Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2198(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0125/2019

Testi mressqa :

A8-0125/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.23

Testi adottati :

P8_TA(2019)0264

Testi adottati
PDF 163kWORD 54k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2017: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
P8_TA(2019)0264A8-0125/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0088/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 97 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0125/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0088/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 97 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0125/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0125/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 110 530 554 – tnaqqis żgħir ta' 0,28 % meta mqabbel mal-2016; billi l-Aġenzija rċeviet EUR 69 340 298 f'sussidji mill-Unjoni (62,7 % tal-baġit totali); billi l-bqija tal-baġit tal-Aġenzija ġej minn dħul iġġenerat minn tariffi u imposti;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99 %, jiġifieri żieda ta' 1 % meta mqabbel mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87 % – żieda ta' 1 % meta mqabbel mal-2016;

2.  Jenfasizza li l-Aġenzija hija parzjalment awtofinanzjata u tirċievi tariffi minn kumpaniji li jitolbu r-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi kif mitlub mir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH); jinnota li t-tariffi applikabbli jiddependu mid-daqs tal-kumpaniji u l-volum ta' sustanzi kimiċi rreġistrati; skont ir-rapport tal-Qorti, mill-ewwel reġistrazzjonijiet fl-2009 'l hawn, madwar 30 % tal-kumpaniji stqarru li kienu mikrointrapriżi jew SMEs; jinnota bi tħassib, madankollu, li, bis-saħħa ta' sistema ta' verifiki ex post effikaċi, l-Aġenzija identifikat li madwar 55 % tal-mikrointrapriżi u l-SMEs kienu kkategorizzaw id-daqs tagħhom b'mod skorrett u dan irriżulta f'tariffi aktar baxxi; japprova l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex jiġu fatturati korrezzjonijiet tariffarji partikolarment għoljin li kienu jammontaw għal EUR 16,4 miljun; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar isaħħu s-sistemi ta' verifika tal-volumi ddikjarati mill-kumpaniji u jimplimentaw b'mod sħiħ u effikaċi l-qafas tal-istrateġiji u l-kriterji minimi għall-infurzar tar-Regolamenti dwar is-sustanzi kimiċi; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-isforzi tagħha, kif ukoll bir-riżultati miksuba, tnaqqas l-għadd konsiderevoli ta' verifiki pendenti u timplimenta l-korrezzjonijiet tariffarji;

3.  Jirrikonoxxi l-isfidi li għandha l-Aġenzija biex tivverifika l-korrettezza tal-introjtu mit-tariffi, partikolarment minħabba t-tnaqqis sostanzjali fit-tariffi previst fil-leġiżlazzjoni għall-SMEs; jilqa', f'dan ir-rigward, l-approċċ proattiv tal-Aġenzija iżda jfakkar li verifika finanzjarja ex post tad-daqs ta' kull reġistrant mhijiex speċifikata fil-leġiżlazzjoni bħala kompitu prinċipali tal-Aġenzija u li l-Aġenzija ma ngħatalhiex il-persunal biex twettaq din il-ħidma finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija jingħatawlha r-riżorsi xierqa biex tiżgura verifika effikaċi, proporzjonata u f'waqtha tal-introjtu mit-tariffi tagħha;

4.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, peress li t-tielet skadenza għar-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi skont ir-Regolament REACH tiskadi fl-2018, id-dħul mit-tariffi u l-imposti huwa mistenni li jonqos u, mill-2019 'il quddiem, l-Aġenzija se tibda tiddependi aktar fuq il-baġit tal-Unjoni għall-finanzjament tal-operat tagħha; jieħu nota tar-risposta tal-Aġenzija, madankollu, li fiha tgħid li kienet għamlet proposti alternattivi lill-Kummissjoni u li din impenjat ruħha li tivvaluta l-alternattivi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta' kwittanza aġġornata bl-iżviluppi f'dan ir-rigward;

5.  Jinnota li t-tariffi mħallsa mill-industrija jvarjaw sostanzjalment minn sena għal oħra u li dan jikkomplika l-ippjanar tal-baġit u li t-tariffi mħallsa fir-rigward ta' regolament wieħed jistgħu jintużaw biss f'dik it-taqsima tal-baġit tal-Aġenzija, u li dan jista' jfisser surplus f'taqsima waħda u defiċit f'taqsimiet oħra tal-baġit; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jiżguraw finanzjament aktar bilanċjat tal-attivitajiet relatati mar-regolamenti kollha implimentati mill-Aġenzija;

Kanċellazzjoni tar-riporti

6.  Jirrikonoxxi li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 364 031, jiġifieri 2,64 % tal-ammont totali riportat u tnaqqis ta' 5,23 % meta mqabbel mal-2016;

Prestazzjoni

7.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) u, barra minn hekk, introduċiet indikaturi tal-prestazzjoni tal-effiċjenza ġodda u tejbet il-KPIs tal-volum tax-xogħol sabiex ittejjeb is-sorveljanza ta' kull attività mill-perspettiva tal-produzzjoni, ir-riżorsi, il-prestazzjoni u l-effiċjenza; jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti rati baġitarji bħala KPIs sabiex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa aktar KPIs iffukati fuq l-eżitu u l-impatt li jivvalutaw il-valur miżjud iġġenerat mill-attivitajiet tal-Aġenzija fir-reviżjoni tagħha tas-sistema ġenerali tal-ġestjoni tal-prestazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress magħmul f'dan ir-rigward;

8.  Jirrikonoxxi li, minkejja r-riskji u r-restrizzjonijiet f'ċerti oqsma, l-Aġenzija laħqet 70 mid-79 mira tal-KPIs tagħha, u li kompliet timplimenta kemm l-azzjonijiet ta' titjib fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni kif ukoll l-istrateġija regolatorja integrata tagħha;

9.  Ifakkar li l-Aġenzija hija entità konsolidata skont l-Artikolu 185 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) ("ir-Regolament Finanzjarju"), u li fost l-awtoritajiet regolatorji hija dik li tixpruna l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll għall-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota li l-Aġenzija tgħin lill-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, tippromwovi l-użu tas-sustanzi kimiċi bla periklu, tipprovdi informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u tindirizza sustanzi kimiċi li jqajmu tħassib;

10.  Jinnota li fl-2017 waslu madwar 15 900 dossier ta' reġistrazzjoni (li 8 500 minnhom iġġeneraw tariffi), u li dan jirrappreżenta żieda ta' 48,6 % meta mqabbel mal-2016; jenfasizza li din iż-żieda fl-attività ta' reġistrazzjoni hija marbuta direttament mal-aħħar skadenza għar-reġistrazzjoni tar-REACH fl-1 ta' Ġunju 2018;

11.  Jinnota, b'apprezzament, li l-Aġenzija tikkondividi l-kapaċità tal-awditjar intern tagħha mal-Aġenzija tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea u tikkollabora mill-qrib ma' aġenziji oħra, fosthom billi tikkondividi servizzi, taħt il-kappa tan-netwerk interaġenzjali u permezz ta' memoranda ta' qbil ma' diversi aġenziji;

12.  Skont ir-rapport tal-Qorti, ir-regolament fundatur tal-Aġenzija – għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra – ma jirrikjedix espliċitament li l-attivitajiet tagħha jsirulhom evalwazzjonijiet esterni perjodiċi, li huma elementi fundamentali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija twettaq evalwazzjoni esterna tal-inqas kull ħames snin;

Politika dwar il-persunal

13.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, 96,52 % tat-tabella tal-persunal kienet eżegwita, u li, mit-total ta' 460 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 455 post tax-xogħol awtorizzati fl-2016) kienu nħatru 444; jinnota wkoll li, fl-2017, l-Aġenzija ħaddmet 119-il aġent kuntrattwali u tmien esperti nazzjonali sekondati;

14.  Jinnota li l-Aġenzija adottat politika kontra l-fastidju u linji gwida rispettivi; jirrikonoxxi li organizzat sessjonijiet ta' taħriġ u offriet servizz ta' assistenza psikoloġika kunfidenzjali;

15.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' pożizzjonijiet vakanti jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) sabiex tiżdied il-pubbliċità; jieħu nota tas-suġġeriment li l-EPSO jippromwovi l-Inter-Agency Job Market stabbilit min-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE;

16.  Jinnota li filwaqt li l-iskadenza għar-reġistrazzjoni tal-2018 kienet l-iskadenza regolatorja finali tar-reġistrazzjoni REACH għal sustanzi ta' introduzzjoni gradwali, l-attività ta' reġistrazzjoni tal-Aġenzija hija mistennija tibqa' f'livell għoli għall-bqija tal-perjodu ta' din l-istrateġija; jinnota, barra minn hekk, li wara l-analiżi strateġika li għamlet dwar id-direzzjoni li se tieħu fil-futur, l-Aġenzija identifikat ċerti oqsma ta' attività eżistenti li huma mistennija jikbru u għadd ta' kompiti ġodda li l-Aġenzija għandha mnejn tibda twettaq; jenfasizza li għandu jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta' persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

17.  Skont l-Aġenzija, id-dħul ibbaġitjat tagħha mit-tariffi għall-2017 jirrappreżenta 35 % tal-introjtu totali; jirrikonoxxi s-sistema eżemplari tal-Aġenzija għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, u l-fehma tagħha li minħabba l-miżuri meħuda m'hemm l-ebda periklu ta' kunflitti bħal dawn għax l-iskop tat-tariffi hu li jkopru l-ispejjeż u għax il-membri tal-persunal tal-Aġenzija involuti fit-tfassil tal-opinjonijiet issirilhom valutazzjoni regolari biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom; jinnota li l-Aġenzija tkun favur soluzzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiġbor it-tariffi f'isem l-Aġenzija, għax dan jiffaċilita l-ġestjoni finanzjarja tal-Aġenzija u jgħin biex jonqos ir-riskju ta' nuqqasijiet;

18.  Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-protezzjoni tal-informaturi; skont l-Aġenzija, il-laqgħat kollha tal-maniġment superjuri tagħha ma' gruppi ta' interess jiġu rreġistrati u ppubblikati fuq is-sit web tagħha biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa;

Awditu intern

19.  Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq valutazzjoni tar-riskju u ħejja l-pjan ta' awditjar strateġiku tal-IAS għall-2018-2020 u, barra minn hekk, wettaq intervisti preliminari għal awditu fuq il-kunflitti ta' interess u l-etika f'Ottubru 2017; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu ta' dan l-istudju u bi kwalunkwe azzjoni rispettiva meħuda bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet;

Kummenti oħra

20.  Jinnota li, wara li għażlet il-bini l-ġdid u ffirmat kuntratt ta' kiri fl-2017, l-Aġenzija qed tippjana li tmur fl-uffiċċji l-ġodda tagħha f'Helsinki f'Jannar 2020; jinnota li dan il-pass ittieħed minħabba xi ħsarat li hemm fil-bini li tokkupa bħalissa, partikolarment b'rabta mal-kwalità tal-arja fl-uffiċċji attwali tagħha;

o
o   o

21.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 415, 5.12.2017, p. 12.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(3) Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza