Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2209(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0145/2019

Testi mressqa :

A8-0145/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.37

Testi adottati :

P8_TA(2019)0278

Testi adottati
PDF 172kWORD 56k
It-Tlieta, 26 ta' Marzu 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2017: Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)
P8_TA(2019)0278A8-0145/2019
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (issa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2209(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0099/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (EU) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu.

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0145/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 153.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 153.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(6) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (issa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2209(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0099/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (EU) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu.

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0145/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 153.
(2) ĠU C 434, 30.11.2018, p. 153.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(6) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (issa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2017 (2018/2209(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (issa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0145/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2017 kien ta' EUR 155 801 818, u dan ifisser żieda sinifikanti ta' 89,38 % meta mqabbel mal-2016; billi ż-żieda kienet relatata mal-kompiti addizzjonali tal-Aġenzija skont ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2), li daħal fis-seħħ fil-11 ta' Diċembru 2018; billi l-baġit tal-Unjoni huwa s-sors prinċipali tal-baġit tal-Aġenzija;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %, jiġifieri żieda ta' 2,1 % meta mqabbel mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 91,53 %, li tfisser żieda ta' 0,68 % meta mqabbel mal-2016;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għalkemm l-Aġenzija ħallset il-prezz sħiħ għax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni għall-uffiċċji l-ġodda tagħha fi Strasburgu fl-2016, ix-xogħol għadu ma tlestiex – tort tal-kuntrattur – u 70 % biss tax-xogħlijiet huma koperti mir-rapporti dwar il-progress tax-xogħlijiet aċċettati; jirrikonoxxi li l-prepagamenti mħallsa lill-kuntrattur huma koperti minn garanziji bankarji, li jiġu rilaxxati progressivament mal-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet; jinnota li l-kuntrattur ressaq talba biex jitħallas u fetaħ kawża kontra l-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija rreġistrat risposta mal-Qorti Amministrattiva ta' Strasburgu, u li din id-deċiżjoni għadha pendenti; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bid-deċiżjoni finali tal-Qorti Amministrattiva ta' Strasburgu;

Kanċellazzjoni tar-riporti

3.  Jiddispjaċih li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 658 000, jiġifieri 12,20 % tal-ammont totali riportat u żieda notevoli ta' 7,11 % meta mqabbel mal-2016;

Prestazzjoni

4.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża għadd ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) f'oqsma bħalma huma l-prestazzjoni tas-sistema, is-sigurtà u l-livell ta' sodisfazzjon tal-klijenti biex tkejjel il-valur miżjud iġġenerat mill-attivitajiet tagħha, flimkien ma' diversi KPIs oħra biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha;

5.  Jilqa' l-kooperazzjoni kontinwa tal-Aġenzija man-netwerk tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, b'mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, li magħhom taqsam l-aħjar prattika;

6.  Josserva li, fl-2016, l-Aġenzija saritilha evalwazzjoni esterna li, filwaqt li kkonkludiet li l-Aġenzija twettaq il-mandat tagħha b'mod effikaċi, issuġġeriet modi partikolari kif tista' ttejjeb l-operat u identifikat l-opportunitajiet li jista' jkun hemm biex jitwessgħalha l-mandat tagħha; jinnota li fl-2017 l-Aġenzija implimentat pjan ta' azzjoni biex tindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni qieset dawn il-konklużjonijiet fir-Regolament (UE) 2018/1726, li huwa r-riżultat tal-proposta tagħha għar-riforma tal-att fundatur tal-Aġenzija;

7.  Jenfasizza l-importanza tar-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar is-Sistemi ta' Informazzjoni u l-Interoperabbiltà u jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti dwar l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-Unjoni b'rabta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, l-asil u l-migrazzjoni, il-fruntieri u l-viża;

8.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija bħalissa tamministra tliet sistemi tal-IT fuq skala kbira li huma separati u mhumiex integrati, u li dan jista' jtellef lill-Aġenzija milli tagħmel ekonomiji ta' skala u sinerġiji bejn dawn it-tliet sistemi, u li, fis-snin li ġejjin, il-mandat tal-Aġenzija mistenni jitwessa' biex tibda tamministra diversi sistemi tal-IT oħrajn; jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-Aġenzija għandha tħejji analiżi dettaljata tal-ispejjeż u l-benefiċċji biex issostni d-diskussjoni dwar l-istrateġija tal-futur għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT li tamministra; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, sar studju sabiex ikun hemm stampa ċara tal-arkitettura tas-sistemi tal-IT interoperabbli fil-futur; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu ta' dan l-istudju u bl-azzjonijiet korrettivi ppjanati;

9.  Jinnota li, f'Novembru 2017, il-Bord tat-Tmexxija adotta strateġija aġġornata fit-tul għall-Aġenzija, li tkopri l-perjodu 2018-2022 u li tistabbilixxi d-direzzjoni għall-iżvilupp tal-Aġenzija fil-futur, u jistenna li l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha;

Politika dwar il-persunal

10.  Jinnota bi tħassib li, fil-31 ta' Diċembru 2017, mit-tabella tal-persunal kien imtela perċentwal ta' 87,02 % biss, u li kienu nħatru 114-il  aġent temporanju mill-131 awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (apparagun tal-118-il post awtorizzati fl-2016); jirrikonoxxi li d-differenza bejn il-114-il aġent temporanju maħtura u l-131 awtorizzati hija ġustifikata mill-fatt li żdiedu żewġ postijiet b'antiċipazzjoni għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) u li ġew ipprovduti 14-il post skont ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 2017 u b'hekk ma ppermettiex lill-Aġenzija tibda l-proċess ta' reklutaġġ ħlief wara dik id-data; jinnota b'sodisfazzjon li l-offerta ta' impjieg għall-kariga ta' Kap tal-Unità tal-Operazzjonijiet u l-Infrastruttura intbagħtet u ġiet aċċettata sa tmiem l-2017; jinnota, barra minn hekk, li fl-2017 l-Aġenzija ħaddmet 32 aġent kuntrattwali u 7 esperti nazzjonali sekondati;

11.  Jinnota li l-Aġenzija adottat il-mudell tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jirrikonoxxi li l-Aġenzija toffri materjal ta' tagħlim elettroniku u ppubblikat sejħiet għal konsulenti kunfidenzjali;

12.  Jiddeplora l-iżbilanċ bejn is-sessi fost it-52 membru tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija, li 46 minnhom huma rġiel u sitta huma nisa; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn is-sessi meta jressqu n-nomini tagħhom għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija;

13.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-għadd żgħir ta' membri tal-persunal joħloq riskji sinifikanti għall-kontinwità tal-operat tal-Aġenzija, partikolarment meta wieħed iqis li l-Kap tal-Unità tal-Ġestjoni u l-Manutenzjoni tal-Applikazzjonijiet okkupa ad interim il-karigi ta' Kap tad-Dipartiment tal-Operazzjonijiet u Kap tal-Unità tal-Operazzjonijiet u l-Infrastruttura wkoll u b'hekk ingħaqdu flimkien l-aktar tliet karigi maniġerjali għolja fid-Dipartiment tal-Operazzjonijiet; jirrikonoxxi li, minkejja n-nuqqas sostanzjali ta' riżorsi fil-funzjonijiet operattivi u orizzontali tagħha, l-Aġenzija wettqet b'suċċess il-mandat tagħha tul l-2017; jappoġġja l-isforzi kontinwi li hemm bżonn għaż-żamma u l-iżvilupp tal-persunal fl-Aġenzija; jilqa', f'dan ir-rigward, il-miżura tal-Aġenzija biex taħtar membru tal-persunal differenti bħala kap interim tal-Unità tal-Operazzjonijiet u l-Infrastruttura; iħeġġeġ lill-Aġenzija timla l-postijiet vakanti kollha tagħha b'persunal permanenti mingħajr aktar dewmien;

14.  Jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura ż-żamma u l-iżvilupp tal-persunal fl-Aġenzija; jilqa' l-mod kif l-Aġenzija ttrattat iż-żieda sostanzjali fil-volum tax-xogħol fl-2017 minkejja t-tibdil kontinwu fil-persunal espert;

15.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' postijiet vakanti jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità; jifhem it-tħassib tal-Aġenzija fir-rigward tal-ispejjeż tat-traduzzjoni;

Akkwist

16.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija ltaqgħet ma' diffikultajiet biex tattira kompetizzjoni suffiċjenti għal għadd ta' proċeduri ta' akkwist b'valur medju, u rċeviet offerta waħda biss fil-proċeduri kkonċernati;

17.  Jinnota b'dispjaċir li l-awditu mwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proċessi ta' akkwist tal-Aġenzija sab dgħufijiet sinifikanti, inklużi żewġ kwistjonijiet "importanti ħafna" rigward l-istima tal-valur tal-kuntratti u l-kontrolli ewlenin u tlieta oħra meqjusa bħala "importanti"; jirrikonoxxi li ħafna mid-dgħufijiet huma relatati man-nuqqas ta' persunal fl-Unità tal-Finanzi u l-Akkwist u, partikolarment, fis-settur tal-akkwist; jinnota li l-Aġenzija stabbiliet pjan ta' azzjoni li jindirizza l-konklużjonijiet tal-awditu u r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri li tkun ħadet biex ittaffi dawn id-dgħufijiet;

18.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija tagħmel użu estensiv minn kuntratturi esterni u li 90 % tax-xogħol relatat mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti tal-IT jsir mill-Aġenzija b'kollaborazzjoni ma' kuntratturi esterni; jinnota bi tħassib li għalkemm il-fażijiet kollha tal-proġetti tal-IT jkunu taħt il-kontroll tal-Aġenzija, l-esternalizzazzjoni tal-iżvilupp ta' sistemi sensittivi tal-IT b'rata bħal din toħloq riskju konsiderevoli ta' dipendenza eċċessiva fuq il-kuntratturi esterni; jirrikonoxxi r-risposta tal-Aġenzija li, biex dawn is-sistemi jiġu żviluppati kompletament in-house u titnaqqas l-esternalizzazzjoni, ikun hemm bżonn żieda sostanzjali fil-persunal tal-Aġenzija u li, sabiex tiġi żgurata s-segregazzjoni xierqa tad-dmirijiet, il-kuntratturi involuti fl-assigurazzjoni tal-kwalità mhumiex involuti fl-għoti ta' appoġġ estern għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira; jistieden lill-Aġenzija, għalhekk, tillimita d-dipendenza fuq il-kuntratturi esterni billi tuża r-riżorsi tagħha aħjar u tistabbilixxi politika xierqa li tillimita l-użu ta' kuntratturi esterni;

19.  Jitlob lill-Aġenzija tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tara li l-kuntratturi li jkollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar is-sistemi tal-IT jew id-data li jipproċessaw ikunu marbuta legalment b'regoli ta' kunfidenzjalità stretti u tesiġi li, fil-mument tal-aċċess għal din l-informazzjoni, dawn il-kuntratturi jkollhom awtorizzazzjoni formali min-naħa tal-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali; jitlob lill-Aġenzija tara li l-kuntratturi tagħha ma jkunux marbuta b'liġijiet ta' pajjiżi terzi li jistgħu jġibuhom f'kunflitt mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Aġenzija f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunfidenzjalità;

20.  Jinnota li sa tmiem l-2017, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija kienet għadha ma introduċietx l-għodod kollha varati mill-Kummissjoni biex tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni mal-partijiet terzi li jkunu qed jipparteċipaw fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku (akkwist elettroniku); jinnota li l-Aġenzija, abbażi tal-informazzjoni mogħtija minnha, diġà introduċiet il-fatturazzjoni elettronika u s-sejħa għall-offerti elettronika għal ċerti proċeduri, iżda mhux is-sottomissjoni elettronika; jistieden lill-Aġenzija tintroduċi l-għodod kollha meħtieġa u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-implimentazzjoni tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

21.  Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija ma tippubblikax is-CVs tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tagħha, u lanqas tal-persunal maniġerjali tagħha b'mod ġenerali, iżda tad-direttur eżekuttiv tagħha biss; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs tal-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija u tal-persunal maniġerjali tagħha u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Aġenzija tuża l-politika ta' indipendenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) bħala l-aħjar prattika u bħala sistema eżemplari ta' monitoraġġ u prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess;

22.  Jiddispjaċih li, minkejja l-appelli magħmula fil-passat, l-Aġenzija ma tippubblikax id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tagħha, u lanqas tal-persunal maniġerjali tagħha b'mod ġenerali, iżda tad-direttur eżekuttiv tagħha biss; jitlob il-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet tal-interessi li jsemmu s-sħubija fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jenfasizza li m'għandhomx ikunu l-membri tal-Bord tat-Tmexxija, il-persunal maniġerjali jew id-direttur eżekuttiv li jiddikjaraw li m'għandhomx kunflitti ta' interess, iżda għandu jkun korp newtrali li jivvaluta l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess;

Kontrolli interni

23.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, l-Aġenzija kellha 23 rakkomandazzjoni tal-awditjar li kienu kklassifikati bħala "importanti ħafna" u li kienu għadhom miftuħin, fosthom disgħa li kienu nħarġu reċentement, tlieta li kienu skadew u erbgħa li kienu għadhom għaddejjin; jinnota li m'hemm l-ebda kwistjoni "kritika" miftuħa; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

Kummenti oħra

24.  Jinnota r-rikostruzzjoni tas-sit operattiv tal-Aġenzija fi Strasburgu, Franza, u l-bini tal-kwartieri ġenerali l-ġodda f'Tallinn, l-Estonja; jinnota li l-Aġenzija għandha wkoll sit ta' riżerva f'Sankt Johann im Pongau, l-Awstrija, u uffiċċju ta' kollegament fi Brussell, il-Belġju; jinnota bi tħassib li r-rilokazzjoni għall-uffiċċji l-ġodda fi Strasburgu ġarrbet dewmien konsiderevoli u li kien hemm għadd ta' nuqqasijiet min-naħa tal-kuntrattur responsabbli;

o
o   o

25.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2019(5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 108, 22.3.2018, p. 270.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-"Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba' għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0254.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza