tkun tista' talloka l-postijiet lill-aġenziji fdati b'kompiti ġodda jew li jkunu jinsabu fil-fażi tal-bidu tagħhom(8);

24.  Josserva li l-aġenziji deċentralizzati żiedu l-użu ta' persunal kuntrattwali biex jimplimentaw kompiti ġodda u b'mod parzjali jikkumpensaw għat-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal u għall-imposta fuq il-ħolqien tal-grupp ta' ridistribuzzjoni; jistieden lin-Netwerk jiżviluppa politika ġenerali fejn ma jissostitwixxix il-persunal permanenti b'konsulenti esterni li jiswew aktar;

25.  Jinnota l-isfida ta' nuqqas ta' persunal li qegħdin jiffaċċjaw xi aġenziji, speċjalment meta jiġu attribwiti kompiti ġodda mingħajr persunal addizzjonali previst għall-implimentazzjoni tagħhom; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkunsidratx it-talba tal-aġenziji affettwati għal żieda fil-persunal tagħhom li tpoġġi f'riskju l-prestazzjoni tajba tagħhom;

26.  Jinnota bi tħassib l-għadd ta' fatturi li jxekklu l-prestazzjoni operattiva ta' ċerti aġenziji, bħad-diffikultajiet biex jiġu impjegati persuni kwalifikati fi gradi partikolari, parzjalment minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx f'ċerti Stati Membri, u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet permezz ta' proċessi ta' għotjiet li kienu twal u impenjattivi f'sens amministrattiv; jistieden lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jirrapportaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress miksub f'dan ir-rigward;

27.  Jappella lill-aġenziji kollha jiżvelaw il-livell ta' rotazzjoni tal-persunal u jindikaw b'mod ċar il-postijiet li huma effettivament okkupati sal-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja rilevanti, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà interaġenzjali;

28.  Jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ bejn il-ġeneri f'xi aġenziji; jappella lill-aġenziji kollha sabiex jaħdmu kontinwament fuq distribuzzjoni bbilanċjata fil-livelli kollha tal-persunal u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri implimentati u l-progress;

29.  Jinnota bi tħassib li l-parti l-kbira tal-aġenziji ma jippubblikawx l-avviżi ta' postijiet battala fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO); jifhem, madankollu, it-tħassib tal-aġenziji dwar l-ispejjeż għoljin tat-traduzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bord tal-impjiegi interaġenzjali mniedi u amministrat min-Netwerk u jistieden lill-aġenziji jieħdu vantaġġ sħiħ mill-pjattaforma; jappella lill-EPSO biex huwa wkoll jippromwovi l-bord tal-impjiegi tan-Netwerk fuq is-sit web ġenerali tiegħu għall-avviżi ta' postijiet battala fl-Unjoni;

30.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni jikkunsidraw l-adozzjoni ta' strateġija għad-drittijiet fundamentali, inkluża referenza għad-drittijiet fundamentali f'kodiċi ta' kondotta li jista' jiddefinixxi d-dmirijiet u t-taħriġ tal-persunal tagħhom; jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw li kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali jiġi identifikat u rrapportat, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni tal-korpi ewlenin tal-aġenziji dwar ir-riskji ta' dan il-ksur; jistabbilixxu, fejn rilevanti, il-pożizzjoni ta' uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, li jirrapporta direttament għand il-bord tat-tmexxija biex jiġi żgurat grad stabbilit ta' indipendenza fil-konfront tal-persunal l-ieħor, sabiex ikunu ċerti li t-theddid għad-drittijiet fundamentali jiġi indirizzat immedjatament u jsir aġġornament kontinwu tal-politika dwar id-drittijiet fundamentali fi ħdan l-organizzazzjoni; jiżviluppaw djalogu regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali; ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali bħala parti ċentrali tat-termini ta' referenza tal-kollaborazzjoni tal-aġenzija kkonċernata ma' atturi esterni, inkluż b'mod partikolari membri ta' amministrazzjonijiet nazzjonali li magħhom jinteraġixxu fuq livell operattiv;

31.  Jinnota bi tħassib li f'xi aġenziji kien hemm rapporti frekwenti ta' fastidju u abbuż; jemmen li għandhom jiġu implimentati politiki ta' prevenzjoni effikaċi u jinstabu proċeduri effiċjenti biex jissolvew il-problemi għall-vittmi; jappella lill-Kummissjoni biex tosserva r-regoli applikati mill-aġenziji biex tipprevjeni kwalunkwe forma ta' trattament ħażin fuq il-post;

Akkwist

32.  Jinnota bi tħassib li skont ir-rapport tal-Qorti għad hemm xi nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-akkwisti, b'14-il aġenzija juru dgħufijiet f'dan il-qasam, l-aktar b'rabta mal-akkwist ta' servizzi; josserva li s-sorsi ta' dawn id-dgħufijiet jinkludu n-nuqqas ta' bilanċ adegwat bejn il-prezz u l-kwalità fl-għoti tal-kuntratti, tfassil mhux ottimali ta' kuntratti qafas, servizzi intermedjarji mhux ġustifikati u l-użu ta' kuntratti qafas mingħajr biżżejjed dettall; jistieden lill-aġenziji jagħtu attenzjoni partikolari lill-kummenti tal-Qorti u jkomplu jtejbu l-ġestjoni tagħhom tal-akkwist pubbliku;

33.  Iqis is-sitwazzjoni fl-EASO fir-rigward tal-proċeduri tal-akkwist bħala inaċċettabbli u jistieden lill-Kummissjoni biex iġġib aktar għarfien attiv dwar il-proċeduri tal-akkwist li jwettqu l-aġenziji;

34.  Jilqa' l-fatt li l-aġenziji qegħdin jużaw dejjem iżjed il-Portal tal-Akkwist Konġunt (ir-reġistru ċentrali tal-opportunitajiet ta' akkwist konġunt) li jinsab fuq l-extranet tal-aġenziji u jinkludi funzjonalitajiet bħall-kondiviżjoni tad-dokumenti u diskussjonijiet f'forum, element li jagħmel il-komunikazzjoni fost l-aġenziji rigward is-servizzi tal-akkwist aktar trasparenti u faċli biex tiġi ġestita;

35.  Huwa tal-istess fehma bħall-Qorti rigward l-użu ta' għodod simili u soluzzjoni unika għall-akkwist ta' provvisti jew servizzi (akkwist-e) biex jinkiseb qafas tal-IT aktar armonizzat fost l-aġenziji; jappella lin-Netwerk biex jirrapporta lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress f'dan ir-rigward;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

36.  Jinnota li 77 % tal-aġenziji diġà stabbilew u implimentaw regoli interni jew linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u t-23 % l-oħra jinsabu fil-proċess li jadottawhom; iħeġġeġ lill-aġenziji l-oħra biex jistabbilixxu u jimplimentaw regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

37.  Jilqa' l-fatt li 29 aġenzija (94 %) għandhom fis-seħħ linji gwida dwar l-għoti ta' aċċess pubbliku tad-dokumenti; jistieden lill-aġenziji li fadal u li għad ma għandhomx linji gwida bħal dawn sabiex jadottawhom mingħajr aktar dewmien; japprova l-iżvilupp ta' sistemi interni stabbiliti biex jipproċessaw it-talbiet, inklużi timijiet imħarrġa apposta fl-aċċess għad-dokumenti, li jkunu dedikati għall-ipproċessar tat-talbiet li jaslu għand aġenziji li jkollhom talbiet ħafna aktar frekwenti u kumplessi; jappella lin-Netwerk jiżviluppa linji gwida komuni implimentata mill-aġenziji għall-applikazzjoni tal-aċċess pubbliku tad-dokumenti;

38.  Jinnota li d-Dikjarazzjonijiet ta' Interess (DoI) tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-maniġment superjuri jinsabu fis-seħħ kważi fl-aġenziji kollha u li dawn jiġu ppubblikati mill-parti l-kbira tal-aġenziji fuq is-sit web tagħhom, flimkien mas-CVs rilevanti; jappella lin-Netwerk biex ikompli jirrapporta lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar din il-kwistjoni; jisħaq li l-membri tal-bord tat-tmexxija u l-maniġment superjuri għandhom jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta' interess minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess; itenni li mhuwiex f'idejn il-membri jew il-maniġment li jiddikjaraw lilhom infushom barra mill-kunflitt ta' interess; ifakkar li għandu jkun korp newtrali li jivvaluta l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess;

39.  Ifakkar li għadd ta' aġenziji, b'mod partikolari dawk li joħorġu l-awtorizzazzjonijiet lil partijiet terzi biex iġibu l-prodotti fis-suq, huma vulnerabbli jekk ma jkollhomx u ma jimplimentawx regoli ċari u effikaċi biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess; jistieden lill-aġenziji kollha jipparteċipaw fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza li bħalissa huwa s-suġġett ta' negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament;

40.  Jappella lill-aġenziji jimplimentaw politika komprensiva u orizzontali dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess; u jużaw il-Politika dwar l-Indipendenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) bħala l-aħjar prattika u sistema eżemplari ta' monitoraġġ u ta' prevenzjoni ta' kull kunflitt ta' interess; ifakkar li skont din il-Politika dwar l-Indipendenza, id-dikjarazzjonijiet ta' interessi annwali tal-persunal u tal-esperti kollha kkonċernati huma obbligatorji u għandhom jiġu aġġornati jekk tinbidel is-sitwazzjoni, u kwalunkwe persuna b'interess iddikjarat fi kwistjoni tiġi eskluża mid-deċiżjoni jew l-opinjonijiet dwar dik il-kwistjoni; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-aġenziji biex jistabbilixxu Kumitat Konsultattiv dwar il-Kunflitti ta' Interess;

Kontrolli interni

41.  Jirrikonoxxi l-kumment tal-Qorti dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-uffiċjali tal-kontabbiltà billi dawn isiru responsabbli direttament lejn id-Diretturi u l-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenzija, b'rabta ma' 11-il aġenzija; jinnota t-tweġiba tan-Netwerk li tgħid li m'hemm l-ebda kuntest jew analiżi tar-riskju li jiġġustifikaw dan il-kumment; jistieden lill-Qorti u lin-Netwerk jaslu għal approċċ komuni dwar il-kwistjoni u jirrappurtaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

42.  Jinnota b'sodisfazzjon li maġġoranza kbira tal-aġenziji (28) ma jippreżentawx dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern tagħhom fir-rigward tal-pjanijiet għall-kontinwità operazzjonali tagħhom; jappella lill-aġenziji l-oħra biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom sabiex inaqqsu kull riskju potenzjali u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li jkunu ħadu;

Kummenti oħra

43.  Jirrimarka li fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit (UK) innotifika lill-Kunsill Ewropew id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni; jinnota bi tħassib li, b'differenza mill-parti l-kbira tal-aġenziji l-oħra, ħames aġenziji ma wettqux analiżi komprensiva tal-impatt probabbli tal-irtirar tar-Renju Unit fuq l-organizzazzjoni, l-operati u l-kontijiet tagħhom;

44.  Jinnota l-ftehim milħuq fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-20 ta' Novembru 2017 li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jiċċaqlqu minn Londra għal Amsterdam u Pariġi rispettivament; jinnota bi tħassib l-impatt potenzjali tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq dawn l-aġenziji, f'dawk li huma spejjeż futuri u telf ta' għarfien espert, li joħolqu riskju għall-kontinwità tal-operat; jinnota, barra minn hekk, l-impatt possibbli fuq id-dħul u l-attivitajiet ta' diversi aġenziji li mhumiex ibbażati Londra; jappella lill-aġenziji jħejju ruħhom biex itaffu kull riskju potenzjali li jista' jinħoloq u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' tali miżuri ta' tħejjija;

45.  Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għad għandhom kwartieri ġenerali operattivi u amministrattivi doppji; iqis li huwa essenzjali li l-kwartieri ġenerali doppji kollha li ma joffru ebda valur miżjud operattiv jitneħħew mill-aktar fis possibbli;

46.  Jiddispjaċih li r-Regolament Finanzjarju l-ġdid ma jipprevedix it-tnaqqis tal-piż amministrattiv li għadhom iġorru l-aġenziji deċentralizzati; jinnota li l-aspetti kollha tal-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati "jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Qorti, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta' akkwist"; itenni li l-approċċ il-ġdid ta' awditjar li jinvolvi l-awdituri tas-settur privat irriżulta f'żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, u li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar irriżulta f'nefqa addizzjonali u b'hekk kompla jżid il-pressjoni fuq ir-riżorsi limitati tal-aġenziji; jenfasizza li jeħtieġ li din il-kwistjoni tissolva; jistieden lill-partijiet involuti jipprovdu soluzzjonijiet dwar il-kwistjoni sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv;

47.  Jirrikonoxxi li l-evalwazzjonijiet esterni tal-aġenziji huma ġeneralment pożittivi u l-aġenziji ħejjew pjanijiet ta' azzjoni biex isegwu l-kwistjonijiet li tqajmu fir-rapporti ta' evalwazzjoni; jinnota li, filwaqt li l-parti l-kbira tar-regolamenti fundaturi tal-aġenziji jipprevedu li titwettaq evalwazzjoni esterna perjodikament (normalment kull erba' sa sitt snin), ir-regolamenti fundaturi ta' ħames aġenziji deċentralizzati ma jinkludux tali dispożizzjoni u r-regolament fundatur tal-EMA jirrikjedi li ssir evalwazzjoni esterna kull għaxar snin biss; jappella lill-Kummissjoni u lil dawk l-aġenziji biex jindirizzaw din il-kwistjoni u jirrapportaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li ttieħdu;

48.  Jilqa' r-reviżjoni tar-regolamenti fundaturi tat-tliet aġenziji tripartitiċi, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA);

49.  Ifakkar li l-iskambju ta' fehmiet ta' kull sena dwar l-abbozzi ta' programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli jgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi attwali speċjalment fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istrateġija Ewropa 2020;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea(serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 1.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(4) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(5) L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)
(6) L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
(7) ittra ta' J. Arthuis lil A. Tajani: Ref. D(2018)30134
(8) Skont it-terminoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikklassifika l-aġenziji deċentralizzati bħala "fil-fażi tal-bidu", "b'kompiti ġodda" jew "b'ritmu normali" li tirrifletti l-istadju ta' żvilupp tagħhom u t-tkabbir tal-kontribuzzjonijiet tagħhom mill-Unjoni u tal-għadd ta' membri tal-persunal tagħhom.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza