Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2208(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0123/2019

Testi mressqa :

A8-0123/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.20

Testi adottati :

P8_TA(2019)0261

Testi adottati
PDF 174kWORD 58k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu
Kwittanza 2017: L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)
P8_TA(2019)0261A8-0123/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2208(DEC)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0098/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0123/2019),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2208(DEC)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0098/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0123/2019),

1.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 116.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2208(DEC)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0123/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tiegħu(1), il-baġit finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil ("l-Uffiċċju") għas-sena finanzjarja 2017 kien ta' EUR 86 795 482, li jirrappreżenta żieda ta' 32,78 % meta mqabbel mal-2016; billi ż-żieda kienet relatata mal-kompiti addizzjonali ġodda li jestendu l-mandat tal-Uffiċċju; billi EUR 75 376 000 mill-baġit tal-Uffiċċju huma derivati mill-baġit tal-Unjoni, u l-bqija huma kontribuzzjonijiet minn pajjiżi assoċjati u introjtu ieħor;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), tistqarr li hija kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli u li kisbet biżżejjed evidenza għall-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqhom huma bbażati l-kontijiet; billi, madankollu, il-Qorti rrilevat elementi li jiġġustifikaw opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, li jfisser li l-pagament li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 huma milquta minn livell materjali ta' żball;

Segwitu għall-kwittanza 2016

1.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2018(2) li tirrifjuta li tagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2016; jilqa' f'dan ir-rigward il-miżuri korrettivi meħuda sadanittant mill-Bord ta' Tmexxija tal-Uffiċċju u mid-Direttur Eżekuttiv ad interim il-ġdid; jenfasizza, madankollu, li l-baġit għas-sena finanzjarja 2017 ġie implimentat taħt is-superviżjoni tal-ġestjoni preċedenti tal-Uffiċċju;

2.  Ifakkar fil-preżentazzjoni in camera mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2018 dwar l-eżitu tal-investigazzjoni mill-OLAF;

3.  Jiddispjaċih dwar l-irregolaritajiet skoperti mill-OLAF rigward il-ksur tal-proċeduri ta' akkwist, il-miżapproprjazzjoni tal-fondi tal-UE, il-ġestjoni ħażina, l-abbuż tal-pożizzjoni fi kwistjonijiet ta' riżorsi umani, il-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, il-fastidju u l-imġiba mhux xierqa lejn il-membri tal-persunal; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-segwitu tal-miżuri proposti mill-OLAF;

4.  Jirrikonoxxi r-riskji ewlenin inerenti għan-natura tal-attivitajiet tal-Uffiċċju u l-isfidi operattivi straordinarji kkawżati mill-influss ta' migrazzjoni fl-2015, l-2016 u l-2017; jiddispjaċih madankollu li dawk ir-riskji ma kinux mitigati minn struttura soda ta' governanza u kontrolli effettivi;

Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena finanzjarja 2017

5.  Jiddispjaċih jinnota, skont ir-rapport tal-Qorti, l-istanzi ta' pagamenti, b'mod materjali u sistematiku, mhux konformi mar-Regolament Finanzjarju tal-Uffiċċju u ma' regoli u dispożizzjonijiet applikabbli oħra, prinċipalment f'dak li jikkonċerna l-proċeduri ta' akkwist pubbliku u ta' reklutaġġ sottostanti għall-pagamenti; jiddispjaċih, barra minn hekk, li n-natura sistematika tan-nuqqas ta' konformità turi sistema ta' kontroll intern mhux adegwata; jiddispjaċih ħafna li l-ammont ikkombinat għall-iżbalji li jirriżultaw minn pagamenti li mhumiex konformi jitla' għal mill-inqas EUR 7,7 miljun jew 10,3 % tal-pagamenti totali li saru mill-Uffiċċju fl-2017;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

6.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 96,88 %, li tfisser tnaqqis ta' 2,25 % meta mqabbla mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 92,03 %, li tfisser żieda ta' 5,79 % meta mqabbla mal-2016; jinnota li l-Uffiċċju implimenta 29 % tal-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi assoċjati u 96 % tal-għotjiet għan-nefqa operattiva; jistieden lill-Uffiċċju jimplimenta bis-sħiħ dan l-ammont;

7.  Jinnota bi tħassib li l-Uffiċċju huwa dipendenti ħafna fuq riżorsi suffiċjenti, prinċipalment fuq esperti, li jsiru disponibbli mill-Istati Membri, speċjalment mill-Greċja u l-Italja, kif ġie indirizzat ukoll fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 6/2017 bit-titolu "Rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ hotspot";

Kanċellazzjoni tar-riporti

8.  Jiddispjaċih li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 341 190, ċifra li tirrappreżenta 11,68 % tal-ammont totali riportat u li turi żieda ta' 0,82 % meta mqabbla mal-2016;

Prestazzjoni

9.  Jinnota li l-Uffiċċju għandu rwol attiv fin-Netwerk tal-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, billi jappoġġja kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġiji akbar bejn l-aġenziji li jaħdmu f'dak il-qasam ta' politika; jinnota, barra minn hekk, l-istrateġija ta' kooperazzjoni mġedda tal-Bord ta' Tmexxija konġunt tal-EASO-Frontex għall-2017-2018 u l-enfasi kostanti fuq timijiet ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-"hotspots" u l-kondiviżjoni tad-data;

10.  Jinnota li l-Uffiċċju juża indikaturi kwalitattivi bħala Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) biex juri l-impatt tal-appoġġ tal-Uffiċċju fl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), kif ukoll KPIs oħra li jtejbu l-ġestjoni baġitarja tiegħu;

Politika tal-persunal

11.  Jinnota bi tħassib li, fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet kompluta biss b'rata ta' 80,65 %, bil-ħatra ta' 125 aġent temporanju mill-155 aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (91 post awtorizzati fl-2016); jinnota li, barra minn hekk, 68 aġent kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Uffiċċju fl-2017; jinnota li ma huwa previst l-ebda persunal permanenti fit-tabella tal-persunal u li l-Uffiċċju jimpjega persunal temporanju u aġenti kuntrattwali u jħeġġeġ lill-awtorità baġitarja biex tipprovdi l-possibilità li jiġi impjegat persunal permanenti;

12.  Jiddispjaċih li, skont ir-rapport tal-Qorti, sa minn tmiem l-2017, is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fl-Uffiċċju marret lura b'mod esponenzjali: f'dak li jirrigwarda l-maniġment tal-Uffiċċju, 4 minn 10 postijiet ta' Kap tal-unità, u 18 minn 27 post ta' Kap tas-settur kienu battala; iħeġġeġ lill-Uffiċċju jippubblika l-pożizzjonijiet vakanti kollha; jinnota, barra minn hekk, li fid-dipartiment amministrattiv, kienu battala 3 minn 4 postijiet ta' kap ta' unità u 5 minn 10 postijiet ta' kap ta' settur; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li dan joħloq sfidi maniġerjali kunsiderevoli għall-Uffiċċju u huwa ta' riskju sinifikanti għall-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Uffiċċju fuq l-iskala attwali; jiddispjaċih li, minkejja t-tentattivi ripetuti, fl-2017, l-Uffiċċju ma rnexxilux jirrekluta jew iżomm biżżejjed persunal; jirrikonoxxi mit-tweġiba tal-Uffiċċju li qed jinvesti fis-sodisfazzjon tal-persunal u jieħu miżuri sabiex inaqqas il-fatturat tal-persunal, bħall-implimentazzjoni ta' modi flessibbli ta' ħidma, anke biex jikkumpensa l-koeffiċjent tal-korrezzjoni baxx ta' Malta; jistieden lill-Uffiċċju jżomm lill-awtorità ta' kwittanza aġġornata dwar il-miżuri korrettivi li ttieħdu biex dawk ir-riskji jittaffew; iħeġġeġ lill-Uffiċċju jagħti prijorità lill-mili tal-pożizzjonijiet vakanti ta' maniġment intermedju b'persunal permanenti bi kwalifiki għolja, sabiex jitħarrġu l-membri l-ġodda l-oħra tal-persunal;

13.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2017, il-pagamenti fir-rigward tal-persunal kienu jammontaw għal EUR 13,5 miljun; jiddispjaċih li l-Qorti sabet dgħufijiet serji f'erba' mill-erbatax-il proċedura ta' reklutaġġ li ġew awditjati; jirrimarka, bħala eżempju, li xi proċeduri ta' reklutaġġ għal uffiċjali amministrattivi ma kinux adatti għall-grad reklamat, u li għal proċedura waħda, l-Uffiċċju ma ddokumentax b'mod adegwat il-kontrolli ta' eliġibbiltà tal-kandidati;

14.  Jinnota l-preżenza miżjuda tal-Uffiċċju fl-Italja fl-2017 minħabba l-ħtieġa ta' aktar appoġġ fil-forma ta' użu ta' timijiet mobbli u Helpdesk f'Ruma; jinnota l-ftuħ ta' uffiċċju operattiv f'Nikosija fil-bini tas-Servizz tal-Asil u t-tqegħid permanenti ta' Koordinatur tal-Qasam f'Nikosija f'konformità mal-emenda għall-Pjan ta' Appoġġ Speċjali għal Ċipru;

15.  Jinnota li l-Uffiċċju ta bidu għal proċess intern bil-ħsieb li jadotta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, u li se jistabbilixxi netwerk ta' kunsilliera kunfidenzjali; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dik il-politika;

Akkwist

16.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, in-numru ta' proċeduri ta' akkwist żdied b'mod sinifikanti minn 87 fl-2015 għal 140 fl-2017 u li l-għadd ta' pagamenti żdied b'225 %, minn 2 578 fl-2015 għal 8 381 fl-2017; jilqa' l-fatt li l-Uffiċċju rreġistra progress kunsiderevoli matul l-2017 fit-tnaqqis tal-proporzjon ta' pagamenti tard; jinnota li l-perċentwal globali ta' pagamenti tard naqas b'mod sinifikanti minn 65 % f'Jannar 2017 għal 9.5 % f'Diċembru 2017 u li din ix-xejra pożittiva tkompli fl-2018, bi proporzjon ta' pagamenti tard fil-livell immirat ta' inqas minn 10 %;

17.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2017, il-pagamenti għas-servizzi interim ammontaw għal EUR 7,7 miljun; ifakkar li l-kuntratt kien ikkunsidrat bħala irregolari mill-Qorti fil-verifika tagħha tal-2016; jiddispjaċih ħafna li madankollu, fl-2017, l-Uffiċċju ħallas EUR 4,8 miljun skont dan il-kuntratt irregolari; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri korrettivi previsti f'dan ir-rigward;

18.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, kuntratt li jammonta għal EUR 4 miljun għal servizzi tal-ivvjaġġar kien ikkunsidrat bħala irregolari mill-Qorti fil-verifika tagħha tal-2016; jiddispjaċih li, madankollu, fl-2017, l-Uffiċċju ħallas EUR 1,5 miljun taħt dak il-kuntratt irregolari; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri korrettivi previsti f'dan ir-rigward;

19.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Uffiċċju ma wettaqx valutazzjoni adegwata tal-ħtiġijiet u ta' soluzzjonijiet alternattivi qabel ma daħal f'kuntratti ta' bosta miljuni relatati ma' servizzi interim; jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-monitoraġġ tal-kuntratti kien fqir, li espona lill-Uffiċċju għal riskji finanzjarji u reputazzjonali sinifikanti; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju qed iwettaq inkjesta interna dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-andament tal-inkjesta u tal-miżuri meħuda biex jittaffew dawk ir-riskji;

20.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju ħa passi biex isaħħaħ is-settur tal-akkwist tiegħu billi żied persunal ta' anzjanità u ta' appoġġ addizzjonali mas-settur tal-akkwist u li ttieħdu miżuri wkoll biex jissaħħu l-proċeduri ta' akkwist, inkluża l-introduzzjoni ta' verifiki sistematiċi għal kull kwotazzjoni ta' aktar minn EUR 135 000 mill-1 ta' Jannar 2018;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

21.  Jirrikonoxxi li, skont l-Uffiċċju, fl-2018, beda jimplementa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u żviluppa gwida prattika għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi, kif ukoll regoli għall-protezzjoni tal-informaturi; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri;

22.  Jinnota bi tħassib li, għalkemm l-Uffiċċju jippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija tiegħu fuq is-sit web tiegħu, ma jippubblikax id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-maniġment superjuri; jistieden lill-Uffiċċju jintroduċi dawk l-għodod kollha nieqsa u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li ttieħdu f'dan ir-rigward;

23.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Uffiċċju m'għandux servizzi legali adegwati ta' verifika biex jiżgura li s-servizzi jintużaw biss bl-iskop li jiddefendu l-Uffiċċju, u mhux biex jiddefendu l-interessi tal-individwi; jiddispjaċih li l-proċeduri relatati għall-protezzjoni mill-kunflitti ta' interess mhux dejjem huma effettivi; jinnota mit-tweġiba tal-Uffiċċju li inkjesti interni jkomplu fuq din il-kwistjoni; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-andament ta' dawk l-inkjesti u tal-miżuri meħuda biex jittaffew ir-riskju involuti;

Kontrolli interni

24.  Jiddispjaċih li fl-2017, il-problema operazzjonali straordinarja kkawżata mill-kriżi tal-migrazzjoni ma kinitx immitigata permezz ta' struttura ta' governanza solida u minn kontrolli interni effettivi; jinnota bi tħassib li, skont il-Qorti, il-Bord ta' Tmexxija ma stabbiliex kapaċità tal-awditjar intern fi ħdan l-Uffiċċju, u l-operazzjonijiet fil-Greċja u fl-Italja ma kinux koperti minn attività tal-awditjar intern; jiddispjaċih li sa tmiem l-2017, is-superviżjoni tal-ġestjoni finanzjarja, min-naħa tal-Bord ta' Tmexxija, kienet limitata;

25.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, in-nuqqas ta' kontrolli interni wassal għal bosta każijiet ta' nuqqas ta' konformità materjali fir-rigward ta' pagamenti għal servizzi interim, nefqa fuq il-persunal, kera u xogħlijiet relatati, infiq għall-ivvjaġġar kif ukoll pagamenti oħra;

26.  Jiddispjaċih bl-eżistenza ta' nuqqasijiet kritiċi ta' kontroll intern f'8 mill-15-il Standard ta' Kontroll Intern fl-2017, u li n-nuqqasijiet moderati laqtu l-bqija tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu li matul l-2017, l-Uffiċċju ma osservax regolarment l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' kontroll intern;

27.  Jinnota li matul l-2017, il-Kummissjoni ħarġet sett rivedut ta' Standards ta' Kontroll Intern li ġie adottat mill-Bord ta' Tmexxija fil-laqgħa tiegħu f'Novembru 2017; jinnota li dawk l-istandards ġodda bdew japplikaw fl-2018 u li l-Uffiċċju stabbilixxa indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandards il-ġodda skont skeda ta' żmien; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-Istandards ta' Kontroll Intern ġodda;

Kummenti oħra

28.  Jirrikonoxxi madankollu l-isforzi tal-Uffiċċju biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti b'mod effiċjenti u rapidu; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fir-rigward tal-effiċjenza u l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin identifikati mill-Qorti; jistieden lill-Uffiċċju jiġġustifika b'mod komprensiv lill-Parlament Ewropew id-differenzi bejn ir-riżorsi attwalment disponibbli, dawk programmati iżda li għadhom mhumiex disponibbli, u dawk li għadhom mhux programmati iżda li huma verament meħtieġa sabiex l-Uffiċċju jwettaq il-missjoni tiegħu;

29.  Jiddispjaċih li l-Uffiċċju ma ppubblikax ir-Rapport ta' Attività Annwali tiegħu għall-2017 sal-iskadenza tal-1 ta' Lulju 2018, kif stipulat fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3); jinnota li r-Rapport ġie adottat mill-bord fl-10 ta' Jannar 2019;

30.  Jinnota li fl-4 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament ġdid li jittrasforma l-Uffiċċju f'aġenzija sħiħa u li, wara d-diskussjonijiet dwar ir-riforma tas-SEKA, il-Kummissjoni pproponiet regolament emendat fit-12 ta' Settembru 2018;

31.  Ifakkar il-fatt li l-Uffiċċju huwa wieħed mill-ftit aġenziji tal-UE li jinsabu f'diversi lokalitajiet; jinnota bi tħassib li l-Uffiċċju daħal f'kuntratti ta' kiri f'diversi lokalitajiet mingħajr ma wettaq analiżi tas-suq lokali adegwat; jirrimarka, pereżempju, li f'Lesvos, l-Uffiċċju adatta l-ispazju tal-uffiċċji għall-bżonnijiet tiegħu u aċċetta kuntratti ta' xogħlijiet li jiswew EUR 0,7 miljun, li jirrappreżentaw diversi drabi l-valur annwali tal-kuntratt ta' kiri u li jinvolvu riskji finanzjarji fl-investiment ta' ammonti kunsiderevoli għal binjiet mikrija; jistieden lill-Uffiċċju jeżamina mill-ġdid il-kuntratti tiegħu ta' kiri u ta' xogħlijiet u sabiex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda għall-mitigazzjoni ta' kwalunkwe riskju finanzjarju u operattiv;

32.  Jinnota li l-Uffiċċju emenda l-ftehim tal-kiri tiegħu f'Malta u, fit-tieni nofs tal-2016, estenda l-ispazju tal-uffiċini tiegħu għal blokk addizzjonali tal-bini fejn jinsab il-post tal-operat tiegħu; jenfasizza li, bħala konsegwenza taż-żieda fir-responsabbiltajiet u l-kompiti, l-għadd ta' persunal għandu jiżdied għal 500 sal-aħħar tal-2020, sabiex b'hekk tinħoloq domanda kunsiderevoli għal aktar spazju ta' uffiċini; itenni l-appelli tiegħu lill-Uffiċċju biex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-konsegwenzi baġitarji mistennija ta' din iż-żieda u dwar il-miżuri ppjanati biex jiġu indirizzati t-talbiet; jiddispjaċih li l-Uffiċċju ma rnexxilux jilħaq ftehim fl-2017 ma' Transport Malta, is-sidien tal-kwartieri ġenerali, għall-kiri ta' bini addizzjonali fi ħdan l-istess kumpless u li dan kellu impatt dirett fuq l-ispejjeż tal-kiri u fuq spejjeż oħra relatati, bħall-manutenzjoni tal-bini u s-sigurtà; billi l-ftehim ta' Kiri ġie ffirmat fid-9 ta' Ottubru 2018;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv ad interim il-ġdid, li ħa l-kariga fis-6 ta' Ġunju 2018; jirrikonoxxi l-impenn tal-maniġment il-ġdid għal riformi ambizzjużi u jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Governanza, approvat mill-Bord ta' Tmexxija, li jipproponi sett ta' objettivi u riżultati li jistgħu jitkejlu bil-għan li tissaħħaħ il-governanza interna tal-Uffiċċju, tinbena mill-ġdid il-kapaċità interna u terġa' tinkiseb il-fiduċja; jistieden lill-maniġment il-ġdid ikompli bl-isforzi determinati u trasparenti tiegħu biex jiżviluppa struttura ta' governanza aktar responsabbli, affidabbli u effiċjenti, u proċeduri relatati għall-Uffiċċju, u jfakkar lill-Uffiċċju jkun trasparenti għalkollox b'mod ġenerali fil-proċeduri u l-proċessi fi ħdanu sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja u ċ-ċertezza fost il-membri tal-persunal; u li jirrappurtaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Governanza l-ġdid;

34.  Jinnota bi tħassib, li ħadd ma rrikonoxxa l-imġiba terribbli tal-ex Direttur Eżekuttiv fuq bosta snin; jiddispjaċih li l-imġiba inaċċettabbli ma ġietx żvelata qabel; jiddispjaċih li l-korpi ta' monitoraġġ responsabbli naqsu milli jikxfu l-irregolaritajiet varji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu ta' reazzjoni bikrija għal dawk it-tipi ta' mġiba ħażina;

o
o   o

35.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 415, 5.12.2017, p. 36.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0406.
(3) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(4) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza